Language of document : ECLI:EU:T:2007:151

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ Mejju 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Talba għal trade marks Komunitarji tridimensjonali – Pilloli kwadri bojod b’disinn ta’ fjura kkulurita – Raġuni assoluta għal rifjut – Artikolu7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Nuqqas ta’ karattru distintiv”

Fil-kawżi magħquda T‑241/05, T‑262/05 sa T‑264/05, T‑346/05, T‑347/05, T‑29/06 sa T‑31/06,

The Procter & Gamble Company, stabbilita f’Cincinnati, Ohio (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn G. Kuipers, avocat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern      (Trade marks u disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn D. Schennen, wara minn G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

li għandhom bħal suġġett disa’ rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ta’ l-14 ta’ April 2005 (każ R 843/2004-1), tat-3 ta’ Mejju 2005 (każ R 845/2004-1), ta’ l-4 ta’ Mejju 2005 (każ R 849/2004-1) ta’ l-1 ta’ Ġunju 2005 (każ R 1184/2004-1), tas-6 ta’ Lulju 2005 (każijiet R 1188/2004-1 u R 1182/2004-1), tas-16 ta’ Novembru 2005 (każ R 1183/2004-1), tal-21 ta’ Novembru 2005 (każ R 1072/2004-1) u tat-22 ta’ Novembru 2005 (każ R 1071/2004-1) dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tat-trade marks tridimensjonali,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, V. Vadapalas u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju (Kawża T-241/05), tat-18 ta’ Lulju (Kawżi T-262/05 sa T-264/05), tat-12 ta’ Settembru 2005 (Kawżi T-346/05 u T-347/05) u ta’ l-24 ta’ Jannar 2006 (Kawżi T-29/06 sa T-31/06),

wara li rat ir-risposti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Settembru (Kawżi T-241/05 u T-262/05 sa T-264/05), tat-26 ta’ Ottubru 2005 (Kawżi T-346/05 u T-347/05) u tat-18 ta’ Mejju 2006 (Kawżi T-29/06 sa T-31/06),

wara li rat li fl-24 ta’ Ottubru 2006 ġie deċiż li l-kawżi jingħaqdu,

wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-30 ta’ Mejju 2000, ir-rikorrenti ppreżentat disa’ applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji ma’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom qed tiġi mitluba, kif irriprodotti iktar ’il quddiem, jikkonsistu f’forma tridimensjonali :

–        pillola kwadra bajda b’disinn ta’ fjuri lelà b’sitt petali (Kawża T-241/05)

Image not found

–        pillola kwadra bajda b’disinn ta’ fjura ħadra b’sitt petali (Kawża T-262/05) :

Image not found

–        pillola kwadra bajda b’disinn ta’ fjura lelà b’erba’ petali (Kawża T-263/05) :

Image not found

–        pillola kwadra bajda b’disinn ta’ fjura ħadra b’erba’ petali (Kawża T-264/05) :

Image not found

–        pillola kwadra bajda b’disinn ta’ fjura blu b’sitt petali (Kawża T-346/05) :

Image not found

–        pillola kwadra bajda b’disinn ta’ fjura ħadra b’ħames petali (Kawża T-347/05) :

Image not found

–        pillola kwadra bajda b’disinn ta’ fjura blu b’ħames petali (Kawża T-29/06) :

Image not found

–        pillola kwadra bajda b’disinn ta’ fjura blu b’erba’ petali (Kawża T-30/06) :

Image not found

–        pillola kwadra bajda b’disinn ta’ fjura lelà b’ħames petali (Kawża T-31/06) :

Image not found.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassi 3 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti, identika għall-applikazzjonijiet kollha: “Preparazzjonijiet ta’ bliċ, ta’ ħasil u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; prodotti għat-tindif, għall-lustrar, għal ħasil fix-xott u li joborxu; prodotti għall-ħasil u għat-tindif u ħasil tal-platti ; sapun”.

4        B’disa’ deċiżjonijiet meħuda bejn it-28 ta’ Lulju u t-8 ta’ Novembru 2004, l-eżaminatur ta’ l-UASI ċaħad l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

5        Ir-rikorrenti ressqet disa’ appelli kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-UASI, fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

6        Permezz ta’ disa’ deċiżjonijiet ta’ l-14 ta’ April (Kawża T-241/05), tat-3 ta’ Mejju (Kawża T-263/05), ta’ l-4 ta’ Mejju (Kawża T-264/05), ta’ l-1 ta’ Ġunju (Kawża T-262/05), tas-6 ta’ Lulju (Kawżi (T-346/05 u T-347/05), tas-16 ta’ Novembru (Kawża T-31/06), tal-21 ta’ Novembru (Kawża T-30/06) u tat-22 ta’ Novembru 2005 (Kawża T-29/06) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ċaħad dawn l-appelli, għar-raġuni li t-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni mhumiex ta’ karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        Il-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–         tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti tqajjem, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

10      Fir-rigward tal-konsumatur ikkonċernat, hija ssostni li l-prodotti in kwistjoni huma indirizzati lil konsumaturi li jagħmlu x-xiri tagħhom kuljum u li għaldaqstant jagħtu aktar attenzjoni. Minbarra dan, il-pilloli huma fost l-artikoli l-aktar għoljin fi prezz tal-kategorija ta’ prodotti deterġenti li jinbiegħu fis-supermerkati bir-riżultat li l-livell ta’ attenzjoni mogħti mill-konsumatur għall-forma u għad-disinn tagħhom huwa għoli.

11      Minbarra dan, il-produtturi preżenti fis-suq ikkonċernat, li huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni qawwija, għandhom kull interess li jiddistingwu l-apparenza tal-prodotti tagħhom fir-rigward ta’ dawk tal-kompetituri, sabiex jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumatur, kif juri n-numru kbir ta’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ pilloli deterġenti bħala trade marks. L-eżempji ta’ reklamar fuq it-televiżjoni, annessi mar-rikorsi fil-Kawżi T-29/06 sa T-31/06, jikkonfermaw l-argument li l-pilloli huma użati mill-produtturi għal għanijiet ta’ distinzjoni. Dawn l-argumenti juru li l-konsumatur huwa għal kollox kapaċi jipperċepixxi l-pillola bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodott. Din l-indikazzjoni hija kkonfermata mid-diversità tal-pilloli deterġenti disponibbli fis-suq.

