Language of document : ECLI:EU:T:2016:742

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Unjoni doganali – Importazzjoni ta’ prodotti dderivati mit-tonn provenjenti minn El Salvador – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Talba għal nuqqas ta’ rkupru ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Artikolu 220(2)(b) u Artikolu 236 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Dritt għal amministrazzjoni tajba b’rabta mal-Artikolu 872a tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Żball li ma setax raġonevolment jiġi nnutat mill-awtoritajiet kompetenti”

Fil-Kawża T‑466/14,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn A. Rubio González, wara minn V. Ester Casas, abogado del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Arenas, A. Caeiros u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2363 finali, tal-14 ta’ April 2014, li tikkonstata li, f’każ partikolari, il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni hija ġġustifikata għal ċertu ammont, imma mhux għal ammont ieħor (REM 02/2013), fejn ikkonkludiet li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni li jitilgħu sa’ EUR 14 417 193.41 ma kinitx iġġustifikata,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz (Relatur) u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur,

rat l-istadju bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-6 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bejn l-2007 u l-2009, żewġ kumpanniji tal-grupp Calvo, stabbiliti fi Spanja, Calvo Conservas, SL u Calvo Distribución Alimentaria, SL (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”), importaw fi Spanja prodotti dderivati mit-trasformazzjoni tat-tonn, jiġifieri il-kunserva tat-tonn u flettijiet tat-tonn iffriżati, iddikjarati bħala oriġinarju minn El Salvador (iktar ’il quddiem l-“importazzjonijiet kontenzjużi”).

2        Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa talbet lill-awtoritajiet doganali Spanjoli l-applikazzjoni tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġġeneralizzati (iktar ’il quddiem is-“SPĠ”) għall-importazzjonijiet kontenzjużi, li kien jimplika s-sospensjoni tat-tariffa doganali komuni ta’ rata ta’ 24 %, billi pproduċew ċertifikati ta’ oriġini “formula A” maħruġa mill-awtoritajiet doganali ta’ El Salvador u maħruġa wara talba ppreżentata mill-esportatur, kumpannija oħra tal-grupp Calvo, Calvo Conservas El Salvador, SA de CV li kienu pprovdew lill-awtoritajiet doganali ta’ El Salvador id-dokumenti li jippruvaw l-oriġini tal-prodotti għall-bżonnijiet tas-SPĠ.

3        Fuq il-bażi taċ-ċertifikati ta’ oriġini ppreżentati mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, l-awtoritajiet doganali Spanjoli kienu ammettew l-oriġini minn El Salvador tal-prodotti u laqgħu t-talba tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa sabiex tibbenefika mit-trattament preferenzjali għall-importazzjonijiet kontenzjużi.

4        Mit-8 sal-20 ta’ Novembru 2009, kienet intbagħtet missjoni f’El Salvador mir-rappreżentanti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u minn diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea minħabba suspetti ta’ frodi fl-importazzjoni ta’ prodotti dderivati mit-trasformazzjoni tat-tonn.

5        Mir-rapporti tal-missjoni tal-OLAF tat-2 ta’ Ġunju u tas-7 ta’ Diċembru 2009 u mir-rapport finali tas-16 ta’ Settembru 2010 jirriżulta li r-regoli tas-SPĠ ma kinux ġew osservati. Diversi irregolaritajiet dwar l-oriġini tal-importazzjonijiet kontenzjużi kienu ġew innotati. Dawn l-irregolaritajiet kienu jirrigwardaw l-użu ta’ ċertifikati ta’ oriġini mhux konformi għall-għanijiet tas-SPĠ, in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni li l-ekwipaġġ tal-vapuri kellu jkun kompost minn mhux inqas minn 75 % minn ċittadini tal-pajjiż benefiċjarju jew tal-Istati Membri sabiex il-vapur ikun jista’ jiġi meqjus bħala ta’ nazzjonalità tal-pajjiż benefiċjarju, u l-użu ta’ żewġ bnadar, dik ta’ El Salvador u tas-Seychelles, mit-tunnara Montelape u Montealegre, li jappartjenu lill-grupp Calvo, b’mod li dawn iż-żewġ vapuri kellhom jitqiesu bħala mingħajr nazzjonalità u li, għaldaqstant, it-tonn maqbud minn dawn tal-aħħar ma setax jitqies li joriġina mis-Salvador.

6        L-irregolarità marbuta mal-bandiera doppja tat-tunnara Montelape u Montealegre kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni mill-OLAF sabiex jiġi vverifikat l-użu tal-fondi strutturali għas-sajd riċevuti minn kumpannija tal-grupp Calvo, Calvopesca, SA. Ir-rapport finali tal-OLAF kien ikkonstata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet serji li jikkonċernaw dawn il-vapuri, li kienu rreġistrati fis-Seychelles, sabiex jgawdu mill-finanzjament tal-fondi strutturali għas-sajd, u li l-bandiera tagħhom kienet inbidlet wara sentejn ta’ użu għal bandiera tas-Salvador, bl-għan li jiddikjaraw il-ħut maqbud bħala ta’ oriġini minn El Salvador sabiex igawdu mit-trattament preferenzjali tas-SPĠ.

7        Fl-2010, wara r-rapporti tal-OLAF, l-awtoritajiet Spanjoli kienu fetħu proċedura ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni billi applikaw għall-importazzjonijiet kontenzjużi r-rata ta’ dazju komuni ta’ 24 %. L-ammont tad-dazju tad-dwana mitlub kien ta’ EUR 15 292 471.19.

8        Fl-1 ta’ Lulju 2011, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ppreżentat talba ta’ maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni taħt l-Artikolu 236, flimkien mal-Artikolu 220(2)(b) u l-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) (iktar ’il quddiem il-“KDK”).

9        Billi l-Kummissjoni Ewropea kienet infurmat lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa bl-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni sfavorevoli, din tal-aħħar, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Settembru 2012, irrinunzjat għat-talba tagħha għal maħfra tad-dazji.

10      Insegwitu, il-Kummissjoni, fl-10 ta’ Settembru 2012, innotifikat lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li hija kienet tikkunsidra l-fajl tal-maħfra tad-dazji bħala mhux miftuħ.

11      Fis-16 ta’ Jannar 2013, l-awtoritajiet Spanjoli kienu ppreżentaw ex officio talba għall-maħfra tad-dazji lill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 236, moqri flimkien mal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

12      Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kkunsidrat li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 236, moqri flimkien mal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK kienu sodisfatti u qablet mar-raġunament tal-awtoritajiet Spanjoli, imma hija kienet, għall-kuntrarju, indikat l-oppożizzjoni tagħha għar-rinviju tal-fajl lill-Kummissjoni, fid-dawl tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2012 tal-Audiencia Nacional (qorti ċentrali, Spanja), li kienet ikkunsidrat li l-benefiċċju tat-trattament tariffarju preferenzjali tas-SPĠ kien seta’ jingħata f’dan il-każ. Għalhekk, fil-fehma tagħha, il-fajl kellu jiġi rrinvijat lill-awtoritajiet nazzjonali, u l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiġi adita, jekk ikun il-każ, b’talba għal deċiżjoni preliminari.

13      Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-qorti Spanjola ma kellhiex l-effett li twaqqafha milli tadotta deċiżjoni li taqa’ fil-kompetenza tagħha.

14      Fit-13 ta’ Frar, is-16 ta’ Lulju u t-8 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni kienet talbet informazzjoni supplimentari li l-awtoritajiet Spanjoli kienu pprovdew. Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet ħadet konjizzjoni ta’ dawn it-talbiet għal informazzjoni u setgħet tifformula osservazzjonijiet fuq ir-risposti li l-awtoritajiet Spanjoli kien fi ħsiebhom jippreżentaw.

15      B’ittra tal-10 ta’ Diċembru 2013, skont l-Artikolu 872a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-KDK (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), il-Kummissjoni stiednet lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li tissottometti l-kummenti tagħha dwar kull kwistjoni ta’ fatt jew tad-dritt li setgħet twassal għaċ-ċaħda tat-talba tagħha (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”).

16      B’ittra tad-9 ta’ Jannar 2014, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa sostniet li kien twettaq żball mill-awtoritajiet ta’ El Salvador. Hija insistiet fuq il-bona fide tagħha u l-osservanza tagħha tad-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni doganali. Barra minn hekk, hija kkritikat l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-bandiera u enfasizzat id-diffikultajiet li jiġi osservat il-kriterju dwar il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ stabbilit bl-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 2454/93. Fl-aħħar nett, hija sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx bagħtet is-siġilli t-tajba lill-awtoritajiet ta’ El Salvador u ma kinitx osservat id-drittijiet tad-difiża, sa fejn ma kinitx bagħtitilha d-dokumenti kollha li hija kienet ser tibbaża d-deċiżjoni tagħha.

17      Fis-17 ta’ Frar 2014, konformement mal-Artikolu 873 tar-Regolament Nru 2454/93, grupp ta’ esperti ffurmat minn rappreżentanti tal-Istati Membri ltaqa’ sabiex jeżamina l-fajl.

18      Bid-Deċiżjoni C(2014) 2363 finali, tal-14 ta’ April 2014, il-Kummissjoni kkunsidrat li, f’każ partikolari, il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni kien iġġustifikat għal ċertu ammont, imma mhux għal ammont ieħor (REM 02/2013) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

19      Fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, il-ħruġ ta’ ċertifikati inkorretti mill-awtoritajiet doganali ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi żball li ma jkunx jista’ jiġi raġonevolment innotat mill-operatur, meta, min-naħa tiegħu, dan tal-aħħar ikun aġixxa b’bona fide u jkun osserva d-dispożizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar id-dikjarazzjoni doganali.

20      Rigward il-kundizzjoni dwar in-natura li jkun jista’ jiġi nnotat tal-iżball, il-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet ta’ El Salvador kienu wettqu żball meta ħarġu ċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” bi ksur tar-Regolament Nru 2454/93. Fil-premessi 30 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li hija ma kkommettiet l-ebda żball kemm f’dak li jikkonċerna l-ħruġ tat-timbri lill-awtoritajiet ta’ El Salvador kif ukoll f’dak li jikkonċerna n-notifika tad-dokumenti li fuqhom hija kien fi ħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Fl-ewwel każ, hija sostniet li, anki jekk kellu jiġi stabbilit dan l-iżball, dan kellu effett biss jekk iċ-ċertifikati ta’ oriġini kienu ġew iffalsifikati. Issa dan ma kienx il-każ. Fit-tieni każ, hija tiċċertifika li bagħtet lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa d-dokumenti kollha rikjesti sabiex din tkun tista’ tibgħat l-osservazzjonijiet tagħha rigward dawn id-dokumenti.

21      Il-Kummissjoni tfakkar li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni ta’ din l-ewwel kundizzjoni, iċ-ċirkustanzi kollha tal-dan il-każ, tan-natura tal-iżball kif ukoll tal-esperjenza u d-diliġenza tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Hija żżid li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura tal-iżball għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kumplessità tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Issa, minn naħa, hija tikkonstata, fil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kisret ir-regoli ta’ oriġini billi ma żguratx l-osservanza tar-rekwiżit li l-ekwipaġġ tal-vapuri li jistadu għat-tonn għandu jkun kompost minn mhux inqas minn 75 % minn ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni jew tal-pajjiż benefiċjarju. Barra minn hekk, hija ssostni, fil-premessi 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trattament tariffarju preferenzjali kien ingħata fuq il-bażi ta’ ċertifikati inadegwati, jiġifieri ċertifikati EUR.1 maħruġa mill-awtoritajiet tas-Seychelles jew Ivorjani u ċertifikati ta’ oriġini mhux preferenzjali maħruġa mill-kmamar tal-kummerċ ta’ Spanja u ta’ Franza. F’dawn is-sitwazzjonijiet, ma kienx possibbli li jiġi rrintraċċat l-oriġini tat-tonn. Issa, billi l-esportatur kienet sussidjarja tal-grupp Calvo, li lilu kienet tappartjeni wkoll il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, din tal-aħħar kien imissha innotat l-iżball. Għall-kuntrarju, hija tqis, fil-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fir-rigward taċ-ċertifikati ta’ oriġini maħruġa mill-Panama, pajjiż li jifforma parti mill-grupp reġjonali II ma’ El Salvador, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma setgħetx tkun taf jekk dawn kinux inħarġu korrettament mill-awtoritajiet ta’ El Salvador.

22      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni dwar il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, il-Kummissjoni tinnota, fil-premessi 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u tal-appartenenza tagħha għal grupp li jopera fuq diversi kontinenti u, għaldaqstant, suġġetta għall-osservanza ta’ regoli differenti, hija ma ressqitx il-prova tad-diliġenza neċessarja sabiex tosserva l-kundizzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ.

23      Fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tkompli tenfasizza li, f’ċerti każijiet, l-esportatur kien ippreżenta, kemm fir-rigward taċ-ċertifikati ta’ oriġini mhux preferenzjali maħruġa mill-kmamar tal-kummerċ ta’ Spanja u ta’ Franza u taċ-ċertifikati EUR.1 mhux maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni dwar il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU 2000, L 317, p. 3), u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/159/KE tad-19 ta’ Diċembru 2002 (ĠU 2003, L 65, p. 27, iktar ’il quddiem il-“ftehim AKP”), kif ukoll fir-rigward taċ-ċertifikati EUR.1 maħruġa mill-awtoritajiet tas-Seychelles u taċ-ċertifikati “formula A” maħruġa mill-awtoritajiet tal-Panama. Billi ppreżentat iċ-ċertifikati ta’ oriġini li ma jippermettux li jiġi ddeterminat l-oriġini tat-tonn, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kisret id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-dikjarazzjoni doganali u r-regoli ta’ oriġini applikabbli.

