Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ustavno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja) fit-28 ta’ Jannar 2021 – Banka Slovenije vs Državni zbor Republike Slovenije

(Kawża C-45/21)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Qorti tar-rinviju

Ustavno sodišče Republike Slovenije

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Banka Slovenije

Parti oħra fil-proċedura: Državni zbor Republike Slovenije

Domandi preliminari

L-Artikolu 123 TFUE u l-Artikolu 21 tal-Protokoll Nru 4 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li bank ċentrali nazzjonali li huwa membru tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali jġarrarb responsabbiltà li jħallas kumpens mir-riżorsi tiegħu stess lil detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li kienu ġew imħassra permezz ta’ deċiżjoni ta’ dan il-bank ċentrali fl-eżerċizzju tas-setgħa legali tiegħu stess li jadotta miżuri straordinarji fl-interess pubbliku sabiex jipprevjeni theddid għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, fil-każ li waqt proċeduri legali sussegwenti jirriżulta li, fil-kuntest tat-tħassir ta’ strumenti finanzjarji, kien hemm nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju li ebda detentur ta’ strument finanzjarju ma għandu jitqiegħed f’pożizzjoni agħar minn dik li kien ikun fiha li kieku l-miżura straordinarja ma kinitx ġiet adottata, fejn, f’dan il-kuntest, il-bank ċentrali nazzjonali huwa responsabbli: (1) għad-dannu li seta’ jipprevedi mill-fatti u miċ-ċirkustanzi kif kienu fil-mument tad-deċiżjoni tiegħu u li kien ħa inkunsiderazzjoni jew li kellu jieħu inkunsiderazzjoni, u (2) għad-dannu li jirriżulta mill-aġir ta’ individwi li, fl-eżerċizzju ta’ tali setgħat tal-bank ċentrali, aġixxew abbażi ta’ struzzjonijiet tiegħu fejn, f’dan il-kuntest, fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom jew li misshom kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom fid-dawl tas-setgħat mogħtija, dawk l-individwi ma aġixxewx bid-diliġenza ta’ espert prudenti?

L-Artikolu 123 TFUE u l-Artikolu 21 tal-Protokoll Nru 4 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li bank ċentrali nazzjonali li huwa membru tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali jħallas kumpens finanzjarju individwali mir-riżorsi tiegħu stess lil xi wħud mid-detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li kienu tħassru (skont il-kriterju tas-sitwazzjoni patrimonjali) minħabba t-tħassir ta’ [strumenti finanzjarji] deċiż mill-bank fl-eżerċizzju tas-setgħa legali tiegħu stess li jadotta miżuri straordinarji fl-interess pubbliku sabiex jipprevjeni theddid għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, fejn, f’dan il-kuntest, id-dritt għal kumpens jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-istrument finanzjarju tħassar, irrispettivament minn jekk kienx hemm ksur tal-prinċipju li ebda detentur ta’ strument finanzjarju ma għandu, bħala riżultat ta’ miżura straordinarja, jitqiegħed f’pożizzjoni agħar minn dik li kien ikun fiha li kieku l-miżura straordinarja ma kinitx ġiet adottata?

L-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li bank ċentrali nazzjonali jiġi obbligat iħallas kumpens għal dannu li jirriżulta mill-eżerċiżżju tas-setgħat legali tiegħu f’ammonti li jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tal-bank li jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv? F’dan il-kuntest, sabiex jiġi stabbilit jekk inkisirx il-prinċipju ta’ indipendenza finanzjarja tal-bank ċentrali nazzjonali, huma rilevanti l-kundizzjonijiet legal li taħthom tiġġarrab tali responsabbiltà?

