Language of document : ECLI:EU:T:2021:644

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

6 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implementata mill-Ġermanja favur ċerti konsumaturi kbar tal-elettriku – Eżenzjoni mit-tariffi tan-netwerk għall-perijodu 2012–2013 – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ għajnuna – Riżorsi tal-Istat – Ugwaljanza fit-trattament – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑745/18,

Covestro Deutschland AG, stabbilita f’Leverkusen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Küper, J. Otter, C. Anger u M. Goldberg, avukati,

rikorrent,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, R. Kanitz, S. Heimerl u S. Costanzo, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/56 tat‑28 ta’ Mejju 2018 dwar skema ta’ għajnuna [mill-Istat] SA.34045 (2013/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tar-Regolament StromNEV (ĠU 2019, L 14, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, V. Kreuschitz u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: B. Lefebvre, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑29 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

[omissis]

B.      Fuq il-miżuri leġiżlattivi u regolamentari inkwistjoni

1.      Fuq is-sistema tat-tariffi tan-netwerk qabel l-introduzzjoni tal-miżuri kontenzjużi

[omissis]

8        Sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament StromNEV kif emendat mill-EnWG 2011 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament StromNEV 2011”), il-konsumaturi antiċikliċi u l-konsumaturi ta’ karga bażika kienu suġġetti għal tariffi individwali kkalkulati skont il-“metodoloġija tal-perkors fiżiku”, elaborat mill-BNetzA, li kien jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tan-netwerk iġġenerati minn dawn il-konsumaturi, b’tariffa minima ekwivalenti għal 20 % tat-tariffi ġenerali mħabbra (iktar ’il quddiem it-“tariffa minima”), li kienet tiggarantixxi ħlas għall-operat tan-netwerk li miegħu kienu konnessi dawn il-konsumaturi fil-każ li t-tariffi individwali kkalkulati bl-użu tal-metodu tal-perkors fiżiku kienu jkunu iktar baxxi jew qrib iż-żero.

2.      Fuq il-miżuri kontenzjużi

9        Skont it-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV 2011, mill‑1 ta’ Jannar 2011 (data ta’ applikazzjoni retroattiva ta’ din id-dispożizzjoni), it-tariffi individwali għall-konsumaturi ta’ karga bażika kontinwa tneħħew u ġew issostitwiti b’eżenzjoni kompleta tat-tariffi tan-netwerk (iktar ’il quddiem l- “eżenzjoni kontenzjuża”), mogħtija minn awtorizzazzjoni tal-awtorità regolatorja kompetenti, jiġifieri l-BNetzA jew l-awtorità regolatorja tal-Land ikkonċernat. L-imsemmija eżenzjoni kienet imposta fuq l-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni skont il-livell ta’ netwerk li l-benefiċjarji kienu konnessi miegħu.

10      Skont is-sitt u s-seba’ sentenza tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament StromNEV 2011, l-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni kienu marbuta jirrimborsaw lill-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni t-telf fid-dħul li jirriżulta mill-eżenzjoni kontenzjużi u kellhom jikkumpensaw, bejniethom, l-ispejjeż ikkawżati mill-eżenzjoni, permezz ta’ kumpens finanzjarju skont l-Artikolu 9 tal-Kraft-Wärme-Kopplungsgesetz (il-Liġi dwar il-Promozzjoni tal-Koġenerazzjoni tas-Sħana u tal-Elettriku), tad‑19 ta’ Marzu 2002 (BGBl. 2002 I, p. 1092), b’mod li kull wieħed jassumi l-istess oneru finanzjarju kkalkolat skont il-kwantità ta’ elettriku li huwa kien jipprovdi lill-konsumaturi finali konnessi man-netwerk tiegħu.

11      Mill-2012, id-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑14 ta’ Diċembru 2011 (BK8–11–024, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni BNetzA tal-2011”) implimentat mekkaniżmu ta’ finanzjament. Skont dan il-mekkaniżmu, l-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni kienu jirċievu, mingħand il-konsumaturi finali jew mingħand fornituri tal-elettriku, soprataxxa (iktar ’il quddiem is-“soprataxxa kontenzjuża”) li l-ammont tagħha tħallas lill-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni sabiex tikkumpensa t-telf fid-dħul ikkawżat mill-eżenzjoni kontenzjuża.

12      L-ammont tas-soprataxxa kien iddeterminat kull sena, minn qabel, mill-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni, abbażi ta’ metodu stabbilit mill-BNetzA. L-ammont relatat mal-2012, l-ewwel sena ta’ implementazzjoni tas-sistema, ġie stabbilit direttament mill-BNetzA.

13      Dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux japplikaw f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-eżenzjoni għall-2011 u, għaldaqstant, kull operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni kellu jsostni t-telf fid-dħul relatat mal-eżenzjoni għal din is-sena.

3.      Fuq is-sistema ta’ tariffa ta’ netwerk li tiġi wara l-miżuri kontenzjużi

14      Matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, l-eżenzjoni kontenzjuża ġiet qabel kollox iddikjarata nulla u bla effett permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tat‑8 ta’ Mejju 2013 u tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tas‑6 ta’ Ottubru 2015 u sussegwentement tħassret, mill‑1 ta’ Jannar 2014, permezz tar-Regolament StromNEV kif emendat mill-Verordnung zur Änderung von Verordnungen auf dem Gebiet des Energiewtsrechts (ir-Regolament li jemenda Regolamenti fil-Qasam tal-Enerġija), tal‑14 ta’ Awwissu 2013 BGBl. 2013 I, p. 3250) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament StromNEV 2013”). Dan ir-regolament tal-aħħar introduċa mill-ġdid, għall-futur, it-tariffi individwali kkalkolati skont il-metodu tal-perkors fiżiku, bl-applikazzjoni, minflok it-tariffa minima, ta’ tariffi fissi ta’ 10, ta’ 15 u ta’ 20 % tat-tariffi ġenerali, skont il-konsum tal-elettriku (rispettivament 7 000, 7 500 u 8 000 siegħa ta’ użu annwali tan-netwerk) (iktar ’il quddiem it-“tariffi fissi”).

