Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Ġunju 2011 - CEEES u Asociación de Gestores de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-342/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (CEEES) (Spanja) u Asociación de Gestores de Estaciones de Servicio (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: A. Hernández Pardo u B. Marín Corral, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-att ikkontestat ; u

konsegwentement, tikkonstata li l-Kummissjoni għandha tipproċedi sabiex timponi fuq REPSOL multa jew pagamenti ta' penalità għal ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta' April 2001, adottata fil-Każ COMP/39461/CEEES AOP-REPSOL, li kellha bħala għan li tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-ilment imressaq fit-30 ta' Mejju 2007 mir-rikorrenti. Dan l-ilment kien ibbażat fuq it-tliet argumenti prinċipali li ġejjin:

a)    l-eżistenza ta' ftehim orizzontali konklużi mill-Asociación de Operadores Petrolíferos (AOP) u l-membri tagħha, li kienu jillimitaw il-kompetizzjoni bejniethom;

b)    il-ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 120 TFUE minħabba ż-żamma tal-prezzijiet ta' bejgħ lill-pubbliku;

c)    in-nuqqas ta' eżekuzzjoni minn REPSOL tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2006/446/KE), tat-12 ta' April 2006 (2006/446/KE) dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u adottata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 (Każ COMP/B-1/38.348 - Repsol CPP); kif ukoll il-konsegwenzi ta' dan in-nuqqas ta' eżekuzzjoni f'termini ta' sanzjonijiet.

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma hemmx raġunijiet suffiċjenti sabiex tiġi adottata fil-konfront ta' REPSOL waħda mill-miżuri previsti mir-Regolament Nru 1/2003 għall-każ fejn il-partijiet ma josservawx l-impenji tagħhom.

Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħhom.

L-ewwel motiv, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju tal-effett dirett tad-dritt Komunitarju.

Ir-rikorrenti jsostnu b'mod partikolari li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni, ma tistax ma tieħux inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta' osservanza minn REPSOL tal-impenn meħud minn din il-kumpannija li ttemm il-prattika tagħha ta' ffissar tal-prezzijiet. Il-fatti stabbiliti mill-Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kellhom ikunu biżżejjed għall-Kummissjoni sabiex tasal għall-konklużjoni li REPSOL ma kinitx osservat l-impenji tagħha; u li

in-nuqqas ta' intervent tal-Kummissjoni quddiem in-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' deċiżjoni dwar l-impenji, li jirriżulta mill-fatt li l-komvenuta tqis li għandha setgħa diskrezzjonali f'dan ir-rigward, jikkomprometti l-essenza stess tal-mekkaniżmi li fuqhom hija bbażata l-aċċettazzjoni ta' impenji bħala soluzzjoni alternattivia għall-ftuħ ta' proċedura ta' sanzjoni billi s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni tinbidel f'setgħa arbitrarja li tista twassal għal ksur flagranti tad-drittijiet tad-difiża.

It-tieni motiv, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 23(2)(ċ) u 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003.

Skont ir-rikorrenti, quddiem ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, bħal dak inkwistjoni f'dan il-każ, il-Kummissjoni kien imissha imponiet il-multi u l-pagamenti ta' penalità previsti mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq.

____________