Language of document : ECLI:EU:T:2021:669

Kawżi T351/18 u T584/18

Ukrselhosprom PCF LLC
u
Versobank AS

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tas-6 ta’ Ottubru 2021

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni mogħtija lill-BĊE – Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu – Ammissibbiltà – Kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) tal-Istati Membri parteċipanti u tal-BĊE fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Użu ħażin ta’ poter – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors kontra deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Deċiżjoni mħassra u ssostitwita b’deċiżjoni b’kontenut identiku adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ rieżami – Għajbien tal-interess ġuridiku – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 131)

(ara l-punti 70 sa 72, 87 sa 92, u 95)

2.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Issuġġettar tal-entitajiet inqas sinjifikattivi għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-awtoritajiet nazzjonali – Implimentazzjoni deċentralizzata min dawn l-awtoritajiet ta’ kompetenza esklużiva tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Modalitajiet ta’ assistenza lill-BĊE għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni – Irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Dikjarazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli – Deċiżjoni dwar ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Atti differenti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, premessa 26 u l-Artikolu 18(1) u (4)(a); Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, premessi 15, 28 u 37 sa 40, u l-Artikoli 4(1) u 6(2) sa (7); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/36, Artikolu 18)

(ara l-punti 134 sa 139, 148, 150 u 152)

3.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Issuġġettar tal-entitajiet inqas sinjifikattivi għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-awtoritajiet nazzjonali – Verifiki u assistenza pprovduta lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ kull att marbut mal-irtirar tal-awtorizzazzjoni – Kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali – Irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Kompetenza esklużiva tal-BĊE

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 83; Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4(1)(a) u 14(5))

(ara l-punti 162 sa 166, 171 sa 174, 179 u 180)

4.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Issuġġettar tal-entitajiet inqas sinjifikattivi għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-awtoritajiet nazzjonali – Stabbiliment tal-fatti kostituttivi tal-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu – Kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali – Irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu minħabba l-ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni – Kompetenza esklużiva tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 83; Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4(1)(a) u 14(5); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/60, premessi 1 u 2, u 2013/36, Artikolu 67)

(ara l-punti 185 sa 187, 190 u 197)

5.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Istituzzjoni ta’ kreditu li tixtieq tistabbilixxi fergħa fi Stat Membru ieħor – Proċedura ta’ notifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini – Natura vinkolanti

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/36, premessa 19 u l-Artikoli 35 sa 39)

(ara l-punti 250 sa 256)

Sunt

Versobank AS hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Estonja, li l-azzjonarja prinċipali tagħha hija Ukrselhosprom PCF LLC.

Versobank, bħala istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva, kienet suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali tal-Finantsinspektsioon (FSA, l-Estonja), li taġixxi fil-kwalità tagħha ta’ awtorità nazzjonali kompetenti (ANK) (1). Din l-awtorità kienet ukoll kompetenti f’dak li jirrigwarda s-superviżjoni tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (iktar ’il quddiem il-“ĠĦF/FT” ĠĦF/FT”).

Sa mill-2015, il-FSA kkonstatat b’mod ripetut ksur imwettaq minn Versobank marbut, minn naħa, mal-ineffettività tas-sistema tagħha fil-qasam tal-ĠĦF/FT fil-ġestjoni tar-riskji li tirriżulta mill-mudell kummerċjali tagħha u, min-naħa l-oħra, mal-inadegwatezza tal-arranġamenti ta’ governanza tagħha implimentati f’dan il-qasam. Wara li wettqet spezzjoni fuq il-post u wara li bagħtet lil Versobank diversi talbiet sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti tar-regolamenti, il-FSA adottat rakkomandazzjoni li timponilha tikkoreġi immedjatament in-nuqqasijiet osservati matul din l-ispezzjoni u li teżiġi li hija tadotta ċerti miżuri.

Wara spezzjonijiet oħra fuq il-post, il-FSA kkonstatat li l-Versobank kienet għadha ma kkonformatx ruħha mal-obbligi kollha previsti fl-imsemmija rakkomandazzjoni u qieset li kien neċessarju li twettaq investigazzjoni fil-fond. Hija, għalhekk, ikkonstatat ksur serju u sinjifikattiv tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ĠĦF/FT.

Fit-8 ta’ Frar 2018, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva, mingħand l-FSA, proposta ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ Versobank (2). Fis-26 ta’ Marzu 2018, il-BĊE adotta u kkomunika lill-Versobank id-deċiżjoni tiegħu li jirtiralha l-awtorizzazzjoni bankarja (3).

Wara talba ppreżentata minn Ukrselhosprom PCF, li kellha bħala suġġett ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE tas-26 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE adotta d-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2018 (4), li ħassret u ssostitwixxiet id-deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu.

Il-Qorti Ġenerali, f’kompożizzjoni ta’ Awla Estiża, tqis li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-Kawża T‑351/18. Barra minn hekk, fil-Kawża T‑584/18, hija tiċħad ir-rikors ta’ Ukrselhosprom PCF u ta’ Versobank fit-totalità tiegħu.

L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑351/18, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2018.

F’dan ir-rigward, wara li tfakkar il-portata u l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ rieżami amministrattiv tad-deċiżjonijiet tal-BĊE (5), il-Qorti Ġenerali tenfasizza li d-deċiżjoni adottata wara dan ir-rieżami għandha effett retroattiv għall-mument tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni inizjali, irrispettivament mill-eżitu tal-imsemmi rieżami. Għalhekk, is-sostituzzjoni tad-deċiżjoni inizjali b’deċiżjoni identika jew emendata wara l-proċedura ta’ rieżami twassal għall-għajbien definittiv tad-deċiżjoni inizjali mill-ordinament ġuridiku.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tosserva li d-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2018 ġiet adottata wara r-rieżami amministrattiv mibdi kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2018 u għandha kontenut identiku għal dak ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, permezz tad-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2018, il-BĊE wettaq sostituzzjoni tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2018 b’effett retroattiv għall-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din tal-aħħar u mhux sempliċi tħassir ta’ din tal-aħħar għall-ġejjieni. B’konsegwenza ta’ dan, Ukrselhosprom PCF u Versobank ma fadlilhom ebda interess ġuridiku li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2018 u r-rikors kontra dan l-att ma għadx għandu skop.

