Language of document : ECLI:EU:T:2010:272

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla)

1 ta’ Lulju 2010 *(1)

“Għajnuna mill‑Istat – Servizz pubbliku tax‑xandir – Għajnuna maħsuba mir‑Repubblika Franċiża favur France Télévisions – Għoti ta’ kapital ta’ EUR 150 miljun – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Kriterju ta’ proporzjonalità – Nuqqas ta’ diffikultajiet gravi”

Fil‑Kawżi magħquda T‑568/08 u T‑573/08,

Métropole télévision (M6), stabbilita f’Neuilly‑sur‑Seine (Franza), irrappreżentata minn O. Freget, N. Chahid‑Nouraï, R. Lazerges u M. Potel, avukati,

Télévision française 1 SA (TF1), stabbilita f’Boulogne‑Billancourt (Franza), irrappreżentata minn J.‑P. Hordies u C. Smits, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Canal +, stabbilita f’Issy‑les‑Moulineaux (Franza), irrappreżentata minn E. Guillaume, avukat,

intervenjenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u B. Martenczuk, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn G. de Bergues u A.‑L. Vendrolini, sussegwentement minn G. de Bergues u L. Butel, bħala aġenti,

France Télévisions, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J.‑P. Gunther, D. Tayar, A. Giraud u S. Snoeck, avukati,

intervenjenti,

u li għandha bħala suġġett talbiet għall‑annullament tad‑Deċiżjoni C (2008) 3506 finali tal‑Kummissjoni, tas‑16 ta’ Lulju 2008, dwar il‑proġett ta’ għoti mir‑Repubblika Franċiża ta’ kapital ta’ EUR 150 miljun lil France Télévisions SA, u talbiet sabiex il‑Kummissjoni tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali,

IL‑QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑10 ta’ Marzu 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

 Il‑kuntest ġuridiku

1        L‑Artikolu 16 KE jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall‑Artikoli 73 [KE], 86 [KE] u 87 [KE], u meta tikkonsidra l‑post okkupat mis‑servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil‑valuri komuni ta’ l‑Unjoni Ewropea kif ukoll tar‑rwol tagħom li jippromwovu l‑koeżjoni soċjali u territorjali, il‑Komunità u l‑Istati Membri, skond il‑poteri rispettivi tagħhom u fl‑iskop ta’ l‑applikazzjoni ta’ dan it‑Trattat, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is‑servizzi joperaw fuq il‑bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet li jippermettulhom li jwettqu l‑missjonijiet tagħhom.”

2        L‑Artikolu 86(2) KE jipprovdi:

“Kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l‑karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun soġġetta għar‑regoli ta’ dan it‑Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall‑kompetizzjoni, safejn l‑applikazzjoni ta’ dawn ir‑regoli ma jostakolawx it‑twettiq de jure jew de facto tal‑funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l‑impriża. L‑iżvilupp tal‑kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall‑interessi tal‑Komunità.”

3        L‑Artikolu 87(1) KE jipprovdi:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it‑Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l‑Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall‑kompetizzjoni billi tafforixxi ċerti impriżi jew ċerti [produtturi] għandha, safejn tolqot il‑kummerċ bejn l‑Istati Membri, tkun inkumpatibbli mas‑suq komuni.”

4        L‑Artikolu 311 KE jipprovdi:

“Il‑protokolli annessi ma’ dan it‑Trattat bi ftehim bejn l‑Istati Membri għandhom jifformaw parti integrali mill‑istess Trattat.”

5        Il‑Protokoll dwar is‑sistema tax‑xandir pubbliku fl‑Istati Membri (ĠU 1997, C 340, p. 109, iktar ’il quddiem, il‑“Protokoll ta’ Amsterdam”), introdott bit‑Trattat ta’ Amsterdam u anness mat‑Trattat KE, jipprovdi:

“[L‑Istati Membri] waqt li jikkunsidraw li s‑sistema ta’ xandir pubbliku fl‑Istati Membri hija direttament relatata mal‑ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal‑ħtieġa li jkun imħares il‑pluraliżmu tal‑media; ftiehmu dwar id‑dispożizzjonijiet ta’ interpretazzjoni li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat‑Trattat [KE],

Id‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat [KE] għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall‑kompetenza ta’ l‑Istati Membri li jipprovdu għall‑finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il‑finanzjament ikun mogħti lill‑organizzazzjonijiet tax‑xandir għat‑twettiq tal‑missjoni ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, definita u organizzata minn kull Stat Membru, u sakemm dan il‑finanzjament ma jaffettwax il‑kondizzjonijiet ta’ kummerċ u l‑kompetizzjoni fil‑Komunità sal‑punt li jkun kuntrarju għall‑interess komuni, waqt li jibqa’ jittieħed kont tat‑twettiq tal‑missjoni ta’ dak is‑servizz pubbliku.”

6        Fil‑15 ta’ Novembru 2001, il‑Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar l‑applikazzjoni ta’ regoli għall‑għajnuna tal‑Istat lis‑servizzi ta’ xandir pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 117, iktar ’il quddiem, il‑“Komunikazzjoni dwar ix‑xandir”), li fiha l‑Kummissjoni ħabbret il‑prinċipji li hija kienet ser issegwi fl‑applikazzjoni tal‑Artikolu 87 KE u tal‑Artikolu 86(2) KE għall‑finanzjament tal‑entitajiet pubbliċi ta’ xandir mill‑Istat.

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawżi

7        France Télévisions hija kumpannija pubblika Franċiża, maħluqa mil‑Liġi Franċiża 2000‑719, tal‑1 ta’ Awwissu 2000, li temenda l‑Liġi 86‑1067, tat‑30 ta’ Settembru 1986, dwar il‑libertà ta’ komunikazzjoni (JORF Nru 177, tat‑2 ta’ Awwissu 2000, p. 11903), u hija proprjetarja tal‑istazzjonijiet ta’ servizz pubbliku France 2, France 3, France 4, France 5, France Ô, kif ukoll RFO (Réseau France Outre‑mer) li jinkludu l‑istazzjonijiet televiżivi u tar‑radju pubbliċi li jxandru fid‑dipartimenti u t‑territorji Franċiżi extra‑Ewropej.

8        Wara d‑dikjarazzjoni, fit‑8 ta’ Jannar 2008, mill‑President tar‑Repubblika Franċiża, tat‑tneħħija eventwali tar‑riklamar televiżiv fuq it‑televiżjoni pubblika, ir‑Repubblika Franċiża, fil‑11 ta’ Ġunju 2008, innotifikat lill‑Kummissjoni bil‑proġett tagħha li tipproċedi għal għoti ta’ kapital ta’ EUR 150 miljun favur France Télévisions.

9        Fit‑18 ta’ Ġunju 2008, il‑Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari mingħand ir‑Repubblika Franċiża, li ġiet ipprovduta lilha permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2008.

10      Fis‑16 ta’ Lulju 2008, il‑Kummissjoni adottat id‑Deċiżjoni C (2008) 3506 finali, dwar il‑proġett ta’ għoti mir‑Repubblika Franċiża ta’ kapital ta’ EUR 150 miljun lil France Télévisions (iktar ’il quddiem, id‑“deċiżjoni kkontestata”). Komunikazzjoni konċiża ta’ din id‑deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Settembru 2008 (ĠU C 242, p. 2).

11      Fid‑deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni rrilevat li l‑miżura nnotifikata kienet tintsab fil‑kuntest ġenerali tal‑finanzjament pubbliku ta’ France Télévisions, li diġà kien ġie eżaminat fid‑Deċiżjoni 2004/838/KE tagħha, tal‑10 ta’ Diċembru 2003, dwar l‑għajnuniet mill‑Istat mogħtija minn Franza favur France 2 u France 3 (ĠU 2004, L 361, p. 21, iktar ’il quddiem, id‑“deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2003”) u fid‑Deċiżjoni C (2005) 1166 finali tagħha, tal‑20 ta’ April 2005, dwar l‑għajnuna mogħtija lil France Télévisions [għajnuna E 10/2005 (ex C 60/1999) – Franza, ħlas tal‑liċenzja tax‑xandir], li komunikazzjoni konċiża dwarha ġiet ippubblikata fil‑Ġurnal Uffiċjali tat‑30 ta’ Settembru 2005 (ĠU C 240, p. 20) (iktar ’il quddiem, id‑“deċiżjoni tal‑20 ta’ April 2005”), iżda kienet tikkostitwixxi miżura distinta minn dawk suġġetti għad‑deċiżjonijiet imsemmija (punt 3 tad‑deċiżjoni kkontestata).

12      Fl‑evalwazzjoni tagħha tal‑miżura nnotifikata, il‑Kummissjoni, wara li kkonstatat li kienu sodisfatti l‑kundizzjonijiet għall‑eżistenza ta’ għajnuna mill‑Istat, jiġifieri l‑intervent mill‑Istat jew l‑użu ta’ riżorsi tal‑Istat, l‑effett fuq il‑kummerċ bejn l‑Istati Membri, l‑eżistenza ta’ vantaġġ u, fl‑aħħar nett, id‑distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal‑kompetizzjoni (punti 13 sa 33 tad‑deċiżjoni kkontestata), eżaminat il‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mill‑Istat mas‑suq komuni abbażi tal‑Artikolu 86(2) KE (punti 34 sa 50 tad‑deċiżjoni kkontestata).

13      F’dan il‑kuntest, il‑Kummissjoni, wara li kkonstatat li l‑kundizzjoni dwar id‑definizzjoni, il‑mandat u l‑kontroll tal‑missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ France Télévisions kienet sodisfatta (punti 36 sa 42 tad‑deċiżjoni kkontestata), eżaminat il‑kundizzjoni ta’ proporzjonalità (punti 43 sa 49 tad‑deċiżjoni kkontestata).

14      F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni rrilevat li l‑finanzjament tas‑servizz pubbliku pprovdut minn France Télévisions kien ibbażat fuq sistema mħallta skont il‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir, fis‑sens li jinkludi riżorsi mill‑Istat u dħul minn attivitajiet kummerċjali, u li din il‑komunikazzjoni fakkret il‑libertà li bħala prinċipju għandhom l‑Istati Membri biex jagħżlu l‑mezzi ta’ finanzjament tal‑obbligi tas‑servizz pubbliku u kienet titlaq mill‑prinċipju li l‑finanzjament mill‑Istat huwa ġeneralment neċessarju għal dan il‑għan, sakemm l‑għajnuniet mill‑Istat ma jaqbżux l‑ispejjeż netti li jirriżultaw mill‑missjoni ta’ servizz pubbliku, waqt li jitqies dħul dirett jew indirett ieħor li rriżulta minn din tal‑aħħar (paragrafu 43 tad‑deċiżjoni kkontestata).

15      Il‑Kummissjoni kkonstatat li l‑għajnuna mill‑Istat innotifikata “prevista fil‑forma tal‑għoti ta’ kapital ta’ EUR 150 miljun kienet taqbeż biss b’madwar EUR […] miljun id‑diskrepanza tad‑dħul mir‑riklamar diġà kkonstat ta’ EUR […] miljun bejn id‑dħul mir‑riklamar imdaħħal bejn Jannar u Ġunju 2008 u dawk tal‑istess perijodu Jannar‑Ġunju għall‑2007”. Hija kompliet tgħid li, “bil‑konferma tar‑rieda tal‑gvern li jneħħi r‑riklamar mit‑televiżjonijiet pubbliċi, il‑kontinwazzjoni ta’ din it‑tendenza tidher biżżejjed prevedibbli sabiex tintlaħaq l‑istima li saret mill‑operatur u aċċettata mill‑awtoritajiet Franċiżi ta’ EUR […] miljun ta’ telf ta’ dħul għas‑sena 2008 kollha” (punt 45 tad‑deċiżjoni kkontestata). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Il‑Kummissjoni kkonstatat li, “f’dan il‑kuntest, id‑definizzjoni tal‑obbligi u sorsi oħrajn ta’ finanzjament tas‑servizz pubbliku għal France Télévisions tibqa’ l‑istess, bi spejjeż miżjuda li jammontaw għal EUR […] miljun skont l‑awtoritajiet Franċiżi minħabba l‑ħtieġa ta’ programmazzjoni supplimentari kkawżata mit‑tneħħija tar‑riklami”, u kkonstatat li “t‑tnaqqis ta’ dħul mir‑riklamar li jammonta għal EUR […] miljun aktarx li jnaqqas b’ammont ekwivalenti l‑profitt nett tal‑attivitajiet kummerċjali billi, għaldaqstant, iżid awtomatikament u proporzjonalment l‑ispiża netta tal‑attività ta’ servizz pubbliku li tkun, barra minn hekk, miżjuda bl‑ammont ta’ EUR […] miljun, li huwa meħtieġ għall‑programmazzjoni supplimentari” (punt 46 tad‑deċiżjoni kkontestata). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      Il‑Kummissjoni kkunsidrat li, “f’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑għoti ta’ EUR 150 miljun f’riżorsi pubbliċi supplimentari aktarx li ma kinitx ser taqbeż il‑varjazzjonijiet ikkawżati fl‑ispiża netta tas‑servizz pubbliku minħabba l‑bidliet fid‑dħul mir‑riklamar għall‑2008 u l‑ħtieġa ta’ programmazzjoni supplimentari” u li, “minħabba dan, l‑għoti ta’ kapital ma għandux jikkawża kumpens żejjed tal‑ispejjeż li jirriżultaw mit‑twettiq tal‑missjonijiet ta’ servizz pubbliku” (punt 47 tad‑deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

18      Il‑Kummissjoni rrilevat, b’referenza għall‑impenji mogħtija mir‑Repubblika Franċiża fil‑kuntest ta’ miżuri oħrajn ta’ finanzjament ta’ France Télévisions li ġew eżaminati fid‑deċiżjoni tal‑20 ta’ April 2005 (punt 12 tad‑deċiżjoni kkontestata), li, “fi kwalunkwe każ, l‑allokazzjoni ta’ riżorsi pubbliċi ġodda lil France Télévisions tibqa’ suġġetta għall‑osservanza tal‑impenn mogħti mir‑Repubblika Franċiża u fformulat fit‑testi leġiżlattivi u r‑regolamenti tagħha sabiex jiġi evitat li l‑għoti ta’ riżorsi pubbliċi jirriżulta fi kwalunkwe kumpens żejjed tal‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku […]” (punt 48 tad‑deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

19      Il‑Kummissjoni indikat li, “fil‑kuntest ta’ din il‑proċedura, l‑awtoritajiet Franċiżi kienu kkonfermawlha […] li dawn id‑dispożizzjonijiet għandhom japplikaw” u li “huma jimpenjaw ruħhom li japplikawhom għall‑għoti ta’ kapital previst bl‑għan li jintuża għall‑ispejjeż li jirriżultaw minn obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ France Télévisions”. Il‑Kummissjoni qalet ukoll li “l‑awtoritajiet imsemmija kienu b’hekk taw impenn li jivverifikaw li dan huwa l‑każ u li jirrapportawlha dwar dan […] sa mhux iktar tard minn tliet xhur wara l‑għeluq tal‑kontijiet għas‑sena finanzjarja 2008”, u rrilevat li “għandhom jiġu kkunsidrati l‑iżviluppi reali fid‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions għas‑sena 2008 kollha u tal‑ispejjeż eventwali ta’ programmazzjoni li jżidu mal‑ispejjeż tas‑servizz pubbliku” (punt 49 tad‑deċiżjoni kkontestata). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      Il‑Kummissjoni, fid‑dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, iddeċidiet, fil‑kuntest tal‑Artikolu 4(3) tar‑Regolament (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir‑rigward tal‑miżura nnotifikata, peress li kienet għajnuna kompatibbli mat‑Trattat, abbażi tal‑Artikolu 86(2) KE, u ddeċidiet li r‑Repubblika Franċiża għandha tibgħatilha rapport dwar l‑użu effettiv ta’ dik l‑għajnuna għall‑finanzjament tal‑obbligi ta’ servizz pubbliku, liema rapport għandu jsir minn France Télévisions fi żmien tliet xhur wara l‑għeluq tal‑kontijiet għas‑sena finanzjarja 2008 (deċiżjoni kkontestata, taħt it‑Titolu “5. Deċiżjoni”).

 Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

21      Permezz ta’ atti ppreżentati fir‑reġistru tal‑Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Diċembru 2008, ir‑rikorrenti, Métropole télévision (M6) u Télévision française 1 SA (TF1), ippreżentaw dawn ir‑rikorsi.

22      Permezz ta’ żewġ digrieti mill‑President tal‑Ħames Awla tal‑Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Mejju 2009, Canal + ingħatat permess biex tintervjeni insostenn tat‑talbiet ta’ M6, fil‑Kawża T‑568/08, u ta’ TF1, fil‑Kawża T‑573/08.

23      Permezz ta’ erba’ digrieti mill‑President tal‑Ħames Awla tal‑Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Ġunju 2009, ir‑Repubblika Franċiża u France Télévisions ingħataw permess biex jintervjenu insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni fil‑Kawżi T‑568/08 u T‑573/08.

24      Permezz ta’ digriet mill‑President tal‑Ħames Awla tal‑Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Frar 2010, dawn il‑kawżi ngħaqdu għall‑finijiet tal‑proċedura orali u tas‑sentenza.

25      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Marzu 2010, Canal + informat lill‑Qorti Ġenerali li ma kellhiex intenzjoni li tintervjeni matul is‑seduta tal‑10 ta’ Marzu 2010.

26      Fil‑Kawża T‑568/08, M6, sostnuta – ħlief fir‑rigward tal‑ispejjeż – minn Canal +, titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r‑rikors bħala ammissibbli u fondat;

–        tannulla d‑deċiżjoni kkontestata;

–        tordna l‑bidu tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali;

–        tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

27      Fil‑Kawża T‑573/08, TF1, sostnuta – ħlief fir‑rigward tal‑ispejjeż – minn Canal +, titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r‑rikors bħala ammissibbli u fondat;

–        tannulla d‑deċiżjoni kkontestata;

–        tordna l‑bidu tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali;

–        tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

28      F’kull waħda mill‑Kawżi T‑568/08 u T‑573/08, il‑Kummissjoni, sostnuta mir‑Repubblika Franċiża u minn France Télévisions, titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

29      Fis‑seduta tal‑10 ta’ Marzu 2010, ir‑rikorrenti rrinunzjaw għat‑tielet kap tat‑talbiet tagħhom, fejn kienu talbu li jiġi ordnat il‑bidu tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, u dan l‑att tniżżel fil‑verbal tas‑seduta.

 Id‑dritt

30      M6 tinvoka tliet motivi ta’ annullament, li jallegaw, fl‑ewwel lok, ksur tad‑drittijiet proċedurali tagħha, fit‑tieni lok, l‑insuffiċjenza tal‑informazzjoni mogħtija mill‑Kummissjoni u, fit‑tielet lok, ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni. TF1 tinvoka żewġ motivi ta’ annullament, li jallegaw, fl‑ewwel lok, ksur tal‑obbligu li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali fil‑preżenza ta’ diffikultajiet gravi u, fit‑tieni lok, ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni.

31      Fir‑rigward tal‑ewwel motiv ta’ annullament ta’ M6, li l‑ammissibbiltà tiegħu ġiet ikkontestata mill‑Kummissjoni abbażi tal‑Artikolu 44(1)(ċ) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Fil‑fatt, dan l‑ewwel motiv ta’ annullament ta’ M6 għandu jinqara flimkien mat‑tieni motiv ta’ annullament tal‑istess rikorrenti, li t‑tnejn flimkien jitolbu, essenzjalment u bħall‑ewwel motiv ta’ annullament ta’ TF1, l‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata, minħabba l‑eżistenza ta’ diffikultajiet gravi li kienu jirrikjedu l‑bidu tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali.

32      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑eżami ta’ dawn ir‑rikorsi għandu jibda mill‑ewwel u t‑tieni motivi ta’ annullament ta’ M6, meħudin flimkien, u mill‑ewwel motiv ta’ annullament ta’ TF1.

 Fuq l‑ewwel u t‑tieni motivi ta’ annullament ta’ M6, meħudin flimkien, u fuq l‑ewwel motiv ta’ annullament ta’ TF1, li jallegaw, essenzjalment, ksur tal‑obbligu li tinbeda l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali fil‑preżenza ta’ diffikultajiet gravi

 L‑argumenti tal‑partijiet

33      Ir‑rikorrenti, sostnuti minn Canal +, jenfasizzaw li d‑deċiżjoni kkontestata fiha ċertu għadd ta’ ineżattezzi u impreċiżjonijiet, li juru li l‑Kummissjoni ma nfurmatx ruħha biżżejjed u ma eżaminatx biżżejjed iċ‑ċirkustanzi konkreti, kemm ekonomiċi kif ukoll ġuridiċi, li kkawżaw it‑telf tad‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions. Konsegwentement, il‑Kummissjoni ma poġġietx ruħha f’pożizzjoni fejn setgħet tikkonstata l‑eżistenza ta’ diffikultajiet gravi li jirrikjedu l‑bidu tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali.

34      Dawk l‑ineżattezzi u l‑impreċiżjonijiet jinkludu, fl‑ewwel lok, l‑evalwazzjonijiet tal‑Kummissjoni li “id‑dikjarazzjoni tat‑8 ta’ Jannar 2008 u l‑konferma tat‑tneħħija eventwali tar‑riklami kellhom impatt immedjat fuq il‑finanzi ta’ France Télévisions” (punt 9 tad‑deċiżjoni kkontestata), filwaqt li kienu l‑kundizzjonijiet ġenerali ġodda ta’ bejgħ ta’ France Télévisions – li l‑adozzjoni tagħhom tikkostitwixxi żball strateġiku minn din l‑entità tax‑xandir – li kkawżaw it‑telf fid‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions. TF1 issemmi wkoll bħala kawża oħra tat‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions, il‑kundizzjonijiet tas‑suq tal‑bejgħ ta’ spazji għar‑riklami fi Franza li kienu jeżistu qabel id‑dikjarazzjoni presidenzjali tat‑8 ta’ Jannar 2008 u li l‑Kummissjoni kienet taf bihom.

35      Fid‑dawl ta’ dawn l‑evalwazzjonijiet żbaljati tal‑Kummissjoni fir‑rigward tal‑kawża tat‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions, il‑Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni fejn setgħet tikkonstata li dan it‑tnaqqis kien fir‑realtà kkawżat minn żball ta’ ġestjoni marbut mal‑bidla tal‑politika kummerċjali ta’ France Télévisions, konstatazzjoni li setgħet twassalha sabiex tikkonkludi li l‑għoti inkwistjoni kien, fil‑verità, forma moħbija ta’ għajnuna għall‑funzjonament bil‑għan li France Télévisions tinħeles mill‑ispejjeż li normalment kien ikollha tagħmel tajjeb għalihom fil‑kuntest tal‑ġestjoni attwali tagħha jew tal‑attivitajiet normali tagħha, u li tista’ tiġi awtorizzata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

36      Fit‑tieni lok, il‑Kummissjoni ma setgħetx tafferma raġonevolment, mingħajr ma tagħmel analiżi preċiża tal‑prodotti u l‑ispejjeż inkwistjoni, li d‑defiċit tad‑dħul mir‑riklamar iżid “awtomatikament” l‑ispiża netta tas‑servizz pubbliku (deċiżjoni kkontestata, punt 46). Hija invokata, f’dan ir‑rigward, l‑aħħar sentenza tal‑punt 49 tal‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir.

37      Fit‑tielet lok, id‑dikjarazzjoni tal‑Kummissjoni, fil‑punt 4 tad‑deċiżjoni kkontestata, li “billi jtejjeb il‑qagħda finanzjarja tal‑grupp, l‑għoti b’hekk għandu jippermetti li jsiru l‑investimenti neċessarji għat‑twettiq tal‑missjonijiet ta’ servizz pubbliku tiegħu, li t‑twettiq tajjeb tagħhom sar prekarju skont l‑awtoritajiet Franċiżi” mhijiex kredibbli, peress li huwa dubjuż li s‑sempliċi telf, għall‑ewwel semestru tal‑2008, ta’ 37 % mit‑28 % tar‑riżorsi ta’ France Télévisions li jidħlu mir‑riklamar jista’ jaffettwa l‑qagħda finanzjarja ta’ din l‑impriża sal‑punt li t‑twettiq tajjeb tas‑servizz pubbliku fl‑2008 jsir prekarju.

38      Fir‑raba’ lok, il‑Kummissjoni (punt 9 tad‑deċiżjoni kkontestata) iddikjarat li l‑kompetituri ta’ France Télévisions “adattaw b’mod progressiv l‑offerta kummerċjali tagħhom sabiex jirbħu min irid jirriklama billi pproponew spazji ta’ riklamar u tariffi vantaġġużi għall‑2009 bil‑kundizzjoni li parti mill‑volum ta’ negozju li kellha France Télévisions jingħata lilhom mill‑2008”, filwaqt li r‑rikorrenti, min‑naħa tagħhom, ma mmodifikaw bl‑ebda mod l‑offerti kummerċjali tagħhom fil‑kundizzjonijiet hekk deskritti.

39      Fil‑ħames lok, il‑Kummissjoni ma tatx lilha nfisha l‑mezzi sabiex tkun taf id‑destinazzjoni finali tal‑għoti nnotifikat. B’hekk, hija stess tasserixxi li tinjora dan l‑użu finali, peress li tindika li “ir‑riżorsi l‑ġodda għad‑dispożizzjoni ta’ [France Télévisions] għandhom normalment itejbu l‑qagħda finanzjarja tal‑grupp mingħajr ma jiġu allokati formalment”. Madankollu, tali aġir ma jikkorrispondix mal‑eżerċizzju normali tal‑poteri ta’ kontroll tal‑Kummissjoni. Hija ma kellhiex toqgħod fuq l‑affermazzjonijiet tal‑Gvern Franċiż u kellha tivverifika jekk l‑għajnuna mogħtija tissodisfax sew ir‑rekwiżiti tal‑prinċipju tal‑proporzjonalità. Jikkostitwixxu għajnuniet għall‑funzjonament l‑għajnuniet favur kampanji ta’ riklamar u studji tas‑suq, intiżi għall‑kummerċjalizzazzjoni tal‑prodotti tal‑impriża.

40      Fl‑aħħar nett, il‑Kummissjoni ma kellhiex l‑informazzjoni kollha utli għal eżami korrett tal‑għoti nnotifikat u naqset milli tiżgura l‑affidabbiltà tal‑informazzjoni kkomunikata li tikkonċerna l‑kawżi tat‑telf mir‑riklamar ta’ France Télévisions, li wasslitha biex tinjora l‑eżistenza ta’ diffikultajiet gravi ta’ evalwazzjoni li kellhom iwasslu għall‑bidu tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali.

41      Fl‑aħħar nett, il‑fatt li l‑evalwazzjoni tal‑għajnuna u tal‑kompatibbiltà tagħha mas‑suq komuni damet biss tliet ġimgħat, tul ta’ żmien ferm qasir, u li l‑Kummissjoni kellha kuntatt biss mal‑awtoritajiet Franċiżi, jagħti lok għal tħassib li l‑Kummissjoni ppruvat tapprofitta ruħha mill‑karattru ftit li xejn trasparenti tal‑proċedura preliminari sabiex twarrab malajr jew tinjora d‑diffikultajiet importanti li kellhom jiġġustifikaw il‑bidu tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali. Billi naqset milli tikkonsulta lill‑partijiet interessati, il‑Kummissjoni ma osservatx il‑prinċipju ta’ kontradittorju.

42      Dwar l‑argument tal‑Kummissjoni li d‑daqs tat‑tnaqqis fid‑dħul u taż‑żieda fl‑ispejjeż ta’ programmazzjoni stmat fid‑deċiżjoni kkontestata ma ġiex ikkontestat, TF1 tirrispondi li tali kontestazzjoni kienet tkun inammissibbli, minħabba li, fir‑rigward tal‑evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà tal‑għajnuna nnotifikata mas‑suq komuni, dan kien imur lil hinn mill‑kuntest tar‑rikors tagħha, li huwa limitat għall‑protezzjoni tad‑drittijiet proċedurali tagħha. Dan ir‑rikors mhuwiex intiż, fl‑ewwel lok, li jikkontesta l‑evalwazzjonijiet li saru mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata, iżda biex juri li l‑elementi li fuqhom kienu bbażati dawk l‑evalwazzjonijiet huma inkorretti u ġew aċċettati mingħajr ma ġew ikkwalifikati jew ivvalutati, b’hekk illi l‑eżami mwettaq mill‑Kummissjoni huwa insuffiċjenti u inkomplet.

43      Il‑Kummissjoni, sostnuta mir‑Repubblika Franċiża u minn France Télévisions, tikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

44      F’dak li jikkonċerna, fl‑ewwel lok, l‑argument tar‑rikorrenti li d‑deċiżjoni kkontestata tibbaża fuq ineżattezzi materjali u informazzjoni insuffiċjenti, il‑Kummissjoni tirrileva li tali argument huwa ammissibbli biss jekk, fil‑fatt, id‑deċiżjoni kkontestata jkun fiha tali ineżattezzi jew kienet tibbaża fuq tali informazzjoni insuffiċjenti, jekk il‑Kummissjoni me setgħetx tinjora dawk l‑ineżattezzi jew insuffiċjenzi u, fl‑aħħar nett, jekk dawn kienu determinanti fl‑evalwazzjoni tagħha tal‑kompatibbiltà tal‑għajnuna.

45      Fir‑rigward, fl‑ewwel lok, tal‑ineżattezza materjali allegata tad‑deċiżjoni kkontestata fir‑rigward tal‑kawża tat‑telf tad‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions, mhijiex il‑kawża jew il‑kawżi ta’ dan it‑telf, iżda d‑daqs tagħhom kif ukoll iż‑żieda fl‑ispejjeż anċillari ta’ programmazzjoni, li huma determinanti biex jispjegaw id‑deċiżjoni kkontestata.

46      Madankollu, skont il‑Kummissjoni, la d‑daqs tat‑telf mid‑dħul mir‑riklamar u lanqas iż‑żieda fl‑ispejjeż anċillari ta’ programmazzjoni mġarrba minn France Télévisions għall‑2008 mhuma kkontestati mir‑rikorrenti u mhuwiex allegat li hija kien imissha kellha dubji dwar dawn il‑punti.