15      Ir-Regolament StromNEV 2013 introduċa sistema tranżitorja, fis-seħħ mit‑22 ta’ Awwissu 2013 u applikabbli, b’mod retroattiv, għall-konsumaturi inkarigati b’mod bażiku li ma kinux għadhom irċevew l-eżenzjoni kontenzjuża għall-2012 u 2013 (iktar ’il quddiem is-“sistema tranżitorja”). Minflok miżati individwali kkalkolati skont il-metodu tal-perkors fiżiku u tat-tariffa minima, din is-sistema kienet tipprevedi esklużivament l-applikazzjoni tat-tariffi fissi.

[omissis]

D.      Id-deċiżjoni kkontestata

19      Fit‑28 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2019/56, dwar skema ta’ għajnuna [mill-Istat] SA.34045 (2013/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tar-Regolament StromNEV [2011] (ĠU 2019, L 14, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija kkonstatat li, mill‑1 ta’ Jannar 2012 sal‑31 ta’ Diċembru 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat illegalment għajnuna mill-Istat fil-forma tal-eżenzjoni kontenzjuża.

20      B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ammont tal-għajnuna mill-Istat kien jikkorrispondi għall-ispejjeż tan-netwerk iġġenerati fl-2012 u fl-2013 mill-konsumaturi ta’ karga bażika u eżentati jew, jekk dawn l-ispejjeż kienu inqas mit-tariffa minima, għal din tal-aħħar.

21      Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-għajnuna inkwistjoni kienet inkompotabbli mas-suq intern, ma taqa’ f’ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(2) u (3) tat-Trattat u ma tistax titqies kompatibbli mas-suq intern għal raġunijiet oħra.

22      Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet dan li ġej:

–        l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-konsumaturi ta’ karga bażika kienu ġew eżentati mit-tariffi tan-netwerk, li kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż tan-netwerk li huma kienu jiġġeneraw, jew, jekk dawn l-ispejjeż kienu inqas mit-tariffa minima, minn din it-tariffa minima;

–        l-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet implementata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u ma kinitx kompatibbli mas-suq intern;

–        l-għajnuna individwali, mogħtija taħt l-iskema inkwistjoni, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk, fil-mument tal-għoti tagħha, hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti minn regolament dwar l-għajnuna “de minimis”, adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312);

–        ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn naħa, kienet obbligata tirkupra mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, inklużi l-interessi, u, min-naħa l-oħra, kienet obbligata tannulla l-pagamenti kollha li kienu għadhom ma sarux taħt din l-iskema sa mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ April 2019, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’deċiżjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2019, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali ammetta dan l-intervent. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

25      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

26      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur (It-Tielet Awla), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom dawn wieġbu fit-terminu previst.

27      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad‑29 ta’ Ottubru 2020.

28      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rtirat l-ewwel motiv, u ttieħed nota ta’ dan fil-proċess verbal.

29      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

[omissis]

36      Fir-rigward tal-allegata tardività tar-rikors, invokata mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, minn meta dan jiġi kkomunikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta dan ikun sar jaf bih.

37      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-rikors ġie ppreżentat fl-osservanza tat-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali, li seħħet fis‑16 ta’ Jannar 2019.

38      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx taf bid-deċiżjoni kkontestata qabel il-pubblikazzjoni tagħha, għandu jitfakkar li mill-kliem stess tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-kriterju tad-data ta’ meta r-rikorrent sar jaf bl-att, bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dawk tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tal-att (sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑122/95, EU:C:1998:94, punt 35, u tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑339/16 P, EU:C:2017:384, punt 39; ara wkoll is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T‑190/00, EU:T:2003:316, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata) u għalhekk tapplika għall-atti li la huma suġġetti għal notifika u lanqas għal pubblikazzjoni (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2009, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, T‑273/06 u T‑297/06, EU:T:2009:233, punt 55).

39      Huwa minnu li, f’dan il-każ, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx kundizzjoni tad-dħul fis-seħħ tagħha. Madankollu, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura ta’ eżami tal-għajnuna skont l-Artikolu 108(2) TFUE huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9). Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikorrenti setgħet leġittimament tistenna li d-deċiżjoni kkontestata tkun suġġetta g]al pubblikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑11/95, EU:T:1998:199, punti 48 sa 51, u tal‑1 ta’ Lulju 2009, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, T‑273/06 u T‑297/06, EU:T:2009:233, punt 57). Għaldaqstant, hija kellha d-dritt li tieħu d-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali bħala l-punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

40      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni.

41      Qabel kollox, fis-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑339/16 P, EU:C:2017:384, punti 34 sa 40), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għar-rikorrenti, jiġifieri r-Repubblika Portugiża, kien in-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża lil din tal-aħħar, destinatarja ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li, fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti ma kinitx id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u ma rċeviet ebda notifika ta’ din id-deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

42      Sussegwentement, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:120) kienu jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni setgħux jikkontestaw din id-deċiżjoni, li, konformement mas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), tipprekludihom milli jikkontestaw il-legalità tagħha quddiem il-qrati nazzjonali fl-okkażjoni ta’ rikors dirett kontra l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali. Fir-rigward tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tar-rikors li l-impriżi rikorrenti setgħu jippreżentaw quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, l-Avukat Ġenerali kkonkluda li, peress li l-pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ma kinitx kundizzjoni għall-effikaċja tagħha u kien biżżejjed li l-impriżi kkonċernati direttament u individwalment ikollhom għarfien attwali tagħha, it-terminu sabiex tiġi kkontestata l-imsemmija deċiżjoni kien beda fil-jum meta saru jafu biha (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:120, punt 63). Issa, għandu jiġi kkonstatat li din il-konklużjoni ma ġietx riprodotta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li temmet il-kawża msemmija iktar ’il fuq (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:582) u li, fi kwalunkwe każ, ma ntweriex li, fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti kellha għarfien “attwali” tad-deċiżjoni kkontestata, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fl-imsemmija kawża.

43      Fl-aħħar, fid-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, Fryč vs Il-Kummissjoni (C‑230/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:685), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ ċerti regolamenti, li, peress li l-atti kontenzjużi ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali u peress li din il-pubblikazzjoni kienet ikkundizzjonat id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija atti, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kienet dik tal-pubblikazzjoni. Għandu jiġi kkonstatat li din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li ssostni l-argument tal-Kummissjoni f’dan il-każ, fid-dawl tad-differenza fin-natura tal-atti inkwistjoni.

44      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma bħala difiża mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

B.      Fuq il-mertu

[omissis]

1.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

[omissis]

b)      Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat

[omissis]

1)      Kunsiderazzjonijiet preliminari

[omissis]

93      Iktar reċentement, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ miżura ta’ għajnuna għall-produtturi tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, iffinanzjata minn oneru impost fuq il-fornituri tal-elettriku li jfornu lill-klijenti finali, fi proporzjon tal-kwantitajiet mibjugħa (is-soprataxxa-EEG), eskludiet, fis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), l-użu ta’ riżorsi tal-Istat fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

–        l-ammonti ġġenerati mill-miżura ma kinux simili għal taxxa, peress li l-miżura inkwistjoni ma tobbligax lill-operaturi kkonċernati jittrasferixxu l-ispejjeż lill-klijenti finali (punti 65 sa 71 tal-imsemmija sentenza);

–        ma kienx hemm influwenza dominanti tal-awtoritajiet pubbliċi fil-ġestjoni tar-riżorsi inkwistjoni, fl-assenza ta’ setgħa ta’ dispożizzjoni fuq il-fondi, il-fatt li l-fondi kienu esklużivament allokati għall-finanzjament tal-iskema inkwistjoni ma jimplikax li l-Istat seta’ jiddisponi minnhom, jiġifieri li jiddeċiedi dwar allokazzjoni differenti ta’ dawn ir-riżorsi (punti 74 sa 76 tal-imsemmija sentenza), u, fl-assenza ta’ kontroll pubbliku fuq il-korpi inkarigati mill-ġestjoni ta’ dawn il-fondi, sempliċi kontroll tal-eżekuzzjoni tajba tal-iskema inkwistjoni ma kienx suffiċjenti f’dan ir-rigward (punti 77 sa 85 tal-imsemmija sentenza).

94      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ miżura ta’ għajnuna għall-produtturi tal-elettriku li jipprovdu servizzi ta’ interess ġenerali, li ġiet iffinanzjata b’mod partikolari minn oneru impost fuq il-klijenti finali tal-elettriku, skont l-elettriku kkunsmat, irrikonoxxiet, fis-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407), li l-kriterju tar-riżorsi tal-Istat kien issodisfatt, fid-dawl b’mod partikolari taċ-ċirkustanzi li ġejjin:

–        il-kontribuzzjoni kienet obbligatorja għall-konsumaturi finali u għall-awtoprodutturi tal-elettriku (punt 57 tal-imsemmija sentenza) kif ukoll għall-operaturi tan-netwerk inkarigati mill-ġbir tagħha (punt 64 tal-imsemmija sentenza); l-ammont tiegħu kien stabbilit minn korp pubbliku (punt 58 tal-imsemmija sentenza);

–        id-distribuzzjoni tal-fondi kienet ġestita minn amministratur ikkontrollat direttament mill-Istat, inkarigat sabiex jamministra l-kontribuzzjoni u li ma kellu ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni u tad-destinazzjoni ta’ dawn il-fondi (punti 59 u 66 tal-imsemmija sentenza).

95      Essenzjalment, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 93 u 94 iktar ’il fuq hija bbażata fuq żewġ elementi prinċipali sabiex tiġi evalwata n-natura statali tar-riżorsi: minn naħa, l-eżistenza ta’ oneru obbligatorju li jaqa’ fuq il-konsumaturi jew il-klijenti finali, normalment ikklassifikat bħala “taxxa”, u b’mod iktar partikolari bħala “taxxa parafiskali”, u, min-naħa l-oħra, il-kontroll statali fuq il-ġestjoni tas-sistema, permezz b’mod partikolari tal-kontroll statali fuq il-fondi jew fuq il-ġestjonarji (terzi) ta’ dawn il-fondi. Dawn huma, essenzjalment, żewġ elementi li jagħmlu parti minn alternattiva.

96      In-natura ta’ elementi li jifformaw parti minn alternattiva taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar’ il fuq hija kkonfermata mill-punt 72 tas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li eskludiet l-eżistenza ta’ “taxxa speċjali”, qieset li, konsegwentement, kien hemm lok li jiġi vverifikat jekk iż-żewġ elementi l-oħra invokati (jiġifieri l-kontroll statali fuq il-fondi jew fuq l-operaturi tan-netwerk) kinux jippermettulha madankollu li tikkonkludi li l-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, fis-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407), qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fondi miġbura b’mod obbligatorju mill-operaturi ta’ netwerks tal-elettriku fuq operaturi ekonomiċi u fuq konsumaturi finali setgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat (punti 64 u 65 tal-imsemmija sentenza) u, sussegwentement, hija kkonstatat, barra minn hekk, u għalhekk, għall-finijiet ta’ kompletezza, li dawn il-fondi, maqsuma bejn il-benefiċjarji tal-iskema minn korp taħt kontroll pubbliku, li ma kellhom ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni u d-destinazzjoni ta’ dawn il-fondi, kellhom jitqiesu bħala li baqgħu taħt kontroll pubbliku (punti 66 u 67 tal-imsemmija sentenza).

97      Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2000:585, punt 165), id-denominatur komuni tal-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat huwa li, b’xi mod jew ieħor, l-Istat eżerċita kontroll fuq id-dħul inkwistjoni. Dan il-kontroll jista’ jiġi eżerċitat b’mod partikolari permezz ta’ taxxi parafiskali, mekkaniżmu li permezz tiegħu, skont l-Avukat Ġenerali, il-flus isiru proprjetà tal-Istat qabel ma jiġu ddistribwiti mill-ġdid lill-impriżi megħjuna. Għaldaqstant, skont din l-interpretazzjoni, l-eżistenza ta’ taxxa parafiskali hija waħda mis-sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm kontroll statali fuq ir-riżorsi użati.

[omissis]

100    Fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, li tiġbor fil-qosor il-premessi 49 sa 84 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni tfakkar li, f’din id-deċiżjoni tal-aħħar, hija kkonkludiet li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet ġiet iffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat abbażi tal-elementi li ġejjin:

–        l-eżenzjoni kontenzjuża kkorrispondiet ma’ politika tal-Istat;

–        it-telf fid-dħul li jirriżulta mill-eżenzjoni inkwistjoni kien integralment ikkumpensat mis-soprataxxa kontenzjuża, li kien jaqa’ fuq l-utenti tan-netwerk u ma kienx għadu responsabbiltà tal-operaturi tan-netwerk;

–        l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni kienu ġew inkarigati mill-ġestjoni tal-flussi finanzjarji li jirriżultaw mill-eżenzjoni u mis-soprataxxa kontenzjużi u ma setgħux jużaw id-dħul mis-soprataxxa kontenzjuża b’mod awtonomu;

–        is-soprataxxa kontenzjuża ma tikkorrispondix mal-pagament għal servizz jew oġġett.

101    Fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li r-riżorsi intiżi għall-finanzjament tal-eżenzjoni kontenzjuża ma kinux jgħaddu mill-baġit tal-Istat. Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat huwa preżenti wkoll jekk l-għajnuna hija ffinanzjata permezz ta’ riżorsi privati li għandhom jitħallsu abbażi ta’ obbligu impost mill-Istat u huma ġestiti u mqassma skont id-dispożizzjonijiet tal-att legali kkonċernat, u dan anki jekk ir-riżorsi ma humiex ġestiti mill-awtoritajiet tal-Istat, iżda minn korpi mhux tal-Istat indikati mill-Istat.

102    Fil-premessi 138 u 139 tad-deċiżjoni kkontestata, Il-Kummissjoni tqis li t-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-eżenzjoni kontenzjuża fl-2012 u l-2013 ġie ttrasferit kompletament lill-konsumaturi finali permezz ta’ mekkaniżmu sħiħ ta’ kumpens, li ġie ffinanzjat permezz ta’soprataxxa imposta mill-Istat lill-konsumaturi finali.

103    Fil-premessi 140 sa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża dan li ġej:

–        is-soprataxxa kontenzjuża kienet taxxa parafiskali imposta mill-Istat u miġbura mingħand il-konsumaturi finali, u mhux tariffa tan-netwerk ġenerali;

–        l-operaturi tan-netwerk kienu responsabbli għall-ġbir u l-ġestjoni tad-dazju addizzjonali kontenzjuża u kienu obbligati jiġbru din is-soprataxxa u setgħu jużaw id-dħul mis-soprataxxa biss għall-kumpens tad-dħul mitluf minħabba l-eżenzjoni kontenzjuża;

–        is-soprataxxa kienet tiggarantixxi l-kumpens sħiħ tat-telf fid-dħul li dawn l-operaturi jiksbu minħabba l-eżenzjoni kontenzjuża u l-ammont tas-soprataxxa kien ikkalkolat skont l-eżenzjoni.

104    Essenzjalment, l-eżami tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq iż-żewġ ċirkustanzi li ġejjin: minn naħa, is-soprataxxa kontenzjuża tikkostitwixxi “taxxa parafiskali”, peress li kienet tikkostitwixxi oneru obbligatorju impost mill-Istat u miġbura mill-“konsumaturi finali”, u, min-naħa l-oħra, l-operaturi tan-netwerk huma inkarigati mill-ġestjoni tas-soprataxxa skont regoli imposti mill-Istat, u għalhekk jaġixxu taħt il-kontroll tal-Istat.

[omissis]

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li s-soprataxxa kontenzjuża ġiet adottata permezz tad-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 (ara l-punt 10 sa 13 iktar ’il fuq), u li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita (ara l-punt 86 iktar ’il fuq), hija imputabbli lill-Istat, li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

107    Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 tistax titqies bħala deċiżjoni ultra vires skont id-dritt Ġermaniż u l-kwistjoni tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati Ġermaniżi u tat-tħassir sussegwenti tagħha (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), kwistjonijiet imqajma tardivament mill-partijiet matul il-kawża u li ma jikkontestawx il-fatt li din id-deċiżjoni ġiet effettivament applikata matul il-perijodu rilevanti (ara l-punti 14 u 15 iktar ’il fuq). Fil-fatt, kif irrilevat mill-ġurisprudenza, l-effettività tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tkun imdgħajfa kunsiderevolment jekk l-applikazzjoni tagħhom tista’ tiġi eskluża fuq il-bażi li l-għajnuna ngħatat bi ksur tar-regoli nazzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C‑242/13, EU:C:2014:2224, punt 36) u, jekk wieħed jassumi li l-imsemmija deċiżjoni hija illegali, jibqa’ l-fatt li huwa probabbli li tipproduċi l-effetti tagħha sakemm ma tkunx ġiet imħassra jew, għall-inqas, sakemm l-illegalità tagħha ma tkunx ġiet stabbilita (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 38).

108    L-istess japplika għall-argument tar-rikorrenti li d-Deċiżjoni BNetzA tal-2011, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil‑21 ta’ Diċembru 2011, daħlet fis-seħħ biss fl‑4 ta’ Jannar 2012 u għalhekk kienet għadha ma torbotx lill-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni fil‑15 ta’ Ottubru 2011, data finali għall-pubblikazzjoni tal-iskedi tariffarji għall-2012, li kienu vinkolanti u applikabbli għall-utenti kollha tan-netwerk. Dan l-argument, imqajjem għall-ewwel darba b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ma jikkontestax il-fatt li din id-deċiżjoni ġiet applikata matul il-perijodu rilevanti.

[omissis]

2)      Fuq l-eżistenza ta’ oneru obbligatorju

[omissis]

113    Fir-rigward tal-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tas-soprataxxa kontenzjuża bħala “taxxa parafiskali” fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata, għandu jiġi vverifikat jekk din is-soprataxxa, imposta mill-Istat, kinitx kompletament ittrasferita, permezz ta’ obbligu legali, fuq id-debituri finali tal-imsemmija soprataxxa.

114    F’dan ir-rigward, il-pożizzjonijiet tal-partijiet ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-soprataxxa kontenzjuża kinitx obbligatorjament ittrasferita fuq il-“konsumatur finali”, kif indikat fid-deċiżjoni kkontestata (ara b’mod partikolari l-premessi 135, 138, 140 u 143 tal-imsemmija deċiżjoni), u għaldaqstant f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-identifikazzjoni tad-debituri finali tas-soprataxxa kontenzjuża.

