Language of document : ECLI:EU:T:2016:296

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Mejju 2016 (*)

“Għajnuna finanzjarja – Riċerka – Is-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Proġett eDIGIREGION – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-parteċipazzjoni ta’ impriża – Rikors għal annullament – Terminu tar-rikors – Bidu tad-dekorrenza – Inammissibbiltà – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Danni morali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-Kawża T‑468/14,

Holistic Innovation Institute, SLU, stabbilita fi Pozuelo de Alarcón (Spanja), inizjalment irrappreżentata minn R. Muñiz García, sussegwentement minn J. Marín López, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal, bħala aġent, assistit minn J. Rivas Andrés, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ARES (2014) 710158, tat-13 ta’ Marzu 2014, li tirrifjuta l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proġett eDIGIREGION, u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża li tikseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament subiet wara din id-deċiżjoni, li kienu jammontaw għal EUR3 055 000 kif ukoll l-interessi akkumulati, u, sussidjarjament, il-ħatra ta’ espert bil-għan li jiġi evalwat id-dannu subiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Holistic Innovation Institute, SLU, hija kumpannija Spanjola, ikkostitwita f’Ġunju 2011, prinċipalment attiva fit-telekomunikazzjonijiet, l-iżvilupp u s-servizzi ta’ konsulenza fit-telekomunikazzjonijiet kif ukoll fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Ir-rappreżentant legali u amministratur uniku kien preċedentement president u amministratur tal-kumpannija R., li tqegħdet fi stralċ volontarju fi Frar 2012.

2        Matul is-snin 2012 u 2013, ir-rikorrenti pparteċipat, flimkien ma’ ħmistax-il impriża u attur reġjonali, f’Konsorzju peress li ssottomettiet proposta sabiex tipparteċipa f’proġett eDIGIREGION (Realising Digital Agenda Through Transnational Cooperation Between Regions).

3        Dan il-proġett intiż li jwettaq aġenda numerika grazzi għall-kooperazzjoni transnazzjonali bejn ir-reġjuni. Huwa tnieda mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU 2006, L 412, p. 1). Il-proġett eDIGIREGION kien previst għal perijodu ta’ 36 xahar u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ ammont massimu ta’ EUR 2 999 971.

4        Il-proposta ppreżentata lill-Kummissjoni mill-Konsorzju, peress li kisbet il-marka totali ta’ 13 fuq 15 fil-kuntest tal-ewwel evalwazzjoni, il-fażi ta’ negozjati mal-Kummissjoni bdiet fi Frar 2013.

5        F’April 2013, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni supplimentari dwar, b’mod partikolari, ir-riżultati ta’ verifiki li kienu twettqu preċedentement mingħand il-kumpannija R., minħabba x-xebh li kien jeżisti bejn ir-rikorrenti u l-kumpannija R. kif ukoll aspetti oħrajn marbutin mal-kapaċità operazzjonali u finanzjarja tar-rikorrenti.

6        Permezz ta’ ittri elettroniċi tat-28 u d-29 ta’ Mejju, it-12 u d-19 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti informazzjoni dwar id-data finanzjarja u operazzjonali tagħha, b’mod partikolari f’termini ta’ kapaċità ta’ persunal. Ir-rappreżentant tar-rikorrenti rrisponda permezz ta’ ittri elettroniċi tad-29 ta’ Mejju, l-4, it-13 u d-19 ta’ Ġunju 2013.

7        Permezz ta’ ittra mingħajr data, li dwarha jirriżulta mill-proċess li hija ġiet stabbilita fl-20 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li hija kienet wettqet evalwazzjoni dettaljata tal-kapaċità operazzjonali u finanzjarja tagħha, li skontha hija kienet tikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx uriet il-kapaċità tagħha biex twettaq il-kompiti previsti fil-proposta tal-proġett. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li tiċħad il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proġett eDIGIREGION.

8        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti kkonfermat lill-Kummissjoni r-riċezzjoni tal-ittra li kienet tinfurmaha dwar iċ-ċaħda tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett eDIGIREGION. Hija kkontestat din iċ-ċaħda, indikat li kienet lesta tipprovdi l-elementi neċessarji biex turi l-kapaċità operazzjonali u finanzjarja tagħha u talbet lill-Kummissjoni biex tikkunsidra mill-ġdid l-evalwazzjoni tagħha.

9        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni kkonfermat li kienet irċeviet din il-kontestazzjoni u indikat li r-rikorrenti tirċievi risposta matul Novembru 2013.

