Language of document : ECLI:EU:T:2023:738

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

22 ta’ Novembru 2023 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ revoka ta’ deċiżjonijiet jew ta’ kanċellazzjoni ta’ iskrizzjonijiet – Kanċellazzjoni ta’ iskrizzjoni fir-reġistru vvizzjata bi żball manifest imputabbli lill-EUIPO – Iskrizzjoni ta’ liċenzji fir-reġistru għat-trade marks figurattivi LAPLANDIA Land of purity et – Kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ liċenzja – Prova tal-għoti ta’ liċenzja mill-proprjetarju rreġistrat – Kunċett ta’ ‘żball manifest imputabbli lill-EUIPO’ – It-tieni sentenza tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001”

Fil-Kawża T‑679/22,

Oy Shaman Spirits Ltd, stabbilita f’Tyrnävä (il-Finlandja), irrappreżentata minn R. Almaraz Palmero, avukata,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Markakis, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Global Drinks Finland Oy, stabbilita f’Helsinki (il-Finlandja), irrappreżentata minn T. Talvitie, avukat,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn F. Schalin, President, G. Steinfatt (Relatriċi) u D. Kukovec, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba għal seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Oy Shaman Spirits Ltd, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑14 ta’ Settembru 2022 (Każ R 909/2021-1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Bejn l‑2008 u l‑2016, Brandavid Oy kisbet ir-reġistrazzjoni tat-trade marks figurattivi tal-Unjoni Ewropea li ġejjin (iktar ’il quddiem it-“trade marks inkwistjoni”):

–        It-trade mark figurattiva tal-Unjoni, rreġistrata fil‑15 ta’ Settembru 2008 bin-numru 6 491 914 li tindika prodotti inklużi fil-klassijiet 32 u 33 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, irriprodotta iktar ’il quddiem:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea rreġistrata fl‑20 ta’ Ottubru 2009 bin-numru 7 087 281 għal prodotti inklużi fil-klassijiet 32 u 33, riprodotta hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea rreġistrata fid‑29 ta’ Frar 2016 bin-numru 14 786 883 għal prodotti inklużi fil-klassijiet 31, 32 u 33, riprodotta hawn taħt:

Image not found

3        Fil‑5 ta’ Jannar 2017, it-trasferiment tat-trade marks inkwistjoni lill-intervenjenti, Global Drinks Finland Oy, ġie rreġistrat fir-reġistru.

4        Permezz ta’ talba mressqa fis‑6 ta’ Lulju 2020, flimkien b’mod partikolari ma’ ftehim konkluż bejn ir-rikorrenti u Brandavid Oy (iktar il quddiem il-“ftehim ta’ liċenzja”), ir-rikorrenti talbet lill-EUIPO sabiex jinkludi fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni liċenzja esklużiva f’isimha għat-trade marks inkwistjoni.

5        Fis‑27 ta’ Lulju 2020, id-dipartiment inkarigat miż-żamma tar-reġistru tal-EUIPO kkomunika lir-rikorrenti u lill-intervenjenti bir-reġistrazzjoni tal-liċenzja mwettqa wara t-talba tar-rikorrenti skont l-Artikolu 111 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

6        Permezz ta’ ittri tat‑12 u tad‑19 ta’ Ottubru 2020, l-intervenjenti indikat in-nuqqas ta’ qbil tagħha għar-reġistrazzjoni tal-liċenzja.

7        Fil‑25 ta’ Novembru 2020, l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru ħabbret ir-revoka tar-reġistrazzjoni tal-liċenzja sakemm ir-rikorrenti ma tipproduċix il-prova li l-intervenjenti taċċetta r-reġistrazzjoni tal-liċenzja.

8        Fit‑22 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti pproduċiet sitt dokumenti sabiex tipprova li l-intervenjenti kienet aċċettat il-ftehim ta’ liċenzja.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Marzu 2021, ibbażata fuq l-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001, id-dipartiment responsabbli miż-żamma tar-reġistru ħassar l-iskrizzjoni tal-liċenzja mir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni.

