Language of document : ECLI:EU:T:2007:298

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

27 ta’ Settembru 2007 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ħalib – Imposta addizzjonali – Kwantità ta’ referenza – Regolament (KEE) Nru 2187/93 – Kumpens lill-produtturi – Sospensjoni tal-preskrizzjoni”

Fil-kawżi magħquda T‑8/95 u T‑9/95,

Wilhelm Pelle, residenti fi Kluse-Ahlen (il-Ġermanja),

Ernst-Reinhard Konrad, residenti f’Löllbach (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn B. Meisterernst, M. Düsing, D. Manstetten, F. Schulze u W. Haneklaus, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn A. Brautigam u A.-M. Colaert, u sussegwentement minn A.-M. Colaert, bħala aġenti,

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn D. Booß u M. Niejahr, bħala aġenti, sussegwentement minn van Rijn u Niejahr, assistiti inizjalment minn H.-J. Rabe, G. Berrisch u M. Núñez-Müller,

konvenuti,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal kumpens skond l-Artikolu 178 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 235 KE) u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 215 KE (li sar it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE) għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84, tal-31 ta’ Marzu 1984, li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ l-imposta msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 13), kif kompletat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84, tas-16 ta’ Mejju 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 (ĠU L 132, p. 11),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Is-sistema tal-kwantitajiet ta’ referenza

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1078/77, tas-17 ta’ Mejju 1977, li jistabbilixxi sistema ta’ primjums għan-non kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u għall-konverżjoni ta’ merħliet ta’ baqar li jipproduċu l-ħalib (ĠU L 131, p. 1), kien jipprovdi għall-ħlas ta’ primjum ta’ non kummerċjalizzazzjoni jew ta’ primjum ta’ konverżjoni lill-produtturi li jobbligaw ruħhom li ma jikkummerċjalizzawx il-ħalib jew prodotti tal-ħalib għal perijodu ta’ non kummerċjalizzazzjoni ta’ ħames snin jew li ma jikkummerċjalizzawx il-ħalib jew prodotti tal-ħalib u li jikkonvertu l-merħliet tagħhom li jipproduċu l-ħalib f’merħliet intiżi sabiex jipproduċu l-laħam għal perijodu ta’ konverżjoni ta’ erba’ snin.

2         Il-produtturi tal-ħalib li kienu daħlu għal impenn skond ir-Regolament Nru 1078/77 huma komunement imsejħa l-“produtturi SLOM”; dan l-akronimu ġej mill-espressjoni Olandiża “slachten en omschakelen” (oqtol u kkonverti) li tiddeskrivi l-obbligi tagħhom fil-kuntest tas-sistema ta’ non kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni.

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 856/84 tal-31 ta’ Marzu 1984, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 804/68 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 10), u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) 857/84 tal-31 ta’ Marzu 1984, li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ l-imposta prevista fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 13), introduċew, mill-1 ta’ April 1984, imposta addizzjonali fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib kunsinnati li kienu jaqbżu kwantità ta’ referenza li kellha tiġi ddeterminata, għal kull xerrej, fil-limitu ta’ kwantità globali ggarantita lil kull Stat Membru. Il-kwantità ta’ referenza eżenti mill-imposta addizzjonali kienet ugwali għall-kwantità tal-ħalib jew ekwivalenti tal-ħalib ikkunsinnata minn produttur jew mixtrija minn maħleb, kif deċiż mill-Istat, matul is-sena ta’ referenza li, fil-każ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kienet is-sena 1983.

4        Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 148, p. 13), ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84 tas-16 ta’ Mejju 1984 (ĠU L 132, p. 11).

5        Il-produtturi li ma kkunsinnawx ħalib matul is-sena ta’ referenza adottata mill-Istat Membru kkonċernat, in eżekuzzjoni ta’ impenn assunt skond ir-Regolament Nru 1078/77, kienu esklużi mill-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ referenza.

6        Permezz tas-sentenzi tat-28 ta’ April 1988, Mulder (120/86, Ġabra p. 2321, iktar’il quddiem is-“sentenza Mulder I”), u von Deetzen (170/86, Ġabra p. 2355), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalidu r-Regolament Nru 857/84, kif ikkompletat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84, safejn dan ma kienx jipprovdi għall-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ referenza lill-produtturi li, b’eżekuzzjoni ta’ impenn meħud skond ir-Regolament Nru 1078/77, ma kkunsinnawx ħalib matul is-sena ta’ referenza adottata mill-Istat Membru kkonċernat.

7        Wara s-sentenzi Mulder I u von Deetzen, iċċitati iktar’il fuq fil-punt 6, il-Kunsill adotta, fl-20 ta’ Marzu 1989, ir-Regolament (KEE) Nru 764/89, li jemenda r-Regolament Nru 857/84 (ĠU L 84, p. 2), li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 1989, sabiex jippremetti l-għoti lill-kategorija ta’ produtturi msemmija f’dawn is-sentenzi ta’ kwantità ta’ referenza li tirrapreżenta 60 % tal-produzzjoni tagħhom matul it-tnax-il xahar li ppreċedew l-impenn tagħhom ta’ non kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni assunt skond ir-Regolament Nru 1078/77.

8        Il-produtturi li kienu daħlu għal impenji ta’ non kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni u li, skond ir-Regolament Nru 764/89, irċevew kwantità ta’ referenza msejħa “speċifika” jissejħu l-“produtturi SLOM I”.

 Is-sistema ta’ kumpens u s-sistema ta’ preskrizzjoni

9        Permezz ta’ sentenza interlokutorja tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-3061, iktar’il quddiem is-“sentenza Mulder II”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat il-Komunità responsabbli tad-danni mġarrba minn ċerti produtturi tal-ħalib li kienu daħlu għal impenji skond ir-Regolament Nru 1078/77 u li sussegwentement ma kinux tħallew jikkummerċjalizzaw il-ħalib b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84, kif kompletat mir-Regolament Nru 1371/84. Għal dak li jirrigwarda l-ammonti li kellhom jitħallsu, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet sabiex jistabbiluhom bi qbil komuni.

10      Wara din is-sentenza, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppubblikaw il-Komunikazzjoni 92/C 198/04 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta’ Awwissu 1992 (ĠU C 198, p. 4, iktar’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-5 ta’ Awwissu 1992”). Din il-Komunikazzjoni tipprovdi:

“Wara s-sentenza [Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9] [...], l-istituzzjonijiet Komunitàrji jqisu neċessarju li jikkomunikaw lill-partijiet ikkonċernati dan li ġej:

1) Il-Qorti tal-Ġusitzzja rrikonoxxiet ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skond l-Artikolu [288 KE] fil-konfront ta’ kull produttur kif iddefinit fl-Artikolu 12(c) tar-Regolament (KEE) Nru 857/84 li sofra dannu reparabbli fis-sens tas-sentenza ċċitata iktar’il fuq, minħabba l-fatt li ma setax jirċievi kwota tal-ħalib tempestivament b’riżultat tal-parteċipazzjoni tiegħu fis-sistema stabbilita mir-Regolament (KEE) Nru 1078/77, u li jissodisfa effettivament il-kriterji u kundizzjonijiet ta’ din is-sentenza.

2) L-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom fil-konfront tal-produtturi kollha msemmija fil-punt 1 li jirrinunzjaw, sa l-iskadenza tat-terminu previst fil-punt 3, li jqajmu l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (li sar l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja) sakemm id-dritt għall-kumpens kien għadu ma ġiex preskritt fid-data tal-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni preżenti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew fid-data li fiha l-produttur irrikorra għand waħda mill-istituzzjonijiet.

3) Sabiex jingħata effett sħiħ lis-sentenza [Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9], l-istituzzjonijiet ser jadottaw il-modalitajiet prattiċi għall-kumpens tal-persuni kkonċernati, inkluża l-kwistjoni ta’ l-interessi.