L-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE 1 jew l-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu 2 , li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba jew iġġenerata fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali tal-banek, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn iż-żewġ direttivi jiggarantixxu wkoll il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba jew iġġenerata fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja tal-banek sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, fejn it-theddid għas-solvenza u għal-likwidità tal-banek ma setax jiġi eliminat permezz ta’ miżuri normali ta’ superviżjoni prudenzjali u fejn tali miżuri kienu meqjusa bħala miżuri ta’ riorganizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu 3 ?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (d), l-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva 2013/36 jew l-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48, li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba jew iġġenerata fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali tal-banek, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tal-protezzjoni li huma jagħtu, id-Direttiva 2013/36, li hija d-direttiva sussegwenti, hija applikabbli anki fir-rigward tal-informazzjoni miksuba jew iġġenerata matul il-perijodu meta kienet tapplika d-Direttiva 2006/48, fejn tali informazzjoni għandha tiġi żvelata matul il-perijodu meta tapplika d-Direttiva 2013/36?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (d), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 (jew l-ewwel subparagrafu tal-Arikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/48, skont ir-risposta tad-domanda preċedenti) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-bank ċentrali nazzjonali fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità ta’ sorveljanza li saret informazzjoni pubblika ċertu żmien wara li nħolqot, jew l-informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet professjonali iżda li għandha ħames snin jew iktar u li, minħabba ż-żmien li għadda, bħala prinċipju hija meqjusa bħala informazzjoni storika li ma għadhiex kunfidenzjali, ma tibqax informazzjoni kunfidenzjali li għaliha japplika l-obbligu tas-sigriet professjonali? Fil-każ ta’ informazzjoni storika li għandha ħames snin jew iktar, iż-żamma tal-kunfidenzjalità tiddependi fuq jekk il-kunfidenzjalità tistax tiġi ġġustifikata għal raġunijiet differenti minn dik tas-sitwazzjoni kummerċjali tal-banek li qegħdin taħt sorveljanza jew dik ta’ impriżi oħra?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (d), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 (jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/48, skont ir-risposta għad-domanda (e)) għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dokumenti kunfidenzjali li ma jikkonċernawx it-terzi involuti fit-tentattivi ta’ salvataġġ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu iżda li huma legalment rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-qorti fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja ċivili għal danni kontra l-awtorità ta’ sorveljanza prudenzjali kompetenti għandhom jiġu żvelati awtomatikament, diġà qabel il-bidu ta’ proċeduri ġudizzjarji, mingħajr ma l-ewwel tkun stabbilita proċedura speċifika għad-determinazzjoni każ b’każ tan-natura ġustifikata tal-iżvelar ta’ kull dokument individwali lil kull wieħed mid-destinatarji, u mingħajr ibbilanċjar tal-interessi kuntrarji f’kull każ individwali, u dan anki fil-każ ta’ informazzjoni dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma ġewx iddikjarati falluti jew li ma humiex fi stralċ obbligatorju iżda li rċevew għajnuna mill-Istat fi proċedura li fiha tħassru strumenti finanzjarji miżmuma minn azzjonisti jew minn kredituri subordinati tal-istituzzjonijiet finanzjarji?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (d), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 (jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/48, skont ir-risposta għad-domanda (e)) għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-pubblikazzjoni fuq sit tal-internet, b’mod aċċessibbli għal kulħadd, ta’ dokumenti kunfidenzjali jew estratti ta’ dokumenti kunfidenzjali li ma jikkonċernawx lil terzi involuti fit-tentattivi ta’ salvataġġ ta’ istituzzjoni finanzjarja iżda li huma legalment rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-qorti f’azzjoni ġudizzjarja ċivili għal danni kontra l-awtorità ta’ sorveljanza prudenzjali kompetenti, fil-każ li dawn id-dokumenti jkun fihom informazzjoni dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma ġewx iddikjarati falluti jew li ma humiex fi stralċ obbligatorju iżda li rċevew għajnuna mill-Istat fi proċedura li fiha tħassru l-istrumenti finanzjarji miżmuma minn azzjonisti jew minn kredituri subordinati tal-istituzzjonijiet finanzjarji, fejn tkun prevista l-oskurazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali kollha qabel il-pubblikazzjoni tagħha fuq l-internet?

____________

1     ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95.

2     ĠU 2006, L 177, p. 1.

3     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15.