47      L‑elementi li fuqhom ir‑rikorrenti kkonċentraw il‑kritiki tagħhom huma, fil‑verità, aċċessorji fir‑raġunament tal‑Kummissjoni, li essenzjalment jibbaża, fil‑punt 45 tad‑deċiżjoni kkontestata, fuq il‑konklużjoni intermedjarja tal‑punt 10 ta’ dan id‑deċiżjoni, li bl‑ebda mod mhuwa kkontestat mir‑rikorrenti. Dawn l‑elementi huma, barra minn hekk, suġġetti għal qari iżolat mir‑rikorrenti, filwaqt li huma kkwalifikati minn partijiet oħrajn tad‑deċiżjoni kkontestata.

48      B’hekk, il‑Kummissjoni ma affermatx li d‑dikjarazzjoni tat‑8 ta’ Jannar 2008 waħidha tispjega t‑tnaqqis kollu tad‑dħul mir‑riklamar, u lanqas ma eskludiet li dan it‑tnaqqis jista’ jkollu kawżi oħrajn. Barra minn hekk, ma jistax jiġi nnegat li din id‑dikjarazzjoni setgħet tikkonvinċi lil min irid jirriklama biex jirrikorri għand fornituri oħrajn sabiex ixandru r‑riklami tiegħu. Il‑Kummissjoni tgħid ukoll, fuq bażi kompletament sussidjarja, li l‑argumenti tar‑rikorrenti ma jurux li t‑telf ta’ dħul mir‑riklamar kien essenzjalment dovut għal kawżi indipendenti minn dik id‑dikjarazzjoni.

49      Fl‑aħħar nett, il‑Kummissjoni tenfasizza li, kif jindikaw ir‑referenzi li saru fid‑deċiżjoni kkontestata għad‑deċiżjonijiet tal‑10 ta’ Diċembru 2003 u tal‑20 ta’ April 2005, hija bl‑ebda mod, għall‑kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi TF1, ma naqset milli tevalwa l‑informazzjoni mibgħuta lilha fil‑kuntest tagħha.

50      L‑argument tar‑rikorrenti li informazzjoni kompluta dwar il‑kawżi tat‑telf mir‑riklamar hija neċessarja minħabba l‑għoti ta’ għajnuna għall‑funzjonament sabiex tkopri l‑iżbalji fil‑ġestjoni tal‑attività tar‑riklami ta’ France Télévisions, kif ukoll li tali żbalji kellhom jiġu ppenalizzati billi ma jiġux ipprovduti mezzi pubbliċi alternattivi għad‑dħul mir‑riklamar li madankollu huwa neċessarju għas‑servizz pubbliku, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad‑deċiżjoni kkontestata u tal‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir. Il‑Kummissjoni tindika li, fil‑fatt, l‑Artikolu 86(2) KE jippermetti li jingħata kumpens għall‑ispiża ta’ funzjonament tas‑servizz pubbliku u li l‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir tipprevedi li għandha tiġi żgurata l‑proporzjonalità tal‑finanzjament pubbliku ma’ dawk l‑ispejjeż, waqt li jiġi evitat kumpens żejjed, kif għamlet f’din il‑kawża. Il‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir ma tirriżervax l‑għajnuniet mill‑Istat biss għall‑impriżi ġestiti tajjeb. Anki meta l‑ħtieġa ta’ finanzjament tas‑servizz pubbliku tkun il‑konsegwenza ta’ żbalji fil‑ġestjoni, dik il‑ħtieġa ta’ finanzjament tista’ tikkawża l‑għoti ta’ għajnuna mill‑Istat, sakemm ma jkunx hemm kumpens żejjed għall‑ispiża netta tas‑servizz pubbliku u l‑kundizzjonijiet l‑oħrajn kollha stabbiliti mill‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir ikunu osservati. Minn dan jirriżulta li l‑Kummissjoni ma kellhiex raġuni biex tikkunsidra li l‑informazzjoni li kellha għad‑dispożizzjoni tagħha kienet insuffiċjenti sabiex tevalwa l‑kompatibbiltà tal‑għajnuna.

51      Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑argument li hija ma setgħetx raġonevolment tiddikjara, mingħajr ma tidħol f’analiżi preċiża tal‑prodotti u l‑ħlasijiet f’din il‑kawża, li d‑defiċit tad‑dħul mir‑riklamar iżid “awtomatikament” u proporzjonalment l‑ispiża netta tas‑servizz pubbliku (deċiżjoni kkontestata, punt 46), il‑Kummissjoni tindika li l‑bidla fil‑profitt nett mill‑attivitajiet kummerċjali ta’ France Télévisions, fuq medda ta’ żmien qasir, tiddependi direttament mill‑bidla fid‑dħul mir‑riklamar tagħha, u m’hemm l‑ebda indikazzjoni li l‑ispejjeż tal‑attivitajiet kummerċjali tagħha eżaminati fid‑deċiżjoni kkontestata setgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv fil‑bidu tal‑2008. Għalhekk, kien minnu li t‑tnaqqis fid‑dħul kummerċjali kien ta’ natura li jnaqqas b’daqstant il‑profitt nett tal‑attivitajiet kummerċjali u jżid “awtomatikament” l‑ispiża netta tal‑attivitajiet ta’ servizz pubbliku. Il‑Kummissjoni għalhekk ġustament identifikat, fil‑kuntest ta’ evalwazzjoni prospettiva, dawn l‑ispejjeż u ħlasijiet, mingħajr preġudizzju għal evalwazzjoni a posteriori, hekk kif jixhed il‑punt 49 tad‑deċiżjoni kkontestata.

52      Fit‑tielet lok, fir‑rigward tal‑allegata dikarazzjoni skorretta li l‑għoti kien neċessarju sabiex jippermetti lil France Télévisions tagħmel l‑investimenti neċessarji għat‑twettiq tal‑missjoni ta’ servizz pubbliku tagħha, li t‑twettiq tajjeb tagħha kien sar prekarju skont l‑awtoritajiet Franċiżi, il‑Kummissjoni tosserva li mhux ikkontestat la li t‑telf stmat tad‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions fl‑2008 kien jammonta għal 5 % tal‑fatturat tagħha, u lanqas li France Télévisions kellha ssostni spejjeż ta’ programmazzjoni ikbar minħabba t‑tneħħija tar‑riklami.

53      Madankollu, dan it‑tnaqqis fid‑dħul u dawn l‑ispejjeż ta’ programmazzjoni ġodda kkontribwew “awtomatikament” għal żieda tal‑ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku ta’ ammont ogħla minn EUR 300 miljun, jiġifieri ħafna ogħla mill‑ammont tal‑għoti nnotifikat, jekk tkompli t‑tendenza osservata fl‑ewwel sitt xhur tas‑sena.

54      Tali sitwazzjoni kienet manifestament problematika, peress li meta jitqiesu l‑impenji tar‑Repubblika Franċiża li tevita li l‑għoti ta’ riżorsi pubbliċi ma jikkawża ebda kumpens żejjed tal‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku, kollox kien jindika li France Télévisions ma kinitx ser tkun f’pożizzjoni, kieku kellha tuża biss il‑mezzi allokati lilha mill‑Istat u fin‑nuqqas tal‑għoti nnotifikat, li tiffaċċja din iż‑żieda fl‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, TF1 ma tistax tallega, mingħajr ebda bażi, li tali sitwazzjoni ma kinitx ta’ natura li taffettwa s‑sitwazzjoni finanzjarja ta’ France Télévisions sal‑punt li t‑twettiq tajjeb tal‑missjoni ta’ servizz pubbliku isir prekarju mill‑2008.

55      Fir‑raba’ lok, fir‑rigward tad‑dikjarazzjoni allegatament skorretta, li l‑kompetituri ta’ France Télévisions għandhom jadattaw b’mod progressiv l‑offerta kummerċjali tagħhom sabiex jirbħu lil min irid jirriklama billi joffrulu kundizzjonijiet vantaġġużi għall‑2009 bil‑kundizzjoni li parti mill‑volum tal‑kummerċ ta’ France Télévisions jingħatalhom mill‑2008, il‑Kummissjoni tindika li hija ġiet informata b’dan l‑aġir mill‑kunsilli ta’ kumpannija kompetitriċi matul laqgħa li saret qabel in‑notifika tal‑proġett ta’ għajnuna inkwistjoni, fid‑29 ta’ Mejju 2008.

56      Dan l‑aġir, li jirriżulta mis‑“sens komun” u li fir‑rigward tiegħu l‑Kummissjoni xorta waħda baqgħet prudenti, fi kwalunkwe każ jikkostitwixxi biss element ta’ motivazzjoni aċċessorju u superfluwu. B’hekk, l‑osservazzjonijiet dwar id‑daqs tat‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar huma validi, anki fl‑ipoteżi fejn ma jkunx kompletament stabbilit li l‑offerti tal‑kompetituri ta’ France Télévisions kienu adattati b’tali mod biex jirbħu l‑ishma mis‑suq ta’ dan tal‑aħħar. Il‑Kummissjoni targumenta li għalhekk ma kienx neċessarju li din l‑informazzjoni tiġi sottomessa għall‑prinċipju ta’ kontradittorju u li l‑argument ta’ M6 dwar dan il‑punt, minħabba li ma jirrigwardax element essenzjali tar‑raġunament tagħha, ma jistax jikkawża l‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata.

57      Fil‑ħames lok, fir‑rigward tal‑argument dwar l‑insuffiċjenza tal‑informazzjoni rigward id‑destinazzjoni tal‑għoti nnotifikat, insuffiċjenza li allegatament twassal għar‑riskju li tiġi awtorizzata għajnuna għall‑funzjonament ta’ attivitajiet li ma jaqgħux taħt is‑servizz pubbliku, il‑Kummissjoni tenfasizza li l‑ammont ta’ dan l‑għoti (EUR 150 miljun) mhux biss kien ħafna inqas mit‑telf stmat ta’ dħul mir‑riklamar u ż‑żieda tal‑ispejjeż ta’ programmazzjoni għall‑2008 (EUR 300 miljun), iżda saħanistra li r‑Repubblika Franċiża kienet adottat, b’konformità mal‑impenji tagħha, dispożizzjonijiet sabiex tevita li l‑għoti ta’ riżorsi pubbliċi ma jwassal għal ebda kumpens żejjed tal‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku. Fl‑aħħar nett, l‑għajnuna eżaminata ma kinitx għajnuna favur kampanji ta’ riklamar u ta’ studji tas‑suq, iżda għajnuna intiża biex tikkumpensa għall‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku.

58      Sussegwentement, fir‑rigward tal‑argumenti tar‑rikorrenti bbażati fuq it‑tul taż‑żmien u ċ‑ċirkustanzi tal‑proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, il‑Kummissjoni tosserva li ż‑żmien qasir ta’ tali proċedura ma jikkostitwixxix, fih innifsu, indikazzjoni tal‑eżistenza ta’ diffikultajiet gravi, iżda pjuttost sinjal tal‑progress normali ta’ din il‑proċedura, li hija naturalment qasira. L‑Artikolu 4(5) tar‑Regolament Nru 659/1999 bl‑ebda mod ma jipprojbixxi li tittieħed deċiżjoni f’inqas minn xahrejn.

59      Barra minn hekk, il‑Kummissjoni tirrileva li ġiet informata bil‑miżuri previsti ħafna qabel in‑notifika tagħhom fil‑11 ta’ Ġunju 2008, minħabba li l‑istampa kienet ikkummentat dwar il‑proġetti tal‑Gvern Franċiż matul l‑ewwel semestru tal‑2008 u li ġew stabbiliti kuntatti informali bejn l‑awtoritajiet Franċiżi u l‑Kummissjoni matul ix‑xahar ta’ Mejju 2008. Hija kienet b’hekk taf sew il‑kuntest tal‑finanzjament ta’ France Télévisions, fid‑dawl tad‑deċiżjonijiet preċedenti tagħha dwar il‑finanzjament ta’ din l‑entità tax‑xandir pubbliku. L‑eżami tal‑miżura prattikament dam iktar minn seba’ ġimgħat, u ħamsa minnhom wara n‑notifika, li mhuwiex barra min‑norma. Fl‑aħħar nett, il‑miżura prevista kienet pjuttost faċli u l‑analiżi tagħha ma tistax tiġi deskritta bħala kumplessa.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

60      Skont ġurisprudenza stabbilita, il‑proċedura prevista fl‑Artikolu 88(2) KE hija ta’ natura indispensabbli meta l‑Kummissjoni ssib diffikultajiet gravi sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas‑suq komuni. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall‑fażi tal‑investigazzjoni preliminari skont l‑Artikolu 88(3) KE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija tkun konvinta, fi tmiem l‑investigazzjoni preliminari, li din l‑għajnuna hija kompatibbli mat‑Trattat. Min‑naħa l‑oħra, jekk din l‑investigazzjoni preliminari twassal lill‑Kummissjoni għal konvinzjoni opposta, jew ma jippermettilhiex issolvi d‑diffikultajiet kollha mqajma mill‑evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà ta’ din l‑għajnuna mas‑suq komuni, il‑Kummissjoni għandha l‑obbligu tiġbor l‑opinjonijiet kollha neċessarji u tibda, f’dan ir‑rigward, il‑proċedura prevista fl‑Artikolu 88(2) KE (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑20 ta’ Marzu 1984, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 13; tad‑19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punt 29; tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 33, u tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 61; ara wkoll is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il‑Kummissjoni, T‑49/93, Ġabra p. II‑2501, punt 58).

61      Il‑kunċett ta’ diffikultajiet gravi huwa ta’ natura oġġettiva. L‑eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha tiġi mfittxa kemm fiċ‑ċirkustanzi li wasslu għall‑adozzjoni tal‑att ikkontestat, kif ukoll fil‑kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r‑raġunijiet għad‑deċiżjoni jiġu pparagunati mal‑elementi li l‑Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il‑kompatibbiltà tal‑għajnuna kkontestata mas‑suq komuni (sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 60 iktar ’il fuq, punt 63, u sentenza SIDE vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 60 iktar ’il fuq, punt 60). Konsegwentement, jirriżulta li l‑istħarriġ tal‑legalità mwettaq mill‑Qorti Ġenerali fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ diffikultajiet gravi, imur, min‑natura tiegħu stess, lil hinn mill‑verifika ta’ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Marzu 2001, Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni, T‑73/98, Ġabra p. II‑867, punt 47; ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi Cook vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 60 iktar ’il fuq, punti 31 sa 38, u Matra vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 60 iktar ’il fuq, punti 34 sa 39; is‑sentenzi tal‑Qorti Ġenerali SIDE vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 60 iktar ’il fuq, punti 60 sa 75, u tal‑15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑11/95, Ġabra p. II‑3235, punti 164 sa 200).

62      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, jekk miżura tal‑Istat ta’ finanzjament ta’ servizz pubbliku tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat skont l‑Artikolu 87(1) KE, din il‑miżura tista’ madankollu tiġi ddikjarata kompatibbli mas‑suq komuni jekk hija tissodisfa l‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad‑deroga prevista fl‑Artikolu 86(2) KE.

