Language of document : ECLI:EU:T:2019:81

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

12 ta’ Frar 2019 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kompetizzjoni – Akkordji – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Multi – Sentenza li tannulla parzjalment id-deċiżjoni – Rimbors tal-ammont prinċipali tal-multa – Interessi moratorji – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi – Rabta kawżali – Dannu – Artikolu 266 TFUE – It-tieni sentenza tal-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012”

Fil-Kawża T-201/17,

Printeos, SA, stabbilita f’Alcalá de Henares (Spanja), irrappreżentata minn H. Brokelmann u P. Martínez-Lage Sobredo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Dintilhac u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-kumpens ta’ dannu li jirriżulta mir-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas lir-rikorrenti interessi moratorji fuq l-ammont prinċipali ta’ multa li ġiet irrimborsata wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha C(2014) 9295 finali tal-10 ta’ Diċembru 2014 rigward proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (AT.39780 – Envelops), permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), u, sussidjarjament, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2017 dwar ir-rifjut tal-imsemmi rimbors,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz (Relatur), I. S. Forrester, N. Półtorak u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi tal-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bid-deċiżjoni tagħha C(2014) 9295 finali tal-10 ta’ Diċembru 2014 rigward proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (AT.39780 – Envelopsijiet) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2014”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li, b’mod partikolari, ir-rikorrenti Printeos SA, kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipat, matul il-perijodu bejn it-8 ta’ Ottubru 2003 u t-22 ta’ April 2008, f’akkordju konkluż u implimentat fis-suq Ewropew tal-envelopsijiet standard disponibbli f’katalgu u ta’ envelopsijiet speċjali stampati, inkluż fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Isvezja, fir-Renju Unit u fin-Norveġja. Din id-deċiżjoni ġiet adottata fi tmiem proċedura ta’ riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1).

2        Fir-rigward tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni tal-2014, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti, flimkien u in solidum ma wħud mis-sussidjarji tagħha, multa ta’ EUR 4 729 000 (Artikolu 2(1)(e) tal-imsemmija deċiżjoni).

3        Skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni, il-multa kellha titħallas fi żmien tliet xhur dekorribbli min-notifika tagħha.

4        L-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni tal-2014 jipprovdi kif ġej:

“Wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, huma awtomatikament eżiġibbli interessi bir-rata applikabbli mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tax-xahar li matul tiegħu ġiet adottata din id-Deċiżjoni, b’żieda ta’ 3.5 punti perċentwali. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Meta impriża msemmija fl-Artikolu 1 tippreżenta rikors, din l-impriża għandha tkopri l-ammont tal-multa sad-data tal-iskadenza billi tipprovdi garanzija finanzjarja aċċettabbli jew billi tagħmel ħlas provviżorju tal-multa skont l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1).”

5        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni tal-2014 huwa bbażat fuq l-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, li taħt it-titolu “Imgħax awtomatiku”, jipprovdi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“1.      [K]walunkwe ammont riċevibbli li ma jitħallasx lura fid-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) jeħel imgħax skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2.      Ir-rata tal-imgħax għall-ammonti riċevibbli li ma jitħallsux lura fid-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih tkun id-data tal-għeluq, u miżjuda hekk:

[…]

b)      bi tliet punti perċentwali u nofs fil-każijiet l-oħrajn kollha.

[…]

4.      Fil-każ tal-multi, meta d-debitur jipprovdi garanzija finanzjarja li tiġi aċċettata mill-uffiċjal tal-kontabilità minflok ħlas, ir-rata tal-imgħax applikabbli mid-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) tkun ir-rata msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fis-seħħ mill-ewwel jum tax-xahar li fih tkun ġiet adottata d-deċiżjoni li timponi multa u miżjuda biss b’punt perċentwali u nofs.”

6        L-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 huwa bbażat fuq l-Artikolu 78(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), li jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti delegati konformement mal-Artikolu 210 tal-istess regolament fir-rigward tal-istabbiliment ta’ regoli dettaljati dwar, b’mod partikolari, interessi moratorji.

7        L-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni tal-2014 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), jipprovdi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“1.      Meta tittieħed azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa jew pieni oħra skont it-TFUE jew it-Trattat tal-Euratom u sa dak iż-żmien li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha, id-debitur iħallas provviżorjament l-ammonti kkonċernati fil-kont bankarju nnominat mill-uffiċjal tal-kontabilità jew inkella jipprovdi garanzija finanzjarja li tkun aċċettabbli għall-uffiċjal tal-kontabilità. Il-garanzija tkun indipendenti mill-obbligu ta’ ħlas tal-multa jew tal-pieni jew ta’ pieni oħra u għandha tkun infurzabbli mal-ewwel sejħa. Hija tkopri t-talba fir-rigward tas-somma kapitali ewlenija u l-imgħax dovut kif speċifikat fl-Artikolu 83(4).

2.      Il-Kummissjoni tiżgura l-ammonti mħallsa provviżorjament billi tara li dawn jiġu investiti f’assi finanzjarji sabiex b’hekk jiġu żgurati s-sigurtà u l-likwidità tal-flejjes, filwaqt li timmira wkoll li tipproduċi redditu pożittiv.

[…]

4.      Wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha u l-multi jew il-pieni jkunu tħassru jew tnaqqsu, tittieħed kwalunkwe waħda mill-miżuri li ġejjin:

a)      l-ammonti indebitament miġbura flimkien mal-imgħax iġġenerat jitħallsu lura lill-parti terza kkonċernata. F’każijiet fejn ir-redditu globali ġġenerat għall-perjodu rilevanti kien wieħed negattiv, il-valur nominali tal-ammonti indebitament miġbura jitħallas lura;

b)      meta tkun ġiet ipprovduta garanzija finanzjarja, din tal-aħħar tiġi rilaxxata kif xieraq.”

8        L-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 huwa bbażat fuq l-Artikolu 83(4) tar-Regolament Finanzjarju li jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti delegati konformement mal-Artikolu 210 tal-istess regolament fir-rigward tal-istabbiliment ta’ regoli dettaljati fil-qasam tal-ammonti rċevuti permezz ta’ multi, ta’ sanzjonijiet u ta’ interessi dovuti.

9        Id-deċiżjoni tal-2014 ġiet innotifikata lir-rikorrenti fil-11 ta’ Diċembru 2014.

10      B’messaġġ elettroniku tas-16 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni fakkret lir-rikorrenti li l-multa imposta fuqha kellha tiġi koperta fi żmien tliet xhur dekorribbli min-notifika tal-imsemmija deċiżjoni u li, fil-każ li hija tiddeċiedi li tippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, hija kellha tipprovdi garanzija bankarja suffiċjenti jew inkella tħallas il-multa provviżorjament.