10      Matul ix-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2013, saru xi skambji ta’ ittri elettroniċi bejn, minn naħa, ir-rappreżentant tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-koordinatur tal-proġett eDIGIREGION. Fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li hija ma kinitx intenzjonalment dewmet in-negozjati, la żvelat informazzjoni kunfidenzjali jew eżerċitat xi pressjoni jekk fuq terzi, li kienet waslet għaċ-ċaħda tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti. Hija kkonfermatilha li kienet waslet li tevalwa mill-ġdid l-informazzjoni li fuqha hija kienet ibbażat fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett eDIGIREGION u indikat li, jekk din l-evalwazzjoni l-ġdida kellha toħroġ fuq il-konklużjonijiet favorevoli, hija ma topponix li r-rikorrenti tintegra mill-ġdid il-Konsorzju. Madankollu l-Kummissjoni informat li din l-evalwazzjoni mill-ġdid ma setgħetx twassal għas-sospensjoni tan-negozjati.

11      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni kkonfermat, skont argumentazzjoni dettaljata, l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-proġett eDIGIREGION għandha tiġi miċħuda, minħabba li ma kellhiex kapaċità suffiċjenti skont ġestjoni u kapaċità amministrattiva, li hija kienet tat impressjoni żbaljata tal-kapaċità teknika u xjentifika u li kellha kapaċità żgħira ta’ kofinanzjament.

12      Fl-14 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti indirizzat lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għar-riċerka, l-innovazzjoni u għax-xjenza ittra li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li magħha kien mehmuż Anness li jinkludi l-argumenti tagħha b’risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2013.

13      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2014, mibgħuta permezz ta’ ittra reġistrata b’konferma ta’ riċevuta, li irċeviet fil-21 ta’ Marzu 2014, li magħha kien mehmuż Anness li jinkludi risposta dettaljata għall-argumenti tar-rikorrenti, il-Kummissjoni informat lil din tal-aħħar li hija kienet qed tikkonferma l-konklużjonijiet tagħha kkomunikati preċedentement permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2013, li d-deċiżjoni tagħha li teskludi n-negozjati kienet issa definittiva u li din setgħet tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 263 TFUE fix-xahrejn tan-notifika ta’ din l-ittra. Hija kienet tispeċifika li r-risposti tar-rikorrenti għal din l-ittra ma kellhomx bħala effett li jissospendu t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

14      B’ittra tat-2 ta’ April 2014, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li hija kienet qed tikkunsidra li l-evalwazzjoni tagħha kienet żbaljata u li hija riedet tikkontestaha fil-qrati.

15      Fit-12 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni rrispondiet lir-rikorrenti li l-motivi taċ-ċaħda tal-parteċipazzjoni tagħha kienu ġew preċedentement sostnuti u li, peress li ebda element ġdid ma ġie prodott, hija ma kellha ebda kumment ieħor x’tagħmel.

16      Il-ftehim ta’ sussidju ġie ffirmat mingħajr ir-rikorrenti fit-28 ta’ Marzu 2014.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

18      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet li jirrispondu bil-miktub għal domanda dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

19      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teskludiha mill-proġett eDIGIREGION;

–        tordna perizja ġudizzjarja u tindika espert bil-għan li jevalwa d-dannu ekonomiku li subiet;

–        tiġbor ix-xhieda ta’ ċerti koordinaturi ta’ proġetti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ danni u l-interessi għad-dannu subiet li kienu jammontaw għal EUR3 055 000 kif ukoll l-interessi akkumulati, jew, sussidjarjament, għall-ħlas ta’ ammont fiss mill-espert ġudizzjarju;

–        tippubblika s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tintervjeni fil-midja speċjalizzata u, minn tal-inqas, f’ċerti bulettini tal-Kummissjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors għal annullament inammissibbli u, sussidjarjament, tiddikjarah bħala infondat;

–        tiċħad it-talba għal kumpens għad-danni bħala infondata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq ir-rikors għal annullament

22      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors għal annullament huwa tardiv u, għalhekk, inammissibbli. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata fil-21 ta’ Marzu 2014 lir-rikorrenti u li r-rikors ġie ppreżentat biss fl-24 ta’ Ġunju 2014, jiġifieri lil hinn mit-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Fil-kontroreplika, hija żżid tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi l-effetti legali tagħha b’effett min-notifika tagħha lid-destinatarju mingħajr ma l-pubblikazzjoni tagħha tkun neċessarja. Barra minn hekk, il-verżjoni oriġinali tar-rikors numerikament iffirmat intbagħat permezz ta’ ittra elettronika fl-20 ta’ Mejju 2014, minkejja li l-uniku mezz elettroniku tal-preżentata tal-atti proċedurali huwa l-applikazzjoni e-Curia. Minbarra dan, l-oriġinal iffirmat tar-rikors wasal biss fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ġunju, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu supplimentari ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