12      Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tad-drawwiet tal-konsumatur ikkonċernat, il-Bord ta’ l-Appell kien b’mod żbaljat iddeċieda li l-prodotti kkonċernati huma ġeneralment mibjugħin f’pakketti li fuqhom kien hemm ċertu numru ta’ elementi verbali jew figurattivi. Iċ-ċirkustanzi ta’ l-użu maħsub tat-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni ma jistax ikollhom effett fuq l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (TELEAID), T-355/00, Ġabra p. II-1939, punt 42]. Bħala eżempju, jekk il-pilloli jinbiegħu f’pakkett, dawn jistgħu madankollu jiġu ddisinjati fuq l-imballaġġ, mibjugħa f’pakkett trasparenti jew f’pakkett li għandu l-forma tat-trade mark mitluba. Mudell ta’ pillola jista’ jitqiegħed mal-pakkett tal-prodott.

13      Barra minn hekk, anki jekk wieħed jippreżupponi li l-Bord ta’ l-Appell imissu ħa in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ l-użu maħsub tat-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni, huwa kellu wkoll jieħu in kunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, bħall-prezz tal-prodott, aktar għoli minn dak ta’ prodotti tal-ħasil likwidi jew tat-trab, kif ukoll il-mod kif il-pillola hija ppreżentata fir-reklamar.

14      Għal dak li jikkonċerna t-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni, il-Bord ta’ l-Appell kien naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni l-partikolaritajiet kollha tagħhom, jiġifieri:

–        il-forma rettangolari wiesgħa, kważi kubika, tal-pillola, li fiha żewġ uċuħ kwadri bl-angoli fit-tond;

–        il-preżenza ta’ żewġ kuluri distinti sew, l-abjad u, skond il-pillola, il-lelà, l-aħdar jew il-blu;

–        it-tqassim tal-kuluri, fejn wieħed minn dawn il-kuluri huwa applikat fuq disinn li jinsab fiċ-ċentru tal-pillola u mhux fuq l-istrati differenti li jiffurmawha;

–        il-forma tad-disinn fuq il-pillola.

15      Permezz ta’ dawn l-elementi, it-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni jiddistingwu rwieħhom b’mod ċar mill-pilloli ta’ deterġent disponibbli fis-suq. In sostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tressaq rappreżentazzjonijiet ta’ pilloli kkummerċjalizzati fil-mument meta ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet għat-trade marks in kwistjoni.

16      Il-Bord ta’ l-Appell kien b’mod żbaljat ikkunsidra li l-elementi in kwistjoni kienu abitwali fis-settur, jiġifieri stipulati minn kunsiderazzjonijiet prattiċi, u li ma jagħmlux distinzjoni fl-apparenza tal-pillola. B’mod partikolari huwa kien naqas li jikkunsidra l-fatt li l-pillola hija kkaratterizzata minn forma kubika, li hija distinta mill-forom rettangolari aktar ċatti tal-pilloli preżenti fis-suq, kif ukoll minn żewġ kuluri distinti, imqassmin b’mod tali sabiex jiġbed l-attenzjoni. Hija ma kinitx stabbilixxiet fis-suq, fid-data ta’ l-applikazzjonijiet għal trade marks, pillola li kienet tippreżenta karatteristiċi li tista’ tqabbel magħhom.

17      Barra dawn l-elementi karatteristiċi, it-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni jinkludu disinn fiċ-ċentru tal-pillola, li jikkostitwixxi element ta’ preżentazzjoni addizzjonali u distint skond is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (Pillola wiesgħa b’intarsjar) (T-128/00, Ġabra p. II-2785, punt 60), u Proctor & Gamble vs UASI (Pillola rettangolari b’intarsjar) (T-129/00, Ġabra p. II-2793, punt 60). Fid-dawl ta’ dan l-element, it-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma sinjali li jikkonsistu eslużivament fil-forma u l-kuluri tal-prodott in kwistjoni, fin-nuqqas ta’ kull element grafiku.

18      Id-disinni in kwistjoni jirrappreżentaw mudell ta’ fjura, jew ta’ stilla, ta’ erba’, ħames jew sitt petali. Ebda pillola preżenti fis-suq ma fiha disinn bil-kontorni preċiżi. Il-Bord ta’ l-Appell ma kkunsidrax sew dan l-element meta kkunsidra li jista’ jitqabbel mal-forom ġeometriċi ta’ bażi, bħall-intarsjar rettangolari u l-intarsjar trijangolari eżaminati fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Pillola kwadra bl-intarsjar u Pillola rettangolari bl-intarsjar, iċċitati iktar ’il fuq.

19      Minbarra dan, billi kkunsidra li t-trade marks ippreżentati fir-reġistrazzjoni ma kienx fihom “disinn speċjali, straordinarju jew mhux abitwali”, il-Bord ta’ l-Appell kien eżiġa wisq fir-rigward tal-karattru distintiv meħtieġ għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark.

20      It-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni setgħu jiġu kkunsidrati bħala distintivi fuq il-bażi ta’ dawn id-disinni biss, meta mqabbla ma’ logo jew ma’ sinjal. Ir-rikorrenti tinvoka, f’dan ir-rigward, ir-reġistrazzjoni mill-UASI tat-trade marks figurattivi li huma kkostitwiti minn xbieha ta’ fjura (Nru 692897) u wkoll minn forom ġeometriċi sempliċi (Nri 2359776, 1868165, 3422631 u 1648120).