L-istituzzjonijiet ser jispeċifikaw lil liema awtoritajiet u f’liema terminu jridu jiġu mressqa t-talbiet. Il-produtturi huma assigurati li mhijex ser tiġi ppreġudikata l-possibbiltà li jiġu rrikonoxxuti d-drittijiet tagħhom jekk ma jressqux il-każ tagħhom quddiem l-istituzzjonijiet Komunitarji jew l-awtoritajiet nazzjonali qabel il-bidu ta’ dan it-terminu”.

11      Wara l-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Awwissu 1992, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 2187/93, tat-22 ta’ Lulju 1993, li jipprovdi offerta ta’ kumpens lil ċerti produtturi tal-ħalib jew ta’ prodotti tal-ħalib li temporanjament ma tħallewx iwettqu l-attività tagħhom (ĠU 1993 L 196, p. 6). Dan ir-Regolament ipprovda offerta ta’ kumpens b’rata fissa, lill-produtturi li kienu kisbu kwantità ta’ referenza speċifika definittiva, għad-danni mġarrba b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni msemmija fis-sentenza Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9.

12      L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/93 jgħid hekk:

“Il-produttur għandu jindirizza t-talba tiegħu [għal kumpens] lill-awtorità [nazzjonali] kompetenti. It-talba tal-produttur trid tasal għand l-awtorità kompetenti, taħt piena li ma tintlaqax, mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 1993.

It-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jerġa’ jibda jiddekorri fil-konfront tal-produtturi kollha mid-data prevista fl-ewwel subparagrafu jekk it-talba prevista fl-imsemmi subparagrafu ma tkunx saret qabel din id-data, sakemm il-preskrizzjoni ma tkunx ġiet interrotta permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tagħha”.

13      L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93 jipprovdi:

“L-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 10 għandha, f’isem u fl-interess tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fi żmien massimu ta’ erba’ xhur minn meta tirċievi t-talba, tagħmel offerta ta’ kumpens lill-produttur [...]”

14      It-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93 jipprovdi:

“Il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ l-offerta fi żmien xahrejn minn meta din tiġi rċevuta hija li din ma tibqax torbot fil-ġejjieni lill-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati.”.

15      L-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar’il quddiem “l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja”) jipprovdi:

“L-azzjonijiet kontra l-Komunitajiet f’materja ta’ responsabiltà non-kontrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi nterrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Komunitajiet. F’dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 230 [KE] [...]; japplikaw meta jkun il-każ [...] id-disposizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikoli 232 [KE] [...]”.

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

16      Ir-rikorrenti huma produtturi tal-ħalib fil-Ġermanja. Fil-kuntest tar-Regolament Nru 1078/77, huma daħlu għal impenn ta’ non kummerċjalizzazzjoni li skada fl-1 ta’ Marzu 1985 fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża T-8/95 u fit-30 ta’ Ġunju 1984 fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża T-9/95. Fil-kwalità tagħhom ta’ produtturi SLOM I, huma kisbu kwantita ta’ referenza speċifika skond ir-Regolament Nru 764/89.

17      B’ittra tat-23 ta’ Diċembru 1991 indirizzata lill-istituzzjonijiet konvenuti, ir-rikorrent fil-kawża T-8/95 sostna d-drittijiet tiegħu għal kumpens kontra l-Komunità. L-istess għamel ir-rikorrent fil-kawża T-9/95 b’ittra ta’ l-4 ta’ Diċembru 1990. Il-Kunsill, fl-ittri tat-13 ta’ Jannar 1992 (kawża T-8/95) u ta’ l-20 ta’ Diċembru 1990 (kawża T-9/95), u l-Kummissjoni, fl-ittri tas-16 ta’ Jannar 1992 (kawża T-8/95) u tad-19 ta’ Diċembru 1990 (kawża T-9/95), irrifjutaw li jikkumpensaw lir-rikorrenti. F’dawn l-istess ittri, l-istituzzjonijiet konvenuti ddikjaraw li kienu lesti jirrinunzjaw li jinvokaw il-preskrizzjoni sa l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur wara l-publikazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, tas-sentenza Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9. Madankollu, din ir-rinunzja, limitata fiż-żmien, kienet tgħodd biss għat-talbiet li kienu għadhom ma ġewx preskritti fid-data ta’ l-ittri msemmija iktar’il fuq.

18      Wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2187/93, ir-rikorrenti ppreżentaw talbiet għall-kumpens ibbażati fuq l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) ta’ l-imsemmi Regolament quddiem l-awtorità Ġermaniża kompetenti.

19      Permezz ta’ l-ittri tas-17 ta’ Diċembru 1993 (kawża T-8/95) u tat-2 ta’ Diċembru 1993 (kawża T-9/95), l-awtorità Ġermaniża bagħtet lir-rikorrenti, abbażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93, offerti ta’ kumpens b’rata fissa f’isem u fl-interess tal-Komunità.

20      Ir-rikorrenti ħallew jgħaddi t-terminu ta’ xahrejn previst fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93. L-offerti ta’ kumpens imsemmija fil-punt preċedenti b’hekk ġew impliċitament miċħuda.

 Il-proċedura

21      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Jannar 1995, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors preżenti.

22       Permezz ta’ digriet ta’ l-Ewwel Awla tat-3 ta’ Lulju 1995, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssospendiet il-proċedimenti sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza fil-kawża Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-104/89 u C-37/90). Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-203), ġabet fit-tmiem is-sospensjoni.

23      Permezz ta’ digriet tal-President ta’ l-Ewwel Awla tas-6 ta’ Lulju 1995, il-kawżi T-366/94, T-3/95, T-7/95, T-8/95, T-9/95, T-14/95, T-16/95, T-20/95, T-22/95, T-100/95, T-120/95 u T-124/95 ġew magħquda. Fil-frattemp, il-kawżi T-366/94, T-3/95, T-7/95, T-14/95, T-16/95, T-20/95, T-22/95, T-100/95, T-120/95 u T-124/95 ġew imħassra mir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

24      Permezz ta’ digriet tar-Raba’ Awla ta’ l-10 ta’ April 2000, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssospendiet il-proċedimenti sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti s-sentenza fil-kawża Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-187/94). Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2002, Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-187/94) ġabet fit-tmiem is-sospensjoni.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2003, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tirrinvija l-kawżi preżenti lil Awla komposta minn tliet Imħallfin, f’dan il-każ l-Ewwel Awla.

26      Billi nbidlet il-kompożizzjoni ta’ l-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla. Għalhekk, il-kawżi preżenti ġew assenjati lill-Ħames Awla.

27      B’mistoqsija bil-miktub ta’ l-20 ta’ Settembru 2006, il-partijiet intalbu jieħdu pożizzjoni fuq l-impatt tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 2004, van den Berg vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-164/01 P, Ġabra p. I-10225, iktar’il quddiem is-“sentenza van den Berg”), fuq il-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-kawżi preżenti. Il-partijiet irrispondew għal din il-mistoqsija fit-terminu li ġie mogħti lilhom.

28      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta tat-23 ta’ Jannar 2007.

 It-talbiet tal-partijiet

29      Fil-kawża T-8/95, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tikkundanna lill-istituzzjonijiet konvenuti in solidum bejniethom biex iħallsuh kumpens SLOM I, għall-perijodu bejn it-2 ta’ Marzu 1985 sad-29 ta’ Marzu 1989, fl-ammont ta’ 81 159, 764 Marki Ġermaniżi (DEM), flimkien ma’ interessi moratorji bir-rata ta’ 8 % fis-sena mid-19 ta’ Mejju 1992;

–        tikkundanna lill-istituzzjonijiet konvenuti in solidum bejniethom għall-ispejjeż.