115    Il-Kummissjoni tinkludi f’din id-definizzjoni l-utenti tan-netwerk, jiġifieri l-konsumaturi l-kbar tal-elettriku direttament konnessi man-netwerk u l-fornituri tal-elettriku, li huma marbuta jħallsu s-soprataxxa sa fejn jikkonkludu kuntratti mal-operaturi tan-netwerk sabiex jixtru l-elettriku (għalihom stess, bħall-konsumaturi l-kbar, jew għall-klijenti tagħhom, bħall-fornituri) u għalhekk huma “konsumaturi finali” tas-servizz ta’ “użu tan-netwerk”.

116    Ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jinkludu f’dan il-kunċett il-konsumaturi finali tal-elettriku, u mhux il-fornituri tal-elettriku, u jsostnu li s-soprataxxa kontenzjuża, li tinġabar biss fuq l-utenti tan-netwerk, ma hijiex neċessarjament ittrasferita fuq il-konsumaturi finali tal-elettriku kollha. Huma jikkontestaw ukoll il-fatt li l-operaturi tas-sistema huma marbuta jiġbru s-sovrataxxa kontenzjuża mingħand l-utenti tan-netwerk. Skont din l-interpretazzjoni, essenzjalment, is-soprataxxa kontenzjuża ma tikkostitwixxix oneru li jolqot il-baġit tal-Istat, iżda pjuttost “tariffa”, jiġifieri trasferiment ta’ fondi li entitajiet privati jħallsu bejniethom.

117    B’hekk għandhom jiġu identifikati d-debituri finali tas-soprataxxa kontenzjuża u għandu jiġi ddeterminat jekk din hijiex obbligatorja fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

118    Fir-rigward tad-debituri finali tas-soprataxxa kontenzjuża, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ir-relazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema u l-utenti tan-netwerk (għall-biċċa l-kbira tal-fornituri tal-elettriku, iżda wkoll il-konsumaturi l-kbar tal-elettriku) u, min-naħa l-oħra, ir-relazzjoni bejn il-fornituri tal-elettriku u l-konsumaturi tal-elettriku: is-soprataxxa kontenzjuża tikkonċerna biss l-ewwel relazzjoni, dik bejn l-operaturi u l-utenti, peress li s-soprataxxa tinġabar b’konsegwenza tal-użu tan-netwerk, u mhux tal-konsum tal-elettriku.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni, imqajma mir-rikorrenti (ara l-punt 116 iktar ’il fuq), dwar jekk il-fornituri tal-elettriku kinux obbligati min-naħa tagħhom li jittrasferixxu s-soprataxxa fuq il-klijenti tagħhom, jiġifieri fuq il-konsumaturi finali tal-elettriku kollha, ma hijiex rilevanti, fid-dawl tal-fatt li d-debituri finali ta’ din is-soprataxxa kienu l-utenti tan-netwerk, jiġifieri l-fornituri stess kif ukoll il-konsumaturi finali direttament konnessi man-netwerk, u mhux il-konsumaturi finali l-oħra.

120    Fir-rigward tan-natura obbligatorja tas-soprataxxa kontenzjuża, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tidentifika b’mod ċar obbligu ta’ ġbir u ta’ trasferiment tas-soprataxxa kontenzjuża fir-rigward tal-“konsumaturi finali” billi tagħmel, b’mod partikolari, riferiment għad-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 (ara l-premessi 135, 138, 140, 141 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata), li, fil-punti 3 u 5.2 tagħha, issemmi lil dawn il-konsumaturi flimkien mal-fornituri bħala d-debituri finali tal-imsemmija soprataxxa, bħala utenti tan-netwerk.. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 20 tas-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tas‑6 ta’ Ottubru 2015 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq) u mfakkra fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) waslet għall-konklużjoni li s-soprataxxa kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi korrispettiv għall-użu tan-netwerk, iżda taxxa li permezz tagħha t-telf fid-dħul sostnut mill-operaturi ta’ netwerk kellu jkun kopert.

121    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, sabiex miżura tikkostitwixxi “taxxa” fis-sens tal-Artikoli 30 jew 110 TFUE, huwa biżżejjed li din tinġabar fuq prodotti jew servizzi intermedjarji, mingħajr ma taffettwa neċessarjament lill-konsumaturi finali tal-prodotti jew tas-servizzi tal-output, peress li l-ġurisprudenza kkonfermat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-kwalità tad-debitur tat-taxxa ma tantx hija importanti, sakemm it-taxxa tkun tirrigwarda l-prodott jew attività neċessarja fir-rigward tal-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 49). L-element deċiżiv, f’dan ir-rigward, kif sostnut mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 90 iktar ’il fuq, huwa kkostitwit mill-fatt li tali entitajiet huma inkarigati mill-Istat sabiex jamministraw riżorsi tal-Istat, u mhux sempliċement marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess.

122    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, wara li ppreċiżat li s-soprataxxa kontenzjuża kienet ġiet ordnata, b’mod ġuridikament vinkolanti, permezz tad-Deċiżjoni BNetzA tal-2011, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 kienet timponi fuq l-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni l-obbligu li jiġbru s-soprataxxa inkwistjoni mingħand il-konsumaturi finali jew fornituri kollha u li din id-deċiżjoni kienet tipprevedi wkoll li tittrasferixxi kull xahar id-dħul iġġenerat minn din is-soprataxxa kkawżata minn din is-soprataxxa lid-diversi operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni.

123    Fil-fatt, il-punt 3 tad-Deċiżjoni BNetzA tal-2011, moqri flimkien mal-punt 5.2 tagħha, jipprevedi li l-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni huma obbligati jiġbru s-soprataxxa inkwistjoni “mingħand il-konsumaturi finali jew fornituri kollha u li jittrasferuha kull xahar lill-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni kkonċernat”. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li s-soprataxxa kontenzjuża, introdotta minn awtorità amministrattiva permezz ta’ miżura regolatorja, kellha natura obbligatorja fir-rigward tal-konsumaturi finali, bħala utenti tan-netwerk, sa fejn l-imsemmija deċiżjoni kienet tobbliga lill-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jittrasferixxu fuq l-imsemmija konsumaturi l-ispejjeż addizzjonali marbuta mas-soprataxxa kontenzjuża, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 70).