24      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota, fil-premessi 43 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li żewġ tunnara appartenenti lill-grupp Calvo kienu użaw bandiera doppja jew kienu rreġistrati f’żewġ Stati filwaqt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienet tirrikjedi kjarament li kull vapur ikun irreġistrat f’pajjiż wieħed biss u jkollu bandiera ta’ dan l-istess pajjiż sabiex ikun jista’ jibbenefika mit-trattament tariffarju preferenzjali. Billi ma osservatx l-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 2454/93, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma ressqitx prova tad-diliġenza rikjesta.

25      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni fl-ammont ta’ EUR 230 879.88 kienet iġġustifikata għall-importazzjonijiet li għalihom il-prova ta’ oriġini tat-tonn ittrasformat f’El Salvador kienet tistrieħ fuq iċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” maħruġa mill-awtoritajiet tal-Panama, u mhux għad-dazji fuq l-importazzjoni fl-ammont ta’ EUR 14 417 193.41 korrispondenti għall-każijiet l-oħra.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ġunju 2014, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta dan ir-rikors. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fit-18 ta’ Settembru 2014. Fis-17 ta’ Novembru 2014, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta r-replika, fit-22 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

28      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ April 2016.

29      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni fl-ammont ta’ EUR 14 417 193.41 ma kinitx iġġustifikata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 L-argumenti tal-partijiet

31      In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, b’rabta mal-Artikolu 872a tar-Regolament Nru 2454/93, u, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, fil-kuntest tal-Artikolu 872a tar-Regolament Nru 2454/93

32      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li deċiżjoni bbażata fuq motivi li ma ġewx ikkomunikati minn qabel tikser id-dritt għal amministrazzjoni tajba, fil-kuntest tal-Artikolu 872a tar-Regolament Nru 2454/93, u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

33      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni, l-Artikolu 872a tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi li, meta l-Kummissjoni tipprospetta deċiżjoni sfavorevoli, hija għandha l-obbligu li tikkomunika bil-miktub l-oġġezzjonijiet tagħha u d-dokumenti li fuqhom hija tibbaża ruħha, sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata li tesprimi l-opinjoni tagħha. Fid-dawl tat-tliet talbiet tal-Kummissjoni lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa sabiex hija tipprovdi informazzjoni supplimentari, ir-Renju ta’ Spanja jqis li billi analiżi kompleta tat-tliet kundizzjonijiet rikjesti mill-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK għall-maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni kienet twettqet, il-kundizzjonijiet li ma jissemmewx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew issodisfatti.

34      Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet ifformulat biss oġġezzjonijiet fuq il-kundizzjoni dwar il-possibbiltà għall-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li tinnota l-iżball u ma semmietx il-kundizzjonijiet dwar il-bona fide u l-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali. Madankollu, hija kienet analizzat dawn l-aħħar kundizzjonijiet fil-premessi 40 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’hekk kisret l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

35      Fir-replika, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-aċċenn, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ oriġini ma hijiex suffiċjenti, għaliex din hija l-kundizzjoni li tiddetermina l-ftuħ ta’ proċedura ta’ maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni. Huwa jsostni li l-fatt li l-Kummissjoni annettiet dokumenti dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet marbuta mal-bona fide u mal-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistax ipatti għan-nuqqas tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, huwa jinnota li l-fatt li r-risposta tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tinkludi osservazzjonijiet dwar il-bona fide u d-dikjarazzjoni doganali ma jimplikax li dik il-komunikazzjoni kienet debitament motivata. Fl-aħħar nett, il-proċedura kellha twassal għal riżultat differenti billi, peress li l-iżball ma setax jiġi nnotat, l-esportatur ma tax verżjoni inkorretta tal-fatti.

36      Il-Kummissjoni ssostni li hija osservat l-obbligu previst fl-Artikolu 872a tar-Regolament Nru 2454/93 permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u ta’ kull dokument li fuqu hija bbażat l-oġġezzjonijiet tagħha, innotifikati lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, li, bl-ittra tad-9 ta’ Jannar 2014, tibbaża l-osservazzjonijiet tagħha, b’mod partikolari, fuq il-bona fide. Hija ssostni li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet esprimiet ruħha fuq il-kundizzjonijiet dwar il-bona fide u d-dikjarazzjoni doganali. Il-Kummissjoni tinnota li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tinkludi paragrafu sħiħ dwar il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, u, fil-fehma tagħha, din il-kundizzjoni kienet inseparabbli minn dik dwar in-natura mhix moħbija tal-iżball. Fil-fatt, jekk il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet informata dwar l-iżball u hija talbet il-benefiċċju tat-trattament tariffarju preferenzjali, hija ma setgħetx titqies li kienet in bona fide, billi din tista’ tiġi nvokata biss jekk il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun osservat id-dispożizzjonijiet kollha tal-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni hija, għalhekk, tal-fehma li l-obbligu ta’ motivazzjoni kien sodisfatt bl-eżami tad-diliġenza tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u tan-natura mhix moħbija tal-iżball.

37      Il-Kummissjoni ssostni li kemm id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet isemmu l-kundizzjoni dwar l-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali, u billi l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet, fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Jannar 2014, ippreżentat osservazzjonijiet fuq dan il-punt, l-ebda ksur tad-dritt tagħha għal smigħ ma jista’, għalhekk, jiġi kkonstatat. Hija tinnota li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kuntest tiegħu u, għaldaqstant, id-dokumenti annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li rrigwardaw, b’mod partikolari, l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ bona fide u d-dikjarazzjoni doganali fir-rigward tar-regoli ta’ oriġini.

38      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li l-ksur tad-dritt għal smigħ iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk, fl-assenza ta’ dik l-irregolarità, il-proċedura kienet twassal għal riżultat differenti. Issa, billi l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK huma kumulattivi, hija tqis li ċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni kkontestata tiżviluppa l-fatt li l-iżball invokat f’dan il-każ seta’ jiġi nnotat mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-rifjut tal-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni. Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kellha osservazzjonijiet oħra li setgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni differenti.

39      L-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, fejn id-dritt għal smigħ f’kull proċedura jifforma parti integrali minnu (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punti 33 u 36, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 28).

40      Id-dritt għal smigħ f’kull proċedura huwa llum stabbilit mhux biss fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll permezz tal-Artikolu 41 tagħha, li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 41 jipprevedi li dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba jimplika, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna għal smigħ qabel ma tittieħed miżura individwali kontriha li taffettwaha b’mod sfavorevoli (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 29).

41      Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, li huwa applikabbli meta l-amministrazzjoni tipproponi li tieħu kontra persuna att li jikkawżalha preġudizzju (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 36, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 30), id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod notevoli għandhom jitqegħdu f’pożizzjoni li jesprimu utilment l-opinjoni tagħhom fuq l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni fi ħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 37).

42      Għandu jitfakkar ukoll li, fil-qasam doganali, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża hija żgurata bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 872a tar-Regolament Nru 2454/93, li jipprovdu li, waqt kull mument tal-proċedura prevista bl-Artikoli 872 u 873 ta’ dan ir-regolament, meta l-Kummissjoni fi ħsiebha tieħu deċiżjoni sfavorevoli kontra l-persuna kkonċernata bil-każ preżenti, hija għandha tikkomunikalu l-oġġezzjonijiet tagħha bil-miktub, kif ukoll id-dokumenti kollha li fuqhom hija tibbaża dawk l-oġġezzjonijiet, li l-persuna kkonċernata bil-każ ippreżentat lill-Kummissjoni għandha tesprimi l-opinjoni tagħha bil-miktub fit-terminu ta’ xahar mid-data li jintbagħtu l-oġġezzjonijiet u li, jekk hija ma tgħarrafx l-opinjoni tagħha f’dan it-terminu, hija titqies li rrinunzjat għall-possibbiltà li tesprimi l-pożizzjoni tagħha.

43      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat dan il-motiv.

44      F’dan il-każ, il-Kummissjoni bagħtet lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li għaliha din tal-aħħar irrispondiet (ara l-punti 15 u 16 iktar 'il fuq).

45      Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li, peress li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx issemmi l-kundizzjonijiet dwar il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u l-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kellhiex oġġezzjoni dwar dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, li kellhom jitqiesu bħala ssodisfatti mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Billi analizzat dawn iż-żewġ aspetti fil-premessi 40 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, billi kisret id-dritt għal smigħ li tgawdi l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

46      Mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà jew le tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, fid-dawl tal-possibbiltà għar-Renju ta’ Spanja li jibbaża fuq dan il-ksur li jolqot lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, sa fejn din hija illegalità suġġettiva min-natura tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Nuova Terni Industrie Chimiche vs Il-Kummissjoni, T‑64/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:270, punt 186), l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

47      Qabel xejn, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx a posteriori jieħdu inkunsiderazzjoni d-dazji fuq l-importazzjoni ħlief jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Jeħtieġ, l-ewwel nett, li d-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nfushom, insegwitu, li l-iżball imwettaq minn dawn ikun ta’ natura li ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li taġixxi in bona fide u, fl-aħħar nett, li din tal-aħħar tosserva d-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha. Huwa biss jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għandha dritt li hija ma tkunx suġġetta għall-irkupru a posteriori (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fir-rigward tal-ewwel waħda fost dawn il-kundizzjonijiet, għandu wkoll jiġi mfakkar illi l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK għandu bħala għan li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna taxxabbli fir-rigward tal-fondatezza tal-elementi kollha involuti fid-deċiżjoni jekk id-dazji doganali għandhomx jiġi rkuprati jew le. L-aspettattivi leġittimi tal-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju jistħoqqilhom il-protezzjoni prevista minn dan l-artikolu biss jekk huma l-awtoritajiet kompetenti “stess” li ħolqu l-bażi li fuqha huma bbażati dawn l-aspettattivi. B’hekk, huma biss l-iżbalji li seħħew minħabba l-aġir pożittiv tal-awtoritajiet kompetenti li jagħtu lok għal nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji doganali (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq, il-kwistjoni jekk wieħed setax jinduna bi żball imwettaq mill-awtoritajiet doganali kompetenti għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-iżball, l-esperjenza professjonali tal-operaturi kkonċernati u d-diliġenza li jkunu wrew dawn tal-aħħar. In-natura tal-iżball għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kumplessità jew, għall-kuntrarju, tan-natura suffiċjentement sempliċi tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni u tal-perijodu ta’ żmien li matulu l-awtoritajiet ikunu ppersistew fl-iżball tagħhom (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 32 u ġurisprudenza ċċitata).

50      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, min jiddikjara huwa obbligat li jagħti lill-awtoritajiet doganali l-informazzjoni kollha meħtieġa previsti mir-regoli tal-Unjoni u r-regoli nazzjonali li, jekk ikun il-każ, għandhom jikkompletawhom jew jittrasponuhom, fir-rigward tat-trattament fiskali mitluba mil-merkanzija kkonċernata (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari tal-parti B tagħha, li t-titolu tagħha jirreferi, l-ewwel nett għall-kundizzjoni li l-iżball ikun jista’ jiġi nnotat, it-tieni nett għall-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u, t-tielet nett, li din tal-aħħar tkun osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti mill-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet, b’mod partikolari, kkunsidrat li sabiex tanalizza jekk il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kinitx in bona fide, hija kellha teżamina jekk hija setgħetx tinnota l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet ta’ El Salvador.

52      Minn din il-perspettiva, il-Kummissjoni staqsiet jekk sempliċi analiżi tal-fatti kellux iwassal sabiex jiġi nnotat l-iżball imwettaq minn dawn l-awtoritajiet. Hija kjarament għamlet konnessjoni bejn l-allegazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, dwar il-bona fide tagħha, u l-kwistjoni dwar sa fejn din kienet jew setgħet kienet informata bl-iżball. Għandu jiżdied li mir-risposta tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, tad-9 ta’ Jannar 2014, jirriżulta li din fehmet dawn id-dikjarazzjonijiet f’dan is-sens u li pprovdiet informazzjoni speċifika dwar b’mod partikolari il-bona fide tagħha, kif ukoll, barra minn hekk, il-fatt li kienet issodisfat ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

53      B’mod partikolari, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ tal-vapuri, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-attività tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u l-fatt li kienet attiva f’diversi oċeani u ibħra, suġġetti għal regoli differenti, sabiex tikkonkludi li hija setgħet tapplika korrettement il-leġiżlazzjoni fuq it-trattament tariffarju preferenzjali tar-regoli ta’ oriġini u li hija kellha tiżgura li l-kundizzjonijiet ta’ dan it-trattament preferenzjali jkunu ssodisfatti, billi tiżgura li jkollha aċċess għal din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma setgħetx titqies bħala kumplessa. Fil-fehma tagħha, l-esportatur kien imissu, f’dan il-każ, jinnota l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet ta’ El Salvador.

54      Fir-rigward tal-prova tal-oriġini tas-sajda, il-Kummissjoni nnotat li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kellha tkun taf li ċ-ċertifikati ppreżentati ma kinux dokumenti konformi għall-għan tal-akkumulazzjoni reġjonali u li l-prodotti li għalihom l-awtoritajiet ta’ El Salvador kienu ħarġu ċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jingħataw oriġini preferenzjali, billi kkonkludiet li l-esportatur kellu jinduna bl-iżball imwettaq mill-awtoritajiet ta’ El Salvador.

55      Fir-rigward tal-bandiera doppja taż-żewġ vapuri, imsemmija fil-punt 6 hawn fuq, il-Kummissjoni kkonstatat li, billi l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet tifforma parti mill-istess grupp bħall-kumpannija li kienet proprjetarja tagħhom, hija kienet taf jew kellha tkun taf li dawn il-vapuri kienu wkoll irreġistrati fis-Seychelles u li messha kienet familjari mar-regoli applikabbli f’dan ir-rigward, li ma setgħux jiġu kklassifikati bħala kumplessi.

56      Fuq il-livell tal-esperjenza professjonali tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, il-Kummissjoni sostniet li din kienet tifforma parti minn grupp li kien jokkupa pożizzjoni ta’ tmexxija fl-attivitajiet tas-sajd, tal-preparazzjoni, tal-manifattura, tal-ippakkjar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel ibbażati fuq il-ħut.

57      F’dak li jikkonċerna l-eventwali diliġenza tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, il-Kummissjoni tenniet il-konstatazzjonijiet u konklużjonijiet differenti li jirriżultaw mill-punti 53 sa 56 iktar 'il fuq sabiex tiġbed minnhom il-konklużjoni li din il-persuna ma wrietx id-diliġenza li setgħet kienet mistennija minn operatur professjonali u li hija ma pproduċietx lill-awtoritajiet doganali l-informazzjoni kollha neċessarja prevista mir-regoli tal-Unjoni dwar it-trattament doganali mitlub għall-merkanzija inkwistjoni.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tinkludi, b’mod suffiċjentement ċar u komplet, il-motivi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex issostni li l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet doganali ta’ El Salvador seta’ jiġi nnotat faċilment minn operatur ta’ bona fide, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar 'il fuq. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax isostni li d-dritt għal smigħ li tgawdi l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kien inkiser minħabba l-assenza ta’ oġġezzjoni għall-bona fide ta’ din tal-aħħar.

59      Insegwitu, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali, il-Kummissjoni esponiet, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod ċar u ddettaljat, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li din ma kinitx issodisfatta. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tinkludi l-indikazzjoni li ġejja li għaliha hija qieset li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma kinitx osservat id-dispożizzjonijiet fuq ir-regoli ta’ oriġini kontenuti fit-Titolu IV, Kapitolu 2, tar-Regolament Nru 2454/93, fuq ir-regoli ta’ oriġini tas-SPĠ tal-Unjoni. Din il-konklużjoni kienet issegwi, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-konstatazzjoni tal-fatt li l-esportatur, li kien parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji bħall-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, seta’ jkun jaf li ċ-ċertifikati użati ma kinux adegwati sabiex jibbenefika mill-akkumulazzjoni reġjonali, li l-prodotti li kienu koperti biċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” maħruġa mill-awtoritajiet ta’ El Salvador ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jitqies li El Salvador kien oriġini preferenzjali u li l-prodotti ma setgħux jibbenefikaw mit-trattament tariffarju preferenzjali previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

60      Permezz ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar l-osservanza mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tal-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali. Fil-fatt, l-applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-oriġini tal-prodotti importati fl-Unjoni sabiex igawdu minn trattament tariffarju preferenzjali taffettwa d-dikjarazzjoni doganali ta’ dawn il-prodotti, għaliex huma suġġetti b’mod żbaljat għal sistema li għaliha huma ma setgħux ikollhom dritt.

61      B’hekk, l-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 2454/93 jipprevedi li l-provi tal-oriġini huma prodotti lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni skont il-modalitajiet previsti bl-Artikolu 62 tal-KDK. Issa, dan l-aħħar artikolu jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali magħmula bil-miktub. Huwa jipprevedi li d-dikjarazzjoni doganali għandha tkun redatta fuq formolarju uffiċjali previst għal dan l-iskop, iffirmata u li għandha tinkludi d-dikjarazzjonijiet kollha neċessarji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema doganali li għaliha l-merkanzija għandha tiġi ddikjarata, id-dokumenti kollha li l-produzzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex tippermetti l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-imsemmija sistema għandhom ikunu annessi mad-dikjarazzjoni. Sabiex jakkwista l-applikazzjoni ta’ trattament tariffarju preferenzjali minħabba l-oriġini tal-prodotti importati, l-importatur għandu, b’applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 62 tal-KDK u tal-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 2454/93, jannetti mad-dikjarazzjoni doganali tiegħu ċertifikat ta’ oriġini “formula A” li għandha tkun korretta.

62      Għalhekk, il-ksur tar-regoli dwar l-oriġini tal-prodotti importati jwassal għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali.

63      Għaldaqstant, l-argumentazzjoni tar-Renju ta’ Spanja li r-riferiment, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ oriġini ma hijiex suffiċjenti, għaliex din hija l-kundizzjoni li tiddetermina l-ftuħ ta’ proċedura ta’ maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni, għandha tiġi miċħuda, għaliex, għalkemm il-fatt li ċ-ċertifikati ta’ oriġini ma kinux ġew redatti korrettament mill-awtoritajiet ta’ El Salvador jikkostitwixxi, fil-fatt, il-motiv li għalih l-awtoritajiet doganali Spanjoli twasslu sabiex jibdew il-proċedura ta’ rkupru a posteriori, wara r-rapport tal-OLAF, dan juri wkoll in-nuqqas ta’ osservanza mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tal-leġiżlazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti u ta’ dik dwar id-dikjarazzjoni doganali.

64      Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni semmiet il-kwistjoni tad-dokumenti li setgħu jiġu annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li fuqhom hija bbażat dawn l-oġġezzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma jikkritikahiex għaliex ma kkomunikatx id-dokumenti li kellhom ikunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Barra minn hekk, fir-replika, ir-Renju ta’ Spanja jillimita ruħu sabiex jikkonstata li l-Kummissjoni tista’ tibbaża l-oġġezzjonijiet tagħha fuq id-dokumenti li hija tannetti mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, imma ma tistax timmotiva dawn l-oġġezzjonijiet permezz ta’ dawn id-dokumenti biss.

65      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv tar-rikors għandu, f’kull każ, jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

66      Prinċipalment, ir-Renju ta’ Spanja isostni li l-iżball ma setax jiġi nnotat raġonevolment mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u, sussidjarjament, li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet, minn naħa, uriet diliġenza u, min-naħa l-oħra, osservat id-dispożizzjonijiet dwar il-valur doganali. Għalkemm ir-Renju ta’ Spanja jressaq argumenti intiżi sabiex isostnu t-tieni motiv skont tliet partijiet korrispondenti għall-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK sabiex ma jkunx hemm irkupru a posteriori, huwa jtendi wkoll sabiex iqiegħed fid-dubju wkoll in-natura kumulattiva ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet.

67      Preliminarjament, huwa opportun li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ lment mqajjem fir-replika.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ilment li jirrigwarda talba preċedenti ta’ maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni mressqa mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa

68      Fir-replika, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, sa fejn il-Kummissjoni tidher tqajjem kwistjonijiet dwar il-fajl REM 01/11, għandu jitqies li l-maħfra oġġett ta’ dan il-fajl kienet ingħatat sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ rinviju previsti mill-ewwel jew il-ħames inċiż tal-Artikolu 871(6) tar-Regolament Nru 2454/93 ma kinux issodisfatti. Billi l-maħfra kienet ġiet akkwistata preċedentement għad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-iskadenza tat-termini legali, l-ebda dokument dwar dan il-fajl ma juri xi tibdil fil-fatti jew fl-evalwazzjoni ġuridika, jew l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-preżentazzjoni tal-fatti.

69      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argument dwar fajl ieħor ta’ maħfra ta’ dazji għandu jitqies bħala inammissibbli, għaliex dan huwa argument imqajjem tardivament.

70      Waqt is-seduta, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju ta’ Spanja ppreċiża, f’dak li jikkonċerna l-allegazzjonijiet invokati fir-replika f’dak li jikkonċerna l-fajl REM 01/11, li dan ma kienx motiv ġdid, imma li huwa kien limitat sabiex jirrispondi l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

71      F’kull każ, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 76(d) u tal-Artikolu 84(1) tar-Regolament ta’ proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tat-tilwima u jinkludi spjegazzjoni sommarja tal-motivi invokati u li l-produzzjoni ta’ motivi jew ta’ argumenti ġodda matul il-proċedura hija pprojbita sakemm dawn il-motivi jew argumenti ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2015, Dennekamp vs Il-Parlament, T-115/13, EU:T:2015:497, punt 80).

72      Issa, anki jekk jitqies li kien bħala reazzjoni għal ċerti allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li r-Renju ta’ Spanja sostna fir-replika li huwa qabel li jipproċedi għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni kontenzjużi f’dan il-każ, minħabba l-iskadenza tat-termini legali għaliex il-Kummissjoni adottat deċiżjoni wara t-talba għall-maħfra ppreżentata mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fl-1 ta’ Lulju 2011, jibqa’ l-fatt madankollu li dan huwa lment li ma ġiex ippreżentat fir-rikors meta huwa bbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li kienu diġà magħrufa mir-Renju ta’ Spanja fil-mument tal-preżentata tar-rikors, għaliex ma huwiex ikkontestat li huma l-awtoritajiet Spanjoli li kienu ttrażmettew dik it-talba lill-Kummissjoni, kif ukoll ir-rinunzja tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għat-talba tagħha għal maħfra ta’ dazji, lanqas li huma kienu ġew informati bil-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat dan il-fajl bħala mhux miftuħ.

73      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment imqajjem għall-ewwel darba fir-replika, u għaldaqstant ippreżentat tardivament, huwa inammissibbli.

 Fuq in-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

74      Fl-ilment ibbażat fuq li l-iżball kien ta’ natura li ma tistax tinkixef, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, l-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni kienu responsabbli għall-iżbalji li twettqu fil-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ oriġini u mill-kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tas-sistemi preferenzjali, meta l-iżball isegwi preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur jew preżentazzjoni inkorretta, bil-kundizzjoni li, f’dan il-każ, dawn l-awtoritajiet kienu konxji jew kellhom ikunu konxji li ċ-ċertifikat kien inkorrett. Huwa jqis, fir-rigward tal-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq l-eżistenza ta’ żball tal-awtoritajiet ta’ El Salvador u tat-talbiet għal informazzjoni supplimentari mibgħuta lill-awtoritajiet Spanjoli, li l-esportatur ma kienx ippreżenta l-fatti inkorrettement u lanqas induċa fi żball lil dawn l-awtoritajiet, billi pprovda l-informazzjoni kollha li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, b’mod partikolari il-provi tal-oriġini tal-materja prima u tal-listi tal-ekwipaġġ tal-vapuri. Għalhekk, l-iżball kellu jiġi rrikonoxxut bħala li ma setax jiġi raġonevolment innotat.

75      Essenzjalment, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li, meta l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni ma jirriżultax mill-preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur jew, anki jekk dan ikun il-każ, meta l-awtoritajiet kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li ċ-ċertifikati ppreżentati kienu inkorretti, in-natura tal-iżball li ma tistax tiġi nnotata mill-operatur għandha tkun aċċettata, billi l-kundizzjonijiet dwar l-iżball ikunu ssodisfatti. Huwa jibbaża ruħu wkoll fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-merkanzija li tibbenefika minn status preferenzjali, inklużi fl-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-16 ta’ Novembru 2000, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239), li huwa jikklassifika bħala regoli partikolari applikabbli fil-kuntest tas-sistemi preferenzjali, skont liema l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ żball, imwettaq fuq il-bażi ta’ informazzjoni korretta tal-esportatur, għandha l-konsegwenza li dan l-iżball ma jkunx jista’ raġonevolment innotat.

76      Minn dan l-argument, ir-Renju ta’ Spanja jikkonkludi li, sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-iżball kien dovut għal preżentata inkorretta tal-fatti mill-esportatur jew li l-awtoritajiet ta’ El Salvador kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li ċ-ċertifikati ppreżentati kienu inkorretti, ir-riferimenti għall-kundizzjonijiet dwar il-bona fide u għal-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali kienu irregolari.

77      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ilment tar-Renju ta’ Spanja huwa ineffettiv, billi l-fatt li waħda mit-tliet kundizzjonijiet tal-maħfra tad-dazji tkun sodisfatta ma jimplikax li t-tnejn l-oħra huma wkoll issodisfatti. Il-Kummissjoni rrispondiet ukoll b’mod iddettaljat, quddiem il-Qorti Ġenerali, fuq il-kwistjoni jekk l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet ta’ El Salvador setax ikun raġonevolment innotat, b’referenza għat-tip ta’ żball imwettaq minn dawn l-awtoritajiet.