11      Ma’ dan il-messaġġ elettroniku kien hemm mehmuża nota intitolata “Information Note on Provisionally Paid or Guaranteed Fines” (Nota ta’ informazzjoni dwar il-multi li jkunu s-suġġett ta’ ħlas provviżorju jew ta’ garanzija) tal-20 ta’ Lulju 2002. F’din in-nota, ġie indikat, fost l-oħrajn, dan li ġej:

“Skont l-Artikolu 85a tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 [tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 145)], l-awditur għandu jiġbor provviżorjament l-ammont tal-multi li huma s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mill-kumpannija kkonċernata jew jitlobha tipprovdi garanzija. Wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha, l-ammonti miġbura provviżorjament u l-interessi li dawn ikunu ġġeneraw għandhom jiddaħħlu fil-baġit jew għandhom jitħallsu lura totalment jew parzjalment lill-impriża kkonċernata.

[…]

Fil-każ ta’ multi imposti mill-Kummissjoni b’effett mill-2010, din tal-aħħar ser tinvesti l-ammonti mħallsa provviżorjament f’fond magħmul minn portafoll ta’ assi li l-esponiment għar-riskju tagħhom huwa limitat għal dak relatat ma’ krediti sovrani ta’ kwalità għolja ta’ perijodu residwali massimu ta’ [sentejn], u li ser ikun ġestit mis-servizzi tal-Kummissjoni.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-multa, totalment jew parzjalment, il-Kummissjoni ser tirrimborsa kif xieraq l-ammont tal-multa, kollu jew parzjalment, flimkien ma’ redditu ggarantit.

Ir-redditu ggarantit huwa bbażat fuq il-prestazzjoni tal-indiċi referenzjarju speċifiku, kkalkolat għall-perijodu tal-investiment. […]”

12      L-Artikolu 85a tar-Regolament Nru 2342/2002 jipprovdi fost l-oħrajn:

“1.      Fejn tinġieb azzjoni quddiem qorti tal-Komunità kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa, pagament perjodiku ta’ penalità jew penalità oħra taħt it-Trattat tal-KE jew it-Trattat Euratom u sa tali żmien li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jiġbor b’mod provviżorju mid-debitur l-ammonti kkonċernati jew jitolbu jipprovdi garanzija finanzjarja. Il-garanzija mitluba għandha tkun indipendenti mill-obbligu li titħallas il-multa, pagament ta’ penalità perjodika jew penalità oħra u għandha tkun inforzabbli ma’ l-ewwel sejħa. Dik il-garanzija għandha tkopri it-talba tal-prinċipal u ta’ l-imgħax dovut kif speċifikat fl-Artikolu 86(5) [tal-isess regolament].

2.      Wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha, l-ammonti miġbura proviżorjament u l-interessi li jkunu ġġeneraw għandhom jiddaħħlu fil-baġit jew imħallsa lura lid-debitur. Fil-każ ta’ garanzijia finanzjarja, din għandha tiġi infurzata jew meħlusa.”

13      Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 290 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, l-Artikolu 85a tar-Regolament Nru 2342/2002 ġie abrogat u ssostitwit bl-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ppreżentat rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-2014.

15      Fid-9 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti ħallset provviżorjament il-multa li kienet ġiet imposta fuqha fl-imsemmija deċiżjoni.

16      Fl-10 ta’ Marzu 2015, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni bil-preżentata tal-imsemmi rikors kif ukoll bil-ħlas provviżorju tal-multa.

17      Konformement mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, l-ammont tal-multa provviżorjament imħallas mir-rikorrenti tħallas f’fond ta’ assi finanzjarji, stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 4264 finali tal-15 ta’ Ġunju 2009 dwar it-tnaqqis tar-riskji ta’ ġestjoni ta’ multi msarrfa provviżorjament, ġestit mid-Direttorat Ġenerali (DG) “Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji” (iktar ’il quddiem il-“fond BUFI”). Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 74 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), issostitwit bl-Artikolu 83 tar-Regolament Finanzjarju.

18      B’sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722, iktar ’il quddiem is-“sentenza Printeos”), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, annullat l-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni tal-2014. Din is-sentenza saret definittiva.

19      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-14 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tirrimborsaha l-ammont tal-multa mħallsa provviżorjament u bagħtitilha l-formoli neċessarji għal dan il-għan.

20      B’messaġġ elettroniku tal-15 ta’ Diċembru 2016, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni l-formoli mimlija.

21      B’messaġġ elettroniku tas-26 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni informat lir-rappreżentanti tar-rikorrenti li hija kienet ser tirrimborsa l-multa matul il-ġimgħa sussegwenti.

22      Fl-istess jum, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti wieġbu lill-Kummissjoni billi kkonfermaw rċevuta tal-messaġġ elettroniku u billi talbu r-rimbors tal-multa bl-interessi mid-data tal-ħlas tal-multa tar-rikorrenti, jiġifieri mid-9 ta’ Marzu 2015, bir-rata ta’ interessi applikata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament (iktar ’il quddiem ir-“rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE”), b’żieda ta’ 3.5 punti perċentwali, jiġifieri bir-rata ta’ interess stabbilita fl-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni tal-2014 fil-każ ta’ ħlas tardiv (jiġifieri wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmija deċiżjoni).

23      B’żewġ messaġġi elettroniċi tal-istess jum (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“messaġġi inkwistjoni”), il-Kummissjoni wieġbet lir-rappreżentanti tar-rikorrenti kif ġej:

“Kif spjegat fin-nota [ta’ informazzjoni] ndirizzata fis-16 ta’ Frar 2015, il-multi li huma s-suġġett ta’ ġbir provviżorju huma investiti f’fond. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ multa, il-Kummissjoni tirrimborsaha, flimkien ma’ redditu ggarantit abbażi tal-prestazzjoni tal-indiċi referenzjarju. Peress li din il-prestazzjoni kienet negattiva, huwa biss l-ammont prinċipali li ser jiġi rrimborsat.

Qiegħed nehmeż, għall-informazzjoni tiegħek, kalkolu tal-ammont li huwa s-suġġett tar-rimbors, ivverifikat mill-[kumpannija] D.”