23      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors huwa ammissibbli. Hija tindika li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors jiddekorri b’effett mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li r-risposta ma rreferiet għall-ebda data ta’ pubblikazzjoni. Hija ssostni wkoll li r-rikors, iffirmat permezz ta’ ċertifikat numeriku, ġie ppreżentat fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors anki qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija żżid tgħid li t-terminu miftiehem mill-Qorti Ġenerali biex tirregolarizza r-rikors ġie osservat. Matul is-seduta, hija invokat in-neċessità li tirrispetta d-dritt għal rimedju effettiv u l-eżistenza ta’ żball skużabbli.

24      Għandu jitfakkar li skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih. Mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, jirriżulta wkoll li d-deċiżjonijiet li jindikaw destinatarju, kif inhu f’dan il-każ, huma nnotifikati lid-destinatarji tagħhom u jieħdu effett permezz ta’ din in-notifika. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għandu jiżdied għal darba b’terminu ta’ għaxart ijiem.

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ ordni pubbliku, billi ġie stabbilit bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u li jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, ex officio, jekk dan it-terminu jkunx ġie osservat (is-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 1997, Coen, C‑246/95, EU:C:1997:33, punt 21, u tas-6 ta’ Diċembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑167/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:651, punt 37).

26      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Marzu 2014 tal-Kummissjoni, mibgħuta permezz ta’ ittra reġistrata b’konferma ta’ riċevuta lir-rikorrenti. Huwa stabbilit li din irċevietha fil-21 ta’ Marzu 2014. Minbarra dan, din l-ittra kienet tispeċifika li d-deċiżjoni li teskludi r-rikorrenti min-negozjati kienet definittiva u li din setgħet tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE fix-xahrejn min-notifika tal-ittra inkwistjoni. Din l-ittra kienet tispeċifika wkoll li r-risposti tar-rikorrenti għal din l-ittra ma kellhomx bħala effett li jissospendu t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

27      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tgħid ir-rikorrenti fir-replika, id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi ppubblikata u, minħabba t-terminu għal raġuni ta’ distanza, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors skada fit-2 ta’ Ġunju 2014.

28      Ċertament, ir-rikorrenti bagħtet rikors permezz ta’ ittra elettronika tal-20 ta’ Mejju 2014. Madankollu, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, id-data li fiha kopja tal-oriġinal iffirmat ta’ att ta’ proċedura tasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ faks jew ta’ ittra elettronika ma tittiħidx inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali, ħlief jekk l-oriġinal iffirmat tal-att jiġi ppreżentat lil dan ir-reġistru mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara li jkun wasal dan il-faks jew din l-ittra elettronika.

29      Issa f’dan il-każ, l-oriġinal tar-rikors ġie ppreżentat fir-reġistru biss fis-6 ta’ Ġunju 2014 jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

30      Minbarra dan, dan l-oriġinal ma kienx jinkludi l-firma bil-miktub tal-avukat tar-rikorrenti, iżda l-firma bil-miktub tar-rikorrenti u l-kopja tal-firma tal-avukat tagħha.

31      Madankollu, in-nuqqas ta’ preżentata tal-oriġinal tar-rikors iffirmat minn avukat awtorizzat li jagħmel dan ma huwiex wieħed mill-irregolaritajiet formali li jistgħu jiġu rregolarizzati konformement mal-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi kkunsidrat bħala regola sostanzjali tal-proċedura u għandu jiġi applikat strettament, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors fl-iskadenza tat-terminu tal-proċedura (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, EU:C:2011:612, punt 42 ; digriet tal-21 ta’ Settembru 2012, Noscira vs UASI, C‑69/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:589, punti 22 u 23, u s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2007, Il‑Parlament vs Eistrup, T‑223/06 P, EU:T:2007:153, punti 48 u 51).

32      L-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq in-natura skużabbli tal-iżball imwettaq minħabba li, fid-dritt Spanjol, l-assenza ta’ firma tar-rikors mill-avukat li jista’ jiġi rregolarizzat, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-kunċett ta’ żball skużabbli għandu jiġi interpretat b’mod strett u jista’ biss isemmi ċirkustanzi eċċezzjonali (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, EU:C:2011:612, punt 47). Issa, it-tħejjija, is-sorveljanza u l-verifika tal-atti proċedurali li għandhom jiġu ppreżentati lir-reġistru jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-avukat tal-parti kkonċernata u, f’dan il-każ, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-dritt nazzjonali ma jippermettux li tiġi konkluża l-eżistenza taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-ġurisprudenza applikabbli.