10      Fl‑14 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tad-dipartiment responsabbli miż-żamma tar-reġistru.

11      Fl‑14 ta’ Settembru 2022, l-Ewwel Bord tal-Appell ta d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha ċaħad ir-rikors tar-rikorrenti. Huwa qies li l-unika prova prodotta mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tikkonsisti fil-ftehim ta’ liċenzja ffirmat minn Brandavid Oy u r-rikorrenti fl‑2016, li l-intervenjenti qatt ma kienet parti fiha. Fl-assenza ta’ kwalunkwe element li jippermetti li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ liċenzja konċessa jew approvata mill-intervenjenti bħala proprjetarja rreġistrata tat-trade marks inkwistjoni, ir-reġistrazzjoni tal-liċenzja, li saret fis‑27 ta’ Lulju 2020 tikkostitwixxi żball manifest imputabbli lill-Uffiċċju fis-sens tal-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001, li jiġġustifika t-tneħħija tagħha. Il-kwistjoni dwar jekk l-intervenjenti kinitx taf bl-imsemmi ftehim ta’ liċenzja fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija irrilevanti, peress li l-intervenjenti ma hijiex terz, u l-argumenti legali u l-provi li jikkonċernaw id-dritt Finlandiż ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni fattwali li l-intervenjenti ma tatx il-kunsens tagħha għal dan il-ftehim ta’ liċenzja.

 Ittalbiet talpartijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minnha quddiem il-Bord tal-Appell.

13      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti jekk tiġi organizzata seduta.

14      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

 Iddritt

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq ksur tal-Artikoli 25 sa 27 tar-Regolament 2017/1001, it-tieni wieħed fuq ksur tal-Artikoli 19 u 20 ta’ dan ir-regolament u, it-tielet wieħed fuq ksur tal-Artikolu 103 ta’ dan l-imsemmi regolament.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur talArtikoli 25 sa 27 tar‑Regolament 2017/1001

16      Ir-rikorrenti tilmenta, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ma osservax il-ftehim ta’ liċenzja, li permezz tiegħu hija kisbet liċenzja fuq it-trade marks inkwistjoni, konformement mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament 2017/1001, u d-dritt li tirreġistra din il-liċenzja, konformement mal-Artikolu 26(1) tal-imsemmi regolament. Hija tippreċiża li l-imsemmi ftehim ta’ liċenzja ġie ffirmat fl‑2016 minn Brandavid Oy, li, f’dak iż-żmien, kienet il-proprjetarja tat-trade marks inkwistjoni, u kienet tagħtiha espliċitament id-drittijiet kuntrattwali li tuża l-imsemmija trade marks u li tiġi rreġistrata bħala proprjetarja ta’ liċenzja esklużiva. Fil-mument tar-reġistrazzjoni tat-trasferiment ta’ dawn it-trade marks, jiġifieri fl‑2017, l-intervenjenti kienet taf bl-eżistenza ta’ dan il-ftehim ta’ liċenzja, b’tali mod li hija kienet għalhekk aċċettat l-għoti tal-liċenzja esklużiva lir-rikorrenti.

17      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-liċenzja esklużiva kienet ingħatatilha indipendentement mill-proprjetà tat-trade marks inkwistjoni.

18      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

19      Skont l-Artikolu 25(5) tar-Regolament 2017/1001, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, l-għoti jew it-trasferiment ta’ liċenzja ta’ trade mark tal-Unjoni għandu jitniżżel fir-reġistru u jiġi ppubblikat.

20      Skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament 2017/1001, l-Artikolu 20(5) tal-imsemmi regolament u r-regoli adottati skont din id-dispożizzjoni għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-reġistrazzjoni ta’ liċenzja msemmija fl-Artikolu 25(5) tal-imsemmi regolament.