24      Skont id-dikjarazzjonijiet – mhux ikkontestati – tal-Kummissjoni, ir-redditu akkumulat tal-fond BUFI kien negattiv fl-2015 (– 0.09 %) u fl-2016 (– 0.265 %). Bl-istess mod, ir-rata ta’ faċilità ta’ depożitu tal-BĊE (ECB deposit facility rate) kienet negattiva mill-5 ta’ Ġunju 2014, jiġifieri – 0.10 b’effett minn Ġunju 2014, – 0.20 b’effett minn Settembru 2014, – 0.30 b’effett minn Diċembru 2015 u – 0.40 b’effett minn Marzu 2016. Fl-aħħar nett, ir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE kienet ta’ 0.05 % mid-9 ta’ Marzu 2015 u ta’ 0 % mis-16 ta’ Marzu 2016.

25      B’messaġġ elettroniku tas-27 ta’ Jannar 2017, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti wieġbu li, skont l-Artikolu 266 TFUE, il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu l-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Printeos. Huma invokaw, essenzjalment, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni (T‑171/99, EU:T:2001:249, punti 50 sa 53, iktar ’il quddiem is-“sentenza Corus”), insostenn tal-fatt li dan l-obbligu seta’ jinkludi, fil-każ ta’ att li diġà ġie eżegwit, l-istabbiliment mill-ġdid tar-rikorrent fis-sitwazzjoni li kien fiha qabel dan l-att (il-prinċipju ta’ restitutio in integrum). Fil-każ ta’ sentenza li tannulla jew li tnaqqas il-multa imposta fuq impriża għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għalhekk ikollha l-obbligu li tirrimborsa l-multa indebitament imħallsa minn din l-impriża li tinkludi mhux biss l-ammont prinċipali tal-imsemmija multa, iżda wkoll l-interessi ġġenerati minn dan l-ammont.

26      Fl-1 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti rċeviet fil-kont bankarju tagħha trasferiment mingħand il-Kummissjoni tal-ammont ta’ EUR 4 729 000, ekwivalenti għal dak tal-multa li hija kienet ħallset provviżorjament fid-9 ta’ Marzu 2015.

27      B’messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 90(4) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Barra minn hekk, hija ppreċiżat dan li ġej:

“Qabelxejn, l-għażla ta’ ħlas provviżorju minflok garanzija finanzjarja hija deċiżjoni tal-klijent tiegħek. Barra minn hekk, il-klijent kellu perfattemnt għarfien tal-fatt li l-ammont tal-ħlas provviżorju huwa investit f’fond. Il-funzjonament ta’ dan il-fond u l-kunċett ta’ redditu ggarantit ġew spjegati fid-dettall f’‘nota ta’ informazzjoni’ li ntbagħtet fis-16 ta’ Frar 2015.

Peress li r-redditu globali ġġenerat għall-perijodu bejn l-10 ta’ Marzu 2015 u l-25 ta’ Jannar 2017 kien negattiv, ir-redditu ggarantit huwa ta’ EUR 0 u huwa biss l-ammont prinċipali li ġie rrimborsat lill-klijent tiegħek.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

29      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet dwar l-effetti fuq is-soluzzjoni tal-kawża, b’mod partikolari, tas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2015:83, iktar ’il quddiem is-“sentenza IPK”), filwaqt li staqsithom iwieġbu għal dawn, parzjalment bil-miktub u parzjalment matul is-seduta. Il-partijiet ippreżentaw it-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali fit-termini stabbiliti.

30      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

31      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2018.

32      B’risposta għal mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti, minn naħa, ma xtaqitx iżżomm iktar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE bħala bażi legali prinċipali, fis-sens ta’ rimedju awtonomu, tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors tagħha u, min-naħa l-oħra, kkonfermat li t-terminu “interessi kumpensatorji” msemmi fih għandu jinftiehem bħala “interessi moratorji” fis-sens tal-punt 30 tas-sentenza IPK, u ta’ dan ittieħdet nota fil-proċess verbali tas-seduta.

33      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas kumpens ta’ ammont ta’ EUR 184 592.95 li jikkorrispondi għall-interessi moratorji kkalkolati fuq l-ammont ta’ EUR 4 729 000 bir-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, miżjuda b’2 punti perċentwali, għall-perijodu mid-9 ta’ Marzu 2015 sal-1 ta’ Frar 2017 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ referenza”), jew, fin-nuqqas ta’ dan, għal rata ta’ interess li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas interessi moratorji fuq l-ammont mitlub fl-inċiż preċedenti għall-perijodu mill-1 ta’ Frar 2017 sad-data li fiha l-Kummissjoni ser tħallas effettivament l-imsemmi ammont b’eżekuzzjoni ta’ sentenza li tilqa’ dan ir-rikors, bir-rata ta’ interess applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, jew, fin-nuqqas ta’ dan, bir-rata ta’ interessi li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;

–        sussidjarjament, tannulla l-messaġġ elettroniku inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Matul is-seduta, ir-rikorrenti talbet li tiġi estiża ż-żieda tar-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE, kif prevista fl-ewwel inċiż tal-punt 33 iktar ’il fuq, bi 3.5 punti perċentwali.

35      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għal kumpens għad-danni bħala infondata;

–        tiddikjara inammissibbli t-talba għall-annullament tal-messaġġ elettroniku inkwistjoni jew, sussidjarjament, tiċħadha bħala infondata;

–        tiddikjara inammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni inkwistjoni”), jew, sussidjarjament, tiċħadha bħala infondata;

–        jekk meqjus xieraq, tagħti kumpens jew interessi lir-rikorrenti, twettaq kalkolu fuq il-bażi tal-kriterji esposti fil-punti 65 sa 78 tar-risposta;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż jew, sussidjarjament, fil-każ li fih jingħata kumpens lir-rikorrenti, tordna li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tal-kawża

36      Prinċipalment, ir-rikorrenti, wara li rtirat l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors tagħha sa fejn kien ibbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE bħala rimedju ġudizzjarju awtonomu (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), titlob, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u mal-Artikolu 41(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-għoti ta’ kumpens ekwivalenti għall-ammont ta’ interessi moratorji li l-Kummissjoni kellha tagħtiha, b’eżekuzzjoni tas-sentenza Printeos, fil-mument tar-rimbors tal-ammont prinċipali tal-multa li hija kienet indebitament ħallset konformement mal-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni tal-2014, annullata mill-imsemmija sentenza.

37      Ir-rikorrenti tippreċiża li, b’mod partikolari, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tapplikax għall-kumpens tad-dannu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, din tkun tikser l-Artikoli 266 u 340 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 41(3) u l-Artikolu 47 tal-Karta, ksur li r-rikorrenti tinvoka bħala eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE.

38      Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tal-messaġġ elettroniku inkwistjoni, peress li dan huwa bbażat fuq bażi legali mħassra u li ma hijiex applikabbli u, fi kwalunkwe każ, tikser l-Artikoli 266 u l-Artikolu 340 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 41(3) u l-Artikolu 47 tal-Karta.