63      Fil‑punt 57 tal‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir, il‑Kummissjoni, abbażi tal‑kriterji tal‑proporzjonalità tal‑finanzjament pubbliku għall‑ħtiġijiet tas‑servizz pubbliku, indikat li, “sabiex dan il‑kriterju jiġi osservat, huwa neċessarju li l‑għajnuniet mill‑Istat ma jaqbżux l‑ispejjeż netti kkawżati mill‑missjoni ta’ servizz pubbliku, fid‑dawl tad‑dħul dirett jew indirett l‑ieħor li jirriżulta minn din tal‑aħħar”. Il‑Kummissjoni qalet ukoll li “għalhekk il‑profitti netti li l‑attivitajiet kummerċjali jiksbu mis‑servizz pubbliku jittieħdu inkunsiderazzjoni għall‑evalwazzjoni tal‑proporzjonalità tal‑għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

64      F’din il‑kawża, il‑Kummissjoni kkonstatat li l‑għoti ta’ EUR 150 miljun nnotifikat mir‑Repubblika Franċiża “aktarx li ma kienx ser jaqbeż il‑varjazzjonijiet ikkawżati fl‑ispiża netta tas‑servizz pubbliku li jirriżultaw mill‑bidliet fid‑dħul mir‑riklamar għall‑2008 u għall‑ħtieġa ta’ programmazzjoni supplimentari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 47 tad‑deċiżjoni kkontestata).

65      Għandu jiġi kkonstatat li l‑Kummissjoni ġustament setgħet tagħmel tali konstatazzjoni u tikkonkludi li ma kinux jeżistu diffikultajiet gravi fir‑rigward tal‑kompatibbiltà tal‑miżura inkwistjoni mas‑suq komuni, abbażi tal‑Artikolu 86(2) KE, b’mod illi jkun iġġustifikat il‑bidu tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 88(2) KE.

66      Fil‑fatt, għandu jiġi osservat li l‑ammont tal‑għoti ta’ kapital li jikkostitwixxi l‑miżura inkwistjoni huwa ħafna inqas minn dak tal‑ammont totali stmat tal‑ispejjeż netti supplimentari li jirriżultaw miċ‑ċifri li jidhru fil‑punt 46 tad‑deċiżjoni kkontestata u moħbija fil‑verżjoni pubblika ta’ din id‑deċiżjoni.

67      Fl‑ewwel lok, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fit‑talbiet tagħhom, ir‑rikorrenti ma għamlu ebda kontestazzjoni dwar l‑ammont stmat ta’ dawn l‑ispejjeż netti supplimentari u ma fformulaw l‑ebda talba biex il‑Kummissjoni tipproduċi, għall‑iskopijiet ta’ tali kontestazzjoni, verżjoni kunfidenzjali tad‑deċiżjoni kkontestata.

68      Ir‑rikorrenti lanqas ma kkontestaw il‑fatt – li jirriżulta madankollu mid‑deċiżjoni kkontestata hekk kif ippubblikata – li l‑ammont stmat tat‑telf mir‑riklamar għall‑2008 u tal‑bżonnijiet ta’ programmazzjoni supplimentari kien jaqbeż, mill‑inqas, EUR 150 miljun.

69      Fir‑risposta tagħha, il‑Kummissjoni, li rrilevat speċifikament in‑nuqqas ta’ kontestazzjoni tar‑rikorrenti, indikat li l‑ammont stmat ta’ varjazzjonijiet fid‑dħul mir‑riklamar u l‑bżonnijiet ta’ programmazzjoni, li jirriżutaw miċ‑ċifri li jidhru fil‑punt 46 tad‑deċiżjoni kkontestata u li huma moħbija fil‑verżjoni pubblika ta’ din id‑deċiżjoni, kien jammonta għal iktar minn EUR 300 miljun.

70      Fir‑repliki tagħhom, ir‑rikorrenti bl‑ebda mod ma kkontestaw dan l‑ammont ta’ EUR 300 miljun.

71      Għall‑kuntrarju, TF1 aċċettat speċifikament dan in‑nuqqas ta’ kontestazzjoni, billi sostniet li tali kontestazzjoni, peress li tikkontesta l‑kompatibbiltà tal‑għajnuna, kienet inammissibbli fil‑kuntest ta’ rikors intiż, bħal f’din il‑kawża, biex jipproteġi drittijiet proċedurali (ara l‑punt 42 iktar ’il fuq).

72      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, għall‑kuntrarju ta’ dak li ssostni TF1, is‑suġġett ta’ dan ir‑rikors bl‑ebda mod ma kien iżommha, kieku riedet, milli tikkontesta l‑ammont tal‑ispejjeż netti supplimentari stmati mill‑Kummissjoni għall‑2008. Fil‑fatt, skont il‑ġurisprudenza, il‑fatt li l‑Qorti Ġenerali ma tistax, fil‑preżenza ta’ diffikultà serja u fid‑dawl tal‑kompetenza esklużiva tal‑Kummissjoni fir‑rigward tal‑evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà tal‑għajnuniet mill‑Istat mas‑suq komuni, tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tal‑Kummissjoni bl‑evalwazzjoni tagħha stess, bl‑ebda mod ma jmur kontra d‑dritt tal‑partijiet interessati li jqajmu, insostenn ta’ rikors għal annullament bil‑għan li jipproteġu d‑drittijiet proċedurali tagħhom, argument li jikkontesta l‑kompatibbiltà tal‑għajnuna, argumenti li għandhom allura jiġu evalwati mill‑Qorti Ġenerali fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ diffikultà serja (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il‑Kummissjoni, T‑158/99, Ġabra p. II‑1, punt 91; tal‑4 ta’ Lulju 2007, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑475/04, Ġabra p. II‑2097, punt 93; tal‑20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il‑Kummissjoni, T‑375/03, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 67, u tat‑12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punt 333).

73      B’hekk, kontra dak li tallega TF1, kien ikun perfettament ammissibbli, kieku riedet, li tikkontesta l‑ammont ta’ żieda tal‑ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku stmat mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata u speċifikament indikata minn din tal‑aħħar fir‑risposta.

74      Fir‑rigward ta’ M6, hija lanqas ma rreaġixxiet, fir‑replika, għall‑konstatazzjoni li saret mill‑Kummissjoni, fir‑risposta, rigward in‑nuqqas ta’ kontestazzjoni min‑naħa tagħha tal‑ammont ta’ żieda tal‑ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku stmat mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata.

75      Kien biss matul is‑seduta li M6 sostniet li, għalkemm hija ma kkontestatx fir‑rikors tagħha l‑istima li saret mill‑Kummissjoni, dan kien għaliex hija sempliċement ma kinitx taf l‑ammonti inkwistjoni, li skopriet biss matul is‑seduta. Fi kliem ieħor, peress li d‑deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata mingħajr indikazzjoni ta’ dawn l‑ammonti, ma kienx possibbli għal M6 li tqajjem kontestazzjoni, jew li sempliċement tallega li l‑Kummissjoni kien imissha kellha dubji gravi dwar dan il‑punt.

76      Il‑Qorti Ġenerali madankollu tikkunsidra li, indipendentement mill‑fatt li dan l‑argument, li tqajjem tard, mhuwiex ammissibbli fir‑rigward tal‑Artikolu 48(2) tar‑Regoli ta’ Proċedura, huwa fi kwalunkwe każ infondat.

77      Fil‑fatt, xejn ma żamm lil M6, kieku kif hija tallega, kellha l‑intenzjoni li tibbaża r‑rikors għal annullament fuq kontestazzjoni tal‑ammont tal‑ispejjeż netti supplimentari stmati mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata, milli tqajjem din il‑kontestazzjoni fir‑rikors tagħha flimkien ma’ – f’każ li l‑Kummissjoni ma tkunx diġà bagħtitilha verżjoni kunfidenzjali tad‑deċiżjoni kkontestata – talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura jew ta’ inġunzjoni biex il‑Kummissjoni tipproduċi tali verżjoni kunfidenzjali. Barra minn hekk, xejn ma żamm lil M6 milli ssostni, bħala minimu, li t‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar u ż‑żieda tal‑ispejjeż ta’ programmazzjoni kienu inqas mill‑ammont ta’ EUR 150 miljun tal‑għoti nnotifikat, jew li tal‑inqas kellu jkun hemm dubji gravi f’dan ir‑rigward.

78      Madankollu, M6, bħal TF1, ma qajmitx tali kontestazzjoni fis‑sottomissjonijiet tagħha u ma fformulatx tali talba.

79      Għalhekk M6 żbaljat meta, waqt li ġiet iffaċċjata bir‑realtà tan‑nuqqas ta’ kontestazzjoni tal‑istima taż‑żieda tal‑ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku, ipprovat tispjega, matul is‑seduta, dan in‑nuqqas ta’ kontestazzjoni permezz ta’ ċirkustanzi li bl‑ebda mod ma jiġġustifikawh u li – kieku xtaqet – setgħet tirrimedja perfettament.

80      Jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti li la TF1 u lanqas M6 ma jikkontestaw, fir‑rikorsi tagħhom, l‑ammont stmat tal‑ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku supplimentari fl‑2008, filwaqt li madankollu ebda ċirkustanza ta’ dritt jew ta’ fatt ma ċaħħdet lil dawn il‑partijiet, kieku xtaqu, mill‑possibbiltà li jagħmlu dan.

81      Lil hinn mill‑konstatazzjonijiet suffiċjenti preċedenti, il‑Qorti Ġenerali jkollha tirrileva li r‑rikorrenti kellhom, sa minn qabel ma ressqu r‑rikorsi tagħhom, informazzjoni li tikkonvinċiha mid‑daqs tat‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions fl‑2008. Din iċ‑ċirkustanza tista’ tkun suffiċjenti sabiex tispjega li r‑rikorrenti ma fittxewx li jikkontestaw iż‑żieda tal‑ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku stmata mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata, iżda kkritikaw elementi oħrajn ta’ din id‑deċiżjoni.

82      B’hekk, miż‑żmien meta seħħew il‑fatti, kien magħruf pubblikament li France Télévisions ġarrbet tnaqqis ferm sostanzjali fid‑dħul mir‑riklamar tagħha fl‑2008. L‑artikli fl‑istampa ppubblikati f’dak iż‑żmien u li ġew annessi minn M6 u TF1 mat‑talbiet tagħhom irrappurtaw tnaqqis ferm sostanzjali fid‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions.

83      Sussegwentement, anki lil hinn minn din l‑informazzjoni maħruġa mill‑istampa, M6 u TF1 kellhom, meta ressqu r‑rikorsi tagħhom f’Diċembru 2008, informazzjoni oħra li tenfasizza d‑daqs tat‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar.

84      Jirriżulta b’hekk minn rapport maħruġ fl‑2008 minn ditta ta’ konsulenti, fuq talba ta’ assoċjazzjoni ta’ stazzjonijiet televiżivi privati – imwaqqfa minn M6, Canal + u TF1 – u li ġie ppreżentat minn TF1 bħala anness mar‑rikors tagħha, li, fl‑ewwel semestru kollu tal‑2008, l‑investimenti fir‑riklamar ma’ France Télévisions kienu naqsu b’37 %.

85      M6 u TF1, kif ukoll Canal +, barra minn hekk jirrappurtaw fin‑noti tagħhom din il‑perċentwali ta’ 37 %, li tidher fir‑rapport imsemmi fil‑punt preċedenti, ta’ tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions fl‑ewwel semestru tal‑2008.

86      Barra minn hekk, l‑istess rapport jindika li l‑ammonti tad‑dħul mir‑riklamar annwali ta’ France 2, France 3 u France 5, minbarra x‑xandiriet reġjonali, li kien jammonta għal EUR 638 miljun fl‑2007, għandu jitnaqqas għall‑ammont ta’ EUR 510 miljun fl‑2008, jiġifieri tnaqqis ta’ 20 % f’sena (EUR 128 miljun).

87      Irrispettivament minn dawn il‑kunsiderazzjoniet rigward l‑informazzjoni li kellhom ir‑rikorrenti meta ressqu r‑rikorsi tagħhom, xorta jibqa’ l‑fatt li, kif huwa rrilevat b’mod konklużiv fil‑punt 80 iktar ’il fuq, l‑ammont taż‑żieda fl‑ispejjeż ta’ servizz pubbliku għall‑2008 (EUR 300 miljun) mhu suġġett, mingħajr ġustifikazzjoni valida, għal ebda kontestazzjoni partikolari min‑naħa tar‑rikorrenti.

88      Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti huma żbaljati meta jsostnu (ara l‑punt 36 iktar ’il fuq), fil‑kuntest tal‑argument tagħhom bl‑għan li jistabbilixxu l‑insuffiċjenza tal‑informazzjoni li kellha l‑Kummissjoni u tal‑eżami li għalih ipproċediet, li l‑Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tidħol f’analiżi preċiża tal‑prodotti u tal‑ħlasijiet f’din il‑kawża, tiddikjara, fil‑punt 46 tad‑deċiżjoni kkontestata, li d‑defiċit ta’ dħul mir‑riklamar żied “awtomatikament” l‑ispiża netta tas‑servizz pubbliku. Hija invokat, insostenn ta’ dan l‑ilment, l‑aħħar sentenza tal‑punt 49 tal‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir.

89      L‑aħħar sentenza tal‑punt 49 tal‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir tgħid li “huwa biss abbażi ta’ tqassim adattat tal‑prodotti u tal‑ħlasijiet li jista’ jiġi ddeterminat jekk il‑finanzjament pubbliku huwiex limitat verament għall‑ispejjeż netti tal‑missjoni ta’ servizz pubbliku u allura jekk tistax tiġi awtorizzata l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 86(2) KE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il‑frażi tenfasizza l‑ħtieġa li jiġi żgurat, fid‑determinazzjoni tal‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku, li ma jingħaddux bħala spejjeż ta’ servizz pubbliku ħlasijiet li ma jirriżultawx mis‑servizz imsemmi, waqt li jiġi żgurat li jitnaqqsu mill‑ispejjeż grossi tas‑servizz pubbliku l‑prodotti li jirriżultaw, direttament jew indirettament, minn dak is‑servizz.

90      Meta, fil‑punt 46 tad‑deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni kkunsidrat li “t‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar jammonta għal EUR […] jista’ jnaqqas b’ammont ekwivalenti l‑profitt nett tal‑attivitajiet kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija esprimiet, b’mod konċiż iżda ċar, il‑pożizzjoni li t‑tnaqqis stmat tad‑dħul mir‑riklamar fl‑2008 ma huwa akkumpanjat minn ebda tnaqqis fil‑ħlasijiet kummerċjali relatati ta’ tali daqs li jista’ jostakola l‑istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn it‑tnaqqis fid‑dħul imsemmi u t‑tnaqqis fil‑profitt nett tal‑attivitajiet kummerċjali u, b’hekk, bejn it‑tnaqqis fid‑dħul u ż‑żieda tal‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku.

91      B’hekk il‑Kummissjoni, għall‑kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxi l‑ilment tar‑rikorrenti permezz tar‑referenza għall‑punt 49 tal‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir, ma kkwalifikatx il‑ħlasijiet li saru għall‑ksib tad‑dħul ta’ riklamar mill‑ispejjeż ta’ servizz pubbliku, u lanqas ma kkunsidrat li l‑prodotti tal‑bejgħ minn France Télévisions tal‑ispazji tar‑riklamar ma kinux marbutin mas‑servizz pubbliku.