30      F’din l-istess kawża, ir-rikorrent jispeċifika fir-replika tiegħu li huwa qed jeżerċita d-drittijiet tiegħu għal kumpens għall-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1986 sad-29 ta’ Marzu 1989.

31      Fil-kawża T-9/95, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tikkundanna lill-istituzzjonijiet konvenuti in solidum bejniethom biex iħallsuh kumpens SLOM I, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 1984 sad-29 ta’ Marzu 1989, fl-ammont ta’ 83 670, 155 DEM, flimkien ma’ interessi moratorji bir-rata ta’ 8 % fis-sena mid-19 ta’ Mejju 1992;

–        tikkundanna lill-istituzzjonijiet konvenuti in solidum bejniethom għall-ispejjeż.

32      F’din l-istess kawża, ir-rikorrent jispeċifika fir-replika tiegħu li huwa qed jeżerċita d-drittijiet tiegħu għal kumpens għall-perijodu bejn is-7 ta’ Diċembru 1985 sad-29 ta’ Marzu 1989.

33      Minbarra dan, fiż-żewġ kawżi, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza tgħaqqad il-kawżi preżenti mal-kawża Hülseberg et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-77/93) u li l-Qorti tal-Prim’Istanza tissospendi l-proċedimenti sakemm tingħata s-sentenża f’dik il-kawża. Madankollu, din il-kawża ta’ l-aħħar ġiet imħassra mir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza b’digriet ta’ l-4 ta’ Frar 1997.

34      Fil-kawżi T-8/95 u T-9/95, l-istituzzjonijiet konvenuti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

35      Ir-rikorrenti jirreferu għas-sentenza Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9, u jsostnu li, fil-kwalità tagħhom ta’ produtturi SLOM I, huma għandhom dritt għall-kumpens għad-dannu mġarrab minnhom. Il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali ppreżentaw offerta ta’ kumpens abbażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93 jikkonferma r-responabbilità tal-Komunità. Ir-rifjut tar-rikorrenti li jaċċettaw din l-offerta ma taffettwa bl-ebda mod id-drittijiet tagħhom għal kumpens.

36      Fir-rigward tad-dannu allegatament imġarrab, ir-rikorrenti jsostnu li minħabba n-nuqqas ta’ spazju, produzzjoni alternattiva ma kinitx possibbli fl-azjenda tagħhom, b’mod li d-dannu mġarrab huwa ferm akbar mill-kumpens previst mir-Regolament Nru 2187/93.

37      Minbarra dan, skond ir-rikorrenti, it-talbiet tagħhom ma ġewx preskritti. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huma jsostnu, b’referenza għall-kundizzjonijiet tal-preskrizzjoni skond l-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ma jistax jiġi kkunsidrat li huma, bħala sempliċi ċittadini, kien imisshom kienu jafu, qabel ma ngħatat is-sentenza Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9, fid-19 ta’ Mejju 1992, li l-kundizzjonijiet sabiex jitressaq rikors għad-danni kienu sodisfatti.

38      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li jirriżulta mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/93 li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja reġa’ beda jiddekorri mit-30 ta’ Settembru 1993 għall-produtturi kollha tal-ħalib li ma kinux ippreżentaw it-talba tagħhom jew ir-rikors tagħhom qabel din id-data. Għalhekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni skada biss fl-1998, b’mod li r-rikorsi ppreżentati fit-23 ta’ Jannar 1995 ma ġewx ippreżentati tard wisq.

39      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li t-terminu ta’ xahrejn previst fit-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja japplika biss fil-każ ta’ deċiżjoni neġattiva ta’ istituzzjoni li tiddeċiedi dwar talba mressqa qabel il-preżentata ta’ rikors. Skond ir-rikorrenti, l-offerta ta’ kumpens li saritilhom skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93 ma tikkostitwixxix tali deċiżjoni. Għaldaqstant, it-talbiet tagħhom imressqa qabel il-preżentata ta’ rikors, ippreżentati fit-23 ta’ Diċembru 1991 (kawża T-8/95) u fl-4 ta’ Diċembru 1990 (kawża T-9/95), kienu għadhom ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni negattiva adottata mill-istituzzjonijiet konvenuti. Minbarra dan, talba magħmula skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/93 m’għandhiex tikkostitwixxi talba mressqa qabel il-preżentata ta’ rikors fis-sens ta’ l-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u, konsegwentement, la l-offerta magħmula abbażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93 u lanqas l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst fit-tielet paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni ma jikkostitwixxu deċiżjoni negattiva kif prevista mill-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, it-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ppreżentat rikors ma japplikax.

40      Fir-raba’ lok, sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li huma ħadu żball skużabbli dwar il-mument meta beda jiddekorri t-terminu sabiex jiġi ppreżentat ir-rikors. Fil-fatt, in-natura ta’ l-imġiba ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti kienet tali li ħolqot, waħedha jew b’mod determinanti, konfużjoni kunsiderevoli f’moħħ ir-rikorrenti li, min-naħa tagħhom, kienu in bona fide u eżerċitaw id-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur ta’ esperjenza raġonevoli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Mejju 1991, Bayer vs Il-Kummissjoni, T-12/90, Ġabra p. II-219, punt 29, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 1999, Evans et vs Il-Kummissjoni, T-148/98 u T-162/98, Ġabra p. II 2837, punt 31).

41      Huma jsostnu li l-istituzzjonijiet konvenuti rrikjedew mill-produtturi tal-ħalib leżi li la jippreżentaw talba għal kumpens u lanqas rikors għad-danni, billi rreferew għall-adozzjoni ta’ sistema ta’ kumpens b’rata fissa. Din seħħet bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Awwissu 1992 u tar-Regolament Nru 2187/93. L-istituzzjonijiet konvenuti kienu jafu li d-dannu kien seħħ ta’ spiss fl-1984 u fl-1985, iżda ddikjaraw diversi drabi li kienu sejrin jirrunzjaw li jinvokaw il-preskrizzjoni. Skond ir-rikorrenti, operatur ta’ esperjenza raġonevoli seta’ għalhekk jemmen u jistenna li l-fatt li l-posponiment tal-mument li fih huwa jinvoka d-drittijiet tiegħu għal kumpens ma kien ser jinvolvi d-dekadenza mid-dritt tiegħu li jressaq proċedimenti.

42      Barra minn hekk, billi l-kliem tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/93 jindika li terminu ġdid ta’ ħames snin jerġa’ jibda jiddekorri mit-30 ta’ Settembru 1993, operatur ta’ esperjenza raġonevoli ma setax jipprevedi l-iżvilupp ġurisprudenzjali stabbilit fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Novembru 1998, Steffens vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-222/97, Ġabra p. II-4175).

43      Fil-ħames lok, konformement mal-prinċipji tad-dritt Ewropew tal-kuntratti (Principles of European Contract Law, Parts 1 and 2, O. Lando u H. Beale (ed.), 2000; ZEuP 1995, p. 8644, u ZEuP 2000, p. 675) il-Komunità m’għadhiex iktar iġġustifikata li tinvoka l-preskrizzjoni meta, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2187/93, hija rrikonoxxiet il-prinċipju ta’ l-eżistenza ta’ kreditu ta’ kumpens favur il-produtturi tal-ħalib leżi.

44      B’risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punt 27 iktar’il fuq), ir-rikorrenti sostnew fl-ittri tagħhom tal-5 ta’ Ottubru 2006 li s-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, kellha tiġi interpretata fis-sens li ż-żmien li għadda bejn l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni u t-30 ta’ Settembru 1993 ma’ setax jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin. L-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’din is-sentenza twassal għall-konstatazzjoni li d-drittijiet għal kumpens tar-rikorrenti huma biss parzjalment preskritti.