78      Sabiex tingħata risposta għall-ilment imqajjem mir-Renju ta’ Spanja, jeħtieġ, minn naħa, li jiġi ddeterminat jekk in-natura moħbija tal-iżball tal-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni tirrigwardax iċ-ċertifikati ta’ oriġini maħruġa awtomatikament, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, tal-kundizzjonijiet li taħthom dak l-iżball ikun twettaq u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat, fl-ipoteżi fejn dak l-iżball għandu jitqies bħala li ma setax jiġi nnotat mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għandhomx, minħabba dan il-fatt, jitqiesu li huma ssodisfatti.

 Fuq in-natura moħbija tal-iżball

79      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tal-istħarriġ a posteriori kien dak li tiġi vverifikata l-korrettezza tal-oriġini indikata fiċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” jew EUR.1, maħruġa qabel (ara, f’dan is-sens, fir-rigward taċ-ċertifikati EUR.1, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 32, u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 43, u, fir-rigward taċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A”, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Lagura Vermögensverwaltung, C‑438/11, EU:C:2012:703, punt 17).

80      Issa, jekk stħarriġ a posteriori ma jippermettix li jiġi kkonfermat l-oriġini tal-merkanzija indikata f’ċertifikat ta’ oriġini “formula A” jew EUR.1, għandu jiġi konkluż li din il-merkanzija hija ta’ oriġini mhux magħrufa u li, għalhekk, iċ-ċertifikat ta’ oriġini u t-tariffa preferenzjali kienu ingħataw b’mod żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 34; tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 44, u tat-8 ta’ Novembru 2012, Lagura Vermögensverwaltung, C‑438/11, EU:C:2012:703, punt 18).

81      Għaldaqstant, meta l-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni jkunu ħarġu ċertifikati ta’ oriġini “formula A” inkorretti, dan il-ħruġ għandu, skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-imsemmi Artikolu 220(2)(b) jitqies bħala żball imwettaq minn dawn l-awtoritajiet, sakemm ma jinstabx li dawn iċ-ċertifikati kienu ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni mhux korretta tal-fatti mill-esportatur. Jekk dawk iċ-ċertifikati ikunu nħarġu fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz tal-esportatur, l-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni għandu konsegwentement iseħħ, sakemm, b’mod partikolari, ma jkunx evidenti li l-awtoritajiet kienu ħarġu dawn iċ-ċertifikati meta kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex tibbenefika mit-trattament preferenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 48, u tat-8 ta’ Novembru 2012, Lagura Vermögensverwaltung, C‑438/11, EU:C:2012:703, punt 19).

82      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi stabbiliti jekk l-iżbalji li twettqu mill-awtoritajiet ta’ El Salvador setgħux jiġu nnotati mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

83      Meta bbaża ruħu fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, ir-Renju ta’ Spanja kkunsidra li, billi l-Kummissjoni tammetti l-eżistenza ta’ żball mill-awtoritajiet kompetenti, in-natura moħbija tiegħu tirriżulta direttament minn din id-dispożizzjoni.

84      Il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tikkunsidra, b’mod iddettaljat fil-kontroreplika, li l-kundizzjonijiet previsti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK għandhom ikunu ssodisfatti kumulattivament sabiex jista’ jiġi deċiż li ma jiġux irkuprati a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ aspettattiv leġittimi u l-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta ta’ eċċezzjoni għas-sistema normali ta’ ħlas ta’ dejn doganali.

85      Issa, bl-argumenti tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi liema huma d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK applikabbli f’dan il-każ u l-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet sabiex talba għal nuqqas ta’ rkupru tiġi aċċettata.

86      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jipprevedi li l-iżball ma jistax jiġi raġonevolment innotat fis-sens tal-ewwel subparagrafu fil-każ fejn il-ħruġ ta’ ċertifikat inkorrett mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz ikun sar fil-kuntest ta’ sistema li fiha l-istatus preferenzjali ta’ merkanzija jkun stabbilit fuq il-bażi ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lil dawn l-awtoritajiet. Madankollu, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jipprovdi li l-ħruġ ta’ ċertifikat inkorrett ma jikkostitwixxix żball meta ċ-ċertifikat ikun ibbażat fuq il-preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur, minbarra fejn, b’mod partikolari, jidher ċar li l-awtoritajiet tal-ħruġ taċ-ċertifikat kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet preskritti għat-trattament preferenzjali.

87      Għandu għaldaqstant jiġi determinat qabel xejn, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata, il-kundizzjonijiet li fihom l-iżball kien twettaq mill-awtoritajiet ta’ El Salvador, qabel ma jinġibdu l-konsegwenzi ta’ dan l-iżball għall-applikazzjoni tat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

88      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkonstatat li, sabiex igawdu mis-SPĠ, kwantitajiet sinjifikattivi ta’ tonn kienu ġew importati minn El Salvador taħt il-kopertura ta’ ċertifikati ta’ oriġini “formula A” li kienu nħarġu irregolarment, billi l-irregolaritajiet kollha li kienu jolqtu dawk iċ-ċertifikati kienu jikkostitwixxu ksur tar-regoli ta’ oriġini, b’mod partikolari bl-użu inkorrett ta’ ċertifikati EUR.1 (premessi 6 sa 9 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kienet ġibdet il-konklużjoni li l-importazzjonijiet ta’ tonn inkwistjoni ma setgħux jibbenefikaw mir-rata ta’ dazji preferenzjali prevista mis-SPĠ (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata).

89      Fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-awtoritajiet ta’ El Salvador kienu wettqu żball meta ħarġu b’mod inkorrett iċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A”, mingħajr ma osservaw l-artikoli rilevanti tar-Regolament Nru 2454/93.

90      Wara li kkunsidrat li hija stess ma kienet wettqet l-ebda żball fil-provvista ta’ eżempji ta’ timbri lill-awtoritajiet ta’ El Salvador (premessi 30 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni eżaminat jekk l-iżball imwettaq minn dawn l-awtoritajiet kienx seta’ jiġi raġonevolment innotat mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa (premessi 29 u 33 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata), sabiex din tkun aġixxiet f’bona fide (premessi 40 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata).

91      Huwa ċar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imkien ma kkonstatat li ċ-ċertifikati inkorretti kienu inħarġu fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur lanqas, a fortiori, li l-awtoritajiet ta’ El Salvador kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex tibbenefika mit-trattament tariffarju preferenzjali, kuntrarjament għal dak previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

92      Fit-tieni lok, għalhekk, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tistax tibbenefika mir-regola stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, minn fejn jirriżulta li l-iżball huwa preżunt li ma setax jiġi raġonevolment innotat fis-sens tal-ewwel subparagrafu fil-każ fejn il-ħruġ ta’ ċertifikat inkorrett mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz ikun twettaq fil-kuntest ta’ sistema fejn l-istatus preferenzjali ta’ merkanzija għandu jinħareġ fuq il-bażi ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi dawn l-awtoritajiet. Din ir-regola hija wkoll artikolata mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, billi tipprevedi li, fil-każ partikolari tal-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ oriġini inkorrett, teżisti preżunzjoni legali tan-natura moħbija tal-iżball.

93      Qabel xejn, mill-premessi 7 sa 9 u 35 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-irregolaritajiet mikxufa mill-Kummissjoni fl-istabbiliment taċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” kienu jikkonċernaw ir-regoli ta’ oriġini tal-merkanzija importata fl-Unjoni.

94      Insegwitu, il-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” inkorretti kien twettaq b’applikazzjoni tas-SPĠ previst fiż-żmien tal-fatti minn, minn naħa, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005, tas-27 ta’ Ġunju 2005 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġġeneralizzati (ĠU L 239M, p. 256), u, t-tieni nett, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008, tat-22 ta’ Lulju 2008, japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 u (KE) Nru 964/2007 (ĠU 2008, L 211, p. 1).

95      Mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 980/2005 u mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 jirriżulta li, għall-għanijiet tal-iskemi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti, jiġifieri l-iskemi li taħthom għandhom japplikaw preferenzi tariffarji, ir-regoli li jikkonċernaw il-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva għandhom jiġu ffissati mir-Regolament Nru 2454/93.

96      Fil-verżjoni tiegħu wara r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2005 tal-10 ta’ Ġunju 2005, li jemenda r-Regolament Nru 2454/93 (ĠU 2005 L 148, p. 1, applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ, l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi li, bħala regola ġenerali, il-prodotti oriġinarju għandhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni għall-benefiċċju tal-preferenzi tariffarji msemmija minnu, sakemm huma jkunu ġew trasportati direttament, fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ oriġini “formula A”, maħruġ kemm mill-awtoritajiet doganali, kif ukoll minn awtoritajiet oħra governattivi kompetenti tal-pajjiż benefiċjarju għat-trattament preferenzjali. L-Artikolu 83 tal-istess regolament jipprovdi li, billi ċ-ċertifikat ta’ oriġini “formula A” jikkostitwixxi t-titolu ġustifikattiv għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-preferenzi tariffarji msemmija minn dan ir-regolament, għandhom ikunu l-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ta’ esportazzjoni li jieħdu d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-verifika tal-oriġini tal-prodotti u għall-kontrolli tad-dikjarazzjonijiet l-oħra ta’ dan iċ-ċertifikat.

97      L-Artikoli 93 sa 95 tar-Regolament Nru 2454/93 jsemmu l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn il-pajjiżi benefiċjarji tas-SPĠ u l-Kummissjoni, fosthom il-kontroll a posteriori taċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” kull darba li l-awtoritajiet doganali tal-Unjoni jkollhom dubji raġonevoli f’dak li jikkonċerna l-awtentiċità tagħhom, in-natura oriġinarju tal-prodotti kkonċernati jew l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra prevista mit-taqsima tar-regolament dwar is-SPĠ, l-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni għandhom iwettqu dan il-kontroll u jinnotifikaw ir-riżultati fi żmien sitt xhur lill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni (Artikolu 94(1) u (3) tar-Regolament Nru 2454/93). Barra minn hekk, l-Artikolu 94(6) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprevedi li, meta l-proċedura ta’ kontroll jew kull informazzjoni oħra disponibbli tidher li tindika li d-dispożizzjonijiet tat-taqsima dwar l-SPĠ jkunu nkisru, il-pajjiż ta’ esportazzjoni benefiċjarju, li għandhom jaġixxu b’inizjattiva tagħhom stess jew fuq it-talba tal-Unjoni, għandhom iwettqu l-investigazzjonijiet neċessarji jew jieħdu d-dispożizzjonijiet sabiex dawn l-inkjesti jitwettqu bl-urġenza neċessarja sabiex jikxfu u jipprevjenu dan il-ksur, billi l-Unjoni tista’, għal dan il-għan, tipparteċipa f’dawn l-inkjesti. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 94(7) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprovdi li l-kopji taċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” għandhom jinżammu għal mhux inqas minn tliet snin mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ta’ esportazzjoni.

98      Hekk, mid-dispożizzjonijiet magħquda, minn naħa, tar-Regolamenti Nru 980/2005 u Nru 732/2008, u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament Nru 2454/93, fil-verżjoni tiegħu wara r-Regolament Nru 883/2005, jirriżulta li l-istatus preferenzjali tal-prodotti kkonċernati kien ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, jiġifieri dawk ta’ El Salvador.

99      Għalhekk, b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet ta’ El Salvador fil-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” kien jikkostitwixxi żball li huwa preżunt li ma setax raġonevolment jiġi nnotat fis-sens tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

100    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi segwit ir-raġunament sabiex jiġi determinat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK għandhomx ikunu, f’dan il-każ, jiġu ssodisfatti jew jekk, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, dan ma huwiex neċessarju jekk il-Kummissjoni ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-iżball kien dovut għal preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur jew li l-awtoritajiet ta’ El Salvador kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li ċ-ċertifikati ppreżentati kienu inkorretti.

 Fuq l-obbligu li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

101    Għar-Renju ta’ Spanja, ir-riferimenti li saru mill-Kummissjoni għall-kundizzjonijiet dwar il-bona fide u għall-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali huma irregolari, għaliex, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma kkonkludietx li l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet ta’ El Salvador kien riżultat ta’ preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur.

102    Essenzjalment, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tliet kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK għandhom jiġu ssodisfatti sabiex id-dejn doganali ma jkunx jista’ jiġi rkuprat a posteriori u li hija kienet, korrettament, eżaminat jekk il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kinitx in bona fide u jekk hija kinitx osservat il-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ bona fide, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, introdott mir-Regolament Nru 2700/2000, huwa applikabbli għas-sitwazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u jipprekludi li persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li ma tkunx aġixxiet b’mod diliġenti tista’ tinvoka l-bona fide tagħha.

103    Sabiex tingħata risposta għall-argumenti tar-Renju ta’ Spanja, għandu jiġi determinat preċiżament jekk ir-Regolament Nru 2700/2000 introduċiex sistema partikolari li tikkonċerna t-talbiet għal nuqqas ta’ rkupru a posteriori meta jkun applikat għal status preferenzjali tal-merkanzija importata.

104    Issa, diġà rriżulta mill-punti 92 sa 99 iktar 'il fuq li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, meta l-istatus preferenzjali tal-merkanzija jkun ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ ċertifikat inkorrett minn dawn l-awtoritajiet jikkostitwixxi żball li huwa preżunt li ma jkunx jista’ jiġi raġonevolment innotat fis-sens tal-ewwel subparagrafu, u li għalhekk din ir-regola tikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ eċċezzjoni, sa fejn hija tipprevedi bħala bażi inizjali ta’ evalwazzjoni preżunzjoni legali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet kumulattivi inkwistjoni (ara l-punt 47 iktar 'il fuq).