21      L-Artikolu 20(5) tar-Regolament 2017/1001, jipprevedi li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment għandha tinkludi ċerta informazzjoni kif ukoll id-dokumenti li jistabbilixxu t-trasferiment kif xieraq konformement mal-paragrafi 2 u 3, fejn l-imsemmi paragrafu 3 jeżiġi li “iċ-ċessjoni tat-trademark tal-UE għandha ssir bil-miktub u teħtieġ il-firma tal-partijiet kontraenti, ħlief meta tkun konsegwenza ta’ deċiżjoni; jekk ma ssirx b’dan il-mod hija nulla”.

22      Barra minn hekk, l-Artikolu 13(3)(a), (c) u (d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/626 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 (ĠU 2018, L 104, p. 37), li japplika mutatis mutandis għal-liċenzji skont l-Artikolu 20(6)(b) u l-Artikolu 26(1) tar-Regolament 2017/1001, jispeċifika li l-firma jew il-kunsens tal-proprjetarju rreġistrat huwa prerekwiżit għall-għoti validu ta’ liċenzja.

23      Billi ħassar ir-reġistrazzjoni tal-liċenzja, l-EUIPO applika korrettament l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament 2017/1001, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferu l-imsemmija artikoli. Fil-fatt, il-ftehim ta’ liċenzja ma kienx isemmi lill-intervenjenti, li kienet il-proprjetarja rreġistrata fil-mument tal-applikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-liċenzja, u lanqas ma kien iffirmat minnha. Il-proprjetarja preċedenti rreġistrata ma kinitx għadha awtorizzata tagħti l-kunsens meħtieġ mid-dispożizzjonijiet rilevanti.

24      Huwa b’mod korrett li l-EUIPO jispjega li d-dispożizzjonijiet applikabbli jeżiġu, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, li l-proprjetarju rreġistrat juri b’mod attiv ir-rieda tiegħu li jagħti liċenzja, jiġifieri jew billi jippreżenta direttament quddiem l-EUIPO l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-liċenzja skont l-Artikolu 26(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 13(3)(a) u (b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/626, jew billi jiffirma dikjarazzjoni, ftehim jew formola standard konformement mal-Artikolu 13(3)(c) u (d) tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni.

25      L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

26      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li, fil-mument tar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tat-trade marks inkwistjoni, l-intervenjenti u Brandavid Oy kienu jafu bl-eżistenza tal-ftehim ta’ liċenzja, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li l-liċenzja mogħtija mill-predeċessur legali tal-intervenjenti tista’ tiġi invokata kontra din tal-aħħar skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1001, madankollu ma jsegwix obbligu għall-EUIPO li jirreġistra din il-liċenzja. Fil-fatt, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata tiddependi biss mill-kundizzjonijiet ifformalizzati previsti mid-dispożizzjonijiet applikabbli. Peress li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti f’dan il-każ (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tista’ tiġi annullata minħabba s-sempliċi fatt li kienet l-intervenjenti li kienet ġibdet l-attenzjoni tal-EUIPO dwar l-assenza ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni.

27      Anki jekk jiġi preżunt li liċenzja tista’ tibqa’ valida jew tagħti drittijiet taħt id-dritt nazzjonali applikabbli għall-ftehim ta’ liċenzja wara t-trasferiment tat-trade mark inkwistjoni, sa fejn Brandavit Oy u l-intervenjenti wettqu l-imsemmi trasferiment b’għarfien sħiħ tal-liċenzja, kif tallega r-rikorrenti, din is-sitwazzjoni ta’ dritt sostantiv ma jistax ikollha impatt fuq id-dritt ta’ reġistrazzjoni li jsegwi approċċ ifformalizzat, li huwa kkodifikat b’mod ċar fid-dispożizzjonijiet applikabbli li l-formulazzjoni tagħhom ma tħalli ebda marġni ta’ interpretazzjoni. Jibqa’ possibbli għar-rikorrenti li tinvoka d-drittijiet tagħha li jirriżultaw mid-dritt sostantiv quddiem il-qrati nazzjonali. F’dan ir-rigward, l-EUIPO ġustament invoka li kien possibbli li ksur eventwali tal-imsemmi ftehim ta’ liċenzja u tal-klawżola tiegħu applikabbli għas-suċċessuri jista’ jagħti lok għal responsabbiltà kuntrattwali tal-parti kontraenti l-oħra, mingħajr madankollu ma dan l-aspett kuntrattwali jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq l-eżami tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

