Language of document : ECLI:EU:T:2015:787

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

8 ta’ Ottubru 2015

Kawża T‑464/14 P

Risto Nieminen

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċeduri ta’ promozzjoni 2010 u 2011 – Deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix promoss għall-grad AD 12 – Dritt għal smigħ xieraq – Drittijiet tad-difiża – Portata tal-istħarriġ ġuridiku fl-ewwel istanza – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Assenza ta’ żball ta’ liġi u ta’ żnaturament – Appell manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ April 2014, Nieminen vs Il-Kunsill (F-81/12, Ġabra SP, EU:F:2014:50), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. R. Nieminen huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Appell – Aggravji – Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 257(3) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

2.      Appell – Aggravji – Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tar-rifjut tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ jew miżuri istruttorji – Portata

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

3.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni – Elementi oħra li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

5.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Modalitajiet – Obbligu li jsir eżami komparattiv tal-uffiċjali kollha promovibbli – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Skont l-Artikolu 257(3) TFUE u l-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss għandu l-kompetenza, minn naħa, li jikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tiegħu tkun tirriżulta minn elementi tal-fajl suġġetti lilu, u, min-naħa l-oħra, sabiex jevalwa dawn il-fatti, b’riżerva tal-iżnaturament tal-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti għalhekk ma tikkostitwixxix, taħt riżerva tal-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem din il-qorti, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ fuq il-kwalifika ġuridika tal-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt misluta minnha mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 26 u 35)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: digrieti tas-16 ta’ Settembru 2013, Bouillez vs Il-Kunsill, T‑31/13 P, Ġabra SP, EU:T:2013:521, punti 34 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, u fl-20 ta’ Settembru 2013, Van Neyghem vs Il-Kunsill, T‑113/13 P, ĠabraSP, EU:T:2013:568, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu, bħala regola, marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jevalwa l-utilità li tiġi ordnata l-produzzjoni tal-elementi neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawżi li jkollu quddiemu. In-natura probatorja jew le tad-dokumenti tal-proċedura ppreżentati taqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tiegħu tal-fatti, li taqa’ barra mill-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-appell, ħlief f’każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula minn dan tal-aħħar tkun tirriżulta mid-dokumenti inklużi fil-fajl.

(ara l-punt 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza fis-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, Ġabra, EU:C:2009:456, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kandidati għal promozzjoni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, f’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-mezzi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din żammitx ruħha fil-limiti mhux kritikabbli u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Il-qorti tal-Unjoni ma tistax għalhekk tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-kwalifiki u tal-merti tal-kandidati għal dik tal-Awtorità tal-Ħatra.

F’dan ir-rigward, sabiex iżżomm l-effett utli tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur ried jafda lill-imsemmija awtorità fil-qasam ta’ promozzjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tannulla deċiżjoni sempliċiment minħabba li tikkunsidra li tinsab fil-preżenza ta’ fatti li jqajjmu dubji plawsibbli fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra, jew tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel eżami dettaljat tal-fajls kollha tal-kandidati kollha promovibbli sabiex tiżgura ruħha li taqbel mal-konklużjoni li waslet għaliha l-imsemmija awtorità, peress li, jekk tagħmel dan l-eżerċizzju, tkun qegħda toħroġ mill-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li huwa tagħha, u b’hekk tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-merti tal-kandidati promovibbli għal dik tal-Awtorità tal-Ħatra. Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija rrikonoxxuta lill-imsemmija awtorità hija limitata min-neċessità li jsir eżami komparattiv tal-kandidaturi b’attenzjoni u imparzjalità, fl-interess tas-servizz u skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-prattika, dan l-eżami għandu jsir fuq bażi ta’ ugwaljanza u skont sorsi ta’ informazzjoni komparabbli.