33      Barra minn hekk, il-fatt li l-assenza ta’ firma tar-rikors mill-avukat ma jkunx jista’ jiġi rregolarizzat fid-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 31 iktar ’il fuq) ma jqiegħedx f’kwistjoni d-dritt għal rimedju effettiv. Fil-fatt, l-applikazzjoni stretta tar-regoli proċedurali tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Għalkemm il-kundizzjonijiet tal-preżentata tar-rikorsi u t-termini għall-preżentata ta’ rikors jillimitaw id-dritt ta’ aċċess għal tribunal, din il-limitazzjoni ma tikkostitwixxix ħsara għas-sustanza stess tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tant li r-regoli inkwistjoni huma ċari u ma jippreżentawx diffikultà ta’ interpretazzjoni partikolari (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-21 ta’ Settembru 2012, Noscira vs UASI, C‑69/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:589, punti 33 sa 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 ma ġewx osservati u li l-ittra mibgħuta tal-20 ta’ Mejju 2014 imwettqa mir-rikorrent ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi rikors ippreżentat validament.

35      Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li ppreżentat rikors iffirmat permezz ta’ ċertifikat numeriku fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Madankollu, ir-rikors ippreżentat permezz tal-intermedju ta’ e-Curia fl-24 ta’ Ġunju 2014 huwa tardiv ukoll fid-dawl tat-terminu li jiskadi fit-2 ta’ Ġunju 2014.

36      Minn dan isegwi li r-rikors għal annullament għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti mqajma dwar il-mertu mir-rikorrenti.

 Fuq ir-rikors għad-danni

37      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi nuqqas u kellha konsegwenzi ekonomiċi gravi f’dan ir-rigward. Hija tinvoka t-telf tad-dħul li jikkonċerna l-proġett eDIGIREGION kif ukoll proġetti oħrajn u tenfasizza l-impatt negattiv fuq il-klijenti istituzzjonali u fuq il-kompetittività tagħha. Hija tevalwa d-dannu tagħha għal EUR 3 055 000 u titlob ukoll il-ħatra ta’ espert bil-għan li jiġi evalwat id-dannu ekonomiku subiet. It-tieni nett, hija tinvoka d-dannu subiet għall-fatt tat-tmaqdir tal-Kummissjoni li taffettwa l-kredibbiltà tagħha u hija titlob, f’dan ir-rigward, il-pubblikazzjoni u l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

38      Mistoqsiha mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni ma invokatx l-inammissibbiltà tal-imsemmi rikors u hija ssostni li huwa ammissibbli.

39      Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni u, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, tinvoka l-inammissibbiltà tar-rikors għad-danni.

40      Għandu jitfakkar li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni Ewropea għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-impenn tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, għal aġir illegali tal-korpi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, EU:C:1982:318, punt 16; tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punti 106 u 164 sa 166, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 28). Minbarra dan, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-aġir illegali li bih tiġi kkritikata l-istituzzjoni kkonċernata, il-ġurisprudenza teħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li jkollha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi. Il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li ksur huwa suffiċjentement sinjifikattiv jikkonsisti fi ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernata, limiti li jiġu imposti fis-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 42sa 44; tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il‑Kummissjoni, T‑160/03, EU:T:2005:107, punt 93, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 29).

42      Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mar-realtà tad-danni, l-Unjoni tkun responsabbli biss fil-każ li r-rikorrenti tkun effettivament sofriet danni reali u ċerti, fatti li għandhom jiġi pprovati mir-rikorrenti (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2014, Giordano vs Il‑Kummissjoni, C‑611/12 P, EU:C:2014:2282, punt 36 u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 30).

43      Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-allegat dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ikkritikat, peress li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, fatt li għandu jiġi pprovat mir-rikorrenti (sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il‑Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, EU:C:1992:44, punt 25 u tal-20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI, T‑461/08, EU:T:2011:494, punt 209).

44      Peress li waħda mit-tliet kundizzjonijiet li jinvokaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta, l-allegazzjonijiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra huma ssodisfatti (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 81).