105    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 2700/2000, li fuqu jibbaża ruħu b’mod partikolari r-Renju ta’ Spanja sabiex jikkunsidra li huwa introduċa sistema partikolari għat-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni fil-kuntest tas-sistemi preferenzjali, ikkompleta l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, billi żied mal-ewwel subparagrafu tiegħu erba’ subparagrafi oħra li jikkonċernaw is-sistemi preferenzjali kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, EU:C:2006:162, punti 3 u 4). Barra minn hekk, dan it-test ġdid isaħħaħ il-protezzjoni tal-fiduċja tal-operatur ekonomiku kkonċernat f’każ ta’ żbalji tal-awtoritajiet doganali fir-rigward tas-sistema preferenzjali tal-merkanzija li toriġina minn pajjiż terz (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 25), billi introduċa kjarifika għall-każ partikolari tat-trattament preferenzjali ta’ merkanzija li toriġina minn pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, EU:C:2005:527, punt 29).

106    Għaldaqstant minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari jirriżulta li t-tieni sal-ħames subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jistabbilixxu regoli partikolari li fid-dawl tagħhom ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni dovuti meta l-istatus preferenzjali ta’ merkanzija jkunu ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-eżami tat-talba għal nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni għandu jitwettaq fid-dawl tat-tieni sal-ħames subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

107    Madankollu, l-eżami ta’ talba għal nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni għandu wkoll jitwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet kumulattivi li huma jinkludu u li għandhom jiġu ssodisfatti, jiżdiedu ma’ dik dwar in-natura li jista’ raġonevolment jiġi nnotat tal-iżball imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti (ara l-punti 92 sa 99 iktar 'il fuq), jiġifieri, li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun in bona fide u li tosserva d-dispożizzjonijiet kollha prevista mill-leġiżlazzjoni fis-seħħ [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2009, Agrar-Invest-Tatschl vs Il-Kummissjoni, C‑552/08 P, EU:C:2009:605, punti 52, 55 u 56, u s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 47].

108    Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tista’ tinvoka l-bona fide meta hija tista’ turi li, tul il-perjodu tal-operazzjonijiet ikkonċernati, hija ressqet il-prova ta’ diliġenza sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet kollha għat-trattament preferenzjali kienu ġew osservati (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, HIT Trading u Berkman Forwarding vs Il-Kummissjoni, T‑191/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:535, punt 53).

109    Għalhekk, huwa b’mod żbaljat li r-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni irregolarment irreferiet għall-kundizzjoni dwar il-bona fide qabel ma ddeterminat jekk għandhiex tipproċedi għall-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni dovuti b’applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, fil-verżjoni tiegħu wara r-Regolament Nru 2700/2000.

110    Madankollu, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni dwar il-bona fide tal-operatur u dik dwar l-assenza ta’ għarfien tal-iżball imwettaq mill-awtoritajiet doganali jippreżentaw ċertu rabta. Il-kwistjoni jekk l-operatur ikunx aġixxa in bona fide timplika b’mod partikolari li jiġi determinat jekk huwa setax raġonevolment jinnota l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroea Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, EU:C:1996:198, punti 83 u 98 sa 102; tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 30, u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 47).

111    Jeħtieġ, f’dan il-każ, jiġi evalwat il-mod li bih il-kundizzjoni dwar il-bona fide tal-operatur għandha tiftiehem sabiex jiġu applikati l-ewwel sar-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, fil-kuntest ġuridiku riżultanti mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 2700/2000, jiġifieri fil-qasam tas-sistemi preferenzjali. Huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kjarifiki li jistgħu jipprovdu l-motivi ta’ dan ir-regolament, il-proċedura li fi tmiemha huwa ġie adottat u l-ġurisprudenza.

112    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motivi tar-Regolament Nru 2700/2000, il-premessa 11 tiegħu tesponi li, għas-sistemi preferenzjali, jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kunċetti ta’ żball tal-awtoritajiet doganali u ta’ bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Wara li tindirizza l-kwistjoni tal-iżball tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz, hija tkompli, b’mod ġenerali, billi tindika li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tista’ tinvoka l-bona fide tagħha meta tista’ turi li hija wriet diliġenza, minbarra meta avviż jgħid li jeżisti lok għal dubji jkun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din il-premessa għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi indikazzjoni fis-sens li l-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għandha tiġi eżaminata meta l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikun wassal sabiex jiġi stabbilit ċertifikat inkorrett, ikun x’ikun l-oriġini ta’ dak l-iżball, kemm jekk ikun dovut lil dawn l-awtoritajiet kif ukoll jekk huwa jkun ipprovokat minn preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur.

113    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-proċedura nnifisha ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 2700/2000, l-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li l-emenda tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK ma kinitx prevista fil-proposta tar-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (ĠU 1998, C 228, p. 8).

114    Wara l-avviż tal-ewwel qari mill-Parlament Ewropew, li permezz tiegħu kien ġie propost li jiżdiedu t-tieni u t-tielet subparagrafi fl-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, il-Kummissjoni ppreżentat proposta emendata tar-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tal-Kunsill li jwaqqaf il-KDK (ĠU 2000, C 248, p. 1).

115    Barra minn hekk, mill-proċess verbal tal-2248 sessjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea “Suq Intern”, li nżammet fi Brussell (il-Belġju) fis-16 ta’ Marzu 2000, jirriżulta li matulha ntlaħaq ftehim politiku fuq il-proposta emendata ta’ emenda tal-KDK, li din il-proposta kienet tipprevedi d-definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ “żbalji amministrattivi” kif ukoll ta’ “bona fide tal-importatur” f’dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet li jinvolvu l-merkanzija li hija s-suġġett ta’ trattament preferenzjali bis-saħħa ta’ ċertifikati mhux korretti maħruġa mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz.

116    Il-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 31/2000 tal-25 ta’ Mejju 2000, adottata mill-Kunsill, li jiddeċiedi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 KE, bl-għan tal-adozzjoni ta’ regolament (KE) tal-Kunsill li jemenda l-KDK (ĠU 2000, C 208, p. 1) kienet tinkludi l-premessi u dispożizzjonijiet li ġew definittivament adottati fil-forma tar-Regolament Nru 2700/2000.

117    It-tieni nett, fi stqarrija għall-istampa IP/2000/1123, redatta fil-5 ta’ Ottubru 2000, il-membru tal-Kummissjoni inkarigat mis-suq intern indika li l-emenda inkwistjoni kienet tintroduċi definizzjoni ġdida tal-protezzjoni tal-bona fide tal-operaturi li jimportaw oġġetti taħt sistemi preferenzjali meta ċ-ċertifikati ta’ oriġini jirriżultaw mhux korretti u l-importaturi għandhom ikunu jafu li ma kinux sejrin jiġu skużati awtomatikament jekk l-esportaturi ta’ pajjiż terz kienu, pereżempju, ipprovdew ċertifikati ta’ oriġini foloz.

118    Għalhekk, jirriżulta kjarament mill-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 2700/2000 li r-raba’ subparagrafu ta-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, rigward il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, huwa applikabbli meta ċ-ċertifikati inkorretti li jippermettu l-benefiċċju ta’ sistema preferenzjali kienu redatti mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, u dan jikkonferma l-konklużjoni tal-punt 112 iktar 'il fuq, fl-aħħar mill-aħħar.

119    It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 2700/2000 jirriżulta li l-emenda tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK kienet intiża sabiex tiddefinixxi, għall-każ partikolari tas-sistemi preferenzjali, il-kunċetti ta’ “żball tal-awtoritajiet doganali” u ta’ “bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa” u li, għalhekk, mingħajr ma jirrikorri għal emenda fil-mertu, dan l-artikolu kellu l-għan li jispeċifika l-kunċetti fuq imsemmija, li kienu diġà jinsabu fil-verżjoni inizjali tal-imsemmi Artikolu 220, u kienu ilhom diġà ppreċiżati mill-ġurisprudenza (ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni kkonstatat li l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK kellu natura essenzjalment interpretattiva (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 23).

120    Il -Qorti tal-Ġustizzja għalhekk adottat ir-raġunament li jinsab fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Beemsterboer Coldstore Services, (C-293/04, EU:C:2005:527, punti 29 u 32), li skontu, minn naħa, it-test ġdid tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK kien intiż mhux sabiex jintroduċi emenda, imma sempliċement kjarifika għall-każ partikolari tat-trattament preferenzjali tal-merkanzija oriġinarja minn pajjiż terz, billi f’dan il-kuntest il-leġiżlatur tal-Unjoni kien ħass il-ħtieġa li jiddefinixxi preċiżament il-kunċetti ta’ “żball tal-awtoritajiet doganali” u ta’ “bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”, u, min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni ġdida ta’ din id-dispożizzjoni kienet iservi sempliċement sabiex tikkodifika u tippreċiża s-sitwazzjoni ġuridika prevalenti sa dakinhar, preċiżament għall-każ partikolari tal-iżbalji tal-awtoritajiet doganali fir-rigward tal-istatus preferenzjali tal-merkanzija li toriġina minn pajjiż terz.

121    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġurisprudenza preċedenti fil-qasam ta’ rkupru a posteriori tad-dazji ta’ importazzjoni baqgħet applikabbli. Issa, kif ġie spjegat fil-punt 110 iktar 'il fuq, billi jirriżulta minnha li l-kundizzjoni dwar il-bona fide tal-operatur u dik dwar l-assenza ta’ għarfien tal-iżball imwettaq mill-awtoritajiet doganali huma, sa ċertu punt, marbuta, il-kwistjoni jekk l-operatur ikunx aġixxa in bona fide tinvolvi b’mod partikolari d-determinazzjoni jekk huwa setax raġonevolment jinnota l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti.

122    Insegwitu, minkejja ċ-ċirkustanza li tirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK li l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz fil-ħruġ ta’ ċertifikat inkorrett jikkostitwixxi żball li huwa preżunt li ma setax jiġi raġonevolment innotat fis-sens tal-ewwel subparagrafu (ara l-punt 99 iktar 'il fuq), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-kundizzjoni dwar il-bona fide tal-operatur u dik dwar l-assenza ta’ għarfien tal-iżball imwettaq mill-awtoritajiet doganali huma, sa ċertu punt, marbuta (ara l-punt 121 iktar 'il fuq), u dan għandu bħala konsegwenza li jeħtieġ, f’kull każ, li dawn jiġu analizzati fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, fid-dawl tal-preżunzjoni legali prevista fit-tieni subparagrafu tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

123    Din l-interpretazzjoni iżżomm ukoll l-effett utli tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, għaliex il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tista’ tiġi nvokata fil-kundizzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni u eżaminati mill-Kummissjoni, każ każ u fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-każ, anki meta l-iżball huwa preżunt li ma setax jiġi raġonevolment innotat mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

124    Insegwitu, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ġodda inseriti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK mir-Regolament Nru 2700/2000 ma jagħmlu l-ebda riferiment għaliha. Madankollu, għandu jitfakkar li l-eżami ta’ talba għal nuqqas ta’ rkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni għandu jitwettaq ukoll billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet previsti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet kumulattivi li huwa jinkludi u li għandhom jiġu ssodisfatti (ara l-punti 92 sa 99 hawn fuq), jiġifieri, b’mod partikolari, il-kundizzjoni li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għandha tkun in bona fide u li hija tkun osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2009, Agrar-Invest-Tatschl vs Il-Kummissjoni, C‑552/08 P, EU:C:2009:605, punti 52, 55 u 56, u s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 47).

125    Għalhekk, il-kundizzjoni dwar l-osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali hija applikabbli meta l-proċedura ta’ rkupru a posteriori tirrigwarda l-istatus preferenzjali ta’ merkanzija u li l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jkunu rrediġew ċertifikat inkorrett f’dan ir-rigward.

 Fuq l-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

126    Kif jirriżulta mill-punt 123 iktar 'il fuq, il-fatt li l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti jikkostitwixxi żball li huwa preżunt li ma jistax jiġi nnotat raġonevolment bl-ebda mod ma jipprekludi li l-Kummissjoni teżamina jekk il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hijiex in bona fide, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 121 hawn fuq, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ.

127    Barra minn hekk, il-kundizzjoni li tikkonċerna l-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali għandha wkoll tiġi eżaminata mill-Kummissjoni u għandu, għalhekk, jiġi determinat, fid-dawl tal-argumenti tar-Renju ta’ Spanja jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata minn żbalji fuq dan il-punt.

–       Fuq l-elementi dwar il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa

128    Preliminarjament, għandu jitqies li żewġ elementi nnotati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kinitx in bona fide.