(ara l-punti 36 u 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza fil-21 ta’ April 1983, Ragusa vs Il-Kummissjoni, 282/81, Ġabra, EU:C:1983:105, punti 9 u 13

Qorti Ġenerali: sentenzi fil-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP, EU:T:2005:324, punt 52, u fil-15 ta’ Jannar 2014, Stols vs Il-Kunsill, T‑95/12 P, ĠabraSP, EU:T:2014:3, punti 29 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      L-obbligu għall-Awtorità tal-Ħatra li tagħmel eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali suxxettibbli li jiġu promossi, previst fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa l-espressjoni kemm tal-prinċipju ta’ ugwaljaza fit-trattament tal-uffiċjali kif ukoll tal-vokazzjoni tagħhom għall-karriera, fejn l-evalwazzjoni tal-merti tagħhom tikkostitwixxi għalhekk il-kriterju determinanti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, l-imsemmija awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rapporti dwar l-uffiċjali, l-użu minn dawn, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, ta’ lingwi differenti mil-lingwa li wrew li jafu fil-fond u, jekk ikun il-każ, il-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati. Din id-dispożizzjoni tħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-importanza li din tkun trid tagħti lil kull wieħed mit-tliet kriterji msemmija fl-eżami komparattiv tal-merti, fl-osservanza madankollu tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

L-Awtorità tal-Ħatra tista’, sussidjarjament, f’każ ta’ ugwaljanza ta’ merti bejn l-uffiċjali promovibbli fid-dawl tat-tliet krieterji msemmija espressament fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra, bħall-età tal-uffiċjali u l-anzjanità tagħhom fil-grad jew fis-servizz, fejn f’tali każ dawn il-kriterji jistgħu jikkostitwixxu fattur deċiżiv fl-għażla tagħha.

(ara l-punti 38 u 39)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: sentenzi fis-16 ta’ Mejju 2013, Canga Fano vs Il-Kunsill, T‑281/11 P, ĠabraSP, EU:T:2013:252, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u fil-15 ta’ Jannar 2014, Stols vs Il-Kunsill, EU:T:2014:3, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali u tal-vokazzjoni għall-karriera tagħhom jimplikaw li l-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, previst fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġi estiż għall-uffiċjali kollha promovibbli, tkun xi tkun il-funzjoni eżerċitata. F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolament tal-Persunal kif ukoll is-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra, temm id-distinzjoni li kienet issir qabel bejn l-impjiegi ta’ natura mhux lingwistika eżerċitati mill-uffiċjali li jappartjenu għall-kategoriji A sa D u l-impjiegi ta’ natura lingwistika eżerċitati mill-uffiċjali li jaqgħu fil-kuntest LA u ħoloq struttura ġdida ta’ karriera, li tinkludi żewġ gruppi ta’ karigi, jiġifieri l-grupp ta’ karigi ta’ assistenti (AST), intiż sabiex jissostitwixxi l-kategoriji ta’ qabel C u B, u l-grupp ta’ karigi ta’ amministraturi (AD), li jissostitwixxi l-kategorija ta’ qabel A kif ukoll il-qafas lingwistiku LA. B’hekk, peress li l-leġiżlatur ried jgħaqqad fi grupp ta’ karigi wieħed l-amministraturi kollha, kemm jekk jeżerċitaw karigi lingwistiċi jew jekk jeżerċitaw karigi oħra, hija l-Awtorità tal-Ħatra, li għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar il-promozzjonijiet, li tagħmel eżami komparattiv uniku tal-merti għall-amministraturi promovibbli kollha f’kull grad.

(ara l-punti 40 u 41)

Referenza:

Qorti Ġenerali: sentenzi tald-19 ta’ Marzu 2003, Tsarnavas vs Il-Kummissjoni, T‑188/01 sa T 190/01, ĠabraSP, EU:T:2003:77, punt 121, u tal-15 ta’ Diċembru 2010, Almeida Campos et vs Il-Kunsill, F‑14/09, ĠabraSP, EU:F:2010:167, punt 35