124    Barra minn hekk, minn naħa, din il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-interpretazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi matul il-proċedura amministrattiva, li minnha jirriżulta b’mod ċar li l-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni kellhom l-obbligu li jiġbru s-soprataxxa kontenzjuża mingħand il-konsumaturi finali jew fornituri u li jittrasferuha kull xahar lid-diversi operaturi ta’ netwerk ta’ trażmissjoni. Min-naħa l-oħra, minkejja, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, il-fatt li l-Kummissjoni affermat b’mod ċar li d-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 kienet imponiet fuq l-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni l-obbligu li jiġbru s-soprataxxa kontenzjuża mingħand il-konsumaturi finali, bħala utenti tan-netwerk (ara b’mod partikolari l-punt 14 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura), l-awtoritajiet Ġermaniżi ma sostnew, matul il-proċedura amministrattiva, ebda argument intiż sabiex jikkontesta din il-konklużjoni.

125    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li d-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 ma kellhiex effetti vinkolanti, peress li l-obbligu ta’ pagament li jaqa’ fuq l-utenti tan-netwerk kien jirriżulta esklużivament minn kuntratti rregolati mid-dritt privat bejn l-operaturi u l-utenti tan-netwerk, u li jgħid li l-BNetzA ma setgħetx timponi obbligu li ma kienx awtorizzat mill-qafas leġiżlattiv, jiġifieri r-Regolament StromNEV 2011 u l-Liġi fuq il-Promozzjoni tal-Koġenerazzjoni tas-Sħana u tal-Elettriku tad‑19 ta’ Marzu 2002, li għaliha dan ir-regolament jirreferi, u indipendentement mill-ammissibbiltà ta’ dan l-argument, għandu jiġi rrilevat li t-test tal-punt 3 tad-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 jimponi l-obbligu li tinġabar is-soprataxxa kontenzjuża fuq l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, li għaldaqstant huma meħtieġa li jimponu din is-soprataxxa fuq il-klijenti tagħhom. Issa, sa fejn din id-deċiżjoni kienet parti mis-sistema fis-seħħ matul il-perjodu rilevanti u pproduċiet effetti vinkolanti, li, barra minn hekk, ma ġewx irtirati mid-dispożizzjonijiet li suċċessivament irrevokaw dan ir-reġim (ara l-punti 14 u 15 iktar ’il fuq), għandu jiġi konkluż li s-sistema bbażata fuq is-soprataxxa kontenzjuża pproduċiet effett legalment vinkolanti.

126    Fl-aħħar, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 39, 144 u 145 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-mekkaniżmu tas-soprataxxa kontenzjuża jiżgura lill-operaturi tan-netwerk il-kumpens sħiħ tat-telf fid-dħul subit minnhom minħabba l-eżenzjoni kontenzjuża, peress li l-ammont tal-imsemmija soprataxxa kien adattat għall-ammont tar-riżorsi rikjesti minħabba l-eżenzjoni kontenzjuża.

127    Din l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija kkorroborata mill-punti 2 u 6 tad-Deċiżjoni BNetzA tal-2011, li jirrikjedu li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jieħdu inkunsiderazzjoni l-previżjonijiet ta’ telf ta’ dħul dovut għall-eżenzjoni kontenzjuża għall-kalkolu tas-soprataxxa kontenzjuża u li d-differenza bejn il-previżjoni tad-dħul mitluf u d-dħul effettivament mitluf tiġi kkumpensata individwalment minn kull operatur ta’ netwerk.

128    L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma jistgħux jinvalidaw dawn il-konstatazzjonijiet.

129    L-ewwel, fir-rigward tal-argument li l-ammont tas-soprataxxa kontenzjuża ma huwiex stabbilit mill-Istat, iżda mill-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-ewwel sena ta’ applikazzjoni tal-iskema, id-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 stabbilixxiet l-ammont inizjali tas-soprataxxa kontenzjuża għal EUR 440 miljun, li minnhom ammont stmat ta’ EUR 140 miljun għall-ħlasijiet individwali applikati għall-konsumaturi antiċikliċi u għal EUR 300 miljun għall-eżenzjoni kontenzjuża, u, għat-tieni sena ta’ applikazzjoni ta’-iskema, l-imsemmija Deċiżjoni BNetzA stabbiliet metodu dettaljat ħafna għall-kalkolu tas-soprataxxa. Kif jirriżulta mill-punti 1 u 2 ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll mill-punt 5.2 tagħha, l-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni kellhom jiddeterminaw, minn naħa, it-telf fid-dħul mistenni li jirriżulta mill-eżenzjoni meta mqabbel mal-pagament sħiħ tat-tariffi tan-netwerk u, min-naħa l-oħra, il-konsum mistenni, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tas-soprataxxa kontenzjuża għal kull kilowatt/siegħa, fid-dawl tad-dħul iġġenerat matul is-sena ta’ qabel tal-aħħar. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, konformement mad-Deċiżjoni BNetzA tal-2011, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni kellhom jadattaw l-ammont tas-soprataxxa kontenzjuża kull sena abbażi tal-bżonnijiet finanzjarji reali tas-sena preċedenti.

130    It-tieni, għandu jiġi miċħud l-argument li ma kien jeżisti ebda mekkaniżmu legali sabiex jiġi żgurat kumpens sħiħ tat-telf, b’mod partikolari minħabba l-impossibbiltà li l-ispejjeż tas-soprataxxa kontenzjuża jiġu ttrasferiti f’każ ta’ djun irrekuperabbli. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tas-soprataxxa kontenzjuża bħala taxxa parafiskali hija biżżejjed sabiex id-dħul minn din it-taxxa jitqies bħala riżorsi tal-Istat, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Istat jimpenja ruħu li jikkumpensa t-telf ikkawżat min-nuqqas ta’ pagament tal-imsemmija soprataxxa, b’mod partikolari f’każ ta’ djun irrekuperabbli. Anki jekk, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, it-telf ta’ djun mhux rekuperabbli huwa sostnut ekonomikament mill-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni, għandu jiġi rrilevat li telf ta’ dħul dovut għal insolvenza ma jikkostitwixxix telf ta’ dħul fis-sens tas-sistema inkwistjoni u huwa ġġustifikat minħabba li r-relazzjonijiet bejn l-operaturi ta’ netwerk u d-debituri finali tat-taxxa kontenzjuża huma relazzjonijiet ta’ dritt privat.

