Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Novembru 2008 - Eriksen vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-516/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Heinz Helmuth Eriksen (Ebeltoft, id-Danimarka) (rappreżentant: I. Anderson, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 800 000 jew somma oħra li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra ġusta u ekwa għall-uġigħ, it-tbatija u t-tnaqqis tat-tgawdija tal-ħajja fil-passat, fil-preżent u fil-futur minħabba indebolimenti serji ta' saħħtu kkawżati mir-rifjut kapriċċuż u illegali tal-Kummissjoni li tinforza l-implementazzjoni ta' sorveljanza medika ta' ex ħaddiema ta' Thule għal mard u kundizzjonijiet tas-saħħa marbuta mar-radjazzjoni;

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrent jew lill-faċilitajiet tat-trattament mediku jew lill-persuni li jipprovdu kura, l-ispejjeż futuri tat-trattamenti mediċi u tal-mediċini għat-tnaqqis jew għat-trattament tal-indebolimenti ta' saħħtu, imsemmija fl-ewwel talba iktar 'il fuq, li mhumiex disponibbli għalih permezz tas-sistema medika soċjali tal-Istat Membru tiegħu;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż legali raġonevoli inkorsi mir-rikorrent f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrent ippreżenta rikors għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba danni li huwa jallega li ġarrab b'riżultat tal-allegat rifjut illegali mill-Kummissjoni li tikkonforma ruħha mar-riżoluzzjoni plenarja tal-Parlament Ewropew1 u li tinforza l-applikazzjoni, min-naħa tad-Danimarka, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom, tat-13 ta' Mejju 1996, li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti2 għall-każ tal-ħaddiema, inkluż ir-rikorrent, involuti f'inċident nukleari f'Thule fi Greenland.

____________

1 - Rapport tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2007 dwar il-konsegwenzi fuq is-saħħa pubblika tal-inċident ta' Thule tal-1968 [Petizzjoni 720/2002, 2006/2012(INI)]

2 - ĠU L 159, p. 1