129    L-ewwel nett, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tifforma parti minn grupp li l-attivitajiet tiegħu huma mifruxa mad-dinja kollha fil-qasam tas-sajd, tal-ipproċessar, tal-manifattura, tal-ippakkjar u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti dderivati minn ħut frisk, iffriżati jew ippreżervati (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

130    It-tieni nett, l-esportatur tal-prodotti inkwistjoni, li kien ipprovda l-informazzjoni li fuq il-bażi tagħha ċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” kienu nħarġu, huwa kumpannija li tappartjeni lill-istess grupp bħall-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa (premessi 37 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata) u ż-żewġ vapuri li kienu użaw bandiera doppja huma tal-imsemmi grupp (premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-Kummissjoni, ma setax jiġi ammess li l-fatt li għandu jiġi preżunt li l-iżball ma setax raġonevolment jiġi nnotat minħabba l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, għandu jwassal għal rikonoxximent tal-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

131    F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti għandu jkun ta’ natura li ma jkunx jista’ raġonevolment jiġi nnotat mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ta’ bona fide, minkejja l-esperjenza professjonali tagħha u d-diliġenza li hija għandha tieħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica, C‑251/00, EU:C:2002:655, punt 38).

132    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi nnotati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-esperjenza professjonali tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa (ara l-punt 129 iktar 'il fuq) ma humiex ikkontestati mir-Renju ta’ Spanja, li, għall-kuntrarju, jammetti li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, ġustament, fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet operatur b’esperjenza kbira, imma li huwa jargumenta wkoll li l-esperjenza professjonali tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma tippreġudikax in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

133    Huwa ċertament minnu li l-esperjenza professjonali ma teskludix, fiha nnifisha, il-bona fide tal-operatur jew in-natura moħbija tal-iżball, kif isostni r-Renju ta’ Spanja. Madankollu, għandu jiġi nnotat li jista’ jkun mistenni minn professjonist ta’ esperjenza li huwa jkollu diliġenza ogħla fuq elementi amministrattivi u fattwali li l-evalwazzjoni tagħhom taqa’ fil-kuntest abitwali tal-attivitajiet tiegħu, b’mod partikolari f’dak li huwa jista’ jikkonstata iktar faċilment kull devjazzjoni minn dak li jikkostitwixxi prattika ordinarja korretta.

134    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward tad-diliġenza, għandu jkun l-operatur ekonomiku li għandu dubji li jinforma ruħu u jfittex il-kjarifiki kollha possibbli sabiex ma jiksirx id-dispożizzjonijiet imsemmija (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C‑48/98, EU:C:1999:548, punt 58, u tat-13 ta’ Settembru 2007, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, C‑443/05 P, EU:C:2007:511, punt 191).

135    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat il-kundizzjoni ta’ diliġenza tal-operatur fir-rigward tal-elementi differenti li kienu ġew innotati bħala kostituttivi ta’ assenza ta’ osservanza tar-regoli ta’ oriġini.

136    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ tal-vapuri tas-sajd, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-dawl tan-natura tal-attività tagħha u tal-appartenenza tagħha għal grupp attiv fuq diversi oċeani, suġġetta minħabba f’hekk għall-osservanza ta’ regoli differenti, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma kinitx diliġenti u ma osservatx il-kundizzjonijiet sabiex tgawdi mit-trattament tariffarju preferenzjali previst mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 980/2005 u 732/2008.

137    It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, f’ċerti każijiet, l-esportatur kien ippreżenta, fl-istess waqt, kemm ċertifikati ta’ oriġini mhux preferenzjali maħruġa mill-kmamar tal-kummerċ Spanjola u Franċiża u ċertifikati EUR.1 mhux maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni u relattivi għall-ftehim AKP, kif ukoll ċertifikati EUR.1 maħruġa mill-awtoritajiet tas-Seychelles u ċertifikati “formula A” maħruġa mill-awtoritajiet tal-Panama. Hija kkunsidrat li dawn il-fatti ma kinux jippermettu li jiġi determinat l-oriġini tat-tonn, fin-nuqqas ta’ traċċabbiltà neċessarja, u kkonkludiet li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet kisret id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-dikjarazzjoni doganali u r-regoli ta’ oriġini applikabbli.

138    It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kunċetti ta’ “reġistrazzjoni doppja”, ta’ “numru ta’ reġistrazzjoni” u ta’ “nazzjonalità doppja” tal-vapuri ma kinux ambigwi, imma kjarament definiti mid-dritt tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU). Hija żiedet li d-dritt tal-Unjoni kien jirrikjedi kjarament li vapur tas-sajd ikun irreġistrat fi Stat wieħed biss u li huwa jbaħħar taħt il-bandiera ta’ Stat wieħed biss sabiex jibbenefika mis-SPĠ. Issa, il-Kummissjoni sostniet li waqt li ż-żewġ vapuri inkwistjoni kienu ġew irreġistrati fis-Seychelles u kienu baħħru taħt il-bandiera ta’ dak il-pajjiż għal tul ta’ ħames snin, filwaqt li kienu rreġistrati f’El Salvador u kienu jbaħħru taħt il-bandiera ta’ dan l-aħħar pajjiż, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet, madankollu, iddikjarat li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 2454/93 sabiex tgawdi mis-SPĠ kienu ssodisfatti.

139    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni nnotat li l-informazzjoni li fid-dawl tagħha ċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” kienu nħarġu mill-awtoritajiet ta’ El Salvador kienet ġiet ipprovduta minn sussidjarja tal-grupp tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

140    Il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet minn dan li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma kinitx uriet il-grad ta’ diliġenza mistenni minn operatur professjonali fit-trattament doganali rikjest għall-prodotti inkwistjoni fid-dawl tas-sitwazzjonijiet irrilevati minnha.

141    Fit-tielet lok, għandha tingħata risposta għall-argumenti differenti mqajma mir-Renju ta’ Spanja sabiex jikkontesta n-nuqqas ta’ diliġenza tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

142    L-ewwel nett u preliminarjament, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li jkun kontradittorju li, fid-deċiżjoni kkontestata, jiġi sostnut li kien twettaq żball mill-awtoritajiet ta’ El Salvador mingħajr ma l-esportatur kien għamel preżentazzjoni inkorretta tal-fatti u li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet naqset minn diliġenza fir-rigward tal-istess fatti.

143    Fuq dan il-punt, għandu jiġi nnotat, ċertament, li huwa nnegabbli li l-kundizzjoni dwar in-natura moħbija tal-iżball imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti hija marbuta, sa ċertu punt, mal-kwistjoni tal-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, kif il-ġurisprudenza tikkonstata. Madankollu, ma huwiex possibbli li jiġi ammess li l-fatt li l-iżball huwa preżunt li ma jistax jiġi raġonevolment innotat, konstatazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regola tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, introdotta bir-Regolament Nru 2700/2000, għandu l-konsegwenza awtomatika u neċessarja li l-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun ikkonstata, u dan, a fortiori, f’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi diġà rrilevati fil-punti 128 sa 130 iktar 'il fuq. Fir-rigward tal-kontradizzjoni li jinnota r-Renju ta’ Spanja bejn il-konstatazzjoni ta’ żball imwettaq u l-assenza ta’ preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur, l-ebda argument ma ġie avvanzat sabiex isostni din it-teżi, il-loġika ta’ liema lanqas ma tirriżulta mill-ġurisprudenza. Dan japplika wkoll għall-eventwali kontradizzjoni bejn l-assenza ta’ preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur u n-nuqqas ta’ diliġenza tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fir-rigward ta’ dawn l-istess fatti. B’mod partikolari, ma huwiex possibbli li jiġi preżunt li l-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa titnissel direttament mill-aġir tal-esportatur, b’mod partikolari billi l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma setgħetx tapprofitta mill-azzjoni tagħha f’dawn iċ-ċirkustanzi fejn l-elementi fattwali miġjuba 'l quddiem mill-esportatur ma wasslux għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ oriġini “formula A” mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz inkwistjoni. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet fuq imsemmija tar-Renju ta’ Spanja għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-fatt li uħud mill-iżbalji mwettqa mill-awtoritajiet doganali ta’ El Salvador tnisslu mit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċertifikati inizjali li ma setgħux, manifestament, jittieħdu inkunsiderazzjoni li kienu ta’ natura li jippermettu li jiġi akkwistat trattament preferenzjali, u ksur ta’ obbligi notevoli oħra rigward l-ekwipaġġ u l-bandiera tal-vapuri inkwistjoni.

144    Għaldaqstant, dan l-argument tar-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud.

145    It-tieni nett, minn naħa, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li huwa sproporzjonat li jiġi rikjest li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun taf il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ ta’ kull vapur fil-mument ta’ sajdiet differenti, li kienu twettqu minn vapuri li ma humiex tal-grupp Calvo, b’mod li dan tal-aħħar ma setax jirrikjedi informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ. Huwa jsostni li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ħadet il-miżuri ta’ prekawzjoni supplimentari neċessarji billi rrikjediet mingħand il-fornituri tagħha prova ta’ proprjetà li tiċċertifika l-osservanza tar-regola dwar il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ. Min-naħa l-oħra, huwa jikkonstata li l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti tas-sajd fil-qasam ta’ oriġini tikkostitwixxi wieħed mill-elementi rilevanti fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK u li dwar dan ma hemm l-ebda dubju f’dan il-każ.

146    Dwar l-ewwel argument li jikkonċerna n-natura sproporzjonata tar-rekwiżit dwar l-għarfien mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tal-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ tal-vapuri li jkunu qabdu l-prodotti inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni timponi dan ir-rekwiżit fuq il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, hija timponi dan il-piż ukoll, fl-iskritturi tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, fuq l-esportatur. F’kull każ, huwa ċar li għandu jitqies li, fid-dawl tal-appartenenza tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u tal-esportatur lill-istess grupp, in-nuqqas ta’ diliġenza tal-esportatur dwar il-kontroll tal-kundizzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ tal-vapuri hija imputabbli wkoll lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, b’mod partikolari minħabba l-possibbiltajiet ta’ informazzjoni li jeżistu bejn impriżi appartenenti lill-istess grupp. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, meta pproduċa ċertifikati ta’ proprjetà tal-vapuri, li juru l-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ u li l-grupp Calvo kien normalment jitlob li jimtlew mill-proprjetarji tal-vapuri ir-Renju ta’ Spanja jġib, fil-verità, indikazzjoni ċara fis-sens li r-rekwiżit tal-għarfien tal-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ mill-esportatur jew mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa manifestament ma huwiex sproporzjonat u li dan jista’ jkun, għall-kuntrarju, prattika relattivament normali fis-settur tal-attività tas-sajd, b’mod partikolari meta l-ħut maqbud minn dawn il-vapuri jkun iddestinat sabiex jiġi importat fl-Unjoni fil-kuntest tas-SPĠ. Ma jistax, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jitqies bħala eskluż li l-esportatur jew il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, li riedu japprofittaw mis-SPĠ, setgħu jitolbu lill-fornituri, anki dawk esterni għall-grupp Calvo, id-data dwar il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom, minkejja l-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja li kien diffiċli sabiex tiġi akkwistata din l-informazzjoni minħabba, b’mod partikolari, il-possibbiltà ta’ tibdil fl-ekwipaġġ fil-mument li ssir kull sajda jew minħabba l-preżenza ta’ ċerti persuni abbord b’mod mhux permanenti. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, il-fatt tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni fuq il-protezzjoni tad-data personali ma għandux jipprekludi dan l-approċċ, billi jeżistu diversi possibbiltajiet li jippermettu, fil-prattika, li jintalbu u jiġu protetti dawn id-data mingħajr ma tinkiser il-leġiżlazzjoni imsemmija, u dan billi jintalbu l-ftehimiet neċessarji, f’dan ir-rigward, mingħand il-persuni kkonċernati, b’mod partikolari għall-vapuri esterni għall-grupp tal-esportatur u tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tal-allegazzjoni tar-Renju ta’ Spanja f’dan ir-rigward għandha tirrendi skadut ir-rekwiżit intiż sabiex juri l-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ tal-vapuri fil-mument tas-sajda, anki jekk huwa paċifiku li dan l-obbligu huwa applikabbli f’dan il-każ, skont ir-regoli fis-seħħ fid-data rilevanti.

147    Fir-rigward tas-seba’ ċertifikati prodotti mir-Renju ta’ Spanja quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li dawn ma jurux li l-kundizzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ ta’ vapur, li skontu 75 % tal-membri tiegħu għandhom ikunu ffurmati minn ċittadini tal-pajjiżi tal-Unjoni jew tal-pajjiż benefiċjarju tat-trattament tariffarju preferenzjali, kienet ġiet osservata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif ssostni wkoll ġustament il-Kummissjoni, dawn iċ-ċertifikati jindikaw biss il-perċentwali tal-membri tal-ekwipaġġ ċittadini ta’ Stati tal-Unjoni jew ta’ kwalunkwe pajjiż benefiċjarju tal-grupp II tas-SPĠ għall-finijiet tal-akkumulazzjoni (“porcentaje de nacionales de un Pais miembro de la UE o del grupo II de Paises SPG”), billi kull wieħed minnhom jirreferi għall-perċentwali tal-membri tal-ekwipaġġ ċittadini ta’ Stati partijiet għall-ftehim AKP. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, fid-dawl tan-natura impreċiża tagħhom, iċ-ċertifikati inkwistjoni ma jistgħux juru li l-kundizzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ kienet issodisfatta.

148    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kumplessità tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti tas-sajd fil-qasam ta’ oriġini, ma jistax jiġi deċiż li din teżisti fir-rigward tal-punt ta’ liġi inkontestazzjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, l-Artikolu 68(1)(f) u (g), u l-ħames inċiż tal-paragrafu 2 tiegħu, tar-Regolament Nru 2454/93, fil-verżjoni applikabbli fi żmien il-fatti, kienu jipprevedu li għandhom jitqiesu li kienu interament akkwistati f’pajjiż benefiċjarju jew fl-Unjoni l-prodotti riżultanti mis-sajd marittimu u l-prodotti l-oħra miġjuba mill-baħar barra l-ibħra territorjali tagħhom mill-vapuri tagħhom jew il-prodotti prodotti abbord il-vapuri-fabbriki tagħhom, billi l-espressjonijiet “il-vapuri tagħhom” u “l-vapuri-fabbriki tagħhom” kienu applikabbli biss għall-vapuri u vapuri-fabbriki li, b’mod partikolari, l-ekwipaġġ tagħhom huwa ffurmat, fi proporzjoni ta’ mhux inqas minn 75 %, minn ċittadini tal-pajjiż benefiċjarju jew tal-Istati Membri.

149    Din ir-regola ma tistax titqies li tippreżenta tant kumplessità li ser ikun diffiċli żżejjed sabiex operatur b’esperjenza kbira bħall-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa jew bħall-esportatur li jiżgura l-osservanza tagħha. L-argument tar-Renju ta’ Spanja dwar in-numru ta’ deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni rrifjutat it-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni fis-settur tat-tonn, fejn fihom ma huwiex allegat li d-diffikultà leġiżlattiva tirrigwarda ġustament il-kwistjoni tal-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ, għandu għaldaqstant jiġu miċħud, l-istess bħal dik dwar l-emendi li saru mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-kuntest leġiżlattiv fil-qasam tas-SPĠ. Minn dawn iċ-ċirkustanzi ma jistax fil-fatt jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ kienet ta’ natura kumplessa. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni assumiet proċess ta’ simplifikazzjoni tar-regoli ta’ oriġini fis-sistemi preferenzjali li wassal għas-sopressjoni tal-kundizzjoni ta’ kompożizzjoni tal-ekwipaġġ tikkostitwixxi biss, l-iktar, indizju fis-sens li l-istituzzjoni riedet prattika leġiżlattiva aħjar wara l-analiżi tal-effetti tar-regoli inkwistjoni, mingħajr ma jista’ jiġi konkluż li din kienet diffiċli sabiex tiftiehem mill-professjonisti attivi fil-qasam ikkonċernat. Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, ġustament, ma ntweriex li l-konstatazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja dwar il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni jirrigwardaw speċifikament ir-rekwiżit inkwistjoni li jikkonċerna l-ekwipaġġ. Hekk ukoll, il-fatt li saret konsultazzjoni, f’dan ir-rigward, bejn l-OLAF u s-servizz ġuridiku tal-Kummissjoni lanqas ma jikkostitwixxi prova deċiżiva tan-natura kumplessa tal-kwistjoni legali ikkontestata. Barra minn hekk, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ekwipaġġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et (C‑153/94 u C‑204/94, EU:C:1996:198, punt 47), ir-restrizzjoni ta’ dan il-kunċett għall-persunal permanenti ta’ vapur ma tistax titqies bħala sors ta’ diffikultà supplimentari tal-osservanza tar-regola prevista fl-Artikolu 68(1), u l-ħames inċiż tal-paragrafu (2) tiegħu, tar-Regolament Nru 2454/93, għaliex, għall-kuntrarju hija twassal sabiex tingħata informazzjoni biss fuq il-membri tal-ekwipaġġ li għandhom rabta stabbli mal-vapur li jwettaq il-qabdiet li jgawdu mis-SPĠ.

150    Għaldaqstant, l-argument tar-Renju ta’ Spanja dwar dan il-punt għandu jiġi miċħud.

151    It-tielet nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja, għaliex jinsab iddikjarat fiha li, minħabba l-attività tagħha, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kellha tkun taf li l-kundizzjoni ta’ kompożizzjoni tal-ekwipaġġ ma kinitx osservata, imma li, fir-rigward tas-sajdiet li l-oriġini tagħhom kienet ipprovata miċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” maħruġa mill-Panama, ma setax jiġi nnotat l-iżball. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet skartat il-prattika deċiżjonali tagħha, li permezz tagħha hija kienet dejjem tagħti l-maħfra tad-dazji doganali lil operaturi ta’ esperjenza li jeżerċitaw l-istess attività bħall-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, u dan kien element rilevanti li jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ, anki meta dawn id-deċiżjonijiet kienu ġew adottati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-KDK jew tar-regoli APK.

152    Fuq in-natura kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi nnotat li r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sitwazzjoni tal-materja prima provenjenti mill-Panama kellha tiġi ttrattata b’mod differenti mill-każijiet l-oħra jirriżultaw kjarament mill-premessa 38 ta’ din id-deċiżjoni. L-oriġini tal-materja prima inkwistjoni kien iġġustifikat biċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” redatti mill-awtoritajiet tal-Panama, pajjiż li jifforma parti mill-grupp reġjonali II, u mhux miċ-ċertifikati ta’ natura differenti maħruġa minn awtoritajiet ta’ pajjiż li ma jifformax parti minn dan l-istess grupp reġjonali, kif kien il-każ tal-importazzjonijiet kontenzjużi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ammettiet li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa setgħet ma tkunx taf li ċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” maħruġa mill-awtoritajiet ta’ El Salvador għall-importazzjonijiet kontenzjużi setgħu kienu jew setgħu ma kinux miktuba korrettement fid-dawl ta’ ċertifikati tal-istess natura, miktuba mill-awtoritajiet tal-Panama. Għaldaqstant ma kienx hemm kontradizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

153    Fuq il-prattika deċiżjonali preċedenti, il-Kummissjoni targumenta, korrettament, li d-Deċiżjonijiet REM 07/02 u REM 08/02 kienu jirreferu għal sitwazzjonijiet fejn ma kienx hemm kwistjoni ta’ preżentazzjoni, mill-esportatur, ta’ ċertifikati ta’ oriġini inizjali inadegwati għall-finijiet tas-SPĠ, f’ċirkustanzi fejn, bħal f’dan il-każ, debituri tad-dazji doganali kellhom ikunu ta’ esperjenza professjonali partikolari u fejn id-debitur u l-esportatur kienu jiffurmaw parti mill-istess grupp. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet kienu pjuttost jirrigwardaw problemi marbuta mal-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ u, fit-tieni każ, ukoll problemi marbuta mal-kwistjoni ta’ min kien proprjetarju tal-vapuri inkwistjoni. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet l-oħra prodotti mir-Renju ta’ Spanja, huwa ċar li ebda waħda minnhom ma ssemmi sitwazzjoni fejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u l-esportatur jiffurmaw parti mill-istess grupp. Għalhekk, kienu deċiżjonijiet li jirrigwardaw sitwazzjonijiet fattwali differenti minn dik inkwistjoni f’dan il-każ. Għaldaqstant dawn ma jistgħux iservu ta’ bażi għal prattika deċiżjonali li tista’ tkun rilevanti sabiex jiġi solvut dan il-każ. Barra minn hekk, l-ebda waħda minn dawk id-deċiżjonijiet ma tinkludi konstatazzjoni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet kumplessa u tiġġustifika, minħabba dan il-fatt, il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni.

154    Għaldaqstant, dan l-argument tar-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud.

155    Ir-raba’ nett, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li, skont il-ġurisprudenza, iż-żmien li matulu l-awtoritajiet doganali juru l-istess aġir għandu ċertu importanza sabiex tiġi evalwata d-diliġenza tal-operaturi. Issa, l-awtoritajiet ta’ El Salvador, debitament informati biċ-ċertifikati miżmuma, ma kienu qatt, matul is-snin, qajmu oġġezzjoni għall-ħruġ ta’ ċertifikati “formula A”, minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ kunsinna ta’ timbri mill-Kummissjoni, u b’hekk hekk iffavorew il-ħruġ ta’ ċertifikati inkorretti.

156    Il-Qorti Ġenerali tinnota, l-istess bħall-Kummissjoni, li l-argument ibbażat fuq iż-żamma għal żmien twil tal-pożizzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ma huwiex fih innifsu determinati sabiex jitqies jekk il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa urietx id-diliġenza, anki jekk dan huwa aspett utli sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ żball ta’ dawn l-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2013, Recombined Dairy System vs Il-Kummissjoni, T‑65/11, EU:T:2013:295, punti 25 u 29). Fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ta’ dan il-każ, b’mod partikolari tal-esperjenza tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, tal-appartenenza tagħha lill-istess grupp bħall-esportatur u tan-natura tal-żball imwettaq, iż-żamma għal tul ta’ żmien tal-pożizzjoni mill-awtoritajiet ta’ El Salvador ma tistax teżonera lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa min-nuqqas ta’ diliġenza tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tat-timbri li kellha tibgħat il-Kummissjoni lil dawk l-awtoritajiet ma għandhiex effett fuq in-natura tal-żball imwettaq u, għaldaqstant, fuq d-diliġenza li kellha turi l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Ir-Renju ta’ Spanja jindika, barra minn hekk, huwa stess, wara li enfasizza li n-nuqqas ta’ kunsinna tat-timbri huwa nuqqas direttament imputabbli lill-Kummissjoni li, fil-fehma tiegħu, mingħajr dubju kkontribwixxa għall-ħruġ taċ-ċertifikati inkorretti u għaż-żamma għal tul ta’ żmien tal-iżball, “li din ma kinitx il-kawża prinċipali tal-ħruġ taċ-ċertifikati inkorretti”. Fuq dan l-istess punt, għandu jiżdied li, f’dan il-każ, il-kwistjoni ta’ eventwali falsifikazzjoni taċ-ċertifikati EUR.1 li kienu servew ta’ bażi għall-ħruġ taċ-ċertifikati “formula A” ma tqumx, b’mod li l-assenza ta’ komunikazzjoni tat-timbri rilevanti mill-Kummissjoni ma setax ikollu konsegwenzi prattiċi.

157    Għaldaqstant, l-argument tar-Renju ta’ Spanja fuq dan il-punt għandu jiġi miċħud.

158    Il-ħames nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-regola ta’ oriġini tipprevedi biss li l-vapuri għandhom ikunu rreġistrati fil-pajjiż benefiċjarju jew fi Stat Membru, billi l-esklużjoni tas-sistemi preferenzjali f’każ ta’ reġistrazzjoni doppja tirriżulta minn interpretazzjoni tal-Kummissjoni, li ma kinitx magħrufa dakinhar tal-introduzzjoni tat-talbiet għal ċertifikati, li kienu jindikaw l-użu tal-bandiera tas-Seychells. Għalhekk, il-konsegwenzi tar-reġistrazzjoni doppja tirriżulta minn leġiżlazzjoni kumplessa, kif jintwera mill-fatt li l-awtoritajiet ta’ El Salvador kienu interpretaw il-kundizzjoni dwar il-bandiera b’mod differenti mill-Kummissjoni.

159    F’dawn ir-rigward, kif tirrileva wkoll, ġustament, il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja jammetti li kemm il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kif ukoll l-esportatur kienu jafu li l-vapuri inkwistjoni kienu rreġistrati f’żewġ pajjiżi. Huwa jsostni pjuttost li kien in bona fide li l-esportatur kien innotifika lill-awtoritajiet ta’ El Salvador il-fatt li huwa kellu bandiera doppja. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-vapuri inkwistjoni kienu jappartjenu lil kumpannija oħra tal-grupp li jinkludi lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u lill-esportatur.

160    Kuntrarjament għall-argument tar-Renju ta’ Spanja, ma jistax jiġi ammess li r-regola ta’ oriġini, stabbilita fl-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 2454/93, hija ta’ natura partikolarment kumplessa. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li l-vapuri li jagħmlu s-sajd li jibbenefika mis-SPĠ għandhom ikunu irreġistrati fil-pajjiż benefiċjarju jew fi Stat Membru u li huma għandhom ikollhom bandiera tal-pajjiż benefiċjarju jew ta’ Stat Membru. Għalhekk, għandu jitqies li l-unika kwistjoni li tibqa’ rilevanti tirrigwarda l-konsegwenzi taċ-ċirkustanza li ż-żewġ vapuri inkwistjoni kienu rreġistrati kemm f’El Salvador kif ukoll fis-Seychelles.

161    Għandu jiġi rrilevat li, kif issostni wkoll f’diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni, id-dritt tal-ONU jipprevedi l-konsegwenzi li jinkorri vapur minħabba l-fatt li huwa jkollu diversi bnadar.

162    B’hekk, l-Artikolu 92(2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 u li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994, jistipula li vapur li jbaħħar taħt il-bnadar ta’ diversi Stati, li minnhom huwa jagħmel użu għall-konvenjenza tiegħu, ma jistax jinvoka, fil-konfront ta’ kull Stat terz, l-ebda waħda minn dawn in-nazzjonalitajiet. Minn din ir-regola jirriżulta li vapur li jbaħħar taħt bandiera doppja jinsab f’sitwazzjoni rregolari fir-rigward tad-dritt internazzjonali.

163    Fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ din ir-regola f’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 u li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994 ġiet approvata f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998, li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implementazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260). Din iċ-ċirkustanza għandha bħala konsegwenza li torbot lill-Unjoni, billi d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jiffurmaw, imbagħad, parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑459/03, EU:C:2006:345, punt 82, u tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 53).

164    Huwa għalhekk korrettament li l-Kummissjoni applikat ir-regola prevista mill-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 2454/93, billi ħadet inkunsiderazzjoni dak stipulat mill-Artikolu 92(2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar. Għalhekk, fid-dawl tal-mekkaniżmu relattivament sempliċi ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni li, barra minn hekk, fid-data tal-fatti rilevanti, xejn ma kienet xi element riċenti, ma jistax jitqies li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet kumplessa. Barra minn hekk, fid-dawl tal-esperjenza tal-esportatur u tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kif ukoll tal-appartenenza tagħhom lil grupp ta’ dimensjoni internazzjonali fil-qasam tas-sajd, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax validament isostni li huma ma kinux jafu bir-regola dwar il-bandiera doppja u l-konsegwenzi stretti tagħha.

165    F’din il-kundizzjonijiet, l-argument kollu tar-Renju ta’ Spanja dirett kontra l-konstatazzjoni dwar il-bandiera doppja fid-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud, inkluż l-allegazzjoni tiegħu li l-esportatur ma kienx ħeba l-fatt li l-vapuri inkwistjoni kellhom bandiera doppja. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-awtoritajiet kienu informati b’din is-sitwazzjoni ma għandhiex rilevanza fuq il-fatt li din kienet azzjoni mhux konformi mar-regoli imsemmija iktar 'il fuq (ara l-punti 162 u 163 iktar 'il fuq).

166    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument dwar l-esperjenza professjonali tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, konstatazzjoni li, skont ir-Renju ta’ Spanja, ma ttellifx lill-Kummissjoni milli tipproċedi għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, kif jirriżulta mill-prattika tagħha, għandu jiġi kkonstatat li dan diġà ingħata risposta, b’mod partikolari fil-punti 128 sa 133, 146 u 149 iktar 'il fuq, sa fejn jidher li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u b’mod partikolari tal-esperjenza professjonali tagħha, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kellha tuża d-diliġenza u li ma wrietx li għamlet hekk meta rrinfaċċjata bl-iżbalji mwettqa mill-awtoritajiet ta’ El Salvador.

167    Fir-rigward tal-fatt li din l-esperjenza ma kellhiex tkun ta’ ostakolu sabiex id-dazji fuq l-importazzjoni ma jkunux irkuprati għall-importazzjonijiet oriġinarji mill-Panama, mill-punt 152 iktar 'il fuq jirriżulta b’mod suffiċjenti li l-ġustifikazzjoni tal-oriġini biċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” redatti mill-awtoritajiet tal-Panama, pajjiż li jifforma parti mill-grupp reġjonali II, ma tippermettix lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li tkun taf jekk iċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” maħruġa mill-awtoritajiet ta’ El Salvador għall-importazzjonijiet kontenzjużi kienu jew ma kinux korrettement redatti mill-awtoritajiet tal-Panama. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jinferixxi minn din il-konstatazzjoni xi kontradizzjoni bejn ir-raġunament tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-evalwazzjoni ta’ żewġ sitwazzjonijiet fattwali differenti li jikkonċernaw l-importazzjonijiet imwettqa mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

168    Insegwitu, għandu jiġi kkonstatat li kien ġustament li l-Kummissjoni kkonstatat li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet naqset mild-diliġenza u li hija ma setgħetx, għaldaqstant, titqies li kienet in bona fide għall-applikazzjoni tal-Artikolu 220(1)(b) tal-KDK.

–       Fuq l-elementi dwar l-osservanza tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali

169    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, primarjament, li l-Kummissjoni ma speċifikatx liema kienu d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw Il-valur doganali li ma kinux ġew osservati, billi llimitat ruħha sabiex tinnota ksur tar-regoli ta’ oriġini. Imma din il-konstatazzjoni ma tippermettix li jintwera ksur tal-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali. Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet ippreżentat dikjarazzjonijiet doganali korretti, li jinkludu t-talbiet ta’ applikazzjoni tat-trattament tariffarju preferenzjali bbażat fuq iċ-ċertifikati neċessarji għal dan l-għan. Għaldaqstant ma tistax tiġi akkużata li ma pprovdietx indikazzjonijiet li ma setgħetx raġonevolment tkun taf bihom u takkwista.

170    Insostenn ta’ l-argument tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jirreferi għar-rapport tal-OLAF, li kien irrikonoxxa l-possibbiltà li jiġu identifikati, mill-mument tas-sajda, il-prodotti finalment miksuba u l-kunsinni tagħhom lejn l-Unjoni fejn dawn il-prodotti huma inklużi mingħajr xejn ma jindika li kien impossibbli li tiġi identifikata l-oriġini tas-sajda. Barra minn hekk, il-kunsinni lejn l-Unjoni kienu jinkludu prodotti pproċessati mill-materja prima maqbuda mill-vapuri inkwistjoni f’dan il-każ, imma wkoll minn vapuri oħra. Għaldaqstant, jekk il-kunsinni kollha kienu jinkludu prodotti riżultanti mit-trasformazzjoni ta’ materja prima maqbuda minn diversi vapuri, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ċerti kunsinni, imwettqa taħt l-istess ċertifikat “formula A”, ma kinux josservaw id-dispożizzjonijiet dwar il-valur doganali, kienet arbitrarja, għaliex dan il-fatt kellu jkun validu f’kull każ.

171    Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li s-sistema ta’ traċċabbiltà fis-seħħ tippermetti li jiġi stabbilit l-oriġini tas-sajda, billi l-OLAF tirreferi espressament għar-rapporti ta’ traċċabbiltà pprovduti mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, li juri l-eżistenza ta’ sistema ta’ traċċabbiltà adegwata u l-possibbiltà li jiġu identifikati dwar kull kunsinna l-prodotti oriġinarji minn dawk li ma kinux. Barra minn hekk, fl-ittra tal-14 ta’ Marzu 2014, bir-riferenza Ares(2014) 732193, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ traċċabbiltà f’dan il-każ, billi din l-ittra kellha rabta mad-deċiżjoni kkontestata, għaliex kienet tinkludi evalwazzjoni dwar id-deċiżjoni tat-tribunal de Cuentas (qorti tal-awdituri, Spanja) fuq l-atti ta’ likwidazzjoni tas-sena 2009 rigward l-importazzjonijiet kontenzjużi.

172    Fir-replika, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-interpretazzjoni li biha r-reġistrazzjoni doppja ta’ vapur teskludi l-applikazzjoni tas-sistemi preferenzjali ngħatat wara li l-amministrazzjoni Spanjola kienet lestiet il-parti l-kbira tal-atti ta’ likwidazzjoni a posteriori, li ma kinitx tiddistingwi l-prodotti oriġinarji mill-prodotti mhux oriġinarji msemmija fl-istess ċertifikat.

173    Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regola ta’ oriġini jippermetti li jiġi kkonstatat id-dejn doganali, li huwa neċessarju sabiex tinbeda proċedura ta’ maħfra tad-dazji, imma dan ma huwiex kundizzjoni għal din il-maħfra.

174    Qabel xejn, għandu jiġi nnotat li mill-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta ppreżentat iċ-ċertifikati ta’ oriġini li ma kienx jippermetti li jiġi determinat l-oriġini tat-tonn, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kisret id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-dikjarazzjoni doganali u r-regoli ta’ oriġini applikabbli.

175    Għandu jiġi kkonstatat li din hija l-unika kunsiderazzjoni li sservi ta’ bażi għall-assenza ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-dikjarazzjoni doganali, billi l-Kummissjoni ma rrispondietx utilment, quddiem il-Qorti Ġenerali, għall-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq l-impossibbiltà li din l-assenza ta’ osservanza tiġi bbażata fuq nuqqas tar-regoli ta’ oriġini, li, skontu, s ta jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tal-proċedura ta’ rkupru a posteriori u mhux element li fid-dawl tiegħu l-kundizzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali għandha tiġi ammessa jew le.

176    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dikjarant huwa obbligat li jipprovdi lill-awtoritajiet doganali kompetenti l-informazzjoni kollha neċessarja prevista mir-regoli tal-Unjoni u r-regoli nazzjonali li, jekk ikun il-każ, jikkompletawhom jew jittrasponuhom fir-rigward tat-trattament doganali mitlub għall-merkanzija kkonċernata (sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1989, Top Hit Holzvertrieb vs Il-Kummissjoni, 378/87, EU:C:1989:209, punt 26, u tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, EU:C:1996:198, punt 108).

177    Madankollu, kif anki ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-obbligu ma jistax imur lil hinn mill-indikazzjonijiet li d-dikjarant jista’ raġonevolment ikun jaf bihom u jakkwista, b’mod li huwa suffiċjenti li dawn l-indikazzjonijiet, anki jekk ikunu ineżatti, jkunu ġew ipprovduti in bona fide (sentenzi tal-1 ta’ April 1993, Hewlett Packard France, C‑250/91, EU:C:1993:134, punt 29, u tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, EU:C:1996:198, punt 109).

178    Issa, mill-punti 61 u 62 iktar 'il fuq jirriżulta li l-ksur ikkonstatat tar-regoli dwar l-oriġini tal-prodotti importati jwassal, f’dan il-każ, għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali. Fil-fatt, l-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 2454/93 jipprevedi li l-provi tal-oriġini għandhom jiġu prodotti lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni skont il-modalitajiet previsti mill-Artikolu 62 tal-KDK. Issa, dan l-aħħar artikolu jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali magħmula bil-miktub. Huwa jipprevedi li d-dikjarazzjoni doganali għandha tinkiteb fuq il-formularju uffiċjali previst għal dan l-għan, iffirmata u li hija għandha tinkludi d-dikjarazzjonijiet kollha neċessarji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema doganali li għaliha l-merkanzija għandha tiġi ddikjarata, id-dokumenti kollha li tagħhom il-produzzjoni hija neċessarja sabiex tippermetti l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw dik is-sistema doganali għandhom jiġu annessi mad-dikjarazzjoni. Sabiex jakkwista l-applikazzjoni ta’ trattament tariffarju preferenzjali minħabba l-oriġini tal-prodotti importati, l-importatur għandu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 62 tal-KDK u tal-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 2454/93 flimkien, jannetti mad-dikjarazzjoni doganali tiegħu ċertifikat ta’ oriġini “formula A” li għandu jkun korrett.

179    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, kif anki l-Kummissjoni ssostni korrettement, is-sistema ta’ traċċabbiltà użata mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma kinitx tippermetti li jiġi determinat l-oriġini tas-sajda rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori mwettaq mill-awtoritajiet Spanjoli kien jirrigwarda biss il-merkanzija mhux oriġinarju u l-merkanzija li ma kinitx tista’ tiġi disassoċċjata minn dik mhux oriġinarja, u li għalhekk dawn l-istess awtoritajiet irrikonoxxew traċċabbiltà insuffiċjenti. Hekk ukoll, kif tippreċiża l-Kummissjoni, mill-ittra tal-14 ta’ Marzu 2014 imsemmija fil-punt 171 iktar 'il fuq jirriżulta li din kienet tikkonċerna biss il-merkanzija li kellha tkun eskluża mill-irkupru a posteriori bħala merkanzija oriġinarja disassoċjabbli mill-merkanzija mhux oriġinarja. Għalhekk, kumplessivament, il-kwistjoni tat-traċċabbiltà tal-prodotti tikkonċerna, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, stadju preċedenti għal din l-proċedura, jiġifieri dak tad-determinazzjoni tad-debitu doganali, li kien jinkombi fuq l-awtoritajiet nazzjonali, u mhux dak tal-maħfra tad-dazji. Barra minn hekk, fir-rigward tar-rapporti ta’ missjonijiet tal-OLAF, dawn ukoll jirreferu, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, għal insuffiċjenzi gravi fis-sistema ta’ traċċabbiltà.

180    Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi utilment sostnut li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni arbitrarja tas-sitwazzjonijiet differenti li jaqgħu taħt iċ-ċertifikati preżenti, għaliex, kif analizzat fil-punt 152 iktar 'il fuq, dawn kienu diversi sitwazzjonijiet oġġettivament distinti u ma jistgħux ikunu komparabbli.

181    Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-Renju ta’ Spanja f’dan ir-rigward, imfakkra fil-punti 170 sa 173 iktar ' il fuq, li ma jistgħux jikkontestaw la l-konstatazzjoni li l-eventwali traċċabbiltà ta’ prodotti ma kinitx tikkonċerna dawk inkwistjoni f’dan il-każ, lanqas il-konklużjoni dwar l-assenza ta’ evalwazzjoni arbitrarja tal-fatti mill-Kummissjoni, dan l-ilment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, miegħu, il-motiv fl-intier tiegħu, kif ukoll dan ir-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

182    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, jekk ikun hemm talba f’dan is-sens.

183    Billi r-Renju ta’ Spanja tilef, huwa għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Dittrich Schwarcz  Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Diċembru 2016.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, fil-kuntest tal-Artikolu 872a tar-Regolament Nru 2454/93

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

Fuq l-ammissibbiltà tal-ilment li jirrigwarda talba preċedenti ta’ maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni mressqa mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa

Fuq in-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

Fuq in-natura moħbija tal-iżball

Fuq l-obbligu li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

Fuq l-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

–  Fuq l-elementi dwar il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa

–  Fuq l-elementi dwar l-osservanza tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.