21      Barra minn hekk, id-disinn b’sitt petali jixbah il-logo ta’ Ariel tar-rikorrenti, irreġistrat bħala trade mark Komunitarja (Nru 814780). Id-disinn b’erba’ petali jixbah dak ta’ trade mark figurattiva oħra tar-rikorrenti (Nru 715904).

22      Il-Bord ta’ l-Appell kien ukoll naqas milli jikkunsidra l-impressjoni globali li tirriżulta minn kull waħda mit-trade marks li għaliha kienet saret l-applikazzjoni, billi ddeskrivihom bħala l-għaqda ta’ żewġ forom ġeometriċi ta’ bażi. Ebda pillola fis-suq ma tippreżenta l-istess kombinazzjoni ta’ forma, ta’ kuluri u ta’ arranġament ħlief dawk ippreżentati fir-reġistrazzjoni; minbarra dan, dawn fihom disinn.

23      Ir-rikorrenti tosserva li l-UASI aċċetta r-reġistrazzjoni tas-sinjali magħmula minn pillola rettangolari bl-ittra “s” (Nru 1860170) u minn żewġ pilloli li fihom, rispettivament, disinn “yin-yang” (Nru 1207455) u figura li tixbah qatra ilma (Nru 1207869).

24      Hija tirreferi wkoll għar-reġistrazzjoni ta’ ċerti trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni mill-uffiċċju Benelux tat-trade marks.

25      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkritika t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-imperattiv ta’ disponibbiltà ta’ forom ġeometriċi ta’ bażi, li sar fis-seba’ deċiżjonijiet ikkontestati. Hija ssostni li l-istess kunsiderazzjoni hija l-bażi tar-raġunament magħmul fiż-żewġ deċiżjonijiet li ma jsemmuhiex espliċitament, jiġifieri dawk ikkontestati fil-Kawżi T-346/05 u T-347/05. Il-kunsiderazzjoni in kwistjoni mhijiex fondata f’dan il-każ minħabba n-numru kbir ta’ kombinazzjonijiet possibbli ta’ forom, ta’ kuluri u ta’ disinni ta’ pilloli. Minbarra dan, din mhjiex rilevanti fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ sinjal (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C-329/02 P, Ġabra p. I-8317, punt 36).

26      Il-UASI ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati japplikaw korrettament il-ġurisprudenza Komunitarja f’din il-materja.

27      Għal dak li jikkonċerna l-pubbliku rilevanti, il-Bord ta’ l-Appell kien ikkunsidra korrettament li dan huwa konsumatur medju. Dan il-konsumatur jindirizza l-għażla tiegħu lejn il-produttur, imbagħad lejn it-tip ta’ preparazzjoni, iżda ma jkollu ebda raġuni li jeżamina l-pillola b’attenzjoni.

28      Sabiex jiġi stabbilit kif il-forom ta’ pilloli ta’ deterġent huma pperċepiti minn dan il-konsumatur medju, is-sinjali in kwistjoni għandhom jiġu evalwati wkoll fid-dawl tal-metodi abitwali ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’dawn il-prodotti, bħall-fatt li dawn jinbiegħu f’pakkett. L-ipoteżi li l-pilloli jinbiegħu f’pakkett li għandu l-forma tat­-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni jew li pillola tintuża bħala simbolu mwaħħla mal-pakkett mhijiex rilevanti, peress illi tali rappreżentazzjoni hija pperċepita mill-konsumatur medju bħala sempliċi deskrizzjoni jew preżentazzjoni tal-prodotti li jinsabu fil-pakkett. B’hekk it-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni ma jistgħux jiġu mitfixxkla ma’ trade mark tridimensjonali li m’għandha ebda relazzjoni mal-prodott ikkonċernat.

29      Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tat-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li dawn jikkorrispondu mal-prodotti kkonċernati, jiġifieri d-deterġenti kkumpressati f’kaxxa. F’dawn il-kundizzjonijiet, fin-nuqqas ta’ elementi oħra li jindividwalizzaw il-pilloli in kwistjoni, il-konsumatur medju jipperċepihom bħala forma possibbli u komuni tal-prodotti stess, u mhux bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tagħhom.

30      F’dan il-każ, il-pilloli in kwistjoni jippreżentaw sempliċement kombinazzjoni oħra tad-diversi elementi li diġà ġew ikkunsidrati bħala li m’għandhomx karattru distintiv, jiġifieri l-forma rettangolari bil-ġnub tastaturati, l-eżistenza ta’ bosta strati ta’ diversi kuluri u l-preżenza ta’ intarsjar [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (Pillola rettangolari ħadra u bajda), T-336/99, Ġabra p. II-2589; Pillola kwadra b’intarsjar u Pillola rettangolari b’intarsjar, iċċitati iktar ’il fuq].

31      Il-forma tal-pilloli in kwistjoni, rettangolari jew kubika, hija forma ta’ bażi li hija ovvja għal pilloli ta’ deterġenti u hija abitwali fis-suq. Ir-relazzjoni ġeometrika tad-diversi ġnub tal-kubu u t-tastatura huma varjazzjonijiet sempliċi ta’ din il-forma, li mhumiex rilevanti.

32      L-użu ta’ diversi kuluri, safejn dan jissuġġerixxi l-preżenza ta’ bosta ingredjenti attivi lill-konsumatur, jirrispondi għal għan funzjonali. Barra minn hekk, dawn huma, f’dan il-każ, kuluri bażiċi bħall-aħdar, il-blu u l-lelà.

33      Iż-żieda ta’ intarsjar f’nofs il-pillola hija kombinazzjoni naturali tad-diversi ingredjenti attivi. L-intarsjar għandhu bħala funzjoni prinċipali li jindika l-preżenza ta’ ingredjent attiv addizzjonali. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-użu ta’ forma trijangolari għal tali intarsjar ma jagħtix karattru distintiv lil trade mark (sentenza Pillola rettangolari b’intarsjar, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 60). Il-forma b’erba’, b’ħames jew b’sitt petali ta’ l-intarsjar in kwistjoni hija forma ġeometrika bażika daqs forma trijangolari.

