Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Latvja) fit-28 ta’ Ottubru 2020 – SIA “Rodl & Partner” vs Valsts ieņēmumu dienests

(Kawża C-562/20)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā rajona tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SIA “Rodl & Partner”

Konvenut: Valsts ieņēmumu dienests

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849 1 u tal-Punt 3(b) tal-Anness III għandhom jiġu interpretati fis-sens li i) jimponu awtomatikament fuq fornitur estern ta’ servizzi ta’ kontabbiltà l-obbligu li jieħu miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa għar-raġuni li l-klijent huwa organizzazzjoni mhux governattiva u li l-persuna awtorizzata mill-klijent, li hija impjegata, hija ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni, f’dan il-każ il-Federazzjoni Russa, li għandha permess ta’ residenza fir-Repubblika tal-Latvja, u ii) jeżiġu li lil tali klijent jiġi awtomatikament attribwit livell għoli ta’ riskju?

Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun waħda affermattiva, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/894 għandha titqies li hija proporzjonali u, għaldaqstant, konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea?

Id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2015/849 u tal-Punt 3(b) tal-Anness III għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprevedu obbligu awtomatiku li jittieħdu miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa fil-każijiet kollha fejn l-imsieħeb kummerċjali ta’ klijent, iżda mhux il-klijent innifsu, huwa assoċjat b’xi mod ma’ pajjiż li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni, f’dan il-każ il-Federazzjoni Russa?

L-Artikolu 13(1)(c) u (d) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi, fuq l-entità marbuta b’obbligu, l-obbligu li tikseb mingħand il-klijent kopja tal-kuntratt konkluż bejn dan il-klijent u terz fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ diligenza dovuta tal-klijenti, b’tali mod li l-eżami tal-kuntratt fuq il-post huwa meqjus bħala insuffiċjenti?

L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-entità marbuta b’obbligu għandha tapplika miżuri ta’ diligenza dovuta tal-klijenti eżistenti anki meta ma tkun tista’ tiġi identifikata l-ebda bidla fl-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni tal-klijent u meta t-terminu stabbilit mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri għall-miżuri ta’ spezzjoni mill-ġdid ikun għadu ma skadiex, u tali obbligu japplika biss għall-klijenti li fir-rigward tagħhom ġie stabbilit riskju għoli ta’ klijent?

L-Artikolu 60(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tippubblika informazzjoni dwar deċiżjoni li tistabbilixxi sanzjoni jew miżura amministrattiva minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din l-istess direttiva, l-awtorità kompetenti hija obbligata li tiżgura ruħha li l-informazzjoni ppubblikata taqbel eżattament ma’ dik li tinstab fid-deċiżjoni?

____________

1 Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73).