Language of document : ECLI:EU:F:2015:61

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ġunju 2015

Kawża F‑5/14

CX

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sanzjoni dixxiplinari — Revoka — Nuqqas ta’ smigħ tal-uffiċjal ikkonċernat mill-Awtorità tal-Ħatra — Nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal smigħ”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu CX jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2013 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea imponiet fuqu sanzjoni li jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu mingħajr tnaqqis pro tempore tal-pensjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tikkumpensa għad-danni li huwa allegatament ġarrab.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2013 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea imponiet fuq CX is-sanzjoni li jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu mingħajr tnaqqis pro tempore tal-pensjoni hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ CX, inkluż l-ispejjeż marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża F-5/14 R.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari — Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li timponi sanzjoni dixxiplinari mingħajr smigħ minn qabel tal-persuna kkonċernata — Assenza ta’ seduta minn qabel imputabbli lill-persuna interessata — Legalità — Ksur tad-dritt għal smigħ — Assenza — Stħarriġ ġudizzjarju

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a), 51(1) u 52(1); Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 4 u 22(1))

2.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari — Impossibbiltà medika kkonstatata ta’ smigħ ta’ uffiċjal mill-Bord Dixxiplinari — Obbligu tal-persuna interessata li tipproduċi ċertifikat mediku li jsemmi l-inkapaċità inkwistjoni — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

3.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari — Impossibbiltà medika kkonstatata ta’ smigħ ta’ uffiċjal mill-Bord Dixxiplinari — Talba għad-differiment tas-seduta — Ġustifikazzjoni għar-rifjut tad-differiment

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

1.     Skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament. Fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinari kif irregolata mir-Regolamenti, id-dritt għal smigħ huwa implementat, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, minn naħa, b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 22(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti u, min-naħa l-oħra, permezz tal-Artikolu 4 ta’ dan l-istess anness. Fir-rigward tal-kwistjonijiet dixxiplinari, l-obbligu tal-Awtorità tal-Ħatra li tisma’ lill-persuna interessata għandu jinftiehem strettament minħabba b’mod partikolari fil-gravità tas-sanzjonijiet li tista’ twassal għalihom il-proċedura dixxiplinari.

Madankollu, il-fatt li l-persuna interessata ma nstemgħatx konformement mal-Artikolu 22(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti ma jwassalx għall-annullament tad-deċiżjoni li timponi fuqha sanzjoni dixxiplinari jekk dan in-nuqqas kien imputabbli lill-persuna interessata stess. Fil-fatt, l-imsemmija awtorità ma hijiex obbligata li tiddiferixxi indefinittivament id-data tal-aħħar seduta sakemm il-persuna interessata tkun tista’ tipparteċipa. Għal kuntrarju, kemm fl-interess tal-uffiċjal kif ukoll fl-interess tal-amministrazzjoni, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedura dixxiplinari ma tistax tiġi posposta mingħajr ġustifikazzjoni. Barra minn hekk, dan huwa l-għan tat-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 22(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti, li jikkostitwixxi fil-fatt “regola ta’ amministrazzjoni tajba”.

Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra biex tipproċedi għall-adozzjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari mingħajr ma tisma’ lill-persuna interessata fejn hija pproduċiet ċertifikat mediku li jippermetti li tiġi ġġustifikata b’mod validu l-assenza tagħha, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk il-prova miġjuba f’dan ir-rigward mill-amministrazzjoni turix li n-nuqqas li tinstema’ l-persuna interessata huwa imputabbli lilha stess.

(ara l-punti 61 sa 65)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Van Eick vs Il-Kummissjoni, 35/67, EU:C:1968:39 u Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 42

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Stevens vs Il-Kummissjoni, T‑277/01, EU:T:2002:302, punti 41 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza de Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni, F‑107/13, EU:F:2014:232, punti 100 u 111

2.     L-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti, lanqas b’mod partikolari tal-Anness IX tagħhom, ma tobbliga lill-uffiċjal mistieden għal seduta dixxiplinari quddiem l-Awtorità tal-Ħatra sabiex jiżgura li kwalunkwe ċertifikat mediku li jiġġustifika l-inkapaċità tiegħu li jipparteċipa għal din is-seduta, jinkludi riferiment espress għall-fatt li huwa pprojbit milli joħroġ u ma jistax jivvjaġġa. Għalhekk, l-assenza ta’ tali riferiment ma tippermettix, fiha nnifisha, li jiġi konkluż li l-istat ta’ saħħa tal-uffiċjal ikkonċernat huwa tali li jippermettilu li jidher quddiem l-imsemmija awtorità sabiex jiddefendi d-drittijiet tiegħu fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinari mibdija kontrih.

(ara l-punt 74)

3.     Meta uffiċjal ikun informa kif suppost u korrettament lill-Awtorità tal-Ħatra, permezz ta’ ċertifikat mediku, dwar l-inkapaċità tiegħu li jidher quddiem din l-awtorità fi tliet partijiet jew li jipproduċi osservazzjonijiet bil-miktub, hija l-imsemmija awtorità li għandha turi, permezz ta’ opinjoni medika oħra jew permezz ta’ serje ta’ indizji konkordanti, li l-uffiċjal marid, għal kuntrarju, seta’ jattendi l-imsemmija seduta u jiddefendi l-kawża tiegħu b’mod effettiv.

(ara l-punti 75 u 76)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza de Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni, EU:F:2014:232, punt 111