92      Barra minn hekk, għalkemm il‑Kummissjoni ma pprovdietx, fl‑imsemmi punt 46 tad‑deċiżjoni kkontestata, indikazzjonijiet dwar l‑elementi li wassluha biex tadotta l‑pożizzjoni tagħha, xorta waħda jibqa’ l‑fatt li dawn l‑elementi jidhru barra minn hekk fid‑deċiżjoni kkontestata u li jirriżulta li l‑Kummissjoni kellha bażi biex tikkunsidra li l‑ebda tnaqqis sinjifikattiv tal‑ħlasijiet kummerċjali fl‑2008 ma kien raġonevolment prevedibbli.

93      B’hekk, il‑Kummissjoni, wara li rrilevat li “l‑grupp [France Télévisions] kiseb riżultat nett pożittiv kull sena bejn l‑2003 u l‑2007” (punt 8 tad‑deċiżjoni kkontestata), ikkonstatat, essenzjalment, tnaqqis qawwi fid‑dħul nett li jirriżulta mill‑attivitajiet kummerċjali mill‑bidu tas‑sena 2008. Huwa b’dan il‑mod li l‑Kummissjoni kkonstatat li t‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar “wassal għal deterjorament tas‑sitwazzjoni finanzjarja, li saret strutturalment negattiva fl‑2008” (punt 10 tad‑deċiżjoni kkontestata). Hija rrilevat li kieku dan it‑tnaqqis “kellu jkompli għas‑sena 2008 kollha, France Télévisions, segwita mill‑awtoritajiet Franċiżi, tistma li ser iwassal […] għal riżultat negattiv nett […] fl‑2008” (punt 10 tad‑deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il‑Kummissjoni kkonstatat li l‑għoti nnotifikat li għandu jkopri tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar huwa “f’daqqa u imprevist, kif juri l‑baġit proġettat ta’ France Télévisions għall‑2008, li ġiet stabbilit fuq ipoteżijiet li lanqas ma jieħdu inkunsiderazzjoni tali tnaqqis” (punt 21 tad‑deċiżjoni kkonestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

94      Essenzjalment jirriżulta minn dawn il‑konstatazzjonijiet tal‑Kummissjoni, li saru f’Lulju 2008 abbażi tal‑informazzjoni disponibbli sa dik id‑data, li t‑tnaqqis fid‑dħul imġarrab minn France Télévisions sa mill‑bidu tas‑sena ma kien akkumpanjat minn ebda tnaqqis sinjifikattiv tal‑ħlasijiet kummerċjali marbutin mal‑attività tar‑riklamar ta’ France Télévisions u li ma kienx serjament prevedibbli li seta’ jsir iffrankar sinjifikattiv fuq l‑ispejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni tal‑ispazji tar‑riklamar matul it‑tieni semestru tal‑2008.

95      Fi kliem ieħor, jirriżulta b’mod suffiċjenti mill‑elementi fid‑deċiżjoni kkontestata li l‑Kummissjoni kellha bażi biex tikkunsidra li, fir‑rigward tas‑sena 2008, li hija l‑unika sena li tirrigwarda l‑għoti nnotifikat, ebda ffrankar sinjifikattiv fuq il‑ħlasijiet kummerċjali ma seta’ jiġi raġonevolement previst li jostakola konklużjoni ta’ relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn it‑tnaqqis fid‑dħul kummerċjali u t‑tnaqqis fil‑profitt nett.

96      Għalhekk, l‑argument li l‑Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddikjara, kif għamlet fid‑deċiżjoni kkontestata, li d‑defiċit fid‑dħul mir‑riklamar għall‑2008 iżid “awtomatikament” l‑ispiża netta tas‑servizz pubbliku huwa infondat.

97      Il‑Qorti Ġenerali tirrileva, barra minn hekk, li la M6 u lanqas TF1 jew Canal +, impriżi madankollu familjari – bħala xandara kummerċjali – mal‑mekkaniżmi u s‑sistemi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal‑ispazji tar‑riklamar televiżiv, ma jsostnu li tnaqqis sinjifikattiv fil‑ħlasijiet kummerċjali ta’ France Télévisions fl‑2008, li jmur kontra l‑istabbiliment ta’ tali relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn it‑tnaqqis fid‑dħul kummerċjali u t‑tnaqqis tal‑profitt kummerċjali nett, seta’ kien prevedibbli b’mod konkret.

98      Fl‑aħħar nett, mhux talli l‑ammont ta’ żieda tal‑ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku għall‑2008 (EUR 300 miljun) stmat mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata mhu suġġett għal ebda kontestazzjoni (ara l‑punti 67 sa 87 iktar ’il fuq), iżda dan l‑ammont lanqas ma ġie serjament ikkontestat fil‑kuntest tal‑eżami tal‑ilmenti tar‑rikorrenti, fir‑rigward tar‑relazzjoni ta’ proporzjonalità adottata tal‑Kummissjoni bejn it‑tnaqqis fid‑dħul kummerċjali ta’ France Télévisions u t‑tnaqqis tal‑profitt kummerċjali nett (ara l‑punti 88 sa 97 iktar ’il fuq).

99      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, rigward in‑nuqqas ta’ kontestazzjoni jew dubju dwar l‑ammont stmat ta’ EUR 300 miljun ta’ żieda fl‑ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku, għandu jiġi kkunsidrat li l‑Kummissjoni, fir‑rigward tal‑ammont tal‑għoti nnotifikat (EUR 150 miljun), ma seta’ kellha l‑ebda dubju fir‑rigward tal‑osservanza tal‑kriterju tal‑proporzjonalità.

100    Din il‑konklużjoni ma titpoġġiex f’dubju mill‑argumenti l‑oħrajn imressqa mir‑rikorrenti.

101    Rigward id‑dikjarazzjoni ta’ TF1 (ara l‑punt 37 iktar ’il fuq) li jista’ jiġi kkontestat li l‑uniku telf, għall‑ewwel semestru tal‑2008, ta’ 37 % mit‑28 % tar‑riżorsi ta’ France Télévisions li joriġinaw mir‑riklami jista’ jaffettwa s‑sitwazzjoni finanzjarja ta’ din l‑impriża sal‑punt li t‑twettiq tajjeb tas‑servizz pubbliku fl‑2008 jsir prekarju, din id‑dikjarazzjoni, minbarra li mhix sostnuta, tinjora ċ‑ċirkustanza, imfakkra fil‑punt 99 iktar ’il fuq, rigward id‑differenza bejn, minn naħa, l‑ammont stmat u mhux ikkontestat ta’ żieda fl‑ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku għall‑2008 u, min‑naħa l‑oħra, l‑ammont tal‑għoti nnotifikat.

102    Rigward l‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti (ara l‑punti 34 u 38 iktar ’il fuq) li d‑deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi ineżattezzi, fl‑ewwel lok, dwar li t‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar fl‑ewwel semestru tal‑2008 la ġie kkawżat mid‑dikjarazzjoni tat‑8 ta’ Jannar 2008, la mill‑kundizzjonijiet tas‑suq tar‑riklamar u lanqas minn strateġija kummerċjali żbaljata ta’ France Télévisions u, fit‑tieni lok, dwar li m’hemmx provi li l‑kompetituri ta’ France Télévisions adattaw il‑politiki kummerċjali tagħhom fit‑termini deskritti mill‑Kummissjoni, dawn l‑allegazzjonijiet, jekk nassumu li huma stabbiliti, ma jnaqqsu xejn mir‑realtà tat‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar fl‑ewwel semestru tal‑2008, bil‑perspettiva raġonevolment prevedibbli li din it‑tendenza tkompli matul it‑tieni semestru tal‑2008 u bl‑eżistenza ta’ bżonnijiet ta’ programmazzjoni supplimentari. Għalhekk, dawn l‑allegazzjonijiet bl‑ebda mod ma jikkontestaw iż‑żieda fl‑ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku fl‑2008 stmati mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata u barra minn hekk mhux ikkontestata mir‑rikorrenti.

103    Rigward l‑argument tar‑rikorrenti (ara l‑punt 35 iktar ’il fuq) li l‑Kummissjoni, minħabba n‑nuqqas ta’ rikonoxximent li t‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar kien essenzjalment irriżulta minn allegat żball ta’ France Télévisions fid‑definizzjoni tal‑politika kummerċjali tagħha fl‑2008, ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonstata l‑eżistenza ta’ diffikultà serja minħabba l‑fatt li l‑għoti finanzjarju fir‑realtà kien forma moħbija ta’ għajnuna għall‑funzjonament bl‑għan li France Télévisions tiġi lliberata mill‑ħlasijiet li kien normalment ikollha ssostni fil‑kuntest tal‑amministrazzjoni attwali tagħha jew tal‑attivitajiet normali tagħha, għajnuna li tkun tista’ tiġi biss awtorizzata f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għandu jiġi miċħud.

104    Fil‑fatt, l‑attività ta’ France Télévisions ta’ bejgħ tal‑ispazji tar‑riklamar tikkostitwixxi attività kummerċjali li, jekk tikkonforma mal‑programmazzjoni ta’ servizz pubbliku mxandra minn France Télévisions fil‑kuntest tal‑mandat tagħha ta’ servizz pubbliku, madankollu, bl‑ebda mod ma tikkostitwixxi attività ta’ servizz pubbliku. Il‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir tirrileva, f’dan ir‑rigward li, “għalkemm il‑korpi pubbliċi tax‑xandir jistgħu jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali bħall‑bejgħ ta’ spazju għar‑riklamar sabiex jinkiseb dħul, tali attivitajiet normalment ma jistgħux jitqiesu li jagħmlu parti integrali mis‑servizz pubbliku” (punt 36, l‑aħħar sentenza, tal‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

105    L‑eżerċizzju ta’ din l‑attività kummerċjali mill‑entità tax‑xandir pubbliku jirriżulta minn għażla tal‑Istat Membru kkonċernat, imwettaq skont il‑kompetenza rikonoxxuta tiegħu għal dan il‑għan mill‑Protokoll ta’ Amsterdam, li jirrikorri għall‑bejgħ ta’ spazji tar‑riklamar fuq l‑istazzjonijiet televiżivi pubbliċi għall‑iskopijiet li jitnaqqas il‑ħlas, għall‑Istat, tal‑finanzjament tas‑servizz pubbliku tax‑xandir.

106    Madankollu, l‑għoti finanzjarju nnotifikat mir‑Repubblika Franċiża u approvat mill‑Kummissjoni bl‑ebda mod mhuwa intiż għall‑finanzjament ta’ din l‑attività kummerċjali ta’ bejgħ ta’ spazji tar‑riklamar. B’hekk, u għall‑kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi M6, din l‑għajnuna mhijiex għajnuna għall‑funzjonament ta’ din l‑attività. Hija ma għandhiex bħala għan li tiffinanzja kampanji ta’ riklamar indirizzati lejn dawk li potenzjalment iridu jirriklamaw, studji tas‑suq li jikkonċernaw il‑politika kummerċjali ta’ France Télévisions jew kull spiża oħra li tirriżulta mill‑attività kummerċjali ta’ France Télévisions.

107    Din l‑għajnuna hija, għall‑kuntrarju, espliċitament u esklużivament intiża biex tkopri spejjeż tas‑servizz pubbliku tax‑xandir imġarrba minn din l‑entità tax‑xandir pubbliku. Dawn l‑ispejjeż, minn ammont stmat mill‑Kummissjoni – u mhux ikkontestat – ta’ EUR 300 miljun, huma, fl‑ewwel lok, il‑parti mill‑ispejjeż ta’ servizz pubbliku ta’ France Télévisions fl‑2008 li mhijiex iffinanzjata minħabba t‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar għal dik is‑sena u, fit‑tieni lok, l‑ispejjeż ta’ programmazzjoni supplimentari kkawżati fl‑2008 minħabba t‑tneħħija sussegwenti tar‑riklami televiżivi fuq France Télévisions.

108    Iċ‑ċirkustanza li parti mill‑ispejjeż li jibqgħu r‑responsabbiltà tal‑Istat fl‑2008 tirriżulta minn dħul mir‑riklamar inqas elevat ma tnaqqas xejn mill‑fatt li huma bla dubju spejjeż ta’ servizz pubbliku, imġarrba għall‑bżonnijiet ta’ dan is‑servizz. Fid‑dawl tan‑natura ta’ dawn l‑ispejjeż, jekk l‑Istat Membru kkonċernat jiġi ostakolat milli jiżgura l‑finanzjament, ikun qed jiġi mċaħħad mill‑kompetenza rikonoxxuta fl‑Artikolu 16 KE u l‑Protokoll ta’ Amsterdam lill‑Istati Membri fid‑definizzjoni u l‑finanzjament tas‑servizz pubbliku tax‑xandir.

109    Konsegwentement, il‑pożizzjoni tar‑rikorrenti, li tasserixxi li n‑nuqqas ta’ effiċjenza ekonomika allegata tax‑xandar ta’ servizz pubbliku fl‑eżerċizzju ta’ attività kummerċjali ta’ bejgħ ta’ spazji tar‑riklamar hija ssanzjonata minn kopertura insuffiċjenti – u allura inkompatibbli mat‑“twettiq tal‑missjoni ta' servizz pubbliku kif mogħtija, definita u organizzata minn kull Stat Membru” (ara l‑Protokoll ta’ Amsterdam) – tal‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku, hija direttament kuntrarja għad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat u, b’mod iktar partikolari, tal‑Protokoll ta’ Amsterdam.

110    Għandu jiġi rrilevat li s‑sitwazzjoni kienet tkun kompletament differenti kieku r‑rikorrenti kienu ressqu prova li jeżistu dubji gravi fir‑rigward tad‑destinazzjoni effettiva tal‑għoti nnotifikat u, b’mod partikolari, li kieku kien hemm tħassib li ser ikun hemm devjazzjoni mill‑għan ta’ dan l‑għoti sabiex tiġi ssussidjata l‑attività kummerċjali ta’ France Télévisions.

111    Fil‑fatt, f’tali każ ipotetiku u hekk kif huwa rrilevat fil‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir, kien ikun hemm riskju biss “fil‑preżenza ta’ kumpens li jmur lil hinn minn dak li kien strettament neċessarju għat‑twettiq tal‑missjoni ta’ servizz pubbliku u ta’ prattika ‘li taffettwa l‑kummerċ u l‑kompetizzjoni f’miżura kuntrarja għall‑interess komuni’ u allura li jikser il‑Protokoll ta’ Amsterdam” (punt 58, in fine, tal‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

112    B’hekk ma kienx ikun possibbli għall‑Kummissjoni li tieħu, bħal f’din il‑kawża, deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet abbażi tal‑Artikolu 4(3) tar‑Regolament Nru 659/1999. Il‑Kummissjoni kien ikollha tibda il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali.

113    Madankollu, mhuwiex stabbilit li l‑Kummissjoni kellu jkollha tali dubji. Sa l‑iktar, huwa enfasizzat li hija ma użatx il‑mezzi kollha disponibbli sabiex tkun taf id‑destinazzjoni finali tal‑għoti nnotifikat (ara l‑punt 39 iktar ’il fuq), li huwa rifless, allegatament, fl‑indikazzjoni tagħha li l‑għoti nnotifikat “[itejjeb] il‑qagħda finanzjarja tal‑grupp mingħajr ma [tiġi allokata] formalment” (punt 11 tad‑deċiżjoni kkontestata). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

114    Għandu madankollu jiġi rrilevat li mid‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li, huma x’inhuma l‑modalitajiet konkreti tal‑allokazzjoni tal‑għoti nnotifikat fil‑kontijiet ta’ France Télévisions, dan l‑għoti, imwettaq fil‑forma ta’ żieda fil‑kapital ta’ France Télévisions, ġie nnotifikat mir‑Repubblika Franċiża u kellu jintuża minn din l‑entità tax‑xandir pubbliku biss għall‑iskopijiet esklużivi tas‑servizz pubbliku.

