Language of document : ECLI:EU:T:2009:97

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ April 2009

Kawża T-385/04

Gregorio Valero Jordana

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Rikors għal annullament – Rikors għad-danni – Promozzjoni – Għoti ta’ punti ta’ prijorità ”

Suġġett: Rikors li għandu bħal suġġett l-annullament, l-ewwel nett, tad‑deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tas-servizz legali tal‑Kummissjoni li jagħti lir-rikorrent punt wieħed biss ta’ prijorità tad-Direttorat Ġenerali taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2003, ikkomunikata fis-7 ta’ Lulju 2003 u kkonfermata b’deċiżjoni tal‑Awtorità tal-Ħatra nnotifikata fis-16 ta’ Diċembru 2003; it-tieni nett, tad‑deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tagħti lir-rikorrent total ta’ 20 punt taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2003, innotifikata fis‑16 ta’ Diċembru 2003; tal-lista skont il-mertu tal-uffiċjali fil‑grad A 5 taħt il-proċedura 2003, ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 69-2003, tat-13 ta’ Novembru 2003; tal-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad A 4 taħt il-proċedura 2003, ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 73-2003, tas-27 ta’ Novembru 2003; tad-deċiżjoni li l-isem tar-rikorrent ma jiġix inkluż fl-imsemmija listi; it-tielet nett, tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li ma tagħtix lir-rikorrent punti ta’ prijorità addizzjonali taħt il‑proċedura ta’ promozzjoni 2003, kif tirriżulta mill-ittra tat-22 ta’ Frar 2007 u mid-deċiżjoni tas-17 ta’ April 2007, u intiż għal kumpens ta’ EUR 5 000. 

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu t-total tal-punti ta’ promozzjoni ta’ Gregorio Valero Jordana għal 20 punt u li jirrifjutaw li jinkluduh fil-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad A 4 taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2003 huma annullati. Il‑kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Appelli – Att li jikkawża preġudizzju – Sistema ta’ promozzjoni stabbilita mill-Kummissjoni – Konklużjoni tal-proċedura ta’ promozzjoni b’att li jinkludi deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi u deċiżjoni li tistabbillixxi l-punti mogħtija lill-uffiċjali – Deċiżjonijiet awtonomi li jistgħu jiġu kkontestati b’rikorsi separati jew b’rikors wieħed

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45(1), 90 u 91)

2.      Proċedura – Rikors promotur – Suġġett tal-kawża – Bdil matul il-kawża

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 48(2); Regolamenti tal‑Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Metodi – Kwantifikazzjoni tal-merti għall-għoti tal-punti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45(1))

1.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni, stabbilita permezz ta’ regolament intern tal-Kummissjoni, fejn il-proċedura ta’ promozzjoni tintemm permezz ta’ att ta’ natura kumplessa, fis-sens li huwa jinkludi żewġ deċiżjonijiet distinti tal‑Awtorità tal‑Ħatra, waħda li tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi u l-oħra li tistabbilixxi n-numru totali tal-punti, li fuqha hija bbażata l-ewwel deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, din id-deċiżjoni li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti tikkostitwixxi att awtonomu li jista’ jkun suġġett, bħala tali, ta’ lment u, jekk ikun il-każ, ta’ rimedju ġudizzjarju fil-kuntest tal-mezzi ta’ appell previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Għaldaqstant, uffiċjal mhux promoss minħabba l-għoti, allegatament mhux iġġustifikat, ta’ numru insuffiċjenti ta’ punti, li ma tippermettilux jilħaq il-livell meħtieġ għall-promozzjoni, jista’ jippreżenta l-appell tiegħu, kemm mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti kif ukoll minn dik li tistabbilixxi l‑lista tal-uffiċjali promossi.

Bil-kontra, id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ punti ta’ prijorità lir-rikorrent u dik li ma tinkludihx fil-lista skont il-mertu kif ukoll il-lista fiha nfisha jikkostitwixxu atti preparatorji li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament awtonomu. Madankollu, il-legalità tagħhom tista’ dejjem tiġi kkontestata fil‑kuntest tal-appell mid-deċiżjoni finali.

(ara l-punti 69-72)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ April 2003, Tejada Fernández vs Il‑Kummissjoni, T‑134/02, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑609, punt 18; Il-Qorti tal‑Prim’Istanza 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il-Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punti 90, 93 u 96 sa 98

2.       L-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jipprovdi li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda hija permessa meta dawn il-motivi huma bbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura, jista’ jiġi applikat, f’xi każijiet, għall-bdil fit-talbiet. Fil-fatt, skont rekwiżit ta’ ekonomija fil-proċedura, meta l-att ikkontestat huwa ssostitwit, matul il-kawża, permezz ta’ att li għandu l-istess suġġett, dan tal-aħħar jikkostitwixxi element ġdid li jippermetti lir‑rikorrenti li jadattaw it-talbiet u l-motivi tagħhom. Madankollu, mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-appell minn att li jikkawża preġudizzju li jikkonsisti f’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra hija ammissibbli biss jekk il-persuna kkonċernata tkun ressqet minn qabel quddiem l-imsemmija awtorità lment u jekk dan l-ilment kien ġie miċħud b’mod espliċitu jew impliċitu.

(ara l-punti 76-78)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Lulju 2001, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, T‑161/00, ĠabraSP p. I‑A‑155 u II‑721, punti 26 sa 28 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Ottubru 2004, Brendel vs Il-Kummissjoni, T‑55/03, ĠabraSP p. I‑A‑311 u II‑1437, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Sabiex tevalwa l-merti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u, konsegwentement, ukoll fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ punti ta’ prijorità f’sistema ta’ promozzjoni fejn tali evalwazzjoni hija kkwantifikata, l‑amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jillimita ruħu għall-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward tal-mezzi u tal-motivi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din żammitx f’limiti li ma jistgħux jiġu kkontestati u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punt 131)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ Mejju 2007, Crespinet vs Il‑Kummissjoni, T‑261/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata