Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Latvja) fl-1 ta’ Frar 2021 - AS “PrivatBank”, A, B, Unimain Holdings Limited vs Finanšu un kapitāla tirgus komisija

(Kawża C-78/21)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā apgabaltiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AS “PrivatBank”, A, B, Unimain Holdings Limited

Konvenut: Finanšu un kapitāla tirgus komisija

Domandi preliminari

Is-self u krediti finanzjarji kif ukoll it-tranżazzjonijiet ta’ kontijiet kurrenti u depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji (inklużi l-banek) elenkati fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat [KE] 1 għandhom jitqiesu wkoll bħala movimenti ta kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE?

Restrizzjoni (li ma tirriżultax direttament mil-leġiżazzzjoni nazzjonali) imposta mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru fuq istituzzjoni ta’ kreditu partikolari li ma tħallihiex tidħol f’relazzjonijiet ta’ negozju u tobbligaha ttemm ir-relazzjonijiet ta’ negozju eżistenti ma’ persuni li ma humiex ċittadini tar-Repubblika tal-Latvja tikkostitwixxu miżura ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE li, b’dan il-mod, tippreġudika l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipproteġi?

Ir-restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital fit-tifsira tal-Artikolu 63(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tista’ tkun iġġustifikata sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi evitat l-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-ħasil ta’ flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE 2 ?

Il-mezz magħżul mill-Istat Membru - l-obbligu impost fuq istituzzjoni ta’ kreditu partikolari sabiex ma tidħolx f’relazzjonijiet ta’ negozju ma’ persuni li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru partikolari (ir-Repubblika tal-Latvja) u sabiex ittemm dawn ir-relazzjonijiet - huwa adattat għall-kisba tal-għan stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE u għalhekk jikkostitwixxi eċċezzjoni skont l-Artikolu 65(1)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10.

2 ĠU 2015, L 141, p. 73.