34      Anki jekk il-forma in kwistjoni kellha tiġi interpretata bħala disinn ta’ fjura, ħaġa li titlob attenzjoni kbira min-naħa tal-konsumatur, hija tiġi pperċepita biss bħala element dekorattiv. Barra minn hekk, meta mqabbla mal-prodotti tal-ħasil, forma ta’ fjura tirreferi għall-frisk, għall-indafa u għal riħa pjaċevoli. B’hekk hija tikkostitwixxi varjazzjoni mhux rilevanti ta’ intarsjar ta’ pillola u mhux disinn distintiv.

35      L-eżistenza ta’ trade marks Komunitarji figurattivi li għandhom forma li tixbaħ dik ta’ l-intarsjar in kwistjoni ma taffettwax din il-kunsiderazzjoni. Il-pubbliku rilevanti ma jipperċepix bl-istess mod it-trade marks figurattivi indipendentement mill-forma kkonċernata, kif invokata mir-rikorrenti, u l-elementi tat-trade marks tridimensjonali kkostitwiti mill-apparenza tal-prodott, kif huma intiżi f’dan il-każ.

36      L-elementi tat-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni, ikkunsidrati separatament jew flimkien, mhumiex suffiċjentement tali li jiġbdu l-attenzjoni jew li huma distinti sabiex jiġu pperċepiti bħala ħaġa oħra barra sempliċi assoċjazzjoni ta’ kuluri u ta’ forom bażiċi u banali, jekk mhux pillola ta’ deterġent fost l-oħrajn.

37      Id-deċiżjonijiet preċedenti ta’ l-UASI jikkonċernaw pilloli oħra li ma jistgħux jiġu utilment invokati mir-rikorrenti [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 67]. Minbarra dan, billi ammetta r-reġistrazzjoni tal-pilloli bl-ittra “s” stilizzata u bid-disinn “yin-yang”, il-UASI kkunsidra li dawn l-elementi mhumiex ipperċepiti bħala elementi funzjonali li jirrappreżentaw ingredjent attiv ieħor.

38      Il-fatt li s-sinjali in kwistjoni kienu ġew irreġistrati fil-Benelux ma jistax jorbot lill-UASI. Minbarra dan, dawn ir-reġistrazzjonijiet kienu ġew effettwati qabel ma kienu ġew deċiżi l-ewwel żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-pilloli ta’ deterġent.

39      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-imperattiv ta’ disponibbiltà, il-Bord ta’ l-Appell kien applika, għall-forom ġeometriċi bażiċi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuluri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793). Minbarra dan, peress li l-imsemmija kunsiderazzjonijiet kienu ġew invokati biss f’argumenti sekondarji, l-allegat nuqqas ta’ rilevanza tagħhom ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

40      Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, “trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv” ma jistgħux jiġu rreġistrati.

41      Il-karattru distintiv ta’ trade mark skond dan l-Artikolu jfisser li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il-prodott li għalih tkun qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li jkun ta’ provenjenza minn impriża partikolari u li b’hekk għandha ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra. Dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, minn naħa l-oħra, meta mqabbla mal-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI, C-473/01 P u C-474/01 P, Ġabra p. I-5173, punti 32 u 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42       F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li kull trade mark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni hija kkostitwita mill-forma, mill-kuluri u mid-disinn tal-prodott li għalih ir-reġistrazzjoni tat-trade mark qed tiġi mitluba, jiġifieri pillola ta’ deterġent kwadra bajda b’disinn ikkulurit li jinsab fiċ-ċentru tal-wiċċ prinċipali.

43      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali komposti mid-dehra tal-prodott stess mhumiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju mhijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, m’għandhomx l-abitudni li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw irwieħhomfuq il-forma tagħhom jew il-forma ta’ ppakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv, f’dak li jirrigwarda tali trade mark tridimensjonali milli f’dak li jirrigwarda trade mark verbali jew figurattiva (ara s-sentenza Procter & Gamble vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-24/05 P, Ġabra p. I-5677, punti 24 u 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhijiex ta’ karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 biss dik it-trade mark li, b’mod sinjifikattiv, titbiegħed min-norma jew mill-użanzi tas-settur u li, minħabba f’hekk, tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta’ identifikazzjoni ta’ oriġini tal-prodott (ara s-sentenza Storck vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandhom l-ewwel nett jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur ikkonċernat fir-rigward ta’ l-apparenza ta’ pilloli deterġenti u, sussegwentement, dawk relatati ma’ l-evalwazzjoni ta’ kull waħda mit-trade marks li għaliha tkun saret l-applikazzjoni.

 Fuq il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur ikkonċernat

46      Fir-rigward tal-konsumatur ikkonċernat f’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell fakkar li l-prodotti in kwistjoni huma oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum, intiżi għall-konsumaturi kollha.

47      Din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti, li mhuwiex sostnut minn element ta’ fatt preċiż, li dawn il-prodotti, għalkemm kienu għal konsum ta’ kuljum, jinxtraw minn pubbliku ristrett kompost minn konsumaturi li jagħmlu x-xiri ta’ kuljum tagħhom.

48      B’hekk għandu jiġi kkunsidrat il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha kienet saret applikazzjoni, filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni l-aspettativa preżunta tal-konsumatur medju, normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Pillola kwadra b’intarsjar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, u Pillola rettangolari b’intarsjar, iċċitata iktar ’il fuq, ikkonfermata mis-sentenza Procter & Gamble vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 35).

49      Il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skond il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkonstatat li, fir-rigward ta’ prodotti ta’ konsum ta’ kuljum, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju fir-rigward tal-forma u tad-disinn tal-pilloli għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u għall-magni għall-ħasil tal-platti ma kienx għoli (sentenzi Pillola kwadra b’intarsjar, iċċitati iktar ’il fuq, punt 53, u Pillola rettangolari b’intarsjar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

50      F’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell irrileva li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju fir-rigward ta’ l-apparenza tal-prodotti in kwistjoni mhuwiex għoli (punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-241/05 u l-punti korrispondenti tad-deċiżjonijiet ikkontestati l- oħra).