45      L-istituzzjonijiet konvenuti ma jikkontestawx li r-rikorrenti jagħmlu parti mill-produtturi li, bħala regola, wara s-sentenza Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9, għandu jkollhom id-dritt li jiġu kkumpensati għad-dannu li rriżulta mill-esklużjoni temporanja tagħhom mill-produzzjoni tal-ħalib. Minkejja dan, huma jikkunsidraw li jirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Steffens vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 42, Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 24, u tas-7 ta’ Frar 2002, Kustermann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-201/94, Ġabra p. II-415), li d-drittijiet għal kumpens tar-rikorrenti huma preskritti kollha kemm huma. Konsegwentement, ir-rikorsi preżenti huma inammissibbli.

46      L-istituzzjonijiet konvenuti jfakkru li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jibda jiddekorri meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jagħtu lok għall-obbligu ta’ kumpens tal-Komunità. Fil-każ, bħal dak preżenti, fejn ir-responsabbilità tirriżulta minn att leġiżlattiv, huwa meħtieġ li jkunu seħħew l-effetti dannużi ta’ dan l-att (sentenza Steffens vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 42, punt 31). F’dan ir-rigward, huma jispeċifikaw li, għall-produtturi SLOM I, dawn il-kundizzjonijiet ġew sodisfatti fil-mument meta r-Regolament Nru 857/84 żammhom, għall-ewwel darba, milli jerġgħu jibdew il-produzzjoni tal-ħalib, jiġifieri l-ġurnata ta’ wara l-iskadenza ta’ l-impenji rispettivi tagħhom ta’ non kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni, madankollu mhux iktar kmieni mill-1 ta’ April 1984 (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ April 1997, Saint u Murray vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-554/93, Ġabra p. II-563, punt 87, u Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-20/94, Ġabra p. II-595, punti 2 u 130). Billi l-impenji ta’ non kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni tar-rikorrenti fil-kawżi T-8/95 u T-9/95 skadew fl-1 ta’ Marzu 1985 u fit-30 ta’ Ġunju 1984, rispettivament, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jidderkorri fit-2 ta’ Marzu 1985 fil-kawża T-8/95 u fl-1 ta’ Lulju 1984 fil-kawża T-9/95.

47      Madankollu, id-danni kkawżati mill-Komunità lill-produtturi tal-ħalib irrepetew ruħhom kuljum, tul iż-żmien kollu li fih il-produtturi ma ġewx allokati kwantità ta’ referenza. F’dan il-każ, il-produtturi SLOM I bħar-rikorrenti kienu miżmuma milli jipproduċu l-ħalib sakemm daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 764/89, fid-29 ta’ Marzu 1989.

48       Sabiex jiġi evalwat għal-liema danni mġarrba bejn it-2 ta’ Marzu 1985 u d-29 ta’ Marzu 1989 (kawża T-8/95) jew bejn l-1 ta’ Lulju 1984 u d-29 ta’ Marzu 1989 (kawza T-9/95) it-talbiet għal kumpens huma, jekk ikun il-każ, preskritti, l-istituzzjonijiet konvenuti jfakkru li, fir-risposti tagħhom għat-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti fil-kawżi T-8/95 u T-9/95, li jġibu d-dati tat-23 ta’ Diċembru 1991 u ta’ l-4 ta’ Diċembru 1990 rispettivament, huma rrunzjaw milli jqajmu eċċezzjoni tal-preskrizzjoni sa l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tas-sentenza Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9. Billi s-sentenza ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fis-17 ta’ Ġunju 1992, il-perijodu ta’ validità ta’ din ir-rinunzja spiċċa fis-17 ta’ Settembru 1992. Madanakollu, fil-frattemp, fil-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Awwissu 1992, l-istituzzjonijiet konvenuti impenjaw ruħhom fir-rigward tal-produtturi SLOM kollha milquta mis-sentenza Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9, li jirrunzjaw milli jqajmu eccezzjoni tal-preskrizzjoni sa dak iż-żmien li jiġu adottati l-modalitajiet prattiċi għall-finijiet tal-kumpens tagħhom. Għall-produtturi bħar-rikorrenti, li fil-konfront tagħhom l- istituzzjonijiet konvenuti ddikjaraw ruħhom disposti li ma jinvokawx il-preskrizzjoni sas-17 ta’ Settembru 1992, il-perijodu ta’ validità ta’ din ir-rinunzja kienet b’hekk estiża sa l-adozzjoni tal-modalitajiet prattiċi għall-finijiet tal-kumpens tagħhom. Il-modalitajiet prattiċi msemmija fil-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Awwissu 1992 ġew adottati bir-Regolament Nru 2187/93.

49      Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet konvenuti jinsistu fuq il-fatt li r-rikorrenti la aċettaw l-offerta ta’ kumpens li saritilhom abbażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93 fit-terminu ta’ xahrejn previst fit-tielet paragrafu ta’ l-imsemmija dispożizzjoni u lanqas ma ppreżentaw rikors għad-danni fi żmien xahrejn wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiex interrott bil-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Awwissu 1992 u għaldaqstant lanqas ma gie interrott bit-talbiet magħmula mir-rikorrenti, permezz ta’ l-ittri tat-23 ta’ Diċembru 1991 (kawża T-8/95) u ta’ l-4 ta’ Diċembru 1990 (kawża T-9/95) rispettivament (sentenza Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 137; Steffens vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 42, punti 37 sa 40; Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 24, punti 60 sa 64; u Kustermann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 45, punti 72 sa 76). It-terminu ta’ preskrizzjoni ġie interrott biss bil-preżentata tar-rikorsi, fit- 23 ta’ Jannar 1995.

50      Skond l-istituzzjonijiet konvenuti, minn dan isegwi li d-drittijiet għal kumpens tar-rikorrenti li nħolqu iktar minn ħames snin qabel l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni ġew preskritti. Minħabba l-fatt li l-preskrizzjoni ġiet interrotta biss fit-23 ta’ Jannar 1995 bil-preżentata tar-rikorsi, id-drittijiet kollha li nħolqu qabel it-23 ta’ Jannar 1990 huma preskritti. Peress li r-rikorrenti jistgħu jippretendu biss kumpens għall-perijodu bejn it-2 ta’ Marzu 1985 (kawża T-8/95) jew l-1 ta’ Lulju 1984 (kawża T-9/95) u d-29 ta’ Marzu 1989, id-drittijiet tagħhom huma konsegwentement preskritti fit-totalità tagħhom. Għalhekk ir-rikorsi għandhom jiġu miċhuda bħala inammissibli.

51      Fil-kontrorepliki tagħhom, l-istituzzjonijiet konvenuti jżidu, fl-ewwel lok, li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/93 fis-sens li terminu ġdid ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin beda jiddekorri mit-30 ta’ Settembru 1993, hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

52      Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq it-terminu ta’ xahrejn imsemmi fit-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jispjega bl-ebda mod għaliex, fil-każ ta’ rifjut ta’ offerta ta’ kumpens, ir-rikorrenti għandhom jibbenefikaw minn terminu ta’ preskrizzjoni ġdid. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li jirriżulta mis-sentenza Steffens vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 42 (punt 40), li r-rinunzja min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti li jinvokaw il-preskrizzjoni tikkostitwixxi att unilaterali li waqaf jipproduċi l-effetti tiegħu fit-tmiem tal-perijodu għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta ta’ kumpens.

53      Fit-tielet lok, l-istituzzjonijiet konvenuti jikkunsidraw li ż-żball magħmul mir-rikorrenti fir-rigward tal-mument meta beda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni mhuwiex skużabbli. Fil-fatt ir-rikorrenti wrew li kienu negliġenti.

