Language of document : ECLI:EU:T:2018:251

Kawża T431/12

Distillerie Bonollo SpA et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina miċ-Ċina – Modifika tad-dazju antidumping definittiv – Eżami mill-ġdid intermedju parzjali – Rikors għal annullament – Inċidenza diretta u individwali – Ammissibbiltà – Determinazzjoni tal-valur normali – Valur normali maħdum – Bdil ta’ metodu – Trattament individwali – Artikolu 2(7)(a) u Artikolu 11(9) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (li saru l-Artikolu 2(7)(a) u l-Artikolu 11(9) tar-Regolament (UE) 2016/1036) – Modulazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ annullament”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tat‑3 ta’ Mejju 2018

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Regolament antidumping adottat wara talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali mressqa minn produtturi kompetituri tal-Unjoni – Inċidenza diretta tal-imsemmija produtturi kompetituri

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kriterji – Regolament antidumping adottat wara talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali mressqa minn produtturi kompetituri tal-Unjoni – Inċidenza individwali tal-imsemmija produtturi kompetituri

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Kundizzjoni – Regolament antidumping adottat wara talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali mressqa minn produtturi kompetituri tal-Unjoni – Interess ġuridiku tal-imsemmija produtturi kompetituri

(Artikolu 263 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE)

4.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq – Użu tal-valur maħdum – Obbligu ta’ applikazzjoni fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid tal-metodu użat matul l-investigazzjoni inizjali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif issostitwit bir-Regolament 2016/1036, Artikolu 2 u Artikolu 11(9))

5.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Trattament individwali tal-impriżi li jesportaw minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, kif issostitwit bir-Regolament 2016/1036, Artikolu 9(5))

6.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Konsegwenzi tal-annullament ta’ regolament li jimponi dazji antidumping – Żamma tad-dazji antidumping sakemm jittieħdu miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE)

1.      Sabiex isir magħruf jekk rikorrent huwiex direttament ikkonċernat minn att tal-Unjoni, din il-kundizzjoni teżiġi li dan l-att ikun jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, minn naħa, u li ma tkun ingħatat l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ dan l-att li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu, liema implimentazzjoni jkollha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra, min-naħa l-oħra.

Ma huwiex rari li l-ġurisprudenza taċċetta bħala ammissibbli rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi kontra atti tal-Unjoni li l-effetti tagħhom fuq ir-rikorrenti ma humiex effetti ta’ dritt, iżda huma essenzjalment materjali minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li huma direttament ikkonċernati fil-kwalità tagħhom ta’ operaturi f’kompetizzjoni ma’ kompetituri tagħhom.

Sa fejn ir-rikorrenti wasslu għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali u sa fejn il-miżuri adottati fit-tmiem ta’ din il-proċedura kienu intiżi sabiex joħolqu kontrobilanċ għad-dumping li jikkawża l-ħsara li huma vittmi tagħha bħala l-produtturi kompetituri li joperaw fl-istess suq bħall-produtturi esportaturi inkwistjoni, huma direttament ikkonċernati mir-regolament li jtemm il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali.

(ara l-punti 49, 52, 59)

2.      Sabiex isir magħruf jekk ir-rikorrent huwiex individwalment ikkonċernat, il-persuni minbarra d-destinatarji ta’ att jistgħu jippretendu biss li jkunu kkonċernati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fil-każ li dan l-att jolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi fejn huma jistgħu jiġu ddifferenzjati mill-persuni l-oħra kollha, u minħabba dawn il-fatturi tindividwalizzahom bl-istess mod bħal fil-każ tad-destinatarju.

Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-qasam tal-antidumping, għalkemm huwa minnu li, fir-rigward tal-kriterji tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-regolamenti li jimponu dazji antidumping għandhom, min-natura u mill-portata tagħhom, natura normattiva, peress li japplikaw għall-ġeneralità tal-operaturi ekonomiċi interessati, madankollu ma huwiex eskluż li ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti jistgħu jikkonċernaw individwalment ċerti operaturi ekonomiċi.

Sabiex jiġi evalwat jekk il-pożizzjoni ta’ rikorrenti fis-suq ġietx affettwata, il-qorti tal-Unjoni tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ elementi bħall-istruttura kkonċentrata jew frammentata tas-suq, il-pożizzjoni tar-rikorrent u tal-kompetitur inkwistjoni f’termini assoluti u relattivi fis-suq jew l-estent tal-impatt tal-att kontenzjuż fuq l-attivitajiet tar-rikorrent.

Mill-evalwazzjoni mwettqa ta’ din is-sensiela ta’ elementi mill-qorti tal-Unjoni jista’ jiġi dedott li iktar ma jkunu diretti r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrent u l-kompetitur inkwistjoni, minħabba li n-numru ta’ operaturi attivi fis-suq ikun żgħir jew minħabba li l-impriża inkwistjoni tkun il-kompetitriċi prinċipali tar-rikorrent, u iktar ma jkunu sinjifikattivi l-konsegwenzi negattivi għal dan tal-aħħar, iktar hemm lok li jiġi konkluż li huwa individwalment ikkonċernat mill-att ikkontestat.