28      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikoli 19 sa 20 tarRegolament 2017/1001

29      Mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament 2017/1001, ir-rikorrenti tiddeduċi li d-dritt applikabbli għat-tilwim dwar it-trasferiment jew il-liċenzji marbuta mar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks inkwistjoni huwa d-dritt nazzjonali Finlandiż, peress li hija stess, l-intervenjenti u Brandavid Oy għandhom is-sede tagħhom fil-Finlandja.

30      Issa, minn naħa, id-dritt Finlandiż ma jeżiġix il-forma bil-miktub għal kuntratt u, min-naħa l-oħra, konformement mad-dritt Finlandiż, ma huwiex rilevanti li jsir magħruf jekk l-intervenjenti ffirmatx jew le l-ftehim ta’ liċenzja fl‑2016, peress li din tal-aħħar daħlet fid-drittijiet ta’ Brandavid Oy wara trasferiment totali tad-drittijiet ta’ trade mark diġà inklużi fir-reġistru, filwaqt li kienet taf bl-eżistenza tal-imsemmi ftehim ta’ liċenzja. Il-proprjetarji l-ġodda ta’ trade marks għandhom josservaw il-klawżoli ta’ ftehim preċedenti konklużi mill-proprjetarji ta’ trade marks preċedenti mal-proprjetarji ta’ liċenzji għall-imsemmija trade marks.

31      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika l-osservazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija qatt ma ppreżentat il-lista tat-trade marks li Brandavid Oy kienet proprjetarja tagħhom u li sussegwentement ġew ittrasferiti lill-intervenjenti. Hija ssostni li din il-lista kienet tinsab fl-Anness 1 tan-nota li tispjega l-motivi tar-rikors quddiem il-Bord tal-Appell.

32      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

33      Qabelxejn, għandu jiġi nnotat, bħalma għamel l-EUIPO, li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament 2017/1001, li jirreferi għad-dritt tal-Istat Membru li fih il-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni għandu s-sede tiegħu, japplika biss “[s]akemm l-Artikoli 20 sa 28 ma jipprovdux mod ieħor”. Issa, l-iskrizzjoni fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni ta’ liċenzja li tirrigwarda trade mark tal-Unjoni hija rregolata b’mod awtonomu mid-dritt tal-Unjoni fl-Artikoli 25 sa 28 tal-imsemmi regolament u fl-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/626.

34      Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar jekk id-dritt Finlandiż jirrikonoxxix rekwiżiti formali għal kuntratt ta’ liċenzja jew taħt liema kundizzjonijiet tali kuntratt jorbot ukoll lill-proprjetarju suċċessur tat-trade marks inkwistjoni hija irrilevanti għall-kwistjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni tal-liċenzja favur ir-rikorrenti fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni kinitx korretta jew le. Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-dritt Finlandiż ma jistgħux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ liċenzja.

35      Barra minn hekk, il-kritika tar-rikorrenti dwar l-osservazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata hija ineffettiva, sa fejn, kif irrileva ġustament l-EUIPO, din hija kunsiderazzjoni superfluwa tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata prinċipalment fuq il-konstatazzjoni li r-rikorrenti ma pproduċietx prova tal-għoti ta’ liċenzja favuriha mill-proprjetarju rreġistrat. Din il-konstatazzjoni hija indipendenti mill-kwistjoni dwar liema trade marks ingħataw taħt liċenzja.