115    Il‑Kummissjoni b’hekk fakkret speċifikament l‑eżistenza tal‑impenji mogħtija mir‑Repubblika Franċiża fil‑kuntest tal‑proċedura li wasslet għall‑adozzjoni tad‑deċiżjoni tal‑20 ta’ April 2005 u li ssarrfu fit‑testi leġiżlattivi u regolamenti Franċiżi sabiex jiġi evitat kull kumpens żejjed tal‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku (punt 48 tad‑deċiżjoni kkontestata). Il‑Kummissjoni ħadet nota tal‑konferma tal‑awtoritajiet Franċiżi li dawn id‑dispożizzjonijiet japplikaw f’din il‑kawża u li ntrabtu li japplikawhom għall‑finijiet tal‑allokazzjoni tal‑għoti finanzjarju għal spejjeż li jirriżultaw mill‑obbligu ta’ servizz pubbliku ta’ France Télévisions (punt 49 tad‑deċiżjoni kkontestata).

116    Fl‑aħħar nett, il‑Kummissjoni ddeċidiet speċifikament li r‑Repubblika Franċiża għandha tirrappurtalha dwar l‑allokazzjoni effettiva tal‑għoti nnotifikat għall‑finanzjament tal‑obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ France Télévisions fit‑tliet xhur ta’ wara l‑għeluq tal‑kontijiet għas‑sena finanzjarja 2008 (punt 49 u l‑ispjegazzjoni li tinsab taħt it‑tieni subpunt tat‑Titolu “5. Deċiżjoni”, tad‑deċiżjoni kkontestata).

117    F’dawn iċ‑ċirkustanzi u fir‑rigward tal‑prekawzjonijiet li b’hekk ħadet il‑Kummissjoni, fir‑rigward kemm tal‑użu konkret tal‑għoti finanzjarju kif ukoll tal‑kontroll a posteriori ta’ dak l‑użu, il‑Kummissjoni ma kellha l‑ebda raġuni, meta adottat id‑deċiżjoni kkontestata, biex titħasseb li dak l‑għoti – li barra minn hekk huwa ħafna inqas mill‑ammont stmat tal‑ispejjeż netti supplimentari li għandhom jiġu kkumpensati – kien ser jintuża għal skopijiet oħrajn apparti l‑finanzjament tas‑servizz pubbliku tax‑xandir.

118    Fl‑aħħar nett, ir‑rikorrenti huma żbaljati meta, abbażi tal‑allegata ineffiċjenza ekonomika ta’ France Télévisions fl‑eżerċizzju ta’ attività kummerċjali li ma taqax taħt is‑servizz pubbliku, jopponu l‑għoti finanzjarju inkwistjoni, meta ma kien hemm ebda raġuni li tiġġustifika t‑tħassib ta’ sussidju inkroċjat ta’ din l‑attività kummerċjali minn dak l‑għoti.

119    Abbażi tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti għandha tiġi mwarrba wkoll ir‑referenza li saret minn M6 għas‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il‑Kummissjoni (T‑157/01, Ġabra p. II‑917, iktar ’il quddiem, is‑“sentenza Danske”), li tikkonċerna, fost miżuri oħrajn, għajnuna f’forma ta’ għoti mogħtija lil impriża ta’ trasport li għandha kuntratti ta’ servizz pubbliku skont l‑Artikolu 1(4), u l‑Artikolu 14 tar‑Regolament (KEE) Nru 1191/69 tal‑Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill‑Istati Membri dwar l‑obbligi inerenti fil‑kunċett ta’ servizz pubbliku fit‑trasport bil‑ferrovija, bit‑triq u bil‑passaġġi fuq l‑ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19), kif emendat.

120    Fil‑fatt, filwaqt li, f’din il‑kawża, l‑għoti finanzjarju ta’ EUR 150 miljun nnotifikat mir‑Repubblika Franċiża kellu speċifikament u esklużivament l‑għan li jikkumpensa għall‑ispejjeż ta’ servizz pubbliku (ta’ ammont barra minn hekk ħafna ogħla minn dak tal‑għoti), fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza Danske, iċċitata fil‑punt 119 iktar ’il fuq, l‑għajnuna inkwistjoni kienet miżjuda mar‑remunerazzjoni kuntrattwali li l‑impriża inkwistjoni kienet liberament aċċettat għat‑twettiq ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku mogħtija lilha mill‑awtoritajiet kontraenti Daniżi (sentenza Danske, iċċitata fil‑punt 119 iktar ’il fuq, punt 88). Fi kliem ieħor, l‑għajnuna inkwistjoni fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza Danske, iċċitata fil‑punt 119 iktar ’il fuq, fil‑kuntest tas‑sistema kuntrattwali stabbilita mir‑Regolament Nru 1191/69 kif emendat, kienet tikkostitwixxi kumpens żejjed.

121    Barra minn hekk, filwaqt li, f’din il‑kawża, il‑Kummissjoni, fid‑dawl tal‑prekawzjonijiet meħuda u tal‑garanziji mogħtija fid‑deċiżjoni kkontestata, ibbażat ruħha raġonevolment fuq l‑esklużjoni ta’ kull riskju ta’ użu tal‑għoti finanzjarju għall‑iskopijiet ta’ sussidju inkroċjat tal‑attività kummerċjali ta’ France Télévisions, min‑naħa l‑oħra, fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza Danske, iċċitata fil‑punt 119 iktar ’il fuq, l‑għajnuna inkwistjoni kienet tissussidja l‑impriża ta’ trasport fl‑attività kummerċjali tagħha. Fil‑fatt, din l‑għajnuna kellha preċiżament l‑għan li tippermetti lil din l‑impriża li tkompli l‑attività kummerċjali tagħha minkejja d‑defiċits ikkawżati mill‑kuntratti ta’ servizz pubbliku li tagħhom kienet titolari u li hija kienet rebħet mill‑kompetituri l‑oħrajn permezz tal‑aċċettazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ tariffi li ma jħallux profitt (ara, f’dan ir‑rigward, is‑sentenza Danske, iċċitata fil‑punt 119 iktar ’il fuq, punti 80, 87 u 88).

122    B’hekk, b’differenza mill‑għoti finanzjarju f’din il‑kawża, li l‑uniku għan tiegħu huwa li jikkumpensa spejjeż netti tas‑servizz pubbliku tax‑xandir bl‑esklużjoni ta’ kull użu għal għanijiet kummerċjali, u li b’hekk ma jaffettwax il‑kompetizzjoni u l‑kummerċ fis‑suq tal‑bejgħ tal‑ispazji tar‑riklamar televiżivi fi grad li jmur kontra l‑interess komuni, l‑għajnuna inkwistjoni fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza Danske, iċċitata fil‑punt 119 iktar ’il fuq, taffettwa direttament il‑kompetizzjoni fis‑suq tat‑trasport.

123    Fl‑aħħar nett, għandu jitfakkar li l‑attività ta’ trasport ma tistax tiġi mqabbla mal‑attività tax‑xandir pubbliku. Fil‑fatt, għalkemm l‑attività ta’ trasport hija, bħala tali, bla dubju attività ekonomika u kompetittiva u s‑servizz pubbliku tat‑trasport huwa servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem, “SIEĠ”), min‑naħa l‑oħra, fir‑rigward tax‑xandir pubbliku, il‑kwalifikazzjoni adottata ta’ SIEĠ, iktar minn servizz ta’ interess ġenerali mhux ekonomiku, hija spjegata aħjar mill‑impatt li x‑xandir ta’ servizz pubbliku joħloq, de facto, fuq is‑settur tax‑xandir, li barra minn hekk huwa kompetittiv u kummerċjali, milli minn dimensjoni allegatament kummerċjali tax‑xandir ta’ servizz pubbliku (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/03, Ġabra p. II‑1161, punt 153).

124    Fil‑fatt, u minħabba li dan jirriżulta mill‑Protokoll ta’ Amsterdam, is‑servizz pubbliku tax‑xandir huwa “[direttament relatat] mal‑ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà”. Fl‑istess sens, ir‑riżoluzzjoni tal‑Kunsill u tal‑Istati Membri tal‑25 ta’ Jannar 1999 li tikkonċerna s‑servizz pubbliku tax‑xandir (ĠU C 30, p. 1) tirrileva li dan is‑servizz pubbliku, “fid‑dawl tal‑funzjonijiet kulturali, soċjali u demokratiċi li dan jassumi għall‑ġid komuni, huwa ta’ importanza vitali sabiex tiġi żgurata d‑demokrazija, il‑pluraliżmu, il‑koeżjoni soċjali u d‑diversità kulturali u lingwistika” (premessa B tar‑riżoluzzjoni) (sentenza SIC vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 123 iktar ’il fuq, punt 153).

125    Dawn il‑kunsiderazzjonijiet jispjegaw u jiġġustifikaw li l‑Istati Membri, permezz tal‑Protokoll ta’ Amsterdam, ftiehmu li “d‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat [KE] għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall‑kompetenza ta’ l‑Istati Membri li jipprovdu għall‑finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il‑finanzjament ikun mogħti lill‑organizzazzjonijiet tax‑xandir għat‑twettiq tal‑missjoni ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, definita u organizzata minn kull Stat Membru, u sakemm dan il‑finanzjament ma jaffettwax il‑kondizzjonijiet ta’ kummerċ u l‑kompetizzjoni fil‑Komunità sal‑punt li jkun kuntrarju għall‑interess komuni, waqt li jibqa’ jittieħed kont tat‑twettiq tal‑missjoni ta’ dak is‑servizz pubbliku”.

126    Madankollu, f’din il‑kawża, mhuwa bl‑ebda mod stabbilit li l‑Kummissjoni kellu jkollha dubji fir‑rigward tal‑għan u l‑effetti tal‑għoti finanzjarju inkwistjoni. Ma kienx hemm dubju li dan l‑għoti ngħata lil France Télévisions unikament għall‑finijiet tat‑“twettiq tal‑missjoni ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, definita u organizzata [mir‑Repubblika Franċiża]”. Barra minn hekk, ma kienx hemm dubju, fid‑dawl tal‑prekawzjonijiet meħuda fid‑deċiżjoni kkontestata biex jiġi evitat kwalunkwe sussidju inkroċjat, li dan il‑finanzjament “ma jaffettwax il‑kondizzjonijiet ta’ kummerċ u l‑kompetizzjoni fil‑Komunità sal‑punt li jkun kuntrarju għall‑interess komuni”.

127    Sussegwentement, fir‑rigward tar‑referenza li saret minn M6 matul is‑seduta, għall‑punt 249 tas‑sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 72 iktar ’il fuq, liema punt jikkonċerna r‑raba’ mill‑erba’ kundizzjonijiet definiti fil‑punti 88 sa 93 tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, iktar ’il quddiem, is‑“sentenza Altmark” u, fir‑rigward tal‑kundizzjonijiet previsti iktar ’il fuq, il‑“kundizzjonijiet Altmark”), għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il‑Kummissjoni, li din ir‑referenza minn M6 hija żbaljata.

128    Fil‑fatt, din ir‑referenza, li saret minn M6 bil‑għan li ssostni li l‑osservanza tar‑raba’ kundizzjoni Altmark tikkundizzjona l‑għoti tad‑deroga prevista fl‑Artikolu 86(2) KE, hija bbażata fuq konfużjoni bejn il‑kundizzjonijiet li jiddeterminaw il‑kwalifikazzjoni ta’ għajnuna mill‑Istat skont l‑Artikolu 87(1) KE, u dawk li jintużaw sabiex tiġi evalwata l‑kompatibbiltà ta’ għajnuna mill‑Istat abbażi tal‑Artikolu 86(2) KE.

129    F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li l‑uniku għan tal‑kundizzjonijiet Altmark huwa l‑kwalifikazzjoni tal‑miżura inkwistjoni ta’ għajnuna mill‑Istat, għall‑iskopijiet tad‑determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ obbligu ta’ notifika ta’ din il‑miżura lill‑Kummissjoni, fl‑ipoteżi ta’ għajnuna ġdida, jew ta’ kooperazzjoni ma’ din l‑istituzzjoni, fil‑każ ta’ għajnuna eżistenti (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑354/05, Ġabra p. II‑471, punti 130 u 131, u Digriet tal‑Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Novembru 2009, Andersen vs Il‑Kummissjoni, T‑87/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 57).

130    Barra minn hekk, il‑punt 249 tas‑sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 72 iktar ’il fuq, dwar ir‑raba’ kundizzjoni Altmark, jidħol preċiżament fl‑evalwazzjoni tal‑Qorti Ġenerali dwar il‑kwalifikazzjoni tal‑miżura inkwistjoni ta’ għajnuna mill‑Istat (evalwazzjoni inkluża fil‑punti 161 sa 258 tas‑sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 72 iktar ’il fuq), u mhux fl‑evalwazzjoni tal‑Qorti Ġenerali dwar l‑applikazzjoni tad‑deroga prevista fl‑Artikolu 86(2) KE (evalwazzjoni inkluża fil‑punti 259 sa 310 tas‑sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq).

131    Jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti li r‑referenza li saret minn M6 għas‑sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 72 iktar ’il fuq, tibbaża fuq konfużjoni bejn it‑test Altmark, li għandu l‑għan li jiddetermina l‑eżistenza ta’ għajnuna mill‑Istat skont l‑Artikolu 87(1) KE, u t‑test tal‑Artikolu 86(2) KE, li jippermetti l‑istabbiliment ta’ jekk miżura li tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas‑suq komuni (sentenza TF1 vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 129 iktar ’il fuq, punt 140).

132    Fir‑rigward tal‑allegazzjoni, li essenzjalment għamlet M6 matul is‑seduta, li l‑Artikolu 86(2) KE jinkludi kundizzjoni ta’ effiċjenza ekonomika fil‑provvista tas‑servizz pubbliku, għandu jiġi nnotat, fl‑ewwel lok, li din l‑allegazzjoni hija irrilevanti f’din il‑kawża u, fit‑tieni lok, hija fi kwalunkwe każ skorretta.

133    Fir‑rigward, fl‑ewwel lok, tan‑nuqqas ta’ rilevanza ta’ din l‑allegazzjoni f’din il‑kawża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l‑effiċjenza ekonomika ta’ France Télévisions fil‑provvista tas‑SIEĠ tax‑xandir mhijiex ikkontestata u lanqas mhi mqajma f’dawn ir‑rikorsi. Ma huwa, fil‑fatt, bl‑ebda mod allegat li France Télévisions tista’ tissodisfa l‑obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku b’inqas spejjeż.

134    L‑unika ħaġa kkontestata f’dawn ir‑rikorsi hija l‑effiċjenza ekonomika ta’ France Télévisions fl‑eżerċizzju ta’ attività kummerċjali – il‑bejgħ ta’ spazji tar‑riklamar televiżivi – li, għalkemm tipparteċipa fil‑finanzjament tas‑SIEĠ tax‑xandir, madankollu bl‑ebda mod ma taqa’ taħt dan is‑SIEĠ.

