Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ April 2020 – Watson vs Il-Parlament

(Kawża T-245/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Graham R. Watson (Edinburgh, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: A. Schmitt u A. Grosjean, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara u tiddeċiedi li,

dan ir-rikors huwa ammissibbli;

safejn huwa neċessarju, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew bħala miżuri istruttorji ta’ din il-kawża, il-Parlament Ewropew għandu jiġi kkundannat jipproduċi l-pariri mogħtija mis-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew, li ngħataw fis-16 ta’ Lulju 2018 kif ukoll fit-3 ta’ Diċembru 2018, bla ħsara għad-data eżatta, iżda f’kull każ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni meħuda mill-Bureau tal-Parlament fl-10 ta’ Diċembru 2018 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (2018/C 466/02, Ġurnal Uffiċjali 28 ta’ Diċembru 2018, C 466/8);

id-deċiżjoni individwali kkontestata, innotifikata lir-rikorrent mid-Diviżjoni “Remunerazzjoni u Drittijiet Soċjali tal-Membri” tad-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tar-rikorrent għall-pensjoni tal-irtirar komplementari (volontarja) tiegħu, għandha tiġi annullata abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, safejn din id-deċiżjoni implimentat iż-żieda fl-età għall-għoti tal-pensjoni tal-irtirar komplementari (volontarja) dovuta lir-rikorrent minn 63 għal 65 sena mill-1 ta’ Jannar 2019 kif stabbilita mid-deċiżjoni tal-Bureau tal-10 ta’ Diċembru 2018 msemmija iktar ’il fuq;

id-deċiżjoni meħuda mill-Bureau tal-Parlament fl-10 ta’ Diċembru 2018 msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi annullata, jew iddikjarata mhux applikabbli, skont l-Artikolu 277TFUE, safejn hija temenda l-Artikolu 76 tal-MIIM, u b’mod iktar partikolari sa fejn hija żżid l-età għall-għoti tal-pensjoni tal-irtirar komplementari (volontarja) dovuta mill-1 ta’ Jannar 2019;

il-Parlament għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza ratione materiae tal-Bureau.

minn naħa, id-deċiżjoni tal-Bureau tal-10 ta’ Diċembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bureau”) ittieħdet bi ksur tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew adottat permezz ta’ deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005, 2005/684/KE, Euratom (ĠU 2005, L 262, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“Istatut”). Id-deċiżjoni tal-Bureau tmur kontra, b’mod partikolari, l-Artikolu 27 tal-Istatut li jimponi ż-żamma tad-“drittijiet miksuba” u tad-“drittijiet futuri”.

min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Bureau toħloq taxxa billi tistabbilixxi imposta speċjali ta’ 5 % tal-ammont nominali tal-pensjoni tal-irtirar filwaqt li l-ħolqien ta’ taxxa ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Bureau skont l-Artikolu 223(2) TFUE.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

minn naħa, il-Bureau qiegħed jiġi kkritikat talli adotta d-deċiżjoni tiegħu mingħajr ma osserva r-regoli imposti mill-Artikolu 223 TFUE.

min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Bureau ma hijiex suffiċjentement motivata u tikser għalhekk l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet miksuba u tad-drittijiet futuri u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

minn naħa, id-deċiżjoni tal-Bureau tikser id-drittijiet miksuba u d-drittijiet futuri li jirriżultaw kemm mill-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll mill-Istatut, li jimponi espressament li dawn jinżammu “fl-intier tagħhom” (Artikolu 27).

min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Bureau tikser il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

minn naħa, il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrent huwa sproporzjonat fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-deċiżjoni tal-Bureau.

min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Bureau għandha tiġi ddikjarata mhux applikabbli minħabba l-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u fuq l-assenza ta’ miżuri tranżitorji.

minn naħa, id-deċiżjoni tal-Bureau tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali safejn hija għandha effetti retroattivi irregolari.

min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Bureau tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali safejn hija naqset milli tipprevedi miżuri tranżitorji.

____________