Language of document : ECLI:EU:T:2021:645

Kawża T-167/19

(pubblikazzjoni b’estratti)

Tempus Energy Germany GmbH u T Energy Sweden AB

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021

“Għajnuna mill-Istat – Suq Pollakk tal-elettriku – Mekkaniżmu ta’ kapaċità – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Skema ta’ għajnuna – Artikolu 108(2) u (3) – Kunċett ta’ dubji – Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament Nru 2015/1589 – Diffikultajiet serji – Artikolu 107(3)(c) TFUE – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-perijodu 2014‑2020 – Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Rikors intiż li jsostni t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet – Rikors li jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku – Eżami ex officio mill-qorti

(Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikoli 1(h), 4(3) u 6(1))

(ara l-punti 35, 36)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna Statali mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors tal-persuni interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Rikors intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tal-persuni interessati – Ammissibbiltà

(Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikoli 1(h), 4(3) u 6(1))

(ara l-punti 37, 42)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Proċedura Amministrattiva – Persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Kunċett – Impriża li ma tinsabx f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta mal-benefiċjarju tal-għajnuna – Neċessità għal din l-impriża li turi l-effett konkret tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni tagħha

(Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikolu 1(h))

(ara l-punti 38-40)

4.      Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Rikors ippreżentat minn diversi rikorrenti kontra l-istess deċiżjoni – Locus standi ta’ wieħed minn fosthom – Ammissibbiltà tar-rikors kollu kemm hu

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 41)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Proġetti ta’ għajnuna – Eżami mill-Kummissjoni – Fażi preliminari u fażi kontradittorja – Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Diffikultà ta’ evalwazzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja – Diffikultajiet serji – Kunċett – Natura oġġettiva – Oneru tal-prova – Ċirkustanzi li jippermettu l-attestazzjoni tal-eżistenza ta’ dawn id-diffikultajiet – Sensiela ta’ indizji konkordanti dwar l-iżvolġiment u t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari, iċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-kontenut tagħha – Effett tat-tul taċ-ċirkustanzi tal-fażi ta’ prenotifika – Assenza ta’ provi

(Artikolu 108(2) u (3) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikolu 4(3) u (4))

(ara l-punti 46-51, 63-72, 98, 99, 103, 106, 107, 114, 118, 123, 129, 132, 139, 143, 146, 147, 172, 179, 181, 187, 188, 192, 193, 198, 204, 207, 230, 232, 237, 239, 259, 268, 272, 285, 297)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Adozzjoni minn din tal-linji gwida li jirrigwardaw l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern – Konsegwenzi – Awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha

(Artikolu 107(3)(ċ) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 200/1)

(ara l-punt 76)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna mogħtija fis-settur tal-enerġija – Linji Gwida li jikkonċernaw l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-enerġija – Għajnuna favur l-adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni – Kriterji

(Artikolu 5(4) TUE; Artikoli 107(3)(ċ) u 194(1) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 200/1)

(ara l-punti 90-98, 111, 117-122, 132, 137, 139, 180, 196, 197, 219, 220, 245, 246, 252, 283, 290)

8.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Differenza fit-trattament oġġettivament iġġustifikata – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(ara l-punti 161-171, 218, 224, 225)

9.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Parteċipazzjoni tal-kapaċitajiet barranin fis-suq tal-kapaċità nazzjonali permezz ta’ operaturi ta’ trasport barranin – Skambji bejn networks interkonnessi – Kompiti tal-operaturi tan-network ta’ trasport – Portata

(Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2009/72, Artikolu 12)

(ara l-punti 228, 230, 233)

Sunt

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2018 (1), il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Polonja, li tipprevedi l-ħlas ta’ erba’ biljun złotys Pollakki (PLN), mifruxa fuq perijodu ta’ għaxar snin, lill-fornituri ta’ kapaċitajiet fis-suq Pollakk tal-elettriku (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna nnotifikata”). Mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qieset, b’mod iktar partikolari, li l-imsemmija skema kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE (2).

Il-mekkaniżmu ta’ kapaċità hekk awtorizzat huwa intiż sabiex jimla d-differenza mistennija fis-suq Pollakk tal-elettriku bejn id-domanda għall-elettriku u l-kapaċità u, għaldaqstant, li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista b’mod sostenibbli. Skont l-imsemmi mekkaniżmu, fornituri ta’ kapaċità jintgħażlu permezz ta’ rkant ċentralizzat, li huma organizzati f’intervalli regolari. Bħala kontroparti għal ħlas fiss matul il-perijodu tal-ftehim, il-fornituri jiggarantixxu l-provvista tal-kapaċitajiet matul il-perijodi ta’ kunsinna kif ukoll il-provvista effettiva tagħhom matul il-perijodi ta’ emerġenza. Dawn il-kapaċitajiet jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew billi jiġi prodott u pprovdut l-elettriku, jew, fil-każ tal-ġestjoni tat-talba, billi titnaqqas it-talba f’perijodu ta’ tensjoni fuq in-netwerk.