Fit-tieni lok, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn Ukrselhosprom PCF u minn Versobank fil-Kawża T-584/18, il-Qorti Ġenerali tikkonferma, l-ewwel nett, il-kompetenza tal-BĊE sabiex jirtira l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u, b’mod iktar partikolari, sabiex jadotta d-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2018. Għalhekk, hija tispeċifika li deċiżjoni li tistabbilixxi li riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ma hijiex fl-interess pubbliku, bħal dik adottata mill-FSA fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, bl-ebda mod ma tipprekludi lill-BĊE milli jadotta, sussegwentement, deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, il-koeżistenza tal-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) u tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (MUR), li jikkondividu l-istess kompitu ta’ protezzjoni tal-istabbiltà u tas-sigurtà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, ma tistax tiġi interpretata bħala li teskludi l-possibbiltà li l-awtorità kompetenti fil-qasam ta’ superviżjoni prudenzjali, f’dan il-każ il-BĊE, tirtira l-awtorizzazzjoni, fl-assenza ta’ kundizzjonijiet biex tadotta miżura ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri meta ma jkunx hemm ir-riskju li l-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni ma tibqax sostenibbli.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-kompetenza tal-BĊE biex jadotta deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni minħabba l-ksur tal-obbligi fil-qasam tal-ĠĦF/FT, billi tfakkar li rtirar tal-awtorizzazzjoni huwa previst ukoll fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija obbligi mill-istituzzjoni ta’ kreditu (6). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tqis li kien mingħajr ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-ANK tal-Istati Membri parteċipanti u l-BĊE fi ħdan il-MSU li l-FSA stabbilixxiet il-fatti kostituttivi tal-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ĠĦF/FT u li kemm l-evalwazzjoni ġuridika li tiddetermina jekk dawn il-fatti jiġġustifikawx irtirar tal-awtorizzazzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ġew riżervati, min-naħa l-oħra, għall-BĊE.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ssostni li l-proċedura ta’ notifika, imsejjħa ta’ “passaport”, hija ta’ natura vinkolanti (7). Għalhekk, hija tfakkar li kull istituzzjoni ta’ kreditu li tixtieq tistabbilixxi fergħa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tikkomunika dan il-fatt lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha (8). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tispeċifika li n-natura mhux purament formali tal-proċedura ta’ notifika tirriżulta, minn naħa, mis-setgħa tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tirrifjuta l-komunikazzjoni tal-imsemmija informazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat ospitanti u, min-naħa l-oħra, mill-marġni li din l-ewwel awtorità għandha fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ din l-istess informazzjoni.

Ir-raba’ nett, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, il-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi sabiex jintemm il-ksur imwettaq minn Versobank. Barra minn hekk, hija tispeċifika, b’mod partikolari, li l-għażliet tal-awtolikwidazzjoni u ta’ bejgħ lil investitur ieħor ma jikkostitwixxux miżuri alternattivi għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet li l-ilħuq tagħhom kien legalment imfittex mill-BĊE.

Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-assenza ta’ analiżi komparattiva bejn il-ksur allegat fil-konfront ta’ Versobank u l-ksur imwettaq minn istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, tali analiżi ma hijiex neċessarja sabiex tiġi kkonstatata xi illegalità mwettqa minn persuna fiżika jew ġuridika.

Is-sitta u l-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argumenti bbażati fuq il-ksur tad-dritt ta’ Ukrselhosprom PCF li tingħata aċċess għall-fajl. Fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar, minn naħa, l-ewwel talba għal aċċess għall-fajl, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-BĊE ma wettaq ebda żball meta ma aċċettax li hija tingħata aċċess peress li hija ma kinitx parti kkonċernata (9) fil-mument tat-tressiq tal-imsemmija talba. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar it-tieni talba għal aċċess imressqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ rieżami, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami aċċetta din it-talba fil-kwalità tagħha ta’ rikorrenti fir-rieżami (10).


1      Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), Artikolu 2(2) u Artikolu 6 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament MSU bażiku”).


2      Regolament tal-BĊE (UE) Nru 468/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-BĊE u l-ANK u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1), Artikolu 80 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Qafas tal-MSU”).


3      Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ECB/SSM/2018-EE-1 WHD-2017-0012, tas-26 ta’ Marzu 2018, li tirtira l-awtorizzazzjoni bankarja ta’ Versobank AS (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2018”).


4      Deċiżjoni ECB/SSM/2018-EE-2 WHD-2017-0012 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tas-17 ta’ Lulju 2018, li tissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali tal-BĊE tas-26 ta’ Marzu 2018, li tipproċedi bl-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni tal-kreditu Versobank (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2018”).


5      Hekk kif deskritti fl-Artikolu 24(1) u (7) tar-Regolament MSU bażiku.


6      Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2020, L 203, p. 95, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2013, L 208, p. 73), Artikolu 67.


7      Direttiva 2013/36, Artikolu 39.


8      Direttiva 2013/36, Artikolu 35.


9      Ir-Regolament MSU bażiku, Artikolu 22(2); ir-Regolament Qafas tal-MSU, Artikoli 26 u 32.


10      Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2014/360/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU 2014, L 175, p. 47), Artikolu 20.