Produtturi tal-Unjoni kompetituri tal-produtturi ta’ pajjiżi terzi li pparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura amministrattiva u li kkontribwixxew b’mod sinjifikattiv għall-iżvolġiment tagħha, u għalhekk għall-eżitu tagħha, huma individwalment ikkonċernati b’regolament li jtemm proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali mibdija fuq talba tagħhom, speċjalment peress li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq ġiet affettwata b’mod sostanzjali.

(ara l-punti 74, 75, 80, 81, 84, 88, 91)

3.      Rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att inkwistjoni jiġi annullat.

Meta rikors ma huwiex intiż għat-tneħħija tal-effetti li jirriżultaw mill-att ikkontestat, iżda għas-sostituzzjoni tagħhom permezz ta’ miżura ta’ portata iktar stretta li tinkludi l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping iktar għoli, il-qorti tal-Unjoni tista’ tagħmel użu mill-possibbiltà mogħtija mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE sabiex jinżamm id-dazju antidumping stabbilit mir-regolament li huwa kkontestat sakemm l-istituzzjonijiet kompetenti jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-produtturi kompetituri tal-Unjoni għandhom interess jitolbu l-annullament ta’ regolament li jżid maġinalment dazji antidumping adottat wara talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali mressqa mill-imsemmija produtturi kompetituri tal-Unjoni, li jista’ jkun ta’ benefiċċju għalihom.

Rikorrent jista’ barra minn hekk iżomm interess jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni sabiex jippermetti li jiġi evitat li fil-futur terġa’ sseħħ l-illegalità li dan huwa allegatament ivvizzjat biha.

(ara l-punti 101, 103, 104, 108)

4.      Ir-regoli għall-kalkolu tal-valur normali huma stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (7) tar-Regolament Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (li sar l-Artikolu 2(1) sa (7) tar-Regolament 2016/1036). Għall-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq u li huwa membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fid-data tal-ftuħ tal-investigazzjoni, il-valur normali huwa ddeterminat bħala prinċipju skont il-metodu speċifiku previst fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009. Skont dan il-metodu, il-valur normali huwa ddeterminat b’mod partikolari fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur stabbilit f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, jiġifieri l-pajjiż analogu.

Bħala eċċezzjoni, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Nru 1225/2009, f’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament meta huwa stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija ta’ suq jipprevalu għal dan jew dawn il-produtturi. Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament Nru 1225/2009 jinkludi regoli applikabbli għad-determinazzjoni tal-valur normali għall-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 11(9) tar-Regolament Nru 1225/2009 jirriżulta li, bħala regola ġenerali, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom japplikaw l-istess metodu, anki għat-tqabbil tal-prezz ta’ esportazzjoni u l-valur normali, bħall-metodu użat waqt l-investigazzjoni inizjali li tkun wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju. Din l-istess dispożizzjoni tipprevedi eċċezzjoni li tippermetti lill-istituzzjonijiet li japplikaw metodu differenti minn dak użat waqt l-investigazzjoni inizjali sa fejn iċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu. Mill-istess dispożizzjoni jirriżulta li l-metodu applikat għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1225/2009.

Barra minn hekk, ma huwiex suffiċjenti li metodu ġdid ikun iktar xieraq mill-antik meta dan madankollu jikkonforma mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1225/2009.

(ara l-punti 124, 125, 127, 138)

5.      Huwa loġiku li, meta diversi produtturi esportaturi jingħataw l-istatus ta’ impriżi li joperaw fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (SES), il-valur normali jkun differenti għal kull wieħed minnhom, peress li dan huwa kkalkolat fuq il-bażi tad-data rispettiva tagħhom. Għall-kuntrarju, ma hemm l-ebda raġuni għaliex il-valur normali jkun differenti fil-każ ta’ diversi produtturi esportaturi li jiġi rrifjutat lilhom is-SES, peress li, f’din is-sitwazzjoni, il-kalkoli tal-valur normali huma bbażati fuq id-data ta’ pajjiż analogu u għalhekk indipendentement mid-data rispettiva tagħhom. F’dan l-aħħar każ, produttur esportatur jista’ dejjem jitlob trattament individwali, li jimplika li marġni ta’ dumping individwali tkun ikkalkolata billi l-valur normali, li huwa l-istess għal kulħadd, jitqabbel mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tiegħu, minflok ma l-valur normali jitqabbel mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-industrija.

(ara l-punt 141)

6.      Meta r-rikors ma huwiex intiż għat-tħassir tad-dazju antidumping li jirriżulta mir-regolament ikkontestat, iżda għas-sostituzzjoni tiegħu permezz ta’ miżura ta’ portata iktar stretta li tinkludi dazju antