Language of document : ECLI:EU:T:2012:613

Kawża T-76/11

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Sajd — Miżuri ta’ konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd — Artikolu 105 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 — Tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena minħabba li jkunu nqabżu l-kwoti mogħtija għas-snin preċedenti — Applikazzjoni ratione temporis — Ċertezza legali — Interpretazzjoni li tiggarantixxi l-osservanza tad-dritt primarju — Prinċipju ta’ nulla poena sine lege — Nuqqas ta’ retroattività”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Novembru 2012

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis — Retroattività ta’ regola sostantiva — Kundizzjonijiet

2.      Sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar — Skema tal-kwoti tas-sajd — Tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena minħabba li jkunu nqabżu l-kwoti mogħtija għas-snin preċedenti — Regolament Nru 1004/2010 — Bażi legali — Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 — Applikazzjoni ratione temporis

(Regolament tal-Kunsill Nru 1224/2009, Artikolu 105; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1004/2010)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Ċertezza legali — Portata

4.      Sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar — Skema tal-kwoti tas-sajd — Tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena minħabba li jkunu nqabżu l-kwoti mogħtija għas-snin preċedenti — Regolament Nru 1004/2010 — Bażi legali — Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1224/2009, Artikolu 105; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1004/2010)

5.      Sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar — Skema tal-kwoti tas-sajd — Tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena minħabba li jkunu nqabżu l-kwoti mogħtija għas-snin preċedenti — Regolament Nru 1004/2010 — Bażi legali — Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 — Tnaqqis ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni preċedenti għar-Regolament Nru 1224/2009 — Ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege — Assenza

Regolamenti tal-Kunsill Nru 847/96, Artikolu 5, Nru 2371/2002, Artikolu 23(4) u Nru 1224/2009, Artikolu 105; Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1004/2010)

6.      Sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar — Skema tal-kwoti tas-sajd — Tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena minħabba li jkunu nqabżu l-kwoti mogħtija għas-snin preċedenti — Tnaqqis li ma jikkostitwixxix sanzjoni — Sottomissjoni għall-prinċipju ta’ nulla poena sine lege — Assenza

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 847/96, Artikolu 15(1), u Nru 2371/2002, Artikolu 23(4))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 26)

2.      L-unika bażi legali li fuqha l-Kummissjoni setgħet tibbaża r-Regolament Nru 1004/2010, dwar it-tnaqqis ta’ ċerti kwoti tas-sajd għall-2010 minħabba sajd żejjed tal-ħut fis-sena ta’ qabel, hija l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu fis-sens li dan ma kienx applikabbli għal qbiż tal-kwoti li seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2010 jkollha l-konsegwenza li dan il-qbiż tal-kwoti ma jkunx jista’ jagħti lok għal tnaqqis u jibqa’ għalhekk mingħajr konsegwenza. Issa, tali riżultat imur manifestament kontra l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1224/2009, b’mod partikolari l-għan li l-limiti tal-possibbiltajiet ta’ sajd jiġu kompletament osservati.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija marbuta ssegwi l-indikazzjonijiet ċari tal-leġiżlatur tal-Unjoni u li tapplika l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 mill-1 ta’ Jannar 2010. Fil-każ li l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu jew l-applikabbiltà ratione temporis tiegħu, tirriżulta problematika fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, huwa l-kompitu tagħha li tinterpretah b’mod restrittiv sabiex tiggarantixxi l-osservanza ta’ dan il-prinċipju ta’ dritt primarju.

(ara l-punti 32, 34)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 39)

4.      Billi bbażat ir-Regolament Nru 1004/2010, li pproċeda bi tnaqqis ta’ ċerti kwoti tas-sajd għall-2010 minħabba sajd żejjed tal-ħut fis-sena ta’ qabel, fuq l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni applikat leġiżlazzjoni ġdida għal sitwazzjoni ta’ fatt li ġiet fis-seħħ taħt is-sistema tal-leġiżlazzjoni preċedenti. Madankollu, skont il-leġiżlazzjoni preċedenti għall-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, il-Kummissjoni kienet diġà tista’ tapplika tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena partikolari minħabba qbiż mhux biss tal-kwoti tas-sena preċedenti, iżda wkoll tal-kwoti ta’ snin oħra li jippreċeduha. Għaldaqstant, peress li hija ma ssuġġettatx il-qbiż inkwistjoni għal sistema inqas favorevoli minn dik prevista mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument meta dan seħħ, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

(ara l-punti 40, 41, 64, 65)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 67, 68, 78, 80-83)

6.      It-tnaqqis previst mill-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd, u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 847/96, li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti, ma jikkostitwixxux sanzjonijiet u għalhekk ma humiex suġġetti għall-prinċipju ta’ nulla poena sine lege.

Fil-fatt, is-sistema tal-kwoti tas-sajd tal-Unjoni tfittex l-għan li jiġu ggarantiti l-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd. It-tnaqqis mill-kwoti huwa intiż sabiex jiġu osservati l-kwoti u għalhekk għandu l-istess għan.

Is-sempliċi fatt li t-tnaqqis għandu tali għan ma jippermettix li jiġi eskluż li dan jikkostitwixxi sanzjonijiet fis-sens tal-prinċipju hawn fuq imsemmi, peress li miżuri repressivi jistgħu wkoll ifittxu dawn l-għanijiet. Madankollu, miżura li sempliċement tipprevedi kumpens għal dannu kkawżat u għalhekk hija limitata għar-restituzzjoni tal-pożizzjoni quo ante ma tikkostitwixxix miżura repressiva fis-sens tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 847/96 jipprevedu biss tnaqqis li jikkonsisti fis-sempliċi kumpens għall-qbiż tal-kwoti u għalhekk ma jipprevedux sanzjoni, jiġifieri miżura li teċċedi dan il-kumpens.

Huwa ċertament minnu li dawn jipprevedu koeffiċjenti multiplikaturi għall-kalkolu tat-tnaqqis. Madankollu, dawn il-koeffiċjenti multiplikaturi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sanzjonijiet li jmorru lil hinn mill-għan ta’ kumpens, huma intiżi sabiex jiggarantixxu restituzzjoni sħiħa tad-dannu kkawżat mill-qbiż tal-kwoti. Fil-fatt, is-sajd żejjed għandu effett negattiv fuq il-kapaċità ta’ riproduzzjoni tal-istokk ikkonċernat, li jista’ jdum ma jerġa’ jirkupra u jonqos fin-numru.

(ara l-punti 70-72, 76, 78)