54      Fir-raba’ lok, fir-rigward ta’ l-allegata applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt Ewropew tal-kuntratti, l-istituzzjonijiet konvenuti jikkunsidraw li dawn ma jistgħux japplikaw f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li ma teżisti ebda relazzjoni kuntrattwali bejn l-istituzzjonijiet konvenuti u r-rikorrenti.

55      B’risposta għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punt 27 iktar’il fuq), l-istituzzjonijiet konvenuti, fl-ittri tagħhom tal-5 ta’ Ottubru 2006, jikkontestaw ir-rilevanza tas-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispeċifika li s-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27 (punt 100), kienet tikkonċerna espliċitament l-ipoteżi fejn ma tkunx saret talba fis-sens ta’ l-Artikolu 10 (2) tar-Regolament Nru 2187/93. Peress li fil-kawżi preżenti l-produtturi għamlu tali talba, is-soluzzjoni adottata fis-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, ma tistax tiġi applikata għalihom u t-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi kkalkolat biss fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċċitata fil-punt 49 iktar’il fuq.

56      Il-Kummissjoni żżid li, jekk għandu japplika l-approċċ adottat fis-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, hemm lok li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu tal-preskrizzjoni, tittieħed in kunsiderazzjoni sospensjoni tat-terminu tal-preskrizzjoni li beda jiddekorri fil-ġurnata li fiha nbagħtet ir-risposta tal-Kummissjoni għat-talba inizjali tar-rikorrenti tat-23 ta’ Diċembru 1991 fil-kawża T-8/95 u ta’ l-4 ta’ Diċembru 1990 fil-kawża T-9/95. Għalhekk, id-data tal-bidu tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni għandha tkun is-16 ta’ Jannar 1992 fil-kawża T-8/95 u d-19 ta’ Diċembru 1990 fil-kawża T-9/95. Madanakollu, fis-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li d-data tal-bidu tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni tista’ wkoll tiġi ffissata fil-ġurnata li fiha l-istituzzjonijiet konvenuti rċevew it-talba inizjali tar-rikorrenti, jiġifieri t-31 ta’ Diċembru 1991 fil-kawża T-8/95 u s-7 ta’ Diċembru 1990 fil-kawża T-9/95. Id-data tat-tmiem tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni fis-sens tas-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, hija jew it-30 ta’ Settembru 1993 għaż-żewġ kawżi, jew id-data ta’ l-iskadenza tat-teminu għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta ta’ kumpens magħmula abbażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93. Abbażi ta’ dawn iż-żewġ ipoteżijiet ta’ l-aħħar, u meta tittieħed in kunsiderazzjoni d-data li fiha ġiet irċevuta r-risposta tal-Kummissjoni għat-talba inizjali tar-rikorrenti bħala l-mument li fih bdiet is-sospensjoni tal-preskrizzjoni, id-drittijiet kollha għal kumpens li nħolqu qabel il-5 ta’ Mejju 1988 jew qabel it-18 ta’ Diċembru 1987 huma preskritti fil-kawża T-8/95. L-istess japplika fil-kawża T-9/95, għad-drittijiet għal kumpens li nħolqu qabel it-12 ta’ April 1987 jew qabel it-8 ta’ Diċembru 1986.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

57      Jirriżulta mis-sentenza Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9, li l-Komunità hija responsabbli fil-konfront ta’ kull produttur li ġarrab dannu reparabbli minħabba l-fatt li ġie impedut milli jikkunsinna l-ħalib b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84 (sentenzi Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 71 u Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 24, punt 45).

58      Huwa paċifiku illi r-rikorrenti jinsabu ruħhom fis-sitwazzjoni tal-produtturi li għalihom tirreferi s-sentenza Mulder II iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9.

59      Minn dan isegwi li r-rikorrenti għandhom id-dritt li jiġu kkumpensati mill-istituzzjonijiet konvenuti għad-dannu mġarrab minnhom, sakemm id-drittijiet tagħhom ma ġewx preskritti.

60      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, u safejn, it-talbiet presenti huma milquta bil-preskrizzjoni.

61      Għandu jiġi mfakkar li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens u, b’mod partikolari, fil-każijiet fejn ir-responsabbiltà tirriżulta minn att leġiżlattiv, qabel ma jkunu seħħew l-effetti dannużi ta’ dan l-att. Dawn il-kundizzjonijiet huma relattivi għall-eżistenza ta’ mġiba illegali ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, għar-realtà tad-dannu allegat, u għall-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn din l-imġiba u d-dannu invokat (sentenza Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 107).

62      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita sewwa, id-dannu marbut mal-fatt li ma tkunx tista’ tintuża kwantità ta’ referenza huwa mġarrab mill-ġurnata li fiha, wara l-iskadenza ta’ l-impenn tiegħu ta’ non-kummerċjalizzazzjoni, il-produttur ikkonċernat seta’ jerġa’ jibda l-kunsinni tal-ħalib mingħajr ma jkollu jħallas l-imposta addizzjonali supplementarja li kieku ma ġiex irrifjutat l-allokazzjoni ta’ tali kwantità. Għalhekk hija f’din id-data li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ azzjoni għad-danni kontra l-Komunità (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001, Jestädt vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-332/99, Ġabra p. II-2561, punt 41; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Saint u Murray vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 87, u Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 130).

63      Għaldaqstant, fil-kawżi preżenti, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri fit-2 ta’ Marzu 1985 fil-kawża T-8/95 u fl-1 ta’ Lulju 1984 fil-kawża T-9/95, jigifieri l-għada ta’ l-iskadenza ta’ l-impenji ta’ non kummerċjalizzazzjoni tar-rikorrenti. Fil-fatt, f’dawn id-dati, ir-Regolament Nru 857/84, kif kompletat mir-Regolament Nru 1371/84, beda jipproduċi effetti dannużi fil-konfront tar-rikorrenti billi impedihom milli jerġgħu jibdew il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 130, u Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 24, punt 50; id-digriet Jestädt vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitat iktar’il fuq fil-punt 62, punt 42 ).

64      Il-fatt li r-rikorrenti, qabel ma ngħatat is-sentenza Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9, ma kinux konxji tal-fatt li l-kundizzjonijiet għal azzjoni għad-danni kontra l-Komunità kienu sodisfatti, ma taffettwa bl-ebda mod il-punt tat-tluq għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, peress li, fil-kawżi preżenti, ir-rikorrenti fil-kawżi T-8/95 u T-9/95 ma setgħux jiddubitaw li l-fatt li kienu impeduti milli jikkunsinnaw il-ħalib, mit-2 ta’ Marzu 1985 u mill-1 ta’ Lulju 1984 rispettivament, kien il-konsegwenza ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84, kif kompletat mir-Regolament Nru 1371/84 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Saint u Murray vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 85 u Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 112).

65      Għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-perijodu li matulu ġew imġarrba d-danni, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma ġewx ikkawżati b’mod istantanju. Huma komplew iseħħu matul ċertu perijodu, tul iż-żmien kollu li fih ir-rikorrenti ma setgħux jiksbu kwantità ta’ referenza, jiġifieri, f’dan il-każ, sat-28 ta’ Marzu 1989, il-ġurnata ta’ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 764/89 li, billi ppermetta l-allokazzjoni ta’ kwantitajiet ta’ referenza speċifiċi lill-produtturi SLOM I, temm id-dannu mġarrab mir-rikorrenti. Id-dannu kien kontinwu u kien jirrepeti ruħu kuljum (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punti 132 u 140; Kustermann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 45, punti 63 u 77; u Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 24, punt 65).

66      Konsegwentement, il-perijodu li matulu r-rikorrenti ġarrbu dannu b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84, kif kompletat mir-Regolament Nru 1371/84, jikkonsisti, għar-rikorrent fil-kawża T-8/95, fil-perijodu bejn it-2 ta’ Marzu 1985 u t-28 ta’ Marzu 1989 u, għar-rikorrent fil-kawża T-9/95, fil-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 1984 u t-28 ta’ Marzu 1989.

67      Sabiex jiġi evalwat għal-liema danni mġarrba matul il-perijodi msemmija fil-punt preċedenti t-talbiet ta’ kumpens huma preskritti, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-preskrizzjoni tiġi interrotta bil-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti Komunitarja jew billi titressaq talba qabel il-preżentata ta’ rikors lill-istituzzjoni kompetenti tal-Komunità, bil-kundizzjoni li f’dan l-aħħar każ, ikun hemm interruzzjoni biss jekk it-talba tkun segwita b’rikors fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 230 KE jew fl-Artikolu 232 KE, skond il-każ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 1973, Giordano vs Il-Kummissjoni, 11/71, Ġabra p. 417, punt 6; sentenzi Steffens vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 42, punti 35 u 42; u Kustermann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 45, punt 67).

68      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ressqu talba qabel il-preżentata ta’ rikors fis-sens ta’ l-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ l-ittri tat-23 ta’ Diċembru 1991 (kawża T-8/95) u ta’ l-4 ta’ Diċembru 1990 (kawża T-9/95) u li l-Kunsill ċaħad din it-tabla mressqa qabel il-preżentata ta’ rikors permezz ta’ l-ittri tat-13 ta’ Jannar 1992 (kawża T-8/95) u ta’ l-20 ta’ Diċembru 1990 (kawża T-9/95). Il-Kummissjoni għamlet l-istess permezz ta’ l-ittri tas-16 ta’ Jannar 1992 (kawża T-8/95) u tad-19 ta’ Diċembru 1990 (kawża T-9/95).

69      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li fl-ittri ċċitati fil-punti preċedenti, l-istituzzjonijiet konvenuti ddikjaraw ruħhom disposti li jirrunzjaw li jinvokaw il-preskrizzjoni sa l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tas-sentenza Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9. Madankollu, qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità ta’ din ir-rinunzja, din ġiet estiża permezz tal-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Awwissu 1992. Fil-fatt, f’din il-Komunikazzjoni, l-istituzzjonijiet konvenuti obbligaw ruħhom, fil-konfront tal-produtturi kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li joħorġu mis-sentenza Mulder II, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 9, u li d-dritt tagħhom għal kumpens ma kienx għadu ġie preskritt fil-5 ta’ Awwissu 1992, li jirrunzjaw li jqajmu l-preskrizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sal-mument li fih il-modalitajiet prattiċi għall-kumpens tal-produtturi kkonċernati jkunu ġew definiti (sentenza Saint u Murray vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 90).

70      Dawn il-modalitajiet ġew adottati bir-Regolament Nru 2187/93. B’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament, il-limitazzjoni tad-dritt ta’ l-istituzzjonijiet li jinvokaw il-preskrizzjoni li huma imponew fuqhom infushom spiċċat fit-30 ta’ Settembru 1993 fir-rigward tal-produtturi li ma kinux ippreżentaw talba għal kumpens fil-kuntest tar-Regolament (sentenzi Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 137, u Saint u Murray vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘l fuq fil-punt 46, punt 91). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-produtturi li kienu ppreżentaw talba skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/93, din il-limitazzjoni imposta mill-istituzzjonijiet fuqhom infushom spiċċat ma’ l-iskadenza tat-terminu għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta ta’ kumpens magħmula skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93 (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 137; Saint u Murray vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 91; Steffens vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 42, punt 40; u tas-7 ta’ Frar 2002, Schulte vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-261/94, Ġabra p. II-441, punt 67). Skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93, dan it-terminu ta’ l-aħħar skada xahrejn wara li ġiet irċevuta l-offerta ta’ kumpens li, min-naħa tagħha, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 ta’ l-imsemmi Regolament, kellha sseħħ fi żmien erba’ xhur wara li ġiet irċevuta t-talba.

71      Kuntrarjament għal dak li jippretendu r-rikorrenti, il-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Awwissu 1992 m’għandhiex l-effett li tikkawża d-dekorrenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ġdid ta’ ħames snin ikkalkolat mit-30 ta’ Settembru 1993 (sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, punt 100; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Steffens vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 42, punt 36).

72      Madankollu, ir-rinunzja ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti għad-dritt tagħhom li jinvokaw il-preskrizzjoni, li ġiet iddikjarata fil-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Awwissu 1992 u fil-korrispondenza preċedenti li segwiet it-talbiet għal kumpens magħmula qabel il-preżentata ta’ rikors, għandha effett fuq il-kalkolu tat-terminu tal-preskrizzjoni.

73      F’dan ir-rigward, jirriżulta mis-sentenza van den Berg, iċċitata iktar ‘l fuq fil-punt 27, li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni li tirriżulta mir-rinunzja unilaterali ta’ l-istituzzjonijiet li jinvokaw il-preskrizzjoni, li tinsab fil-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Awwissu 1992 u eventwalment ukoll f’korrispondenza preċedenti, tibqa tgħodd independentement mill-mument li fih ir-rikorrent ippreżenta rikors għad-danni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza van den Berg, iċċitata iktar ‘l fuq fil-punt 27, punti 100 u 101).

74      F’dan il-każ, fir-rigward tal-punt jekk is-soluzzjoni adottata fis-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, hijiex applikabbli, l-istituzzjonijiet konvenuti enfasizzaw li, kuntrarjament għar-rikorrent fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ir-rikorrenti fil-kawżi preżenti kienu ppreżentaw talba fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/93. Skond l-istituzzjonijiet konvenuti, minn dan isegwi li l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza van den Berg, iċċitata iktar il fuq fil-punt 27, mhijiex faċilment applikabbli għall-kawżi preżenti.

75       F’dan ir-riġward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li wieħed ikun indirizza talba għal kumpens lil istituzzjoni Komunitarja għandu biss il-konsegwenza li jipposponi l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin u mhux li jqassar il-preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilita fl-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Giordano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 67, punti 6 u 7, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-167/94, Ġabra p. II-2589, punt 30). Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, is-sitwazzjoni ta’ produttur tal-ħalib, bħalma huma r-rikorrenti fil-kawżi preżenti, li għamel talba għal kumpens skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/9 ma tistax tkun anqas vantaġġjuża mis-sitwazzjoni ta’ produttur li qatt m’għamel tali talba għal kumpens.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li fis-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma riedet tirrestrinġi l-benefiċċju tas-sospensjoni inkondizzjonata tal-preskrizzjoni li tirriżulta mir-rinunzja unilaterali ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti biss għall-kategorija ta’ produtturi tal-ħalib li ma kinux għamlu talba fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/93. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li hija rreferiet għal din l-assenza ta’ talba fil-punt 100 tas-sentenza tagħha unikament għall-finijiet li tiffissa d-data tat-tmiem tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni li tirriżulta minn din ir-rinunzja, li tvarja skond jekk tkunx tressqet talba skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/93 jew le (ara l-punt 70 iktar’il fuq).

77      Fis-seduta, l-istituzzjonijiet konvenuti enfasizzaw ukoll li r-rikorrent fil-kawża li tat lok għas-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, ma seta’ qatt ippreżenta talba skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/93, peress li s-sitwazzjoni tiegħu ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi Regolament. Skond l-istituzzjonijiet konvenuti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, li r-rikorrent f’din l-aħħar kawża seta’ jibbenefika minn sospensjoni tal-preskrizzjoni sat-30 ta’ Settembru 1993 peress li ma kienx f’pożizzjoni li kienet tippermettilu jipprevedi li s-sitwazzjoni tiegħu ma kinitx sejra tkun irregolata bir-Regolament Nru 2187/93.

78      Madankollu, dan il-fatt mhuwiex ta’ natura li jiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi preżenti. Fil-fatt, bħar-rikorrent fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, ir-rikorrenti fil-kawżi preżenti lanqas ma setgħu jipprevedu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2187/93 qabel l-adozzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar.

79      Għalhekk, hemm lok li jiġi ddeterminat, fid-dawl tas-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, għal-liema danni mġarrba bejn it-2 ta’ Marzu 1985 u t-28 ta’ Marzu 1989 (kawża T-8/95) jew bejn l-1 ta’ Lulju 1984 u t-28 ta’ Marzu 1989 (kawża T-9/95) it-talbiet għal kumpens kienu preskritti fil-mument meta tressqu r-rikorsi, fit-23 ta’ Jannar 1995.

80      Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti indirizzaw talba qabel il-preżentata ta’ rikors lill-istituzzjonijiet konvenuti, liema talba interrompiet il-preskrizzjoni ta’ ħames snin fil-mument li fih din it-talba ġiet irċevuta minn istituzzjoni waħda jew l-oħra. Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza li hija d-data li fiha t-talba tiġi rċevuta li hija determinati għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni u mhux, kif ippretendew l-istituzzjonijiet konvenuti, id-data li fiha l-istituzzjoni kkonċernata rrispondiet għal din it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, punt 101, u Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 139).

81      Ir-rikorrent fil-kawża T-8/95 għamel din it-talba permezz ta’ l-ittra tat-23 ta’ Diċembru 1991 indirizzata lill-istituzzjonijiet konvenuti. Il-Kunsill irċieva din l-ittra fil-31 ta’ Diċembru 1991. Id-data li fiha l-Kummissjoni rċeviet l-ittra ma tistax tiġi stabbilita b’ċertezza. Madankollu, fis-seduta, il-partijiet ftiehmu fuq il-fatt li jista’ jiġi kkunsidrat li din l-ittra waslet ukoll lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Diċembru 1991. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-mument li fih ġiet irċevuta t-talba mressqa qabel il-preżentata ta’ rikors, id-dritt għal kumpens kien preskritt għall-perijodu ta’ qabel il-31 ta’ Diċembru 1986 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punti 139 u 140). Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent fil-kawża T-8/95 speċifika huwa stess fir-replika tiegħu li huwa kien qiegħed jeżerċita d-dritt tiegħu għal kumpens għall-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1986 u d-29 ta’ Marzu 1989.

82      Fil-kawża T-9/95, ir-rikorrent indirizza talba qabel il-preżentata ta’ rikors lill-istituzzjonijiet konvenuti permezz ta’ ittra ta’ l-4 ta’ Diċembru 1990. Din l-ittra waslet lill-Kunsill fis-7 ta’ Diċembru 1990. Id-data li fiha l-Kummissjoni rċeviet l-ittra ma tistax tiġi stabbilita b’ċertezza. Madankollu, fis-seduta, il-partijiet ftiehmu fuq il-fatt li jista’ jiġi kkunsidrat li din l-ittra waslet ukoll lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Diċembru 1990. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-mument li fih ġiet irċevuta t-talba mressqa qabel il-preżentata ta’ rikors, id-dritt għal kumpens kien preskritt għall-perijodu ta’ qabel is-7 ta’ Diċembru 1985 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punti 139 u 140). Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent fil-kawża T-9/95 speċifika huwa stess fir-replika tiegħu li huwa kien qiegħed jeżerċita d-dritt tiegħu għal kumpens għall-perijodu bejn is-7 ta’ Diċembru 1985 u d-29 ta’ Marzu 1989.

83      Fit-tieni lok, skond is-soluzzjoni adottata fis-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27 (punti 100 u 101), għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu ta’ preskrizzjoni, għandu jitnaqqas il-perijodu bejn, minn naħa, il-31 ta’ Diċembru 1991 (kawża T-8/95) u s-7 ta’ Diċembru 1990 (kawża T-9/95) rispettivament, u min-naħa l-oħra, id-data ta’ l-iskadenza ta’ l-impenn meħud mill-istituzzjonijiet konvenuti li jirrunzjaw li jinvokaw il-preskrizzjoni.

84      Madankollu, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, ir-rikorrenti ressqu talba skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2187/93 u rċevew offerta abbażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 ta’ l-imsemmi Regolament, li huma rrifjutaw b’mod impliċitu billi ħallew jgħaddi t-terminu previst għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet tal-perijodu ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni, hemm lok li tittieħed in kunsiderazzjoni l-iskadenza tal-perijodu għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta ta’ kumpens li kienet saret abbażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93 (sentenzi Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 137; Saint u Murray vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 46, punt 91; Steffens vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 42, punt 40; u Schulte vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 70, punt 67).

85       Għandu jiġi kkonstatat li l-offerta ta’ kumpens abbażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93 kienet saret lir-rikorrent fil-kawża T-8/95 permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 1993, li waslitlu fit-18 ta’ Diċembru 1993. Id-data li fiha ġiet irċevuta l-offerta ta’ kumpens li kienet saret lir-rikorrenti fil-kawża T-9/95 permezz ta’ l-ittra tat-2 ta’ Diċembru 1993 ma tistax tiġi stabbilita b’ċertezza. Madankollu, fis-seduta, il-partijiet ftiehmu fuq il-fatt li jista’ jiġi kkunsidrat li r-rikorrent fil-kawża T-9/95 irċieva din l-offerta ta’ kumpens fit-3 ta’ Diċembru 1993.

86      Peress li, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93, it-terminu għall-aċċettazzjoni ta’ offerta magħmula abbazi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 ta’ l-imsemmi Regolament kien ta’ xahrejn wara li ġiet irċevuta l-offerta, għandu jiġi konkluż li, fil-kawża T-8/95, il-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1991 u t-18 ta’ Frar 1994 u, fil-kawża T-9/95, il-perijodu bejn is-7 ta’ Diċembru 1990 u t-3 ta’ Frar 1994, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

87      Fis-seduta, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ppretendew li kien hemm lok li l-perijodu ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni jiġi estiż b’xahrejn addizzjonali b’applikazzjoni tal-prinċipji li joħorġu mis-sentenzi Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 24, u Kustermann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 45.

88      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li f’dawn is-sentenzi l-Qorti tal-Prim’Istanza riedet timmitiga l-konsegwenzi ta’ l-approċċ tagħha li kien li l-effetti tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni jiġu kkunsidrati li ġew imxejna jekk ir-rikors għad-danni ma jkunx tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-perijodu mogħti lill-istituzzjonijiet konvenuti biex jirrinunzjaw li jinvokaw il-preskrizzjoni. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet f’dawk is-sentenzi li l-produtturi li kienu stennew, minħabba l-impenn meħud mill-istituzzjonijiet li jagħmlulhom offerta ta’ kumpens, qabel ma jressqu rikors għad-danni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u li wara ressquh fi żmien xahrejn mill-iskadenza tat-terminu għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta previst fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2187/93, komplew jibbenefikaw mill-impenn ta’ l-istituzzjonijiet li jirrunzjaw għall-preskrizzjoni (sentenzi Kustermann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 45, punt 76, u Rudolph vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 24, punt 64).

