Language of document : ECLI:EU:T:2021:644

Kawża T740/18

(pubblikazzjoni b’estratti)

Covestro Deutschland AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas6 ta’ Ottubru 2021

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mill-Ġermanja favur ċerti konsumaturi kbar tal-elettriku – Eżenzjoni mit-tariffi tan-netwerk għall-perijodu 2012–2013 – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ għajnuna – Riżorsi tal-Istat – Ugwaljanza fit-trattament – Aspettattivi leġittimi”

1.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Data tal-pubblikazzjoni – Data li fiha l-att sar magħruf – Natura sussidjarja – Atti li, skont prassi kostanti tal-istituzzjoni, huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali

(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 36-44)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-operazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha – Miżura adottata mill-Istat Membru fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 50-54, 61-63)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat – Kunċett ta’ riżorsi tal-Istat – Eżenzjoni tat-tariffi tan-netwerk mogħtija lill-konsumaturi l-kbar tal-enerġija – Kumpens għat-telf tad-dħul tal-operaturi ta’ netwerk bl-introduzzjoni ta’ sovrataxxa miġbura fuq il-konsumaturi finali jew il-fornituri tal-elettriku – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Ġbir assimilabbli ma’ taxxa parafiskali – Eżistenza ta’ kontroll statali fuq il-mekkaniżmu sħiħ ta’ ġbir tas-sovrataxxa u ta’ attribuzzjoni tal-fondi ġġenerati

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 85-97, 109-148)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-Istat Membru

(Artikolu 107(1) u Artikolu 107(3)(b) TFUE)

(ara l-punti 152-166)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – Kriterji

(Artikolu 107(1) u Artikolu 107(3)(b) TFUE)

(ara l-punti 169-191)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Assenza


(ara l-punti 194-210)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 108 TFUE – Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji – Assenza ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali


(ara l-punti 213-219)

Sunt

Mill-2011, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat lil ċerti konsumaturi kbar tal-enerġija eżenzjoni sħiħa mit-tariffi tan-netwerk (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni kontenzjuża”). L-ispejjeż sostnuti minn din l-eżenzjoni kienu jaqgħu fuq l-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni.

Sabiex jiġi kkumpensat it-telf ta’ dħul ikkawżat mill-eżenzjoni kontenzjuża, il-Bundesnetzagentur (BNetzA, l-Aġenzija Federali tan-Netwerks, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni BNetzA tal-2011”), stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ finanzjament li daħal fis-seħħ fl-2012. Skont dan il-mekkaniżmu, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni kienu jiġbru, mingħand il-konsumaturi finali jew mill-fornituri tal-elettriku, sovrataxxa (iktar ’il quddiem is-“sovrataxxa kontenzjuża”), li l-ammont tagħha kien jitħallas lill-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni.

L-ammont tas-sovrataxxa kien iddeterminat kull sena abbażi ta’ metodu stabbilit mill-BNetzA. L-ammont relatat mal-2012, l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tas-sistema, ġie ffissat direttament mill-BNetzA b’rata fissa. Barra minn hekk, peress li dan il-mekkaniżmu ma japplikax għall-ispejjeż tal-eżenzjoni kontenzjuża għall-2011, kull operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, skont il-livell ta’ netwerk li miegħu kienu konnessi l-benefiċjarji, kellu jbati t-telf relatat mal-imsemmija eżenzjoni għal dik is-sena.

Peress li l-eżenzjoni kontenzjuża ġiet sussegwentement iddikjarata nulla u bla effett permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji Ġermaniżi, din tħassret mill‑1 ta’ Jannar 2014.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Mejju (1) ( iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni, adita b’diversi lmenti, ikkonstatat li, mill‑1 ta’ Jannar 2012 sal‑31 ta’ Diċembru 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat illegalment għajnuna mill-Istat fil-forma tal-eżenzjoni kontenzjuża li tippermetti b’hekk lill-konsumaturi l-kbar tal-enerġija li jevitaw it-tariffi tan-netwerk.

Covestro Deutschland AG (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali, għalkemm tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli, tiċħdu billi tikkonferma, b’mod partikolari, in-natura statali tar-riżorsi ġġenerati mis-soprataxxa kontenzjuża u, għaldaqstant, l-eżistenza ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni li tgħid li r-rikors għal annullament ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu sa fejn ir-rikorrenti kienet taf bid-deċiżjoni kkontestata ferm qabel il-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li mill-formulazzjoni stess tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-kriterju tad-data ta’ meta r-rikorrent isir jaf bl-att, bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament, huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dak tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tiegħu. Anki jekk il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex kundizzjoni għad-dħul fis-seħħ tagħha, sa fejn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna skont l-Artikolu 108(2) TFUE huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, ir-rikorrenti setgħet leġittimament tistenna li d-deċiżjoni kkontestata tiġi ppubblikata u kellha d-dritt li tieħu d-data meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-klassifikazzjoni tas-sovrataxxa kontenzjuża bħala għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, sabiex tevalwa n-natura statali ta’ tali miżura ta’ sostenn, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (2) tistrieħ fuq żewġ elementi prinċipali: minn naħa, l-eżistenza ta’ piż obbligatorju fuq il-konsumaturi jew il-klijenti finali, normalment ikklassifikat bħala “taxxa”, u b’mod iktar partikolari bħala “taxxa parafiskali”, u, min-naħa l-oħra, il-kontroll statali fuq il-ġestjoni tas-sistema, permezz b’mod partikolari tal-kontroll statali fuq il-fondi jew fuq il-ġestjonarji (terzi) ta’ dawn il-fondi.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li dawn huma, essenzjalment, żewġ elementi li jagħmlu parti minn alternattiva. Fil-fatt, il-kawżi li fihom l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat ġiet irrikonoxxuta huma kkaratterizzati mill-fatt li, b’xi mod jew ieħor, l-Istat jeżerċita kontroll fuq id-dħul inkwistjoni.

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tivverifika qabel kollox jekk is-sovrataxxa kontenzjuża kinitx effettivament piż obbligatorju u, għaldaqstant, simili għal taxxa parafiskali, u, sussegwentement, jekk l-Istat kellux kontroll fuq il-fondi miġbura jew fuq il-korpi inkarigati mill-ġestjoni tagħhom.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li s-sovrataxxa kontenzjuża hija imputabbli lill-Istat, konstatazzjoni li hija bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 tistax tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni ultra vires skont id-dritt Ġermaniż u l-kwistjoni tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati Ġermaniżi, peress li l-imsemmija deċiżjoni ġiet effettivament applikata matul il-perijodu rilevanti.

Fir-rigward tan-natura obbligatorja tas-sovrataxxa kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali tirrileva li din is-sovrataxxa, introdotta minn awtorità amministrattiva permezz ta’ miżura regolatorja, kellha natura legalment vinkolanti fir-rigward ta’ dawn id-debituri finali, peress li dawn huma l-utenti tan-netwerk, jiġifieri l-fornituri stess kif ukoll il-konsumaturi finali direttament konnessi man-netwerk, u mhux il-konsumaturi finali l-oħra. Fil-fatt, id-Deċiżjoni BNetzA tal-2011 kienet tobbliga lill-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni jgħaddu fuq l-imsemmija konsumaturi l-ispejjeż addizzjonali marbuta mas-sovrataxxa kontenzjuża, b’tali mod li din is-sovrataxxa tikkostitwixxi taxxa parafiskali u għalhekk timplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

Fir-rigward tal-kontroll statali fuq il-ġestjoni tal-mekkaniżmu ta’ sovrataxxa, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, barra minn hekk, li, minn naħa, teżisti analoġija bejn is-sovrataxxa kontenzjuża u l-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-eżenzjoni kontenzjuża u li, min-naħa l-oħra, l-operaturi ta’ netwerk kienu jaġixxu bħala sempliċi intermedjarji fl-eżekuzzjoni ta’ mekkaniżmu rregolat fl-intier tiegħu minn dispożizzjonijiet statali. Konsegwentement, kien hemm kontroll statali fuq il-mekkaniżmu sħiħ ta’ ġbir u ta’ attribuzzjoni tas-sovrataxxa kontenzjuża. Fil-fatt, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni kienu obbligati jiġbru, mingħand l-utenti tan-netwerk, inklużi l-konsumaturi finali, is-sovrataxxa kontenzjuża, kif ikkalkolata mill-BNetzA (għall-2012) jew skont il-metodu stabbilit minn din tal-aħħar (għall-2013). Barra minn hekk, id-dħul kien esklużivament allokat għall-għanijiet tal-iskema mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji li jipprevedu li dan jitħallas lill-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-eżenzjoni kontenzjuża.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li s-sovrataxxa kontenzjuża tikkostitwixxi taxxa parafiskali jew piż obbligatorju, li l-ammont tagħha ġiet iffissat minn awtorità pubblika (għall- 2012) jew skont metodu impost minn din l-awtorità (għas-sena 2013), li għandha għanijiet ta’ interess pubbliku, li hija ġiet imposta fuq l-operaturi tan-netwerk skont kriterji oġġettivi u li hija ġiet miġbura minn dawn tal-aħħar skont ir-regoli imposti mill-awtoritajiet nazzjonali, b’tali mod li din tikkostitwixxi miżura mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat.


1      Deċiżjoni (UE) 2019/56, dwar skema ta’ għajnuna SA.34045 (2013/c) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi taż karga bażika skont l-Artikolu 19 tar-Regolament StromNEV [2011] (ĠU 2019, L 14, p. 1).


2      B’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407).