Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ April 2024 – Cortex Havacilik ve Turizm Ticaret vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-213/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Cortex Havacilik ve Turizm Ticaret AŞ (Kepez, it-Turkija) (rappreżentanti: R. Antonini, E. Monard, B. Maniatis u E. Zachari, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha l-inġenji tal-ajru operati mir-rikorrenti ġew suġġetti għal projbizzjoni ta’ nżul, tlugħ u li jgħaddu minn fuq it-territorju skont l-Artikoli 3d u 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 1 , kif emendat, kif ukoll skont l-Artikoli 4e(1) u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 2 ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret, interpretat ħażin u applikat ħażin l-Artikolu 3d(1) tar-Regolament 833/2014 u l-Artikolu 4e(1) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK meta imponiet il-projbizzjoni ta’ titjiriet fuq ir-rikorrenti. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn kull bażi fattwali. It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn kull bażi legali. Barra minn hekk, huwa impossibbli li tibbaża ruħu, simultanjament, fuq l-Artikolu 3d(1) u l-Artikolu 12 tar-Regolament 833/2014, minħabba n-natura differenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret, interpretat ħażin u applikat ħażin l-Artikolu 12 tar-Regolament 833/2014 u l-Artikolu 4e(1) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK meta imponiet il-projbizzjoni ta’ titjiriet fuq ir-rikorrenti. L-ewwel nett, ma hemm l-ebda bażi legali taħt din id-dispożizzjoni sabiex il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar projbizzjoni ta’ titjiriet. It-tieni nett, ir-rikorrenti ma kisritx l-Artikolu 12. It-tielet nett, huwa legalment impossibbli li tibbaża ruħha, simultanjament, fuq l-Artikolu 12 u l-Artikolu 3d(1).

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, id-dritt għal rimedju effettiv, il-preżunzjoni ta’ innoċenza, u d-dritt għal amministrazzjoni tajba billi naqset milli tikkomunika lir-rikorrenti kwalunkwe raġuni jew evidenza sottostanti għad-deċiżjoni kkontestata u billi rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti kwalunkwe opportunità sinjifikattiva li tinstema’ fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ titjiriet.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, b’mod partikolari l-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi imponiet projbizzjoni ta’ titjiriet fuq ir-rikorrenti mingħajr bażi legali (issostanzjata) u mingħajr ma tagħti lir-rikorrenti l-ebda garanzija proċedurali.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni tidher li marret lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha billi adottat id-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni aġixxiet mingħajr bażi legali, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u barra mil-limiti tal-kompetenzi tagħha, u b’hekk ukoll bi ksur tal-prinċipji ta’ għoti tal-kompetenzi u ta’ sussidjarjetà stabbiliti fit-TUE.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214).

1     Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35).