131    It-tielet, fir-rigward tal-argument li, bis-saħħa tal-allokazzjoni esklużiva tar-riżorsi ġġenerati mis-soprataxxa kontenzjuża, l-Istat ma kellu l-ebda setgħa ta’ dispożizzjoni fuq il-fondi, fatt li, konformement mas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 76), jeskludi li s-soprataxxa kontenzjuża timplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ allokazzjoni esklużiva tar-riżorsi kienet ġiet evalwata fl-eżami tal-kontroll statali fuq l-operaturi tan-netwerk, mhux ta’ dak tal-eżistenza ta’ taxxa parafiskali, bħal fil-każ inkwistjoni. Għaldaqstant, dan l-argument ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-eżami tal-kontroll statali tal-imsemmija operaturi (ara l-punti 144 u 145 iktar ’il quddiem). Fi kwalunkwe każ, il-klassifikazzjoni tas-soprataxxa kontenzjuża bħala taxxa parafiskali, meta tiġi kkonfermata abbażi tal-evalwazzjoni preċedenti, ma hijiex ikkontestata mill-eżistenza ta’ allokazzjoni esklużiva tar-riżorsi. Għall-kuntrarju, dan l-aħħar element jikkonferma li l-mekkaniżmu tas-soprataxxa huwa rregolat minn dispożizzjonijiet statali.

132    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-Deċiżjoni BNetzA tal-2011, li timponi fuq l-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni, b’mod ġuridikament vinkolanti, l-obbligu li jiġbru s-soprataxxa kontenzjuża mingħand il-konsumaturi finali, bħala utenti tan-netwerk, tikkostitwixxi taxxa parafiskali jew oneru obbligatorju fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 121 iktar ’il fuq u għaldaqstant timplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

3)      Fuq l-eżistenza ta’ kontroll statali fuq il-fondi miġbura bħala s-soprataxxa jew fuq l-operaturi ta’ netwerk

133    Fir-rigward tat-tieni element, jiġifieri l-eżistenza ta’ kontroll statali fuq il-fondi miġbura bħala s-soprataxxa jew fuq l-operaturi ta’ netwerk, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jeżistix kontroll statali fuq l-operaturi ta’ netwerk, konformement mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), li, barra minn hekk, kienet tikkonċerna l-istess operaturi tan-netwerk tal-elettriku Ġermaniż. Fil-fatt, il-fatt li dawn l-operaturi huma suġġetti għal awtorizzazzjoni jew għal ċertifikazzjoni u li huma detenturi ta’ konċessjonijiet ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huma jaġixxu purament u sempliċement taħt kontroll pubbliku. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li sempliċi kontroll tal-eżekuzzjoni tajba tal-iskema inkwistjoni ma kienx suffiċjenti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 77 sa 85).

134    Madankollu, l-assenza ta’ kontroll pubbliku permanenti fuq l-operaturi ta’ netwerk ma hijiex deċiżiva fil-każ inkwistjoni, sa fejn hemm kontroll statali fuq il-fondi, jiġifieri fuq il-mekkaniżmu sħiħ ta’ ġbir u ta’ allokazzjoni tas-soprataxxa kontenzjuża (ara wkoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq).

135    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 tobbliga lill-operaturi ta’ netwerk jiġbru, mingħand l-utenti tan-netwerk, inklużi l-konsumaturi finali, is-soprataxxa kontenzjuża, kif ikkalkolata mill-BNetzA (għall-2012) jew skont il-metodu stabbilit minn din tal-aħħar (għall-2013), u d-dħul miġbur huwa mħallas lill-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-eżenzjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li d-dħul iġġenerat mis-sovrataxxa inkwistjoni huwa esklużivament allokat għall-għanijiet tal-iskema permezz tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari eżaminati. Ġie rrilevat ukoll, fil-punt 129 iktar ’il fuq, li, skont id-Deċiżjoni BNetzA tal-2011, l-operaturi tan-netwerk rċevew somma li tikkorrispondi għas-soprataxxa ġġenerata mill-eżenzjoni kontenzjuża, peress li l-ammont tas-soprataxxa kontenzjuża kien adattat għall-ammont tar-riżorsi rikjesti minħabba l-eżenzjoni kontenzjuża.

136    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, minn naħa, teżisti analoġija bejn is-soprataxxa kontenzjuża u l-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-eżenzjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, l-operaturi ta’ netwerk kienu jaġixxu bħala sempliċi intermedjarji fl-eżekuzzjoni ta’ mekkaniżmu rregolat fit-totalità tiegħu permezz ta’ dispożizzjonijiet statali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, FVE Holýšov I et vs Il-Kummissjoni, T‑217/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2019:633, punti 115 u 116).

137    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tar-rikorrenti.

138    L-ewwel, għalkemm il-fatt li s-soprataxxa kontenzjuża tinġabar b’eżekuzzjoni ta’ għanijiet statali jew ta’ politika statali implimentata bid-Deċiżjoni tal-BNetzA tal-2011, fih innifsu, ma huwiex element deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kontroll statali, dan ma jneħħi xejn mill-fatt li dan huwa wieħed mill-elementi li minnhom jirriżulta li jeżisti kontroll statali fuq is-sistema ta’ ġbir u ta’ allokazzjoni tas-soprataxxa kontenzjuża.

139    It-tieni, l-argument li l-operaturi ta’ netwerk ma jikkostitwixxux korpi inkarigati mill-Istat sabiex jiġġestixxu d-dħul mis-soprataxxa inkwistjoni, iżda jipparteċipaw esklużivament fl-implimentazzjoni tas-sistema, ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, “mandat” espliċitu ma huwiex neċessarju f’dan ir-rigward, meta jintwera, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, li jeżisti kontroll statali fuq il-mekkaniżmu sħiħ ta’ ġbir tas-soprataxxa kontenzjuża u ta’ allokazzjoni tal-fondi ġġenerati. Fil-fatt, fil-kawżi fejn l-assenza ta’ tali “mandat” statali kien element deċiżiv sabiex tiġi eskluża n-natura statali tar-riżorsi inkwistjoni, kien hemm jew obbligu sempliċi ta’ xiri impost fuq impriżi rregolati taħt id-dritt privat permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punti 58 sa 61, u tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punti 26 u 30), jiġifieri l-assenza, fl-istess ħin, ta’ oneru impost b’mod obbligatorju fuq il-konsumaturi finali u ta’ kontroll statali tal-fondi ġġenerati mill-ġbir inkwistjoni (ara, għal dan effett, sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 65 sa 86).