51      Din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq differenzi ta’ prezz bejn il-prodott deterġent mibjugħ taħt forma ta’ pilloli u dak li jippreżenta ruħu f’forma likwida jew fi trab, jew bejn il-pilloli deterġenti u prodotti oħra ta’ konsum ta’ kuljum. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tindikax għal liema raġunjiet, filwaqt li l-prodott deterġent ikkonċernat huwa ta’ konsum normali, il-prezz ta’ dan il-prodott jiġġustifika konklużjoni oħra fir-rigward għal-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju.

52      Minbarra dan, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tad-drawwiet tal-konsumatur ikkonċernat, għandhom ukoll jiġu kkunsidrati l-metodi abitwali ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott in kwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Unilever vs UASI (Pillola forma ta’ bajda), T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 48]. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kunsiderazzjoni tal-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni li jipprevalu abitwalment fis-suq ikkonċernat ma jitbegħdux mill-ġurisprudenza li tgħid li kunċett ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari maħsub mill-applikant ta’ trade mark, li b’hekk jiddependi mill-għażla ta’ l-impriża kkonċernata u li jista’ jiġi mibdul wara r-reġistrazzjoni, huwa fattur li ma jistax ikollu impatt fuq l-evalwazzjoni tal-karattru reġistrabbli tat-trade mark (sentenza TELEAID, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

53       B’hekk, f’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell seta’ legalment jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-pilloli deterġenti jinbiegħu, normalment, f’pakketti li jkollhom l-isem tal-prodott u li fuqhom ikunu jidhru, ta’ spiss, trade marks verbali jew figurattivi jew elementi figurattivi oħra li fosthom jidhru dawk li jistgħu jirrappreżentaw ix-xbieha tal-prodott (punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-241/05 u l-punti korrispondenti tad-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra).

54      Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, bħala regola ġenerali, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju fir-rigward ta’ l-apparenza tal-prodotti kkummerċjalizzati b’dan il-mod mhuwiex għoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikant għal trade mark għandu juri, permezz ta’ indikazzjonijiet konkreti u sostnuti, li d-drawwiet tal-konsumaturi fis-suq ikkonċernat huma differenti (sentenza Pillola forma ta’ bajda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

55      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ressqitx provi, permezz ta’ indikazzjonijiet konkreti u sostnuti, li l-konsumatur fis-suq ikkonċernat huwa mdorri jipperċepixxi l-apparenza tal-pillola deterġenti bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tagħha.

56      Fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-interess tal-prodotturi kkonċernati sabiex jiddistingwu l-apparenza tal-prodotti tagħhom, kif muri mid-diversità tal-pilloli ppreżentati fis-suq kif ukoll min-numru ta’ applikazjzonijiet għal trade marks tridimensjonali ppreżentati fis-settur, mhuwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jiġi konkluż li l-apparenza ta’ dawn il-prodotti hija normalment ipperċepita, mill-konsumatur ikkonċernat, bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pillola fil-forma ta’ bajda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

57      Fir-rigward, sussegwentement, ta’ l-ipoteżi tar-rikorrenti, li l-pilloli jistgħu jitqiegħdu f’pakkett, mibjugħa f’pakkett trasparenti jew f’pakkett li għandu l-forma tal-pillola, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ssostnix li dawn il-metodi ta’ preżentazzjoni tal-prodotti huma abitwalment użati fis-suq ikkonċernat. B’hekk dan l-argument ma jippermettix li d-drawwiet tal-konsumaturi jittieħu in kunsiderazzjoni.

58      Minbarra dan, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li l-pilloli jistgħu jkunu ddisinjati fuq l-ippakkjar tagħhom, għandu jiġi osservat li dan normalment jinkludi numru kbir ta’ elementi verbali jew figurattivi, u b’mod partikolari l-isem tal-prodott u tat-trade marks verbali jew figurattivi. Din l-osservazzjoni hija kkonfermata mill-eżempji ta’ ppakkjar ta’ pilloli għall-magni għall-ħasil tal-ħwejjeġ u l-magni għall-ħasil tal-platti ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell u quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma tiġi eskluża l-possibbiltà li bosta trade marks jidhru fl-istess ħin fuq pakkett, il-fatt li l-prodott huwa ddisinjat fuq pakkett mhuwiex prova li l-konsumatur jagħti attenzjoni partikolari lill-apparenza tiegħu, bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini tiegħu.

59      Fl-aħħar nett, bħala risposta għall-kritika li l-Bord ta’ l-Appell kien naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni ċerti elementi, bħall-prezz tal-prodott u l-mod kif dan il-prodott huwa ppreżentat fil-messaġġi pubbliċitarji, fl-ewwel lok għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma tindikax kif differenza fil-prezz tal-prodotti ta’ konsum wiesa` tista’ tinfluwenza l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju kkonċernat (ara l-punt 51 iktar ’il fuq).

60      Fit-tieni lok, il-Bord ta` l-Appell, ma jistax jiġi akkużat li ma analizzax il-messaġġi pubbliċitarji użati fis-settur ikkonċernat, filwaqt li r-rikorrenti, kif hija kkonfermat matul is-seduta, ma invokatx dawn l-elementi quddiem il-UASI. Għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, huwa l-applikant għal trade mark li għandu jressaq prova li, fis-suq ikkonċernat, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju fir-rigward ta’ l-apparenza tal-prodott huwa għoli (ara l-punt 54 iktar ’il fuq).