 Fuq it-talba għal kumpens prinċipali taħt l-ewwel kap tat-talbiet

 Tfakkira tal-argumenti tal-partijiet

39      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni illegalment naqset milli tħallasha l-interessi moratororji relatati mal-ammont prinċipali tal-multa imħallsa provviżorjament. Il-ħlas ta’ dawn l-interessi huwa komponent indispensabbli għar-restawrazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet ser tinsab fiha li kieku d-deċiżjoni tal-2014 ma ġietx adottata (sentenza Corus, punt 54). In-nuqqas ta’ tgawdija tal-ammont prinċipali tal-multa indebitament imħallas huwa l-kawża ta’ dannu mġarrab mir-rikorrenti, inkwantu hija kellha tirrikorri għal sorsi oħra ta’ finanzjament u ssostni l-ispejjeż ta’ tliet selfiet bankarji konklużi matul il-perijodu ta’ referenza, u huwa bbażat fuq ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjonijiet legali li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi, imputabbli, b’mod partikolari, għall-premessa 92 tad-deċiżjoni tal-2014. Fil-fehma tagħha, l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li tivvizzja din il-premessa, inkluż il-kontrarjetà għall-verità, ikkonstatata fil-punt 54 tas-sentenza Printeos, turi n-natura intenzjonali, manifesta, gravi u inskużabbli tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea min-naħa tal-Kummissjoni, li huwa ekwiparabbli għal abbuż ta’ poter. Dan huwa kkonfermat mill-premessa 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 4112 finali tas-16 ta’ Ġunju 2017, li temenda d-deċiżjoni tal-2014, li tirrikonoxxi li “l-impriżi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Hamelin, kellhom proporzjonijiet individwali redditu/dħul mill-bejgħ għoli ħafna”. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta huwa dritt fundamentali li jiżgura l-eżerċizzju effettiv ta’ dritt fundamentali ieħor, jiġifieri dak ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ interessi fuq l-ammont prinċipali tal-multa indebitament imħallas huwa ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE (digriet tal-21 ta’ Marzu 2006, Holcim (France) vs Il-Kummissjoni, T-86/03, mhux ippubblikat, EU:T:2006:90, punt 32, iktar ’il quddiem id-“digriet Holcim”), li jikkonferixxi dritt suġġettiv li s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali jiġu implimentati korrettament u fl-intier tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni jkollha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Din l-illegalità ma tistax tiġi rrimedjata mid-dispożizzjonijiet legali invokati fil-messaġġ ettroniku inkwistjoni.

40      F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti tippreċiża li l-Artikolu 85a tar-Regolament Nru 2342/2002 ġie abrogat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Ir-Regolament Nru 2342/2002 għalhekk la kien fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2015, meta l-Kummissjoni bagħtet l-informazzjoni dwar il-ħlas provviżorju tal-multa, la fl-1 ta’ Frar 2017, meta hija rrimborsat l-ammont prinċipali tal-multa, u lanqas fis-26 ta’ Jannar 2017, meta hija bagħtet il-messaġġ elettroniku inkwistjoni. Il-Kummissjoni ma tistax tirrimedja a posteriori n-nuqqas ta’ bażi legali, u lanqas in-nuqqas tagħha li tħallas l-interessi dovuti, billi tibbaża ruħha, għall-ewwel darba fil-messaġġ elettroniku tagħha tat-3 ta’ Frar 2017, fuq l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Min-naħa l-oħra, fil-każ li jkollu jiġi konkluż li dan l-artikolu huwa madankollu bażi legali rilevanti, ir-rikorrenti tinvoka, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tad-dispożizzjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-Artikolu 266 u tal-Artikolu 340 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 41(3) u tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà li ma jitħallsux interessi.

41      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva, essenzjalment, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u speċifikament il-prinċipju ta’ restitutio in integrum, kif irrikonoxxut fis-sentenzi IPK u Corus (punti 54 u 57), li jipprovdi li l-Kummissjoni hija obbligata tirrimborsa mhux biss l-ammont prinċipali tal-multa indebitament imħallsa, iżda wkoll l-interessi marbuta magħha għall-perijodu li matul tiegħu r-rikorrent iċċaħħad mit-tgawdija tal-imsemmi ammont. Dan ir-rekwiżit tad-dritt primarju jipprevali fuq kull dispożizzjoni legali sekondarja li tista’ possibbilment tkun kuntrarja. It-tieni nett, id-dispożizzjoni inkwistjoni tikser l-Artikolu 47 tal-Karta, peress li l-protezzjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 263 TFUE ma hijiex effettiva jekk, wara l-annullament mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-impriża kkonċernata ma setgħetx tikseb l-interessi marbuta mal-multa mħallsa indebitament. Il-preżentata ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni hija skoraġġita. It-tielet nett, id-dispożizzjoni inkwistjoni tmur ukoll kontra l-Artikolu 41(3) tal-Karta u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi (C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punt 95), li, skont id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat, il-persuni li jkunu ġarrbu dannu għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens mhux biss għad-dannu reali (damnum emergens) u għat-telf (lucrum cessans), iżda wkoll għall-ħlas ta’ interessi. Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni la kienet applikabbli f’dan il-każ u lanqas setgħet tirrimedja n-nuqqas ta’ bażi legali li tawtorizza lill-Kummissjoni tirrifjuta li tħallas interessi.

42      Il-Kummissjoni tirribatti li, fis-sentenza Printeos, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata l-eżistenza ta’ motivazzjoni insuffiċjenti li tivvizzja l-premessa 92 tad-deċiżjoni tal-2014, mingħajr madankollu ma tiddeċiedi fuq il-mertu, jiġifieri fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE. L-argument li r-raġunijiet inkwistjoni kienu kuntrarji għall-verità għalhekk huwa irrilevanti, u l-Kummissjoni kienet ġiet awtorizzata tadotta d-Deċiżjoni C(2017) 4112 finali billi imponiet l-istess multa bħal dik imposta fid-deċiżjoni tal-2014. Fi kwalunkwe każ, tali insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma hijiex ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-modalitajiet għar-rimbors tal-multa kienu ġew stabbiliti fid-deċiżjoni tal-2014, b’referenza għad-dispożizzjoni inkwistjoni, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti.