45      Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, l-azzjoni għad-danni, ibbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hija rimedju awtonomu fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji fid-dritt tal-Unjoni, b’mod li l-inammissibbiltà ta’ talba għall-annullament ma twassalx, minnha stess, għal dik ta’ talba għall-kumpens (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1995, COBRECAF et vs Il‑Kummissjoni, T‑514/93, EU:T:1995:49, punt 58, u tas-17 ta’ Ottubru 2002, Astipesca vs Il‑Kummissjoni, T‑180/00, EU:T:2002:249, punt 139).

46      Madankollu, jekk parti tista’ taġixxi permezz ta’ azzjoni għad-danni, mingħajr ma tkun kostretta minn ebda test li tfittex l-annullament tal-att illegali li tikkawżalha dannu, madankollu hija ma tistax tuża’ b’dan il-mezz l-inammissibbiltà ta’ talba li ssemmi l-istess illegalità u li hija intiża għall-istess finijiet monetarji (digriet tas-26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il‑Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P, EU:C:1995:360, punt 27).

47      B’hekk, rikors għad-danni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli meta huwa intiż, fir-realtà, għar-revoka ta’ deċiżjoni individwali li saret definittiva u li għandha bħala effett, jekk tintlaqa’, li tinnewtralizza l-effetti legali ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1987, Krohn Import-Export vs Il‑Kummissjoni, 175/84, EU:C:1987:8, punti 32 u 33; tal-15 ta’ Marzu 1995, COBRECAF et vs Il‑Kummissjoni, T‑514/93, EU:T:1995:49, punti 58 u 59, u tas-17 ta’ Ottubru 2002, Astipesca vs Il‑Kummissjoni, T‑180/00, EU:T:2002:249, punt 140). Dan huwa l-każ jekk rikorrenti tfittex, permezz ta’ talba għad-danni, li tikseb riżultat li huwa identiku għal dak li jipprovdilu s-suċċess ta’ rikors għal annullament li hija naqset li tippreżenta f’ħin xieraq (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Ottubru 2010, Ivanov vs Il‑Kummissjoni, C‑532/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:577, punt 24).

48      Barra minn hekk, rikors għad-danni jista’ wkoll ikun jista’ jinnewtralizza l-effetti legali ta’ deċiżjoni li saret definittiva meta r-rikorrenti tfittex benefiċċju iktar estiż, iżda tinkludi dak li hija setgħet tirtira minn sentenza ta’ annullament. F’tali każ, huwa madankollu neċessarju li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rabta stretta bejn ir-rikors għad-danni u r-rikors għal annullament biex wieħed jikkonkludi l-inammissibbiltà tal-ewwel (digriet tal-24 ta’ Mejju 2011, Power-One Italy vs Il‑Kummissjoni, T‑489/08, mhux ippubblikat, EU:T:2011:238, punt 46).

49      Wieħed għandu jżid jgħid li l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-kumpens tista’ tiġi eżaminata ex officio mill-qorti sa fejn tmiss mal-ordni pubbliku (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2002, Antipesca vs Il‑Kummissjoni, T‑180/00, EU:T:2002:249, punt 139).

50      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ssollevati mir-rikorrenti li tinvoka dannu ekonomiku u morali.

 Fuq id-dannu ekonomiku

51      Ir-rikorrenti ssostni li d-dannu ekonomiku li subiet jaqa’ taħt tliet kapi distinti.

52      L-ewwel nett, hija titlob ir-rimbors tal-ammont ta’ EUR 438 165 li jikkorrispondu għat-telf tas-sussidju marbut mal-proġett eDIGIREGION.

53      Għandu jiġi kkonstatat li din it-talba hija intiża għall-pagament ta’ somma li l-ammont tagħha jikkorrispondi eżattament ma’ dak tad-drittijiet li għalihom hija tinsab imċaħħda mill-fatt tad-deċiżjoni kkontestata. L-imsemmija talba hija intiża għalhekk, b’mod indirett, għall-annullament tad-deċiżjoni individwali peress li eskludietha mill-proġett u intiża għall-istess riżultat bħal dak li huwa intiż permezz tar-rikors għal annullament.

54      Madankollu, ir-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li teskludi r-rikorrenti mill-proġett eDIGIREGION ġiet qabel ma kienet iddikjarata inammissibbli (punt 36 iktar ’il fuq) u din id-deċiżjoni għalhekk saret definittiva.

55      Għaldaqstant, it-talba intiża għall-kumpens għad-dannu marbuta mat-telf tas-sussidju ta’ ammont ta’ EUR 438 165 għall-imsemmi proġett huwa inammissibbli, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 u 47 iktar ’il fuq.

56      It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, l-eżistenza ta’ dannu marbut mat-telf ta’ riżorsi ppjanati għas-snin 2014, 2015 u 2016 li jammontaw għal EUR 146 055 għal kull waħda minn dawn it-tliet snin. Fir-replika, hija tevoka dannu li jikkorrispondi għal vantaġġi supplimentari li jirriżultaw mill-proġetti u ammont superjuri għal dak assenjat lill-baġit tagħha kif ukoll dannu marbut mal-effetti tal-kompetittività futura tagħha u l-assenza ta’ valorizzar tal-konoxxenzi tagħha.

57      Madankollu, din it-talba hija intiża wkoll għall-pagament ta’ somma li għalihom hija tinsab imċaħħda mill-fatt tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, permezz ta’ din it-talba, hija intiża li terġa’ tkun stabbilita, fuq il-pjan finanzjarju, fis-sitwazzjoni li kellha, li fil-fehma tagħha, tkun tagħha fl-assenza tad-deċiżjoni intiża li teskludi mill-proġett. It-talba intiża għall-pagament ta’ dawn is-somom tippreżenta għalhekk rabta stretta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, bl-annullament tad-deċiżjoni intiża li teskludiha mill-proġett. Tali talba għalhekk hija wkoll inammissibbli.

58      Barra minn hekk, minkejja li din ir-rabta mar-rikors għal annullament hija kkunsidrata bħala mhux suffiċjentement stretta biex twassal għall-inammissibbiltà tat-talba intiża għall-kumpens għad-dannu marbut mat-telf tar-riżorsi ppjanati, din it-talba għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi mċaħħda bħala infondata. Fil-fatt, iċ-ċifri evokati li jikkonċernaw it-telf tar-riżorsi ppjanati għal 2014, 2015 u 2016 ma huma fl-ebda mod imsaħħa. Barra minn hekk, l-Unjoni tkun responsabbli biss fil-każ li r-rikorrenti tkun effettivament sofriet danni reali u ċerti, fatti li għandhom jiġi pprovati minnha, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq. Madankollu, il-pjanijiet evokati ma jikkostitwixxux il-prova ta’ dannu reali u ċert fis-sens tal-ġurisprudenza. Dan japplika wkoll għad-dannu marbut mal-effetti tal-kompetittività futura tar-rikorrenti u l-assenza ta’ valorizzar tal-konoxxenzi tagħha.

59      Din it-talba hija għalhekk inammissibbli u f’kull każ infondata.

60      It-tielet nett, fir-rigward tat-telf ta’ dħul relatat mal-proġetti minbarra l-proġett eDIGIREGION, ir-rikorrenti tevoka l-proġetti INACHUS u ZONeSEC. Hija tevoka kemm somom marbutin mal-proġetti stess, jiġifieri is-sussidji ta’ EUR 359 500 għall-proġett INACHUS u ta’ EUR 421 750 għall-proġett ZONeSEC, u somom li jikkorrispondu għar-riżorsi ppjanati għas-snin 2014 sa 2017.

61      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċifri evokati mir-rikorrenti ma huma bl-ebda mod imsaħħa. Minbarra dan, il-proġetti evokati ma humiex imsemmija mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2014. Fil-fatt, din tikkonċerna biss il-proġett eDIGIREGION u l-Kummissjoni barra minn hekk b’mod ċar speċifikat li hija ma kinitx tippreġudika d-deċiżjoni li għandha tittieħed dwar il-proposti l-oħra ta’ proġett li r-rikorrenti kienet tagħmel parti minnhom.

62      Għaldaqstant, ir-rabta kawżali bejn, minn naħa, l-aġir tal-Kummissjoni li wassal għad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2014 u, min-naħa l-oħra, dannu eventwali dwar dawn il-proġetti ma hijiex stabbilita.

63      Din it-talba li tikkonċerna proġetti oħrajn għandha għalhekk ukoll tiġi miċħuda.

64      Minn dan isegwi illi t-talba għad-danni dwar id-dannu ekonomiku għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

 Fuq id-dannu morali

65      Fl-ewwel lok, mill-atti bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li hija ssostni li subiet dannu morali mill-fatt tal-aġir tal-Kummissjoni li hija tikklassifika bħala derogatorju u li affettwa l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tagħha. Hija ssostni wkoll li, permezz tal-pressjonijiet tagħha, il-Kummissjoni dewmet il-proċeduri ta’ negozjar għall-finijiet li tistigmatizzaha bħala parteċipant mhux mixtieq fil-proġetti Ewropej. Bħala kumpens, hija titlob il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali f’ċerti bullettini tal-Kummissjoni u l-komunikazzjoni tagħha mal-membri tal-konsorzji li fihom hija pparteċipat u li l-proġetti tagħha ġew sospiżi jew mdewma.

66      Għandu jiġi rrilevat li din it-talba ma għandhiex bħala effett, jekk tintlaqa’, li tinnewtralizza l-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hija ma hijiex intiża li tikseb riżultat identiku għal dak li nkiseb għar-rikorrenti is-suċċess ta’ rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata jekk kien ġie ppreżentat f’ħin xieraq. Għaldaqstant, din it-talba hija ammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza evokata fil-punti 46 sa 48 iktar ’il fuq.

67      Barra minn hekk, insostenn tal-argumentazzjoni tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-aġenti tal-Kummissjoni eżerċitaw pressjonijiet intiżi li jeskludu proġetti Ewropej ta’ riċerka. Hija tindika b’mod partikolari li l-kunflitt tagħha mal-Kummissjoni li tikkonċerna l-proġett eDIGIREGION għandha riperkussjonijiet fuq żewġ proġetti oħra, f’dan il-każ il-proġetti ZONeSEC u INACHUS, li fihom il-Kummissjoni informat l-assoċjati l-oħrajn bil-problemi tagħha biex tipparteċipa f’proġetti Ewropej. Sabiex issostni l-affermazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tipproduċi skambji ta’ ittri elettroniċi.

68      F’dan il-każ, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud.

69      L-ewwel nett, fil-fatt, fir-rigward tal-ittri elettroniċi li jikkonċernaw il-proġetti ZONeSEC u INACHUS, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ssemmix espressament liema dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi nkisret f’dan il-każ. Hija lanqas ma turi li l-Kummissjoni kellha aġir illegali li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ tali dispożizzjoni legali.

70      F’dan ir-rigward, fl-ittra elettronika tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2013 indirizzata lil M.S., azzjonist tar-rikorrenti, il-koordinatur tal-proġett INACHUS evoka kummenti tal-Kummissjoni importanti għar-rikorrenti u li għandhom bżonn diskussjoni immedjata. Madankollu, ma hija pprovduta ebda indikazzjoni dwar il-kontenut ta’ dawn il-kummenti. Barra minn hekk, f’ittra elettronika bi tweġiba, bid-data tas-17 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti tindirizza deskrizzjoni tal-organizzazzjoni tagħha. Huwa għalhekk kompletament possibbli li l-kummenti tal-Kummissjoni li kellhom bżonn diskussjoni kienu speċifikament iffokati fuq dan is-suġġett purament tekniku.

71      Bl-istess mod, fil-kuntest tal-proġett ZONeSEC, hija r-rikorrenti stess li, fil-15 ta’ Jannar 2014, bagħtet ittra elettronika lill-koordinatur tal-proġett, li fiha tevoka d-diffikultajiet bejn il-kumpannija antika, R., u l-Aġenzija eżekuttiva għar-riċerka u tipproponi impriżi oħra biex jissostitwuha fil-każ fejn dawn id-diffikultajiet jippenalizzaw il-firma tal-kuntratt ZONeSEC. Il-koordinatur tal-proġett wara indirizza ittra elettronika bid-data tal-25 ta’ Frar 2014 lill-assoċjati tal-imsemmi proġett, li fiha tevoka diffikultajiet baġitarji li għandhom jiġu solvuti u tindika li dan id-dewmien jista’ jkun dovut għan-neċessità li wieħed jistenna d-deċiżjoni tal-Aġenzija eżekuttiva għar-riċerka li tikkonċerna r-rikorrenti.

72      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-atti prodotti mir-rikorrenti bl-ebda mod ma jappoġġjaw l-affermazzjonijiet tagħha dwar l-attitudni allegatament derogatorju tal-Kummissjoni.

73      It-tieni nett, ir-rikorrenti tipproduċi ittri elettroniċi dwar proġetti oħrajn, f’dan il-każ il-proġetti ClusMED, Global ITV u INSO 2. Madankollu, dawn id-dokumenti ma humiex rilevanti, peress li jikkonċernaw mhux lir-rikorrenti, iżda l-azzjonista tagħha, M. S., li ma huwiex parti għal dan ir-rikors. L-argument li jgħid li d-dannu kollu tar-rikorrenti jaffettwa lil dan tal-aħħar ma tiddgħajjefx din il-konklużjoni.

74      It-tielet nett, ir-rikorrenti jiddispjaċih mill-fatt li, fil-kuntest tal-proġett eDIGIREGION, il-Kummissjoni, permezz tal-pressjonijiet tagħha, dewmet il-proċeduri tan-negozjar sabiex tistigmatizzaha.