135    Madankollu, jekk nassumu li France Télévisions kienet, kif jallegaw ir‑rikorrenti, iżda kif tikkontesta formalment din il‑kumpannija, ekonomikament ineffiċjenti fl‑attività kummerċjali tagħha ta’ bejgħ ta’ spazji tar‑riklamar, din iċ‑ċirkustanza ma hija bl‑ebda mod ta’ natura li ċċaħħad lir‑Repubblika Franċiża mill‑kompetenza tagħha u mid‑dritt tagħha li tiggarantixxi l‑finanzjament tas‑SIEĠ tax‑xandir (ara l‑punti 104 sa 109 iktar ’il fuq), kemm‑il darba jkunu ttieħdu prekawzjonijiet suffiċjenti li jippermettu l‑esklużjoni raġonevoli ta’ kull riskju ta’ sussidju inkroċjat tal‑attività kummerċjali (ara l‑punti 110 sa 117 iktar ’il fuq).

136    Fir‑rigward, fit‑tieni lok, tal‑kwistjoni dwar jekk l‑Artikolu 86(2) KE jinkludix kundizzjoni ta’ effiċjenza ekonomika tal‑operatur reponsabbli mis‑servizz pubbliku fil‑provvista ta’ dan is‑servizz, għandu jiġi rrilevat li, skont dik id‑dispożizzjoni, l‑impriżi inkarigati mill‑amministrazzjoni ta’ SIEĠ huma suġġetti għar‑regoli tal‑kompetizzjoni safejn l‑applikazzjoni ta’ dawn ir‑regoli ma tostakolax it‑twettiq de jure jew de facto tal‑missjoni partikolari fdata lilhom, bil‑kundizzjoni li l‑iżvilupp tal‑kummerċ ma jkunx affettwat sa grad li jmur kontra l‑interess tal‑Komunità (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tad‑19 ta’ Marzu 1991, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑202/88, Ġabra p. I‑1223, punt 11; tat‑23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑157/94, Ġabra p. I‑5699, punt 28; tal‑21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra p. I‑5751, punt 102, u tas‑17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C‑340/99, Ġabra p. I‑4109, punt 52).

137    Meta jkunu permessi, f’ċerti ċirkustanzi, derogi mir‑regoli ġenerali tat‑Trattat, l‑Artikolu 86(2) KE jfittex li jirrikonċilja l‑interess tal‑Istati Membri li jużaw ċerti impriżi, b’mod partikolari fis‑settur pubbliku, bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali, mal‑interess tal‑Komunità li tiżgura konformità mar‑regoli dwar il‑kompetizzjoni u l‑protezzjoni tal‑unità tas‑suq komuni (sentenzi Franza vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 136 iktar ’il fuq, punt 12; Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, iċċitata fil‑punt 136 iktar ’il fuq, punt 39, u Albany, iċċitata fil‑punt 136 iktar ’il fuq, punt 103).

138    Għandu jitfakkar li mhuwiex neċessarju, sabiex il‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 86(2) KE jiġu sodisfatti, li l‑bilanċ finanzjarju jew il‑vijabbiltà ekonomika tal‑impriża inkarigata mill‑amministrazzjoni ta’ SIEĠ ikunu mhedda. Huwa biżżejjed li, fin‑nuqqas tad‑drittijiet inkwistjoni, ma jkunx possibbli għall‑impriża li twettaq funzjonijiet partikolari fdati lilha, kif definiti mill‑obbligi u r‑restrizzjonijiet imposti fuqha jew li ż‑żamma ta’ dawk id‑drittijiet tkun neċessarja biex min hu intitolat għalihom ikun jista’ jwettaq il‑funzjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li ġew assenjati lilu taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabli (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, iċċitata fil‑punt 136 iktar ’il fuq, punti 52 u 53; Albany, iċċitata fil‑punt 136 iktar ’il fuq, punt 107; TNT Traco, iċċitata fil‑punt 136 iktar ’il fuq, punt 54, u tal‑15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain, C‑162/06, Ġabra p. I‑9911, punt 35; ara wkoll, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tad‑19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C‑320/91, Ġabra p. I‑2533, punti 14 sa 16).

139    Barra minn hekk, il‑Kummissjoni, fin‑nuqqas – bħal f’din il‑kawża – ta’ regolament Komunitarju armonizzat f’dan is‑suġġett, mhijiex kapaċi tiddeċiedi dwar il‑limitu tal‑missjonijiet ta’ servizz pubbliku fdati lill‑operatur pubbliku, jiġifieri l‑livell tal‑ispejjeż marbutin ma’ dan is‑servizz, u lanqas dwar l‑opportunità tal‑għażliet politiċi meħudin, f’dan ir‑rigward, mill‑awtoritajiet nazzjonali, u lanqas fuq l‑effiċjenza ekonomika tal‑operatur pubbliku (ara, f’dan is‑sens, il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Tesauro fis‑sentenza Corbeau, iċċitata fil‑punt 138 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑2548, punt 16, u tal‑Avukat Ġenerali Tizzano fis‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑22 ta’ Novembru 2001, Ferring, C‑53/00, Ġabra p. I‑9067, I‑9069, punt 51; sentenza tal‑Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il‑Kummissjoni, T‑106/95, Ġabra p. II‑229, punt 108).

140    Minn dan isegwi li l‑kwistjoni dwar jekk impriża inkarigata mis‑SIEĠ tax‑xandir tistax tissodisfa l‑obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku bl‑inqas spiża hija irrilevanti għall‑evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà tal‑finanzjament mill‑Istat ta’ dan is‑servizz fir‑rigward tar‑regoli Komunitarji dwar l‑għajnuniet mill‑Istat. L‑għan tal‑Artikolu 86(2) KE huwa, permezz tal‑evalwazzjoni tal‑proporzjonalità tal‑għajnuna, li jipprevjeni li l‑operatur inkarigat mis‑SIEĠ jibbenefika minn finanzjament li jaqbeż l‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku.

141    Jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti li mhux biss l‑effiċjenza ekonomika ta’ France Télévisions fil‑provvista tas‑SIEĠ tax‑xandir mhijiex inkwistjoni f’din il‑kawża (ara l‑punti 133 sa 135 iktar ’il fuq), iżda din l‑effiċjenza ekonomika hija, fi kwalunkwe każ, irrilevanti għall‑evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà tal‑għoti finanzjarju mas‑suq komuni skont l‑Artikolu 86(2) KE.

142    Fl‑aħħar nett, fir‑rigward tal‑kritiki tar‑rikorrenti bbażati fuq it‑tul tal‑proċedura ta’ investigazzjoni preliminari u l‑fatt li l‑Kummissjoni għamlet kuntatt wieħed biss mal‑awtoritajiet Franċiżi (ara l‑punt 41 iktar ’il fuq), dawn iċ‑ċirkustanzi bl‑ebda mod ma jikkostitwixxu indikazzjoni tal‑eżistenza ta’ diffikultà serja, iżda pjuttost jirriflettu, kif tenfasizza l‑Kummissjoni, il‑fatt li l‑eżami tal‑kompatibbiltà mas‑suq komuni tal‑miżura nnotifikata f’din il‑kawża ma jqajjem l‑ebda diffikultà partikolari.

143    Fin‑nuqqas ta’ diffikultajiet gravi ta’ evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mas‑suq komuni, ebda dispożizzjoni li tirriżulta mit‑Trattat jew minn regola oħra ta’ dritt ma kienet timponi lill‑Kummissjoni sabiex tipproċedi b’mod differenti minn kif għamlet fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ investigazzjoni preliminari tal‑Artikolu 88(3) KE, u lanqas, b’mod partikolari, li tisma’ lill‑partijiet ikkonċernati kif kellha tagħmel kieku bdiet il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali abbażi tal‑Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 72 iktar ’il fuq, punt 90). Għaldaqstant ir‑rikorrenti huma żbaljati meta jallegaw li, billi naqset milli tikkonsulta l‑partijiet interessati, il‑Kummissjoni ma osservatx il‑prinċipju ta’ kontradittorju.

144    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, li minnhom jirriżulta li l‑evalwazzjoni tal‑miżura nnotifikata ma qajmet, fid‑dawl tal‑informazzjoni suffiċjenti li kellha l‑Kummissjoni, ebda diffikultà serja, għandhom jinċaħdu dawn il‑motivi.

 Fuq it‑tielet motiv ta’ M6 u t‑tieni motiv ta’ TF1, li jirriżultaw minn ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

 L‑argumenti tal‑partijiet

145    TF1, sostnuta minn Canal +, tenfasizza li, minħabba li l‑Kummissjoni kienet naqset milli tiġbor l‑informazzjoni neċessarja u tikkunsidra l‑informazzjoni li kellha diġà, hemm lakuni fil‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata.

146    Barra minn hekk, huma jsostnu li l‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata dwar is‑sostituzzjoni ta’ riżorsi pubbliċi mar‑riżorsi kummerċjali ta’ France Télévisions għat‑totalità tat‑telf tad‑dħul mir‑riklamar huwa inadegwat u insuffiċjenti. Fil‑fatt, jirriżulta mill‑pożizzjonijiet preċedenti tal‑Kummissjoni li jistgħu jitnaqqsu biss mill‑ispejjeż grossi ta’ servizz pubbliku l‑profitti netti direttament jew indirettament marbutin mat‑twettiq tas‑servizz pubbliku [ara l‑punt 57 tal‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir u l‑punt 123 tad‑Deċiżjoni 2004/339/KE tal‑Kummissjoni, tal‑15 ta’ Ottubru 2003, dwar il‑miżuri implementati mill‑Italja fir‑rigward tar‑RAI SpA (ĠU 2004, L 119, p. 1, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni RAI”)]. Id‑dħul kummerċjali mhux marbut mas‑servizz pubbliku għandu jkun riżervat għall‑attivitajiet kummerċjali u ma jistax jitnaqqas mill‑ħlasijiet grossi tas‑servizz pubbliku. Madankollu, id‑dikjarazzjoni li t‑tnaqqis tar‑riżorsi privati jżid “awtomatikament u proporzjonalment” l‑ispiża netta tal‑attività tas‑servizz pubbliku tinjora din id‑distinzjoni.

147    Fir‑replika tagħha, TF1 tippreċiża li, inkwantu l‑kunċett ta’ dħul kummerċjali jirreferi għal fatturat u mhux għal profitt nett tal‑ħlasijiet kummerċjali, il‑Kummissjoni, permezz tal‑pożizzjoni mfakkra fil‑punt preċedenti, tidher li taċċetta, b’differenza mill‑pożizzjonijiet preċedenti tagħha, li l‑għoti inkwistjoni jista’ jikkumpensa mhux biss għaż‑żieda tal‑ispiża netta tas‑servizz pubbliku, iżda, fil‑verità, għal spejjeż kummerċjali wkoll.

148    Id‑deċiżjoni kkontestata għalhekk mhijiex motivata biżżejjed f’dak li jikkonċerna din il‑bidla apparenti fl‑approċċ tal‑Kummissjoni b’relazzjoni mal‑prattika preċedenti tagħha, u lanqas mhi motivata biżżejjed f’dak li jikkonċerna n‑nuqqas ta’ riskju ta’ sussidju inkroċjat. Dan il‑ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ diffikultà serja.

149    M6, sostnuta minn Canal +, min‑naħa tagħha, tenfasizza li d‑deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda kunsiderazzjoni ta’ natura li tistabbilixxi l‑eżattezza tad‑dikjarazzjoni li “d‑dikjarazzjoni tat‑8 ta’ Jannar 2008 u l‑konferma tat‑tneħħija eventwali tar‑riklami kellhom impatt immedjat fuq il‑finanzi ta’ France Télévisions”. Lil hinn minn deskrizzjoni tal‑“effett ta’ dikjarazzjoni” u tat‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar, id‑deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda spjegazzjoni ekonomika tar‑rabta kawżali diretta bejn id‑dikjarazzjoni tat‑8 ta’ Jannar 2008 u r‑riżultati ħżiena tar‑riklamar ta’ France Télévisions. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

150    Fl‑istess sens, l‑affermazzjoni li tinsab fil‑punt 27 tad‑deċiżjoni kkontestata, li “l‑għoti nnotifikat jidher […] iktar bħala kumpens għall‑effett tad‑dikjarazzjoni tal‑irtirar mis‑suq tar‑riklamar li saret mill‑Istat regolatur milli opportunità ta’ investiment meħuda mill‑Istat azzjonist”, liema affermazzjoni mhijiex sostnuta u tinsab ’il bogħod mill‑veritajiet tas‑suq tar‑riklamar fi Franza, tikkonferma n‑nuqqas, fid‑deċiżjoni kkontestata, ta’ evalwazzjoni dettaljata tal‑kawżi veri tat‑telf ta’ dħul mir‑riklami ta’ France Télévisions. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

151    Fir‑rigward tal‑affermazzjoni inkluża fil‑punt 9 tad‑deċiżjoni kkontestata rigward ir‑reazzjoni tal‑kompetituri li adattaw l‑offerta kummerċjali tagħhom sabiex jirbħu lil min irid jirriklama mingħand France Télévisions, din mhux talli hija żbaljata, iżda lanqas mhi ġustifikata, u hija xhieda tal‑informazzjoni ħażina li kellha l‑Kummissjoni u tan‑natura superfiċjali tal‑analiżi tagħha.

152    Il‑Kummissjoni għalhekk naqset mill‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Il‑ksur ta’ dan l‑obbligu jixhed l‑eżistenza ta’ diffikultajiet gravi li kellhom jobbligaw lill‑Kummissjoni tibda l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali.

153    Il‑Kummissjoni, sostnuta mir‑Repubblika Franċiża u minn France Télévisions, targumenta li d‑deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit‑terminu tal‑fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal‑għajnuniet mill‑Istat, li għandha biss bħala għan li tippermetti lill‑Kummissjoni li tifforma l‑ewwel opinjoni dwar il‑kompatibbiltà parzjali jew totali tal‑għajnuna kkonċernata, mingħajr ma tinbeda l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali. Madankollu, skont il‑Kummissjoni, tali deċiżjoni, meħuda f’termini qosra, għandha tinkludi biss ir‑raġunijiet li abbażi tagħhom hija jidhrilha li m’hemmx diffikultajiet gravi ta’ evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mas‑suq komuni. Din id‑deċiżjoni teħtieġ biss motivazzjoni fil‑qosor.

154    Il‑Kummissjoni tenfasizza li fir‑rigward tal‑kuntest tad‑deċiżjoni kkontestata, din seħħet wara żewġ deċiżjonijiet oħra favorevoli li permezz tagħhom hija stmat li sussidji ta’ investiment u għoti ta’ kapital għall‑profitt tal‑istazzjonijiet ta’ France Télévisions jikkostitwixxu għajnuniet kompatibbli mas‑suq komuni. Għalkemm l‑għoti eżaminat f’din il‑kawża huwa distint minn dawn il‑miżuri preċedenti, huwa madankollu jinsab fil‑kuntest ġenerali tal‑finanzjament pubbliku ta’ France Télévisions eżaminat f’dawn id‑deċiżjonijiet. Minħabba dan, il‑Kummissjoni tindika li kellha bażi perfetta biex ikollha, f’din il‑kawża, motivazzjoni iktar konċiża minn dik li kienet tipproduċi fin‑nuqqas ta’ deċiżjonijiet preċedenti.