43      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 278 TFUE, ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni ma għandhomx effett sospensiv. Peress li r-rikorrenti ma talbitx is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-2014, din tal-aħħar saret titolu eżekutorju li jiġġustifika l-ħlas provviżorju tal-multa minkejja rikors għal annullament ippreżentat kontriha. F’dan il-każ, ebda dannu ma ġie kkawżat lilha, peress li l-ammont prinċipali tal-multa ġie rrimborsat lilha, u dan anki jekk ir-redditu tal-fond kien negattiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx inadempjenti fir-rigward tal-ħlas, peress li hija aġixxiet b’diliġenza fir-rigward tar-rimbors tal-imsemmi ammont prinċipali anki qabel ma s-sentenza Printeos saret definittiva.

44      Il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest ta’ kawża għad-danni, l-għan tal-interessi kumpensatorji huwa prinċipalment il-kumpens tad-dannu kkawżat mill-inflazzjoni monetarja wara l-avveniment li jkun ta lok għad-dannu sakemm jitħallas il-kumpens u r-restawrazzjoni tal-patrimonju tal-vittma (prinċipju ta’ restitutio in integrum). Għalhekk, l-għoti ta’ interessi kumpensatorji huwa suġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, li ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati skont id-dannu effettivament subit, bħala regola ġenerali b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ inflazzjoni, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit ir-rikorrent. F’dan il-każ, matul il-perijodu ta’ referenza bejn it-13 ta’ Marzu 2015 u l-1 ta’ Frar 2017, ir-rata ta’ inflazzjoni fi Spanja kienet ta’ 0 %. Anki jekk il-kalkolu tal-interessi kumpensatorji jsir abbażi tar-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE (ara l-punt 24 iktar ’il fuq) u mhux tar-rata ta’ inflazzjoni, ir-rata ta’ rifinanzjament applikabbli ma hijiex dik ta’ 0.05 % fis-seħħ fid-data tad-9 ta’ Marzu 2015, iżda dik fis-seħħ matul il-perijodu ta’ referenza u li ġiet stabbilita għal rata ta’ 0 % b’effett mis-16 ta’ Marzu 2016. Żieda ta’ 2 punti perċentwali hija eskluża, sa fejn l-interessi kumpensatorji ma humiex intiżi sabiex jimponu iktar piżijiet fuq id-debitur sabiex jiġi evitat jew jittaffa d-dewmien fit-twettiq tal-obbligu tiegħu ta’ ħlas, li huwa l-għan tal-interessi moratorji. Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li r-rikorrenti ġarrbet dannu minħabba l-ħlas provviżorju tal-multa u minħabba rikors għal finanzjament li jikkawża spejjeż. Fir-rigward tal-interessi moratorji, imposti bħala riżultat ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas ta’ ċertu ammont, hija tippreċiża, essenzjalment, li dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati mid-data tas-sentenza li tiddikjara dan l-obbligu sad-data tal-ħlas sħiħ. Għall-kuntrarju tal-interessi kumpensatorji, ir-rata ta’ interessi applikabbli għall-imsemmija interessi moratorji hija r-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE miżjuda b’2 punti perċentwali. Għalhekk, iż-żieda ta’ 3.5 % punti ta’perċentwali mitluba b’analoġija għar-rata ta’ interess applikata fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-multa fid-deċiżjoni tal-2014 ma tistax tiġi awtorizzata.

45      Il-Kummissjoni tqis li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra d-dispożizzjoni inkwistjoni hija inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata. L-ammissibbiltà ta’ tali eċċezzjoni tiddependi fuq dik tar-rikors fil-kawża prinċipali. Fil-każ ineżami, il-messaġġ elettroniku inkwistjoni ma huwiex att li jista’ jiġi kkontestat. Dan huwa att purament konfermattiv tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni tal-2014, li jipprevedi l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-każ li r-rikorrenti tagħżel il-ħlas provviżorju tal-multa. Peress li naqset milli tikkontesta dan l-artikolu fir-rikors tagħha kontra l-imsemmija deċiżjoni, ir-rikorrenti aċċettat in-natura definittiva tagħha, u dan jimplika l-inammissibbiltà tat-talba tagħha għal annullament u, għaldaqstant, dik tal-eċċezzjoni ta’ illegalità.

46      Rigward il-mertu, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar li d-dispożizzjoni inkwistjoni ssostitwixxiet l-Artikolu 85a tar-Regolament Nru 2342/2002 billi speċifikat il-kundizzjonijiet għar-rimbors ta’ pagament provviżorju fil-każ ta’ interessi negattivi. Skont din id-dispożizzjoni, meta d-destinatarju tal-multa bħal f’dan il-każ, jagħżel li jħallas il-multa provviżorjament minflok ma jagħti garanzija, l-ammonti mħallsa jiġu investiti f’assi finanzjarji intiżi, b’mod partikolari, sabiex jinkiseb redditu pożittiv fuq l-investiment, aspett li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti kienet ġiet informata “fi kwalunkwe mument”. Fil-każ ta’ annullament mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa, hija tipprevedi, skont il-ġurisprudenza, ir-rimbors tal-ammont prinċipali u tal-interessi marbuta miegħu. Dawn l-interessi għandhom natura kompensatorja intiża li tirrimedja l-indisponibbiltà tal-ammont imħallas provviżorjament b’effett mid-data tal-ħlas sad-data ta’ ħlas tal-ammont prinċipali kif ukoll li tikkumpensa d-dannu li seta’ ġie kkawżat. Fl-interess tad-destinatarju, id-dispożizzjoni inkwistjoni tipprovdi li, fil-każ ta’ interess negattiv, dan jirċievi tal-inqas l-ammont prinċipali kollu, b’tali mod li l-ispejjeż ta’ redditu negattiv matul il-perjodu ta’ referenza jkunu sostnuti mill-Kummissjoni.

47      It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija konformi mal-Artikolu 266 TFUE u mal-prinċipju restitutio in integrum. Dan il-prinċipju ma jeżiġix ir-rimbors artifiċjali tal-interessi fil-każijiet kollha, iżda biss f’ċirkustanzi speċifiċi, li ma humiex issodisfatti f’dan il-każ, fid-dawl tas-sitwazzjoni makroekonomika li fiha l-investiment inkwistjoni pproduċa interessi negattivi. Fl-istadju tal-għoti tas-sentenza Corus u tad-digriet Holcim, ma kienx hemm regoli speċifiċi, bħad-dispożizzjoni inkwistjoni, u l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika attwali, ikkaratterizzata minn rati ta’ interess baxxi jew saħansitra negattivi, peress li, qabel il-kriżi ekonomika tal-2008, rati ta’ interess negattivi kienu diffiċilment prevedibbli fil-kuntest ekonomiku tal-pajjiżi tal-Unjoni. Id-dritt għall-impożizzjoni ta’ interessi pożittivi jmur kontra r-realtà ekonomika li kienet possibbilment teżisti f’kuntest fejn ir-rati ta’ interess huma negattivi u jista’ jwassal għal arrikkiment indebitu. F’dan il-każ, id-dispożizzjoni inkwistjoni kienet saħansitra tkun iktar favorevoli għar-rikorrenti, peress li, mingħajr tali regola speċifika, ir-redditu negattiv irrilevat fil-punt 24 iktar ’il fuq kellu jitnaqqas mill-ammont prinċipali fil-mument tar-rimbors tiegħu.

48      It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, l-Artikolu 41(3) u l-Artikolu 47 tal-Karta, peress li r-rikorrenti ma tispjegax ir-raġunijiet għaliex hija tqis li l-imsemmija dispożizzjoni tikkomprometti l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal kumpens jew id-dritt għall-impożizzjoni ta’ interessi, u hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita d-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju effettiv. Hija lanqas ma hija fondata targumenta li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ interessi jiskoraġġixxi d-destinatarji ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jinkiseb l-annullament tagħha, peress li r-rimbors ta’ interessi (negattivi jew pożittivi) huwa anċillari għat-talba għall-annullament tal-ammont prinċipali tal-multa u ma huwiex prevedibbli fl-istadju tar-rikors.

 Fuq il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-issodisfar ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, in-natura reali tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C-8/15 P sa C-10/15 P, EU:C:2016:701, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata u s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C-45/15 P, EU:C:2017:402, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, ġurisprudenza stabbilita teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C-8/15 P sa C-10/15 P, EU:C:2016:701, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Ġie wkoll ippreċiżat li tali ksur jiġi stabbilit meta dan jimplika nuqqas manifest u gravi mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha, fejn l-elementi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni li tkun is-suġġett ta’ ksur kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tali dispożizzjoni tħalli lill-awtorità tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C-45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss meta din l-istituzzjoni ma jkollhiex marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment ridotta, jew saħansitra ineżistenti, li s-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Fresh Marine, C-472/00 P, EU:C:2003:399, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ April 2017, L-Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 39).

52      F’dan il-każ, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ ħlas ta’ interessi fuq l-ammont prinċipali tal-multa rrimborsat lir-rikorrenti huwiex ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi.

53      Insostenn tat-talba tagħha għad-danni, ir-rikorrenti tinvoka, minn naħa, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta, li jivvizzja, b’mod partikolari, il-premessa 92 tad-deċiżjoni tal-2014 u li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla l-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tagħha permezz tas-sentenza Printeos, u, min-naħa l-oħra, ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jistabbilixxi dritt suġġettiv għall-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-imsemmija sentenza, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni f’dan is-sens, inkluż fir-rigward tal-għoti ta’ interessi moratorji.

54      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina fl-ewwel lok l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE.

 Fuq l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE

55      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie ddikjarat invalidu għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza li tiddikjara l-invalidità ta’ dan l-att. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu jikkostitwixxi dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq. Fil-fatt, hija tipprovdi obbligu assolut u inkundizzjonat tal-istituzzjoni li minnha jirriżulta l-att annullat li tieħu, fl-interess tar-rikorrent li jkun rebaħ il-kawża, il-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, li għalih jikkorrispondi dritt tar-rikorrent għall-osservanza sħiħa ta’ dan l-obbligu.

56      Għalhekk, fil-każ ta’ annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa, bħal fil-każ ineżami, jew ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet, skont din ir-regola, id-dritt tar-rikorrent li jikseb ir-restawrazzjoni tas-sitwazzjoni li kien fiha qabel din id-deċiżjoni, li timplika, fost l-oħrajn, ir-rimbors tal-ammont prinċipali mħallas indebitament minħabba d-deċiżjoni annullata kif ukoll il-ħlas ta’ interessi moratorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi IPK, punt 29, u Corus, punti 50, 52 u 53; id-digriet Holcim, punti 30 u 31, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il-Kummissjoni vs IPK International, C-336/13 P, EU:C:2014:2170, punti 78 u 79). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’dan ir-rigward li l-ħlas ta’ interessi moratorji jikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn hija intiża li tikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa n-nuqqas ta’ tgawdija ta’ kreditu u li tinkoraġġixxi lid-debitur jeżegwixxi, mill-iktar fis possibbli, is-sentenza ta’ annullament (sentenza IPK, punti 29 u 30).

57      F’dan il-każ, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Printeos u sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li ma tagħtix interessi lir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq id-dispożizzjoni inkwistjoni.

58      F’dan il-kuntest, l-ilment invokat mir-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 85a tar-Regolament Nru 2341/2002 minflok id-dispożizzjoni inkwistjoni, li ssostitwixxietu (ara punt 40 iktar ’il fuq), ma jistax jintlaqa’. Kif issostni l-Kummissjoni, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni tal-2014, li ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-Kawża T-95/15 u għalhekk sar definittiv, jirreferi espressament għall-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 flimkien mal-possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tħallas provviżorjament l-ammont tal-multa. Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata min-nota ta’ informazzjoni trażmessa lir-rikorrenti permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-16 ta’ Frar 2015 li tirreferi, bi żball, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni nnifisha, għall-Artikolu 85a tar-Regolament Nru 2341/2002. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li, f’dan il-każ, matul il-perijodu ta’ referenza, ir-redditu tal-investiment tal-ammont prinċipali tal-multa fil-fond BUFI ma pproduċa ebda interess, iżda kien negattiv, u li l-Kummissjoni għalhekk osservat il-kriterji ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

59      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ ħlas mill-Kummissjoni ta’ interessi moratorji u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni jikkostitwixxux eżekuzzjoni tas-sentenza Printeos konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE.

 Fuq l-applikabbiltà tad-dispożizzjoni inkwistjoni u l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE

60      Hekk kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet fis-seduta, fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv u tal-formulazzjoni ċara tagħha, b’referenza espliċita għar-rimedji ġudizzjarji u, b’mod partikolari, għal sitwazzjoni li fiha l-multa imposta b’deċiżjoni ġiet annullata, id-dispożizzjoni inkwistjoni hija intiża li timplimenta r-rekwiżiti previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE. Bl-istess mod, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni kkonfermat li d-dispożizzjoni inkwistjoni ġiet introdotta bil-għan li tikkonforma l-leġiżlazzjoni mar-rekwiżiti rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza, jiġifieri dawk tas-sentenza Corus u tad-digriet Holcim.

61      Għaldaqstant, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha għalhekk tiġi interpretata fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn il-formulazzjoni tagħha tippermetti dan. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, fis-sens li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Kuntrarjament, tali approċċ ma jistax iwassal għal interpretazzjoni contra legem inammissibbli tal-imsemmi test, meta s-sens ikun ċar u inambigwu u ma jistax iwassal għal tali interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2017, Yingli Energy (China) et vs Il-Kunsill, T-160/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:125, punti 151 u 152 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C-579/15, EU:C:2017:503, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward ta’ dispożizzjoni li s-sens tagħha huwa ċar u inambigwu, hija biss il-Qorti Ġenerali, fil-każ li titressaq eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, li tista’ tistħarreġ il-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

62      Ir-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 ma jiddefinixxix is-sens tat-terminu “mal-imgħax iġġenerat” fid-dispożizzjoni inkwistjoni. B’mod partikolari, huwa ma jikklassifikax dawn l-interessi bħala “moratorji” jew “tardivi”, bħal dawk previsti fl-Artikolu 83 tiegħu. Bl-istess mod, l-Artikolu 83(4) tar-Regolament Finanzjarju, jiġifieri l-bażi legali tad-dispożizzjoni inkwistjoni, sempliċement jirreferi wkoll għat-terminu ambigwu “interessi ġġenerati”. Kuntrarjament, l-Artikolu 78(4) tal-istess Regolament Finanzjarju, dwar il-konstatazzjoni ta’ krediti tal-Unjoni fir-rigward ta’ debitur, jirreferi espressament għall-kunċett ta’ “interessi moratorji”. Barra minn hekk, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub u bil-fomm tal-Qorti Ġenerali rigward dan is-suġġett, il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment li l-“interessi ġġenerati” f’dan is-sens la jikkostitwixxu interessi moratorji u lanqas interessi kumpensatorji, iżda interessi sui generis relatati esklużivament mar-redditu jew mal-profitt li seta’ jinkiseb billi l-ammont prinċipali jiġi ddepożitat f’kont jew investit f’assi finanzjarji.

63      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis, essenzjalment li d-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 jippreżentaw leġiżlazzjoni kompleta fir-rigward tal-interessi li għandhom jingħataw fil-każ ta’ rimbors ta’ dejn wara l-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa, li jipprekludi, fil-prinċipju, l-għoti ta’ interessi meta, bħal f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma jkunux issodisfatti. Min-naħa l-oħra, indipendentement mill-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Kummissjoni la teskludi l-possibbiltà li tħallas interessi kumpensatorji sabiex tikkumpensa dannu u lanqas li tħallas interessi moratorji fil-każ ta’ rimbors tardiv tal-ammont prinċipali tal-multa. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, hija ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni ta’ dewmien ta’ ħlas li jista’ jiġġustifika l-għoti ta’ interessi moratorji, iżda tenfasizza n-natura immedjata u diliġenti min-naħa tagħha għar-rimbors lir-rikorrenti tal-ammont prinċipali tal-multa anki qabel ma s-sentenza Printeos ssir finali, u b’hekk jiġi eskluż ħlas tardiv.

64      Madankollu, hekk kif ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq, l-obbligu li jirriżulta direttament mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jitħallsu interessi moratorji insegwitu ta’ sentenza li tannulla retroattivament deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ ammont imħallas indebitament jew li timponi multa, għandu l-għan, b’mod partikolari, li jikkumpensa b’somma f’daqqa n-nuqqas ta’ tgawdija tal-kreditu inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba l-annullament ex tunc tal-imsemmija deċiżjoni, dan il-kreditu jeżisti sa minn meta d-destinatarju ħallas indebitament l-ammont rikjest, b’mod li, f’dan l-istadju, l-awtur ta’ din id-deċiżjoni, bħala debitur, jinsab neċessarjament f’sitwazzjoni tardiva fir-rigward tal-ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi IPK, punti 30 u 76, u Corus, punti 50 sa 54). Għandu jiġi ċċarat li din il-ġurisprudenza ma tagħmilx distinzjoni skont jekk ikunx każ ta’ sitwazzjoni insegwitu ta’ annullament ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ ammont imħallas indebitament jew dik ta’ deċiżjoni li timponi multa, iżda tapplika għal kwalunkwe pretensjoni li tkun nibtet wara l-annullament retroattiv ta’ miżura adottata minn istituzzjoni, bla ħsara għall-portata tad-dispożizzjoni inkwistjoni u l-applikabbiltà tagħha fil-każ ineżami.

65      Huwa għalhekk żbaljat li l-Kummissjoni tiddikjara li, b’effett mid-9 ta’ Marzu 2015, data li fiha r-rikorrenti indebitament ħallset provviżorjament l-ammont prinċipali tal-multa imposta, hija ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni ta’ dewmien fir-rigward tal-ħlas, u għalhekk, ma kinitx dovuta tħallas interessi moratorji. Peress li d-deċiżjoni tal-2014 ġiet annullata retroattivament, il-Kummissjoni kienet neċessarjament, b’effett minn dan il-ħlas provviżorju, f’sitwazzjoni ta’ dewmien fir-rigward tar-rimbors tal-ammont prinċipali. Għalhekk, hija kienet obbligata tħallas interessi moratorji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE sabiex tosserva l-prinċipju ta’ restitutio in integrum u tikkumpensa lir-rikorrenti somma f’daqqa minħabba n-nuqqas ta’ tgawdija tal-imsemmi ammont.

66      Isegwi wkoll li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li d-dispożizzjoni inkwistjoni kienet tipprekludiha milli tonora l-obbligu assolut u inkundizzjonat tagħha li tħallas interessi moratorji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE. Fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni la taffettwa dan l-obbligu u lanqas teskludi tali ħlas, peress li t-termini “imgħax iġġenerat” inklużi fih ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “interessi moratorji” jew bħala kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq, iżda jirreferu esklużivanent għal redditu pożittiv reali tal-investiment tal-ammont inkwistjoni.

67      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ġustament issostni li, insegwitu tas-sentenza Printeos u indipendentement mid-dispożizzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet obbligata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, bħala miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza, mhux biss li tirrimborsa l-ammont prinċipali tal-multa, iżda wkoll li tħallas interessi moratorji sabiex tikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa n-nuqqas ta’ tgawdija ta’ dak l-ammont matul il-perijodu ta’ referenza, u li hija ma kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-possibbiltà ta’ arrikkiment indebitu tar-rikorrenti fid-dawl tar-redditu negattiv tal-ammont prinċipali tal-multa matul il-perijodu ta’ referenza jew ta’ kumpens żejjed minħabba r-rimbors tal-valur nominali tal-imsemmi ammont, peress li tali fehim jikkontradixxi b’mod dirett il-loġika ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa bl-għoti ta’ interessi moratorji enfasizzat mill-ġurisprudenza.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-obbligu assolut u inkundizzjonat impost fuq il-Kummissjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE ta’ ħlas ta’ tali interessi, mingħajr ma jkollha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, hemm lok li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ din id-dispożizzjoni legali li jista’ jwassal sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ilmenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, u lanqas fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra d-dispożizzjoni inkwistjoni.

 Fuq ir-rabta kawżali u l-kumpens għad-dannu

70      Għandu jitfakkar li l-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali previsa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta kawżali b’effett suffiċjentement dirett bejn l-aġir illegali allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-419/08 P, EU:C:2010:147, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C-45/15 P, EU:C:2017:402, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan il-każ, il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ għoti ta’ interessi moratorji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE għandu rabta kawżali b’effett suffiċjentement dirett mad-dannu mġarrab mir-rikorrenti. Dan id-dannu huwa ekwivalenti għat-telf tal-imsemmija interessi moratorji matul il-perijodu ta’ referenza li jirrappreżentaw kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għan-nuqqas ta’ tgawdija tal-ammont prinċipali tal-multa matul dan l-istess perijodu u jikkorrispondu għar-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE applikabbli, miżjuda, kif mitlub fil-każ ineżami, b’2 punti perċentwali (ara l-punt 74 iktar ’il fuq).

72      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tallega li r-rikorrenti għażlet liberament li tħallas il-multa provviżorjament minflok ma tippreżenta garanzija bankarja, li barra minn hekk kienet tiġġenera spejjeż ta’ finanzjament, minkejja li kellha għarfien jew kellu jkollha għarfien tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors previsti mid-dispożizzjoni inkwistjoni insegwitu ta’ sentenza ta’ annullament eventwali. Kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess, skont l-Artikolu 278 TFUE, fin-nuqqas ta’ effett sospensiv ta’ rikors intiż kontra deċiżjoni li timponi multa li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv, il-ħlas provviżorju tal-multa jikkostitwixxi l-obbligu prinċipali u primarju tal-impriża kkonċernata, li, barra minn hekk, f’dan il-każ, kien meħtieġ mill-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni tal-2014. Minn dan isegwi li l-għażla tar-rikorrenti li tħallas provviżorjament il-multa hija konsegwenza loġika ta’ din id-deċiżjoni u ma tistax tikser ir-rabta kawżali bejn l-illegalità u d-dannu mġarrab.

73      Fir-rigward tal-ammont tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-ammont prinċipali kumpensatorju ta’ EUR 184 592.95 fih innifsu, li r-rikorrenti titlob bħala kumpens tal-interessi moratorji inkorsi u indebiti b’effett mid-9 ta’ Marzu 2015, iżda biss iż-żieda tagħhom għal 3.5 minflok 2 punti perċentwali fir-rigward tar-rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE (ara l-punt 44 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li l-ammont prinċipali mitlub huwa kumpensabbli fil-każ ineżami.

74      Madankollu, fid-dawl ta’ din il-kontestaazzjoni u tal-fatt li r-rikorrenti llimitat ruħha li titlob, fl-ewwel kap tat-talbiet fir-rikors promotur, kumpens li l-ammont tiegħu jinkludi interessi moratorji bir-rata ta’ finanzjament tal-BĊE, miżjud biss b’2 punti perċentwali, il-prinċipju ne ultra petita jipprojbixxi lill-Qorti Ġenerali milli tmur lil hinn minn din il-pretensjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, EU:C:1992:217, punt 35). F’dan ir-rigward, it-talba tar-rikorrenti, magħmula fis-seduta, li testendi ż-żieda għal 3.5 punti perċentwali – bħat-talba tagħha li saret fil-messaġġ elettroniku tas-26 ta’ Jannar 2017 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq) – hija tardiva u tmur kontra l-prinċipju ta’ immutabbiltà tat-talbiet tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, HX vs Il-Kunsill, C-423/16 P, EU:C:2017:848, punt 18). Fl-aħħar nett, huwa biss sussidjarjament, jiġifieri fil-każ ta’ ċaħda tat-talba prinċipali, li r-rikorrenti talbet li tiġi allokata rata ta’ interess li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq.

75      Konsegwentement, hemm lok li din it-talba għal żieda tiġi miċħuda u li l-ammont kumpensatorju jiġi stabbilit għal EUR 184 592.95.

 Fuq it-talba għall-għoti ta’ interessi moratorji taħt it-tieni kap tat-talbiet

76      Peress li r-rikorrenti talbet, fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet, l-għoti ta’ interessi moratorji fuq l-ammont kumpensatorju, kif imsemmi fil-punt 75 iktar ’il fuq, għandhom jiġu allokati interessi moratorji b’effett mill-għoti ta’ din is-sentenza sal-ħlas komplet mill-Kummissjoni, u kif mitlub, bir-rata ta’ interessi tal-BĊE, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali, b’analoġija għall-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea, T‑577/14, EU:T:2017:1, punti 178 u 179).

77      Min-naħa l-oħra, hemm lok li din it-talba tiġi miċħuda sa fejn tikkonċerna l-għoti ta’ interessi moratorji b’effett mill-1 ta’ Frar 2017.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li t-talba għad-danni tintlaqa’, kif imsemmi fl-ewwel kap tat-talbiet, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-talba sussidjarja għall-annullament tal-messaġġ elettroniku inkwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni essenzjalment tilfet it-talbiet tagħha, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, hija marbuta tikkumpensa d-dannu mġarrab minn Printeos, SA, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas lil din il-kumpannija tas-somma ta’ EUR 184 592.95 li kienet dovuta lilha bħala interessi moratorji, li ġew inkorsi matul il-perijodu bejn id-9 ta’ Marzu 2015 u l-1 ta’ Frar 2017, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15).

2)      Il-kumpens imsemmi fil-punt 1 għandu jkun miżjud b’interessi moratorji, b’effett mill-għoti ta’ din is-sentenza u sal-ħlas komplet, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Forrester

Półtorak

 

      Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Frar 2019.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq is-suġġett tal-kawża

Fuq it-talba għal kumpens prinċipali taħt l-ewwel kap tat-talbiet

Tfakkira tal-argumenti tal-partijiet

Fuq il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

Fuq l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE

Fuq l-applikabbiltà tad-dispożizzjoni inkwistjoni u l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE

Fuq ir-rabta kawżali u l-kumpens għad-dannu

Fuq it-talba għall-għoti ta’ interessi moratorji taħt it-tieni kap tat-talbiet

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.