61      F’kull każ, għandu jiġi osservat, fir-rigward ta’ l-eżempji ta’ messaġġi pubbliċitarji annessi mar-rikorsi fil-Kawżi T-29/06 sa T-31/06, li ma jistax jiġi konkluż li l-konsumatur ikkonċernat jipperċepixxi x-xbihat ta’ pilloli li jidhru fir-reklamar fuq it-televiżjoni ħlief bħala d-dimostrazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott, bħall-fatt li d-deterġent taħt forma solida huwa prattiku biex jintuża u li l-pillola fiha bosta ingredjenti kkuluriti. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta l-konsumatur medju juri livell ta’ attenzjoni inqas għoli, meta huwa jipperċepixxi l-prodotti u t-trade marks li huma relatati ma’ ċirkustanzi li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ l-att ta’ xiri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2006, Ruiz-Picasso et vs UASI, C-361/04 P, Ġabra p. I-643, punt 41, u Storck vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

62      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ parti mill-elementi in kwistjoni li ma tressqux quddiem il-Bord ta’ l-Appell, għandu jiġi stabbilit li l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti mhumiex biżżejjed sabiex juru li l-konsumatur ikkonċernat jagħti attenzjoni partikolari lill-apparenza tal-pillola deterġenti jew li huwa mdorri jipperċepixxiha bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tagħha.

63      Konsegwentement, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord ta’ l-Appell li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju fir-rigward tal-forma u tad-disinn tal-pillola ta’ prodott deterġenti mhuwiex għoli.

 Fuq it-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni

64      Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ kull trade mark li għaliha kienet saret l-applikazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk, fir-rigward ta’ l-impressjoni kollha magħmula permezz tal-kombinazzjoni tal-forma tagħha, tal-kuluri tagħha u tad-disinn tagħha, hija tistax tiġi pperċeptita mill-konsumatur ikkonċernat bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tagħha.

65      Din l-evalwazzjoni mhijiex inkompatibbli ma’ eżami suċċessiv ta’ l-elementi kostituttivi tat-trade mark li għaliha kienet saret l-applikazzjoni (sentenzi Pillola kwadra b’intarsjar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, u Pillola rettangolari b’intarsjar, iċċitata iktar ’il fuq, ikkonfermati mis-sentenza Proctor & Gamble vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 45).

66      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-forma tal-pilloli kkonċernati, hemm lok li jiġi rrilevat, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-eżempji tal-pilloli ppreżentati mir-rikorrenti, li l-forom rettangolari huma abitwalment użati għall-pilloli tal-prodott deterġenti. Minbarra dan, is-sempliċi forom ġeometriċi, bħall-kwadru jew ir-rettangolu, huma ovvji għal prodott iddestinat għall-magni għall-ħasil tal-ħwejjeġ jew il-magni għall-ħasil tal-platti (sentenzi Pillola kwadra b’intarsjar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56, u Pillola rettangolari b’intarsjar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56). Madankollu, il-forma in kwistjoni, kwadra jew kubika b’kantunieri kemmxejn fit-tond, identika għal kull pillola kkonċernata, ma tippreżentax differenza faċilment perċepibbli meta mqabbla mal-forom abitwali tal-pilloli ta’ prodott deterġent.

67      B’hekk il-Bord ta’ l-Appell seta’ jikkunsidra mingħajr żball ta’ evalwazzjoni li l-forma tal-pillola kkonċernata hija stabbilita b’mod evidenti għall-prodott ikkonċernat.

68      Fir-rigward tal-preżenza ta’ żewġ kuluri distinti fil-pillola ta’ prodott deterġenti, għandu jiġi rrilevat li l-pubbliku kkonċernat huwa mdorri bil-preżenza ta’ elementi ta’ kuluri differenti fi prodott deterġenti. Minbarra dan, fil-każ fejn ir-reklamar magħmul mill-produtturi ta’ deterġenti juri l-fatt li l-elementi kkuluriti jindikaw il-preżenza ta’ diversi sustanzi attivi, il-konsumatur ikkonċernat jiġi ggwidat sabiex jipperċepixxi l-preżenza tagħhom bħala s-suġġestjoni ta’ ċerti kwalitajiet tal-prodott, u mhux bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini tiegħu [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (Pillola tonda ħamra u bajda), T-337/99, Ġabra p. II-2597, punt 51, u Procter & Gamble vs UASI (Pillola kwadra bajda, ittikkjata bl-aħdar, u aħdar ċar], T-118/00, Ġabra p. II-2731, punt 61].

69      F’dan il-każ, ir-rikors għal żewġ kuluri fil-pilloli kkonċernati, jiġifieri l-abjad u, skond il-pillola, il-blu, l-aħdar u l-lelà ma jitbegħdux mill-preżentazzjoni abitwali tal-prodotti in kwistjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tindikax kif dawn il-kuluri jiġbdu l-attenzjoni fir-rigward tal-prodotti deterġenti.

70      Barra minn hekk, ma jirriżulta minn ebda waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati li l-Bord ta’ l-Appell kien naqas li jieħu in kunsiderazzjoni l-preżenza ta’ żewġ kuluri. Jekk dan l-aspett tal-pillola huwa espliċitament evokat biss fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T-346/05 (punt 23) u T-347/05 (punt 24), għandu jiġi osservat li kull deċiżjoni kkontestata tagħti deskrizzjoni tat-trade mark li għaliha kienet saret l-applikazzjoni, b’riferiment għal kuluri, fl-ewwel punti tal-motivi. Minbarra dan, jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati li l-Bord ta’ l-Appell kompla jieħu in kunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet ta’ l-eżaminaturi li, iċċitati fil-preżentazzjoni tal-fatti, jittrattaw espliċitament dwar kuluri.

71      Fir-rigward tad-disinni kkuluriti li jinsabu fuq il-wiċċ tal-pillola, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ż-żieda ta’ intarsjar fuq il-wiċċ prinċipali ta’ pillola ta’ prodott deterġenti hija waħda mill-aktar soluzzjonijiet ovvji sabiex id-diversi sustanzi attivi jiġu kkombinati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Pillola kwadra b’intarsjar, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 60, u Pillola rettangolari b’intarsjar, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 60).