Dan l-irkant huwa miftuħ għall-produtturi, għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u għall-operaturi ta’ ħażna eżistenti u ġodda, stabbiliti fil-Polonja jew fil-pajjiżi ġirien. It-tul tal-ftehim tal-kapaċità li għandhom jingħataw huwa ddeterminat, bħala prinċipju, skont il-livell tal-ispejjeż ta’ investiment tal-fornituri ta’ kapaċitajiet ikkonċernati. Il-ħlasijiet fissi huma ffinanzjati permezz ta’ ħlas fuq il-provvista tal-elettriku, miġbura mingħand il-konsumaturi finali.

Id-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata ġiet ikkontestata mill-kumpanniji Tempus Energy Germany GmbH u minn T Energy Sweden AB (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Tempus”), li jikkummerċjalizzaw teknoloġija ta’ ġestjoni tat-talba mingħand individwi u professjonisti, b’mod partikolari fis-swieq tal-elettriku Ġermaniż u Svediż.

Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Tempus huwa, madankollu, miċħud mill-Qorti Ġenerali. Fis-sentenza tagħha, hija tagħmel, b’mod partikolari, preċiżazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna nnotifikata, kif ukoll kjarifiki dwar il-portata ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u l-enerġija (3).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Tempus, il-Qorti Ġenerali tirrileva li din għandha l-kwalità ta’ parti interessata, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (4), sa fejn hija ostakolata, permezz tad-deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, milli tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha matul proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument li Tempus ma tiġġustifikax il-kwalità ta’ parti interessata sa fejn hija ma tikkostitwixxix “kompetitur dirett” preżenti fis-suq tal-kapaċità Pollakka. Fil-fatt, sa fejn għandha l-intenzjoni soda kif ukoll il-kapaċità tagħha li tidħol fil-futur qarib u li l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata toħloq ostakoli li jagħmlu dan id-dħul iktar diffiċli, Tempus hija, tal-inqas, kompetitur potenzjali fl-imsemmi suq. Tempus uriet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-iskema ta’ għajnuna u li l-għoti kemm tal-ftehimiet kif ukoll tal-pagamenti ta’ kapaċità jista’ jkollhom effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha. L-istatus ta’ parti interessata ta’ Tempus huwa, barra minn hekk, ikkorroborat mill-kwalità tagħha ta’ operatur attiv fis-swieq tal-elettriku adjaċenti Ġermaniż u Svediż, li jippermettilha tipparteċipa fis-suq tal-kapaċità Pollakka.

Għalhekk, billi tikkonstata li l-motivi ta’ annullament invokati minn Tempus huma intiżi li jsostnu l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tipproteġi d-drittijiet proċedurali li hija tgawdi skont l-Artikolu 108(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li r-rikors tagħha huwa ammissibbli.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-kwistjoni sostantiva dwar jekk l-eżami preliminari mwettaq mill-Kummissjoni f’dan il-każ kienx ta lok għal diffikultajiet serji jew dubji (5) dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mas-suq intern, b’tali mod li hija kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, mingħajr ma kellha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

Issa, wara li ppreċiżat li l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji jew ta’ dubji għandha titfittex mhux biss fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda wara l-eżami preliminari, iżda wkoll fl-evalwazzjonijiet li fuqhom hija bbażat ruħha, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argumenti kollha mressqa minn Tempus fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji jew ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mas-suq intern. Dawn l-argumenti kienu bbażati, minn naħa, fuq l-iżvolġiment u t-tul tal-proċedura u, min-naħa l-oħra, fuq il-kontenut tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet u, b’mod iktar preċiż, fuq l-allegata natura żbaljata, inkompleta jew insuffiċjenti tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u l-enerġija.

F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva, b’mod partikolari, li, skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija, l-Istati Membri huma obbligati li jibbilanċjaw l-għanijiet potenzjalment kontradittorji tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tal-protezzjoni tal-ambjent, filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’hekk, anki jekk dawn il-linji gwida jipprevedu l-għan iktar ġenerali tas-sostenn għat-tranżizzjoni lejn ekonomija effikaċi fl-użu ta’ riżorsi, kompetittivi u b’intensità baxxa ta’ karbonju (6), dawn ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jipprojbixxu miżuri ta’ għajnuna favur impjanti ta’ produzzjoni konvenzjonali meta dawn ikunu neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u għalhekk is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u lanqas bħala li jippreskrivu li tingħata prijorità assoluta lil tekniki alternattivi, bħall-ġestjoni tat-talba.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2018) 601 final tas-7 ta’ Frar 2018 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-iskema ta’ għajnuna relatata mal-mekkaniżmu ta’ kapaċità fil-Polonja – Għajnuna mill-Istat SA.46100 (2017/N).


2      B’konformità ma’ din id-dispożizzjoni, l-għajnuna intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern meta ma jibdlux il-kundizzjonijiet tal-iskambji f’miżura kuntrarja għall-interess komuni.


3      Avviż tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-perijodu 2014-2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1).


4      Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).


5      Fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589.


6      Ara l-punt 30 tal-Linji Gwida.