140    It-tielet, il-fatt li l-operaturi ta’ netwerk huma korpi rregolati mid-dritt privat u jaġixxu abbażi ta’ relazzjonijiet ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, u jaġixxu abbażi ta’ relazzjonijiet ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-irkupru tad-djun marbuta mas-soprataxxa kontenzjuża, mingħajr ma jibbenefikaw minn ebda setgħa ta’ eżekuzzjoni, ma huwiex fih innifsu deċiżiv, peress li dan jgħodd huwa li jsir magħruf jekk dawn il-korpi nħatru mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 20, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, FVE Holýšov I et vs Il-Kummissjoni, T‑217/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2019:633, punt 126). Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq il-fatt li operatur ta’ netwerk ta’ trażmissjoni, TransnetBW, kien fil-parti l-kbira tiegħu proprjetà tal-Istat, għalkemm fondat, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

141    Ir-raba’, huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, il-kontroll tal-eżekuzzjoni tajba tas-sistema mill-awtoritajiet pubbliċi ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kontroll fuq l-operaturi jew fuq il-fondi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 77).

142    Madankollu, fis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 82), il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkontestax il-ġurisprudenza tagħha li tgħid li l-fondi ġejjin minn oneri obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni, jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma ġestiti minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 25), iżda tenfasizza l-assenza f’każijiet oħra inkwistjoni, ta’ żewġ elementi essenzjali, jiġifieri l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ kopertura sħiħa tal-obbligu ta’ xiri mill-Istat Membru inkwistjoni u l-fatt li s-somom inkwistjoni kienu fdati lill-Caisse des Dépôts et Consignations, jiġifieri lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li aġixxiet taħt l-awtorità tal-Istat (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 83 sa 85). Għaldaqstant, dan l-argument ma huwiex konvinċenti meta jintwera, kif tirrileva l-Kummissjoni, li l-kontroll statali jikkonċerna l-mekkaniżmu kollu tal-ġbir tas-soprataxxa u ta’ allokazzjoni tad-dħul iġġenerat mis-soprataxxa, inkluż il-kopertura integrali tal-ispejjeż addizzjonali ġġenerati minn din is-soprataxxa, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti (ara l-punt 135 iktar ’il fuq).

143    Il-ħames, l-argument li l-Istat ma jiggarantixxix il-kopertura tat-telf eventwali ta’ dħul, peress li s-soprataxxa tista’ ma tiġix ittasferita u l-operaturi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni magħluqa huma obbligati jagħtu l-eżenzjoni kontenzjuża mingħajr ma jibbenefikaw minn ebda rimbors, ġie miċħud fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tas-soprataxxa kontenzjuża bħala taxxa parafiskali (ara l-punt 130 iktar ’il fuq).

144    Is-sitt, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-allokazzjoni esklużiva tar-riżorsi inkwistjoni teskludi kwalunkwe setgħa tal-Istat li jiddisponi mill-fondi ġġenerati mis-soprataxxa kontenzjuża, huwa veru li, għalekmm, f’ċerti ċirkustanzi, il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 69; tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 66, u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T‑251/11, EU:T:2014:1060, punt 70) qieset l-allokazzjoni esklużiva tar-riżorsi imposti mil-liġi bħala indikazzjoni tal-fatt li l-fondi jew il-ġestjonarji ta’ dawn il-fondi kienu taħt kontroll pubbliku, u għalhekk bħala indikazzjoni tal-użu ta’ riżorsi tal-Istat, f’ċirkustanzi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-preżenza ta’ allokazzjoni esklużiva tar-riżorsi, eskludiet l-eżistenza ta’ influwenza dominanti tal-awtoritajiet pubbliċi, u għalhekk l-eżistenza ta’ setgħa tal-Istat, min-naħa l-oħra, fl-assenza tal-użu setgħa ta’ dispożizzjoni fuq il-fondi, jiġifieri l-possibbiltà ta’ allokazzjoni differenti ta’ dawn il-fondi mill-awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 76).

145    Issa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), kuntrarjament għall-ġurisprudenza preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat dan l-element sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ kontroll mill-Istat fuq il-fondi, f’sitwazzjoni fejn hija kienet eskludiet in-natura obbligatorja tal-oneru, filwaqt li ppreċiżat li l-allokazzjoni esklużiva tar-riżorsi kienet pjuttost intiża sabiex turi, fl-assenza ta’ kwalunkwe element ieħor fis-sens kuntrarju, li l-Istat ma kienx preċiżament f’pożizzjoni li jiddisponi minn dawn il-fondi, jiġifieri li jiddeċiedi allokazzjoni differenti minn dik prevista mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, minflok ma rrivediet il-ġurisprudenza preċedenti, li, barra minn hekk, ġiet ikkonfermata ftit żmien wara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 66), il-Qorti tal-Ġustizzja deliberatament illimitat ruħha li tindika li, fin-nuqqas ta’ elementi oħra, dan l-element ma kienx, fih innifsu, deċiżiv sabiex tintwera l-eżistenza ta’ tali kontroll.

146    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li s-soprataxxa kontenzjuża tikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza rilevanti, taxxa parafiskali jew karga obbligatorja, li l-ammont tagħha ġie ffissat minn awtorità pubblika (għall-2012) jew skont metodu impost minn din l-awtorità (għall-2013), li għandha għanijiet ta’ interess pubbliku, li ġiet imposta fuq l-operaturi tan-netwerk skont kriterji oġġettivi u li din ġiet miġbura minn dawn tal-aħħar skont ir-regoli imposti mill-awtoritajiet nazzjonali.

147    Minn dan isegwi li l-eżenzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi miżura mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

148    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Covestro Deutschland AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


Collins

Kreuschitz

Csehi

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑6 ta’ Ottubru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.