36      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 103 tarRegolament 2017/1001

37      Ir-rikorrenti tikkritika lill-EUIPO li mar lil hinn mis-setgħa tiegħu. Fil-fehma tagħha, l-EUIPO ma rrettifika l-ebda żball. L-EUIPO mar lil hinn mill-kompetenza tiegħu bl-għoti ta’ deċiżjoni dwar revoka ta’ reġistrazzjoni tal-kuntratt ta’ liċenzja li kienet korretta u konformi mad-dritt Finlandiż. L-EUIPO kellu japplika d-dritt Finlandiż skont l-Artikolu 19 tar-Regolament 2017/1001, minflok japplika l-Artikolu 103 tal-imsemmi regolament.

38      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

39      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001 tipprevedi li, “[f]ejn l-Uffiċċju jkun daħħal entrata fir-Reġistru jew ikun ħa deċiżjoni li jkun fiha żball ovvju attribwibbli lill-Uffiċċju, dan għandu jiżgura li l-entrata tiġi kkanċellata jew id-deċiżjoni tiġi revokata”.

40      L-ewwel nett, kif jirrilevaw ġustament l-EUIPO kif ukoll l-intervenjenti, l-iskrizzjoni mħassra tas‑27 ta’ Lulju 2020 kienet ivvizzjata bi żball manifest imputabbli lill-EUIPO. Dan l-iżball jinsab fil-fatt li l-iskrizzjoni fir-reġistru ġiet aċċettata abbażi ta’ dokumenti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli (ara punt 23 iktar ’il fuq). Il-ftehim ta’ liċenzja li kien mehmuż mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma kien jinkludi ebda prova ta’ liċenzja mogħtija mill-proprjetarju rreġistrat tat-trade marks inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstata korrettament li r-rikorrenti ma kinitx uriet li l-liċenzja kienet ingħatat bil-kunsens tal-proprjetarju ta’ dawn it-trade marks.

41      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat japplika d-dritt nazzjonali, peress li l-proċedura għall-iskrizzjoni fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni ta’ liċenzja li tirrigwarda trade mark tal-Unjoni hija rregolata b’mod awtonomu mid-dritt tal-Unjoni fl-Artikoli 25 sa 28 tar-Regolament 2017/1001, u fl-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/626 (ara punt 33 iktar ’il fuq).

42      It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell mar lil hinn mis-setgħa tiegħu meta annulla deċiżjoni li ma kinitx manifestament żbaljata, iżda korretta skont id-dritt Finlandiż.

43      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma huwiex l-EUIPO li għandu jeżamina l-validità u l-effetti legali ta’ trasferiment ta’ trade mark tal-Unjoni skont id-dritt nazzjonali. Waqt l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trasferiment ta’ trade mark tal-Unjoni, il-kompetenza tal-EUIPO hija limitata, bħala prinċipju, għall-eżami tar-rekwiżiti formali msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/1001 u fl-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/626, u ma jinvolvix evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet sostantivi li jistgħu jqumu fil-kuntest tad-dritt nazzjonali applikabbli (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021, Marina Yachting Brand Management vs EUIPO – Industries Sportswear (MARINA YACHTING), T‑169/20, EU:T:2021:609, punt 61). Peress li r-reġistrazzjoni ta’ liċenzja ssir skont l-istess regoli bħal dik ta’ trasferiment, din il-ġurisprudenza għandha tiġi applikata mutatis mutandis għall-każ inkwistjoni (ara punt 20 iktar ’il fuq).

44      Għaldaqstant, it-tielet motiv u konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq lispejjeż

45      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

46      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-intervenjenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar, inklużi l-ispejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li huma kkunsidrati, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, bħala spejjeż li jistgħu jinġabru.

47      Għall-kuntrarju, peress li l-EUIPO talab il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż biss fil-każ ta’ organizzazzjoni ta’ seduta, fl-assenza ta’ organizzazzjoni ta’ seduta, għandu jiġi deċiż li l-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Oy Shaman Spirits Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn Global Drinks Finland Oy, inklużi dawk li din tal-aħħar sostniet quddiem il-Bord tal-Appell.

3)      L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Schalin

Steinfatt

Kukovec

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Novembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.