72      Peress li l-konsumatur ikkonċernat huwa mdorri għall-fatt li l-elementi kkuluriti jindikaw il-preżenza ta’ diversi sustanzi attivi fil-pillola (ara l-punt 68 iktar ’il fuq), il-kunsiderazzjoni esposta fil-punt preċedenti tapplika wkoll għaż-żieda ta’ intarsjar ikkulurit. Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni hija kkonfermata minn eżempji dwar pakketti ta’ pilloli ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li jirreferu espliċitament għall-fatt li l-intarsjar ikkulurit, tond jew ovali jindika l-preżenza ta’ sustanza attiva differenti.

73      F’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell irrileva li ż-żieda ta’ disinn fuq il-wiċċ prinċipali ta’ kull pillola, deskritt bħala “figura [rettangolari, pentagonali jew eżagonali] b’forma ta’ disinn ta’ fjura b’[erba’, ħames jew sitt petali]” jew “forma irregolari [ottagonali] b’kantunieri fit-tond” jew ukoll “forma ta’ petali” ma tagħtihiex karattru distintiv. Il-Bord ta’ l-Appell indika li ż-żieda ta’ intarsjar tagħmel parti mis-soluzzjonijiet evidenti sabiex jiġu kkombinati s-sustanzi attivi differenti u li l-kombinazzjoni tal-forma u tad-disinn tal-pillola kkonċernata tiġi ppreżentata bħala l-kombinazzjoni “ta’ żewġ forom ġeometriċi ta’ bażi”, jew “forma ġeometrika ta’ bażi u ta’ intarsjar irregolari” li jagħmlu parti mill-varjazzjonijiet tal-preżentazzjoni tal-prodott l-aktar ovvji (punti 28 u 29 tad-deċiżjoi kkontestata fil-Kawża T-241/05 u l-punti korrispondenti tad-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra).

74      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma jirriżultax minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Bord ta’ l-Appell ma kkunsidrax in-natura ta’ xi waħda mid-disinni kkonċernati billi qabbilhom mal-forma ġeometrika ta’ bażi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ammettiet li forma irregolari tista’ tiġi deskritta bħala varjanti tal-forom ġeometriċi ta’ bażi, fil-każ fejn id-differenzi meta mqabbla ma’ dawn il-forom bażiċi mhumiex faċilment perċepibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pillola forma ta’ badja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 57). F’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell seta’ għahekk iqabbel id-disinn simetriku tal-pilloli kkonċernati li jirrappreżentaw figura ta’ fjura b’erba’, b’ħames jew b’sitt petali ma’ varjanti ta’ forma ġeometrika rettangolari, pentagonali jew eżagonali, mingħajr ma ssir distorsjoni ta’ dan l-element.

75      Madankollu, fid-dawl tas-sempliċità tad-disinni in kwistjoni u d-differenza żgħira meta mqabbla mal-forom ġeometriċi ta’ bażi, fejn l-aktar żieda sinjifikattiva hija l-ingredjent attiv f’nofs il-pillola ta’ deterġent, il-Bord ta’ l-Appell seta’ jikkunsidra, mingħajr ma jagħmel żball ta’ evalwazzjoni, li kull disinn in kwstjoni huwa pperċepit bħala intarsjar li juri l-preżenza ta’ ingredjent attiv ieħor.

76      B’hekk l-argument tar-rikorrenti li d-disinn ikkulurit ta’ kull pillola kkonċernata ma jigix mitfixkel ma’ aspett tal-prodott in kwistjoni ma jistax jiġi aċċettat, kif ukoll ma jistax jiġi aċċettat l-argument li dan id-disinn jippreżenta element li jista’ jinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-perċezzjoni tat-trade mark mitluba.

77      Fl-aħħar nett, il-Bord ta’ l-Appell seta’ jirrileva b’mod korrett, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impressjoni sħiħa ppreżentata minn kull trade mark li għaliha kienet saret l-applikazzjoni, li l-kombinazzjoni tal-forma, tal-kuluri u tad-disinn hija, f’kull pillola, varjanti tal-preżentazzjoni abitwali tal-prodott ikkonċernat, mhux adegwata sabiex dan il-prodott jiġi identifikat bħala ta’ provenjenza minn impriża partikolari u li huwa distint minn dawk ta’ impriżi oħra, u li l-konsumatur medju kkonċernat jipperċepixxi kull trade mark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni esklużivament bħala l-forma ta’ deterġent u mhux bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummċerjali tagħha (punti 30 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-241/05 u l-punti korrispondenti tad-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra).

78      Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li ż-żieda, f’nofs il-pillola, ta’ figura simetrika bħal dik li tirrappreżenta kull wieħed mid-disinni in kwisjtoni ma tbiddilx l-apparenza tal-pillola b’mod sinjifikattiv. Il-kombinazzjoni tal-forma kwadra bajda tal-pilloli kkonċernati b’disinn ikkulurit, jiġifieri x-xbihat ta’ fjura b’erba’, b’ħames jew b’sitt petali in kwistjoni, ma titbiegħedx b’mod sinjifikattiv mill-preżentazzjoni li hija l-aktar ovvja tal-pillola tad-deterġenti, li fiha d-diversi sustanzi attivi huma mqassmin b’mod dekorattiv.

79      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikorrenti m’għandhiex bażi sabiex issostni li l-Bord ta’ l-Appell kien naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni l-impressjoni ta’ kull trade mark li għaliha kienet saret l-applikazzjoni, u lanqas li hija ma kinitx ikkunsidrat il-fatt li sinjal jista’ jissodisfa bosta funzjonijiet simultanji.

80      Minbarra dan, fil-każ fejn ir-rikorrenti tikkritika l-formulazzjoni tal-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati dwar l-evalwazzjoni ta’ l-impressjoni sħiħa ta’ kull pillola kkonċernata, għandu jiġi osservat li ma jirriżultax minn dawn id-deċiżjonijiet li l-Bord ta’ l-Appell ippreżenta eżiġenzi żbaljati jew eċċessivi fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni in kwistjoni. Fil-fatt, jekk il-Bord ta’ l-Appell irrefera, bħala eżempju, għan-nuqqas ta’ “isem, logo jew sinjal” fuq il-pillola kif ukoll fin-nuqqas ta’ karatteristika “speċjali, straordinarja jew mhux abitwali” tad-disinn tagħha, huwa fir-realtà bbaża ruħu fuq in-nuqqas ta’ element ta’ preżentazzjoni li jista’ jinfluenza l-perċezzjoni tal-konsumatur medju kkonċernat kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ disinn li jista’ jiġi pperċepit u mmemorizzat minn dan il-konsumatur (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-241/05 u l-punti korrispondenti tad-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra).

81      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li n-nuqqas ta’ karattru distintiv ta’ trade mark ma jistax jiġi kkontestat min-numru bejn wieħed u ieħor kbir ta’ forom simili preżenti fis-suq [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (Pillola rettangolari ħamra u bajda), T-335/99, Ġabra p. II-2581, punt 57, ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089, punt 62], u lanqas min-nuqqas fis-suq ta’ forom identiċi għal dak li r-reġistrazzjoni tagħha hija mitluba [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Mejju 2006, De Waele vs UASI (Forma ta’ zalzett), T-15/05, Ġabra p. II-1511, punt 40]

82      B’hekk, f’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell seta’ jikkunsidra b’mod korrett li kull trade mark li għaliha kienet saret l-applikazzjoni kienet tikkostitwixxi varjanti ovvji għall-prodotti kkonċernati, anki jekk kombinazzjoni simili ma kinitx preżenti fis-suq. L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas allegat fis-suq ta’ pilloli li fihom disinn ikkulurit ma jistax b’hekk, f’kull każ, jiġi aċċettat.

83      In-nuqqas ta’ karattru distintiv ma jistax jiġi kkontestat mill-fatt li l-Bord ta’ l-Appell ma pprovdiex eżempji konkreti ta’ pilloli deterġenti użati fil-kummerċ. Fil-fatt, tali konklużjoni tista’ tiġi legalment ibbażata fuq fatti manifesti, li jirriżultaw mill-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ konsum ġenerali, mingħajr ma jkun hemm neċessarjament lok li jiġu pprovduti eżempji konkreti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Novembru 2004, Storck vs UASI (Forma ta’ ħelwa mgeżwra), T-402/02, Ġabra p. II-3849, punt 58].

84      Fir-rigward ta’ l-argumenti bbażati fuq reġistrazzjonijiet preċedenti effettwati mill-UASI, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94 u mhux fuq il-bażi ta’ prattika deċiżjonali preċedenti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C-173/04 P, Ġabra p. I-551, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-reġistrazzjonijiet preċedenti invokati mir-rikorrenti ma jippermettux li jintwera l-karattru distintiv tat-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni.

86      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet bħala trade marks Komunitarji ta’ forom ġeometriċi elementari u xbihat ta’ fjuri, għandu jiġi mfakkar li l-konsumatur medju ma jipperċepix bl-istess mod sinjal figurattiv indipendentement mill-aspett tal-prodotti li huwa jirrappreżenta u l-elementi ta’ sinjal tridimensjonali li jiġu mfixkla ma’ l-apparenza tal-prodott (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Fit-tieni lok, ix-xebh allegat bejn il-figura b’sitt petali ta’ ċerti trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni (Kawżi T-241/05, T-262/05 u T-346/05) u l-logo ta’ Ariel mhuwiex faċilment perċepibbli. Fit-tielet lok, fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali Komunitarji li għandhom il-forma ta’ pilloli li fihom figuri li jixbhu l-ittra “s”, is-simbolu “yin-yang” u qatra ilma, għandu jiġi osservat li dawn fihom elementi li ma jixxebhux ma’ dawk tat-trade marks li għalihom kienet saret l-applikazzjoni.

87      Għal dak li jikkonċerna r-reġistrazzjoni ta’ ċerti sinjali in kwistjoni mill-uffiċċju Benelux tat-trade marks, hija ġurisprudenza stabbilita li r-reġistrazzjonijiet li jsiru fl-Istati Membri jikkostitwixxu elementi li, mingħajr ma jkunu determinanti, jistgħu jiġu kkunsidrati għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komuntarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pillola tonda ħamra u bajda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ir-rikorrenti ma tippreżenta ebda element ta’ argument li jista’ jkun ibbażat, f’dan il-każ, fuq id-deċiżjoni ta’ l-uffiċċju Benelux tat-trade marks.

88      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kritika li r-rikorrenti tagħmel kontra t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-imperattiv ta’ disponibbiltà tal-forom ġeometriċi ta’ bażi, li tirriżulta mill-motivi ta’ seba’ mid-disa’ deċiżjonijiet ikkontestati (ara, bħala indikazzjoni, il-punti 35 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-241/05), għandu jiġi osservat li dan l-argument, li żġur li huwa bbażat b’mod mhux korrett fid-dritt, ma jidhirx fid-deċiżjonijiet, b’mod espliċitu, ħlief b’mod sussidjarju u b’hekk ma jistax jiġġustifika l-annullament tagħhom.

89      Isegwi li l-argument ibbażat fuq dawn ir-riferimenti mhux korretti għandu jiġi miċħud bħala mingħajr effett.

90      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta’ l-Appell wera biżżejjed, fuq il-bażi ta’ dritt, għal kull waħda mit-trade marks li għaliha kienet saret l-applikazzjoni li, fir-rigward ta’ l-impressjoni globali li tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-forma, tal-kuluri u tad-disinn tal-pilloli kkonċernati, dawn ma jippermettux lill-konsumatur medju kkonċernat li jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti in kwistjoni, meta dan iwettaq l-għażla tiegħu matul xirja.

91      Konsegwentement, ir-rikorsi għandhom jiġi miċħuda bħala mhux fondati.

 Fuq l-ispejjeż

92      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjeż.

Legal

Vadapalas

Wahl

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Mejju 2007.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       H. Legal


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.