Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fid-9 ta’ Frar 2022 – Fenice - Qualità per l’ambiente SpA vs Ministero della Transizione Ecologica et

(Kawża C-92/22)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Fenice - Qualità per l’ambiente SpA

Konvenuti: Ministero della Transizione Ecologica, Ministero dello Sviluppo Economico, Comitato nazionale per la gestione della Direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto

Domandi preliminari

Id-deċiżjoni meħuda mill-Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto (il-Kumitat Nazzjonali għall-Ġestjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE 1 u għas-Sostenn u l-Ġestjoni ta’ Attivitajiet ta’ Proġetti li jaqgħu taħt il-Protokoll ta’ Kyoto, l-Italja), fid-dawl tal-proċedura ta’ adozzjoni u, b’mod partikolari, tal-mekkaniżmu ta’ djalogu mal-Kummissjoni Ewropea previst mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 dwar l-inklużjoni tal-impjanti fil-lista għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ CO2 tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni legali awtonoma quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea bis-saħħa tal-Artikolu 263(4) TFUE fejn l-att ikkontestat jipproduċi effetti legali vinkolanti u jaffettwa direttament lill-operatur ekonomiku rikorrent?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, jista’ operatur ekonomiku privat li direttament ġarrab danni minħabba esklużjoni mill-allokazzjoni tal-kwoti ta’ CO2 fuq il-bażi tal-investigazzjoni mmexxija b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kumitat Nazzjonali għall-Ġestjoni tad-Direttiva 2003/87 u għas-Sostenn u l-Ġestjoni ta’ Attivitajiet ta’ Proġetti li jaqgħu taħt il-Protokoll ta’ Kyoto jikkontesta d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni Ewropea li tirrifjuta l-inklużjoni tal-impjant fil-lista skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 263(4) TFUE?

Il-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87/KE, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland GmbH vs Bundesrepublik Deutschland (C-682/17, EU:C:2019:518), li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2017, jinkludi wkoll sitwazzjonijiet fejn l-impjant jipproduċi, fi proporzjon żgħir, enerġija elettrika koġenerattiva, mhux ta’ effiċjenza għolja, li hija kkaratterizzata minn pluralità ta’ sorsi ta’ enerġija termali minbarra l-koġenerazzjoni li għandhom il-karatteristiċi għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas?

Din l-interpretazzjoni tad-definizzjoni ta’ “ġeneratur tal-elettriku” hija kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi fil-każ tal-għoti ta’ inċentivi u mal-proporzjonalità tal-miżura sa fejn teskludi kompletament impjant bi pluralità ta’ sorsi ta’ enerġija, mingħajr ma jiġu sseparati l-valuri ta’ emissjonijiet li jirreferu għal sorsi ta’ sħana minbarra l-koġenerazzjoni, li huma intitolati bi sħiħ li jirċievu l-benefiċċji previsti?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631.

1     ĠU 2019, L 59, p. 8, rettifika fil-ĠU 2020, L 296, p. 8.