89      Madankollu, fid-dawl tal-fatt li, skond is-sentenza van den Berg, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 27, is-sospensjoni tal-preskrizzjoni li tirriżulta mir-rinuzja unilaterali ta’ l-istituzzjonijiet li jinvokaw il-preskrizzjoni tibqa’ tapplika independentement mill-mument li fih ir-rikorrent ippreżenta r-rikors, m’hemmx lok li tiġi applikata l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kawża T-8/95, għandu jiġi kkonstatat li l-perijodu li matulu t-terminu ta’ preskrizzjoni kien sospiż huwa dak ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1991 u t-18 ta’ Frar 1994. Huwa perijodu ta’ sentejn, xahar u tmintax-il ġurnata. Meta jiżdied dan il-perijodu mal-perijodu ta’ ħames snin ta’ qabel il-preżentata tar-rikors fil-23 ta’ Jannar 1995, għandu jiġi kkonstatat li d-drittijiet għal kumpens tar-rikorrent fil-kawża T-8/95 huma preskritti għall-perijodu ta’ qabel il-5 ta’ Diċembru 1987. Peress li d-dannu mġarrab mir-rikorrent intemm fit-28 ta’ Marzu 1989 (ara l-punt 65 iktar’il fuq), ir-rikorrent fil-kawża T-8/95 għandu jiġi kkumpensat għad-dannu mġarrab b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84, kif kompletat mir-Regolament Nru 1371/84, għall-perijodu bejn il-5 ta’ Diċembru 1987 u t-28 ta’ Marzu 1989.

91      Fil-kawża T-9/95, il-perijodu li għandu jiġi eskluż għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu tal-preskrizzjoni huwa dak ta’ bejn is-7 ta’ Diċembru 1990 u t-3 ta’ Frar 1994. Huwa perijodu ta’ tliet snin, xahar u sitta u għoxrin ġurnata. Meta jiżdied dan il-perijodu mal-perijodu ta’ ħames snin ta’ qabel il-preżentata tar-rikors fit-23 ta’ Jannar 1995, għandu jiġi kkonstatat li d-drittijiet għal kumpens tar-rikorrent fil-kawza T-9/95 huma preskritti għall-perijodu ta’ qabel is-27 ta’ Novembru 1986. Peress li d-dannu mġarrab mir-rikorrent intemm fit-28 ta’ Marzu 1989 (ara l-punt 65 iktar’il fuq), ir-rikorrent fil-kawża T-9/95 għandu jiġi kkumpensat għad-dannu mġarrab b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84, kif kompletat mir-Regolament Nru 1371/84, għall-perijodu bejn is-27 ta’ Novembru 1986 u t-28 ta’ Marzu 1989.

92      Peress li t-talbiet għal kumpens huma parzjalment preskritti, hemm lok li jiġi eżaminat ukoll l-argument sussidjarju tar-rikorrenti li skondu huma wettqu żball skużabbli dwar il-mument meta beda jiddekorri t-terminu tal-preskrizzjoni.

93      Għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ żball skużabbli għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u jista’ jkopri biss ċirkustanzi eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunu adottaw imġiba li, waħedha jew b’mod determinanti, hija tali li toħloq konfużjoni konsiderevoli fil-moħħ ta’ individwu li jaġixxi in bona fide u li jeżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur ta’ esperjenza raġonevoli. F’tali ipoteżi, l-amministrazzjoni fil-fatt ma tistax tipprevalixxi ruħha mill-ksur tagħha tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ l-aspettattivi leġittimi li kkawżaw l-iżball imwettaq mill-individwu (sentenza Bayer vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq fil-punt 40, punt 29, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punt 26; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2005, Air Bourbon vs Il-Kummissjoni, T-321/04, Ġabra p. II-3469, punt 38).

94      Fil-kawża preżenti, għalkemm l-istituzzjonijiet konvenuti riedu jillimitaw in-numru ta’ rikorsi quddiem il-qrati billi indikaw, fil-Komunikazzjoni tagħhom tal-5 ta’ Awwissu 1992, li huma kienu qed jirrinunzjaw temporanjament milli jinvokaw il-preskrizzjoni, huma qatt m’affettwaw il-libertà ta’ l-operaturi ekonomiċi kkonċernati li jippreżentaw rikors għad-danni quddiem il-qrati Komunitarji. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-istituzzjonijiet konvenuti eżiġew li l-produtturi tal-ħalib leżi ma jressqux rikorsi għandu jiġi miċhud.

95      Minbarra dan, l-istituzzjonijiet konvenuti qatt ma qanqlu l-konfużjoni fir-rigward tat-tul taż-żmien li matulu kien japplika l-impenn tagħhom li ma jqajmux il-preskrizzjoni skond l-Artikolu 43 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-Komunikazzjoni tagħhom tal-5 ta’ Awwissu 1992, huma ddikjaraw li r-rinunzja tibqa’ valida sal-mument li fih ikunu ġew definiti l-modalitajiet prattiċi ta’ kumpens tal-produtturi kkonċernati.

96      Għaldaqstant, l-argument sussidjarju tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

97      Fl-aħħar nett, l-argument ibbażat fuq il-prinċipji tad-dritt Ewropew tal-kuntratti huwa irrilevanti billi r-rikors huwa intiż sabiex jinkiseb kumpens għal dannu mhux kuntrattwali.

98       F’dak li jikkonċerna l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas mill-istituzzjonijiet konvenuti, għandu jiġi rrilevat li dawn ta’ l-aħħar ma kkunsidrawx li kien neċessarju li din il-kwistjoni tiġi eżaminata matul il-proċedura bil-miktub minħabba l-fatt li huma kkunsidraw li l-azzjonijiet kienu preskritti fit-totalità tagħhom u minħabba li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti kienu ddikjaraw li kienu lesti li jaslu għal ftehim abbażi tal-prinċipji tar-Regolament Nru 2187/93. Fis-seduta, huma stiednu lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex, fil-każ li din kellha tiddeċiedi li l-azzjonijiet ma kinux totalment preskritti, tiffissa, f’sentenza interlokutorja, l-perijodi li ma kinux preskritti sabiex il-partijiet jkunu jistgħu jfittxu li jaslu għal ftehim bonarju dwar l-ammont ta’ kumpens.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tistieden lill-partijiet biex ifittxu li jaslu għal ftehim, fi żmien sitt xhur, dwar l-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas mill-istituzzjonijet konvenuti lir-rikorrenti. Fin-nuqqas ta’ qbil, il-partijiet għandhom jippreżentaw it-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tal-kumpens lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-istess terminu ta’ żmien.

 Fuq l-ispejjeż

100    Fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni fuq l-ispejjeż għandha tiġi rriżervata.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Il-Kunsill u l-Kummissjoni huma obbligati li jikkumpensaw id-dannu mġarrab minn Wilhelm Pelle u Ernst-Reinhard Konrad b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84, tal-31 ta’ Marzu 1984, li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ l-imposta msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, kif kompletat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84, tas-16 ta’ Mejju 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68, safejn dawn ir-Regolamenti ma pprovdewx għall-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ referenza lill-produtturi li, b’eżekuzzjoni ta’ impenn assunt skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1078/77, tas-17 ta’ Mejju 1977, li jistabbilixxi sistema ta’ primjums għan-non kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u għall-konverżjoni ta’ merħliet ta’ baqar li jipproduċu l-ħalib, ma kkunsinnawx ħalib matul is-sena ta’ referenza adottata mill-Istat Membru kkonċernat.

2)      Wilhelm Pelle, rikorrent fil-kawża T‑8/95, għandu jiġi kkumpensat għad-danni mġarrba b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84 għall-perijodu li jibda fil-5 ta’ Diċembru 1987 u jispiċċa fit-28 ta’ Marzu 1989.

3)      Ernst-Reinhard Konrad, rikorrent fil-kawża T-9/95, għandu jiġi kkumpensat għad-danni mġarrba b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84 għall-perijodu li jibda fis-27 ta’ Novembru 1986 u jispiċċa fit-28 ta’ Marzu 1989.

4)      Il-partijiet għandhom jikkomunikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din is-sentenza, l-ammonti li għandhom jitħallsu, stabbiliti bi fteħim milħuq bejniethom.

5)      Fin-nuqqas ta’ qbil, huma għandhom iressqu t-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tal-kumpens lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-istess terminu ta’ żmien.

6)      Id-deċiżjoni fuq l-ispejjeż hija rriżervata.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2007.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

       M. Vilaras


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.