155    Fi kwalunkwe każ, id‑deċiżjoni kkontestata tinkludi l‑elementi kollha neċessarji tar‑raġunament tal‑Kummissjoni u tissodisfa perfettament ir‑rekwiżiti tal‑Artikolu 253 KE.

156    Fir‑rigward tal‑argument ta’ TF1 li, meta l‑Kummissjoni tkun allegatament naqset milli tiġbor l‑informazzjoni neċessarja u tikkunsidra l‑informazzjoni li kellha diġà, il‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata tista’ tkun biss lakunarja, il‑Kummissjoni tikkonstata li dan l‑argument jikkonfondi kwistjoni sostantiva ma’ kwistjoni proċedurali. Il‑Kummissjoni esprimiet b’mod ċar ir‑raġunament tagħha fid‑deċiżjoni kkontestata, li TF1 ma kkontestatx, u din tal‑aħħar allegat biss li r‑raġunament kien ibbażat fuq informazzjoni insuffiċjenti u mhux konvinċenti. Madankollu, dan jirrigwarda kwistjoni sostantiva u mhux ta’ motivazzjoni, li l‑Kummissjoni diġà ssodisfat fil‑kuntest tal‑ewwel motiv.

157    Rigward l‑argument li permezz tiegħu TF1 tikkritika lill‑Kummissjoni li kkunsidrat li kull telf tad‑dħul mir‑riklamar (inkluż dħul ipotetiku mhux marbut mas‑servizz pubbliku) jirriżulta f’żieda tal‑ispiża netta tas‑servizz pubbliku, filwaqt li t‑telf ta’ dħul mir‑riklamar marbut mas‑servizz pubbliku biss jista’ jirriżulta f’tali żieda, il‑Kummissjoni tenfasizza li huwa ċar li t‑tnaqqis osservat kien dak tad‑dħul kummerċjali marbut mat‑twettiq tas‑servizz pubbliku. Fil‑fatt, jirriżulta mid‑deċiżjoni kkontestata li l‑għajnuna eżaminata kellha l‑għan li tikkumpensa għat‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions (kif ukoll għaż‑żieda fl‑ispejjeż tas‑servizz pubbliku). Dan id‑dħul jirriżulta mix‑xandir ta’ riklami bejn il‑programmi ta’ France Télévisions u dawn il‑programmi jirriżultaw mill‑missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ France Télévisions, hekk kif jirriżulta wkoll mill‑punt 36 tad‑deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant l‑ispjegazzjoni allegatament nieqsa tirriżulta mill‑provi u l‑Kummissjoni ma tarax għaliex kien meħtieġ li tiġi motivata ulterjorment id‑deċiżjoni kkontestata.

158    Fir‑rigward tal‑kritika ta’ TF1 li l‑Kummissjoni kkonfondiet dħul kummerċjali u profitt kummerċjali nett, b’hekk illi ma kinitx protetta biżżejjed kontra r‑riskju ta’ sussidji inkroċjati u tbiegħedet mill‑prattika preċedenti tagħha, il‑Kummissjoni tenfasizza li xejn ma kien jagħti lok għal tħassib li l‑ħlasijiet kummerċjali ta’ France Télévisions setgħu jonqsu b’mod sinjifikattiv fl‑2008, u li anki fl‑ipoteżi li France Télévisions tissepara ruħha parzjalment mill‑persunal tagħha għall‑attivitajiet kummerċjali, dan kien jippreżenta, fuq medda ta’ żmien qasir, spiża addizzjonali. Il‑fatt li l‑Kummissjoni ma spekulatx, matul l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, dwar il‑bidliet ipotetiċi fit‑tnaqqis tal‑ispejjeż ta’ amministrazzjoni tar‑riklami fil‑futur, ma jaffettwax il‑legalità tad‑deċiżjoni kkontestata u ma jikkontradixxix l‑approċċ adottat mill‑Kummissjoni fid‑deċiżjonijiet preċedenti tagħha.

159    Fl‑aħħar nett, għandu jitfakkar li l‑bżonn ta’ finanzjament ta’ France Télévisions għall‑2008 irriżulta minħabba tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar, stmat għal EUR 150 miljun, u minn żieda fl‑ispejjeż ta’ programmazzjoni, stmata għal iktar minn EUR 145 miljun, jiġifieri total ta’ EUR 300 miljun, filwaqt li l‑għoti nnotifikat ammonta għal EUR 150 miljun. Fir‑rigward ta’ dawn l‑ammonti kbar, kien għalhekk previst biss li jiġi kkumpensat nofs iż‑żieda tal‑ispiża netta ta’ servizz pubbliku ta’ France Télévisions. Fir‑rigward ta’ dawn l‑ammonti kbar, l‑ispejjeż marbutin mal‑attivitajiet kummerċjali ta’ France Télévisions kienu, xorta waħda, limitati u l‑evoluzzjoni tagħhom fuq medda ta’ żmien qasir kienet perfettament negliġibbli.

160    Fir‑rigward tal‑argument ta’ M6 li hija ma evalwatx preċiżament il‑kundizzjonijiet konkreti li wasslu għat‑telf fid‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions, il‑Kummissjoni tenfasizza li ma kienx essenzjali, għall‑għanijiet tad‑deċiżjoni kkontestata, li tfittex il‑kawżi preċiżi ta’ dan it‑telf.

161    F’dak li jikkonċerna l‑motivazzjoni tal‑punt 9 tad‑deċiżjoni kkontestata, dwar il‑kawżi tat‑tnaqqis fid‑dħul mir‑reklamar ta’ France Télévisions, l‑elementi kkontestati minn M6 huma inċidentali fl‑iskema ġenerali tad‑deċiżjoni kkontestata.

162    Fir‑rigward tal‑kritika ta’ M6 tal‑motivazzjoni tal‑punt 27 tad‑deċiżjoni kkontestata, dwar il‑kriterju tal‑investitur privat fl‑ekonomija tas‑suq, il‑Kummissjoni tindika li għandha dubji dwar is‑sens preċiż ta’ din il‑kritika u tenfasizza li dan il‑punt tad‑deċiżjoni kkontestata fih biss argumenti ta’ sens komun, li M6 bl‑ebda mod ma turi n‑natura żbaljata tiegħu.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

163    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑motivazzjoni mitluba permezz tal‑Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan‑natura tal‑att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r‑raġunament tal‑istituzzjoni li tkun adottat l‑att b’tali mod li tippermetti lill‑persuni kkonċernati li jkunu jafu l‑ġustifikazzjoni tal‑miżura adottata u lill‑qorti kompetenti li teżerċita l‑istħarriġ tagħha. Ir‑rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ‑ċirkustanzi tal‑każ, b’mod partikolari skont il‑kontenut tal‑att, in‑natura tal‑motivi invokati u l‑interess li d‑destinatarji tal‑att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill‑att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l‑motivazzjoni tispeċifika l‑elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, inkwantu l‑kwistjoni jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir‑rekwiżiti tal‑Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid‑dawl tal‑formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fil‑kuntest tagħha kif ukoll fid‑dawl tar‑regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il‑qasam ikkonċernat (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punti 35 u 36, u tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Regie Networks, C‑333/07, Ġabra p. I‑10807, punt 63; sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Ottubru 1996, Skibsvaerftsforeningen et vs Il‑Kummissjoni, T‑266/94, Ġabra p. II‑1399, punt 230).

164    Fir‑rigward tal‑argument ta’ TF1 (ara l‑punt 145 iktar ’il fuq) li l‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata hija lakunarja minħabba li l‑Kummissjoni naqset milli tiġbor l‑informazzjoni neċessarja u tikkunsidra dik li kellha diġà, dan l‑argument għandu jiġu miċħud, minħabba li huwa konfuż, fil‑verità, mal‑kritiki sostantivi li jiddenunzjaw l‑allegata insuffiċjenza tal‑informazzjoni u tal‑investigazzjoni tal‑Kummissjoni, diġà mwarrba fil‑kuntest tal‑eżami tal‑motivi preċedenti ta’ annullament.

165    Fir‑rigward tal‑argument ta’ TF1 (ara l‑punti 146 u 147 iktar ’il fuq) li l‑Kummissjoni, mingħajr motivazzjoni, warrbet il‑prattika preċedenti tagħha meta aċċettat sostituzzjoni ta’ riżorsi pubbliċi mar‑riżorsi kummerċjali għat‑totalità tat‑telf mir‑riklamar ta’ France Télévisions, għandu jitfakkar li l‑osservanza tal‑kriterju ta’ proporzjonalità jirrikjedi “li l‑għajnuniet mill‑Istat ma jaqbżux l‑ispejjeż netti kkawżati mill‑missjoni ta’ servizz pubbliku, fid‑dawl tad‑dħul dirett jew indirett l‑ieħor li jirriżulta minn din tal‑aħħar” (punt 57 tal‑komunikazzjoni dwar ix‑xandir). Il‑Kummissjoni tgħid ukoll li “huwa għalhekk li l‑profitti netti li l‑attivitajiet kummerċjali jiksbu mis‑servizz pubbliku jittieħdu inkunsiderazzjoni għall‑evalwazzjoni tal‑proporzjonalità tal‑għajnuna” (punt 57 tal‑komunikazzjoni msemmija). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

166    Fl‑istess sens, il‑Kummissjoni, fid‑deċiżjoni RAI, indikat li “l‑kumpens huwa aċċettat biss għall‑ispejjeż netti marbutin mal‑funzjonament ta’ servizz pubbliku”, u li “dan ifisser li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni dħul dirett jew indirett li jirriżulta mis‑servizz pubbliku […], jeħtieġ jiġi konkluż, pereżempju, id‑dħul mir‑rekalmar nett miksub matul ix‑xandir mill‑ġdid ta’ programmi li jirriżultaw mis‑servizz pubbliku kif ukoll mix‑xandir mill‑ġdid ta’ programmi li jirriżultaw mill‑kummerċjalizzazzjoni ta’ dan it‑tip ta’ programmi” (punt 123 tad‑deċiżjoni RAI). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

167    Inkwantu, fl‑ewwel lok, li l‑argument ta’ TF1 ippreżentat iktar ’il fuq jibbaża fuq il‑pożizzjoni li d‑dħul kummerċjali mhux marbut mas‑servizz pubbliku ma jirriżultax mill‑ħlasijiet grossi tas‑servizz pubbliku, li bħala korollarju għandu li t‑tnaqqis ta’ tali dħul kummerċjali ma jistax ikollu bħala effett li jżid l‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku (ara l‑punt 146 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t‑tnaqqis fid‑dħul kummerċjali kkonstatat f’din il‑kawża jikkonċerna dħul marbut mas‑servizz pubbliku, minħabba li dan kien jirrigwarda dħul li rriżulta mill‑bejgħ ta’ spazji tar‑riklamar imdaħħlin fil‑programmazzjoni ta’ servizz pubbliku mxandar minn France Télévisions. Il‑Kummissjoni għalhekk bl‑ebda mod ma tbiegħdet mill‑prattika preċedenti tagħha meta kkunsidrat li t‑tnaqqis fid‑dħul mir‑riklamar ta’ France Télévisions ikkawża żieda fl‑ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku.

168    Inkwantu, fit‑tieni lok, permezz tal‑argument ippreżentat iktar ’il fuq, hekk kif ifformulat fir‑replika (ara l‑punt 147 iktar ’il fuq), TF1 tikkritika lill‑Kummissjoni li kkonfondiet il‑kunċett ta’ dħul kummerċjali ma’ dak ta’ profitt nett u li allura aċċettat, waqt li warrbet il‑prattika preċedenti tagħha mingħajr spjegazzjoni, li l‑għoti nnotifikat jista’ jikkumpensa l‑ispejjeż kummerċjali, diġà ġie kkonstatat (ara l‑punti 90 u 91 iktar ’il fuq) li l‑Kummissjoni ma kkonfondietx il‑kunċetti msemmija iktar ’il fuq, iżda kkunsidrat, essenzjalment, li t‑tnaqqis fid‑dħul kummerċjali fl‑2008 ma kien akkumpanjat minn ebda varjazzjoni fil‑ħlasijiet kummerċjali ta’ daqs li jista’ jostakola l‑istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn it‑tnaqqis fid‑dħul imsemmi u dak tal‑profitt nett u, għalhekk, bejn it‑tnaqqis fid‑dħul u ż‑żieda tal‑ispejjeż netti tas‑servizz pubbliku. Fid‑dawl ta’ din l‑evalwazzjoni, il‑Kummissjoni ma ddevjatx mill‑prattika preċedenti tagħha.

169    Jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti li, peress li l‑Kummissjoni b’ebda mod ma ddevjat mill‑prattika preċedenti tagħha, l‑argument ta’ TF1 li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir‑rigward għandu jiġi miċħud bħala bbażat fuq premessa żbaljata.

170    Fir‑rigward tal‑argumenti (ara l‑punti 149 sa 151 iktar ’il fuq) li permezz tagħhom M6 tiddenunzja, essenzjalment, in‑natura insuffiċjenti tal‑eżami tal‑kawżi preċiżi tat‑tnaqqis fid‑dħul mir‑reklamar u n‑natura żbaljata u mhux ġustifikata tad‑dikjarazzjoni tal‑Kummissjoni fil‑punt 9 tad‑deċiżjoni kkontestata rigward ir‑reazzjoni tal‑kompetituri għad‑dikjarazzjoni tat‑8 ta’ Jannar 2008, għandu jiġi nnotat li dawn l‑argumenti huma konfużi, essenzjalment, mal‑kritiki mressqa fil‑kuntest tal‑motivi preċedenti ta’ annullament u li diġà ġew miċħuda.

171    Jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti li dawn il‑motivi ta’ annullament, li jirriżultaw mill‑ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, għandhom jiġu miċħuda.

172    Minħabba li r‑rikorrenti tilfu l‑motivi kollha tagħhom, dawn ir‑rikorsi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l‑ispejjeż

173    Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l‑Artikolu 87(4) tal‑istess Regoli, l‑Istati Membri li jintervjenu fil‑kawża għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom.

174    Peress li r‑rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu l‑ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal‑Kummissjoni u ta’ France Télévisions, kif mitlub minn dawn tal‑aħħar.

175    Canal +, li interveniet insostenn tal‑konklużjonijiet tar‑rikorrenti, kif ukoll ir‑Repubblika Franċiża, li interveniet insostenn tal‑konklużjonijiet tal‑Kummissjoni, għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il‑motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir‑rikorsi huma miċħuda.

2)      Métropole télévision (M6) hija kkundannata tbati l‑ispejjeż tagħha fil‑Kawża T‑568/08 kif ukoll dawk sostnuti mill‑Kummissjoni Ewropea u minn France Télévisions f’din il‑kawża.

3)      Télévision française 1 SA (TF1) hija kkundannata tbati l‑ispejjeż tagħha fil‑Kawża T‑573/08 kif ukoll dawk sostnuti mill‑Kummissjoni Ewropea u France Télévisions f’din il‑kawża.

4)      Ir‑Repubblika Franċiża u Canal + għandhom ibatu, kull wieħed minnhom, l‑ispejjeż tagħhom fil‑Kawżi T‑568/08 u T‑573/08.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil‑miftuħ fil‑Lussemburgu, fl‑1 ta’ Lulju 2010.

Firem


1 Lingwa tal‑kawża: il‑Franċiż.