75      Għandu jiġi kkonstatat li n-negozjar mal-Kummissjoni, li kellu jitlesta fl-20 ta’ Marzu 2013, ġie tterminat f’Novembru 2013. Madankollu, ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni kienet, matul dan it-terminu, stigmatizzat lir-rikorrent. Għall-kuntrarju, mill-elementi tal-proċess, imfakkra fil-punti 5 sa 10 iktar ’il fuq, jirriżulta li dan it-terminu ġie użat mill-Kummissjoni biex twettaq, fil-bżonn ta' ġestjoni finanzjarja tajba, eżami fil-fond tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fid-dawl tal-kundizzjonijiet magħmula biex wieħed jipparteċipa fil-proġett eDIGIREGION, biex tikkjarifika l-elementi tal-proċess u biex tesponilha l-motivi tar-rifjut tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett.

76      Fid-dawl tal-elementi tal-proċess, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipprovax l-eżistenza ta’ aġir illegali jew derogatorju min-naħa tal-Kummissjoni.

77      Għaldaqstant, it-talba għad-danni tar-rikorrenti għal dannu għar-reputazzjoni tagħha mill-fatt tal-aġir tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet marbutin mal-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali huma ssodisfatti.

78      Fit-tieni lok, matul is-seduta, ir-rikorrenti invokat ukoll dannu morali, li jikkonsisti f’dannu għar-reputazzjoni tagħha, marbut mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

79      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-proċedura sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa fil-mori tal-proċedura. Madankollu, motiv jew argument, li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv imressaq preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkun marbut mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 46). Soluzzjoni analoga hija imposta għal ilment invokat insostenn ta’ motiv (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Boliden et vs Il‑Kummissjoni, T‑19/05, EU:T:2010:203, punt 90).

80      F’dan il-każ, l-ilment invokat mir-rikorrenti li jgħid li hija subiet dannu morali mill-fatt tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax mir-rikors u ma jibbażax fuq punt ta’ liġi u ta’ fatt magħruf fil-mori tal-proċedura. Barra minn hekk, ma jirrigwardax estensjoni ta’ motiv imressaq preċedentement. Fil-fatt, id-dannu morali invokat fir-rikors u eżaminat fil-punti 65 sa 76 iktar ’il fuq ġie invokat minħabba l-aġir tal-Kummissjoni u mhux b’rabta mad-deċiżjoni kkontestata.

81      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dannu morali marbut mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud bħala ġdid u, għalhekk, inammissibbli, konformement mal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

82      Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jippreżumi li ma jirrigwardax ilment ġdid, għandu jiġi kkonstatat li t-talba tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma hijiex biċ-ċifri u hija intiża, b’mod indirett, li tiġi kkonstatata li l-parteċipazzjoni tagħha għall-proġett eDIGIREGION ma kellhiex tiġi miċħuda. Jiġifieri, tali talba hija intiża, essenzjalment, li tikseb l-istess riżultat bħal dak li minnu hija tinsab imċaħda mill-fatt tat-tardività tar-rikors tagħha għal annullament. Din it-talba b’hekk tidher strettament marbuta mar-rikors għal annullament, fis-sens tal-ġurisprudenza evokata fil-punti 46 sa 48 iktar ’il fuq, u għalhekk tista’ biss tiġi miċħuda skont din il-ġurisprudenza.

83      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda element li jappoġġa l-eżistenza ta’ dannu għar-reputazzjoni tagħha li hija marbuta mad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett, għalkemm sfavorevoli, ma tistax, fiha nnifisha, tiġi kkunsidrata bħala li tippreġudika r-reputazzjoni tagħha. Il-konsegwenzi marbutin mal-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni jagħmlu parti mir-riskji li għalihom kull operatur ekonomiku mwissi jesponi ruħu meta jipparteċipa f’tali proċedura. Minn dan isegwi li d-dannu ta’ reputazzjoni allegatament marbut mad-deċiżjoni kkontestata ma hija stabbilita b’ebda mod.

84      Għaldaqstant, it-talba għall-kumpens għad-dannu morali, kemm jekk hija marbuta mal-aġir tal-Kummissjoni jew mad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda.

85      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-talba għad-danni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tintlaqa’ t-talba tagħha intiża li tordna perizja ġudizzjarja u li taħtar espert u għat-talba tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża li tiġbor ix-xhieda tal-koordinaturi. Bl-istess mod, it-talba tagħha għall-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi miċħuda.

86      Għalhekk, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

87      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Holistic Innovation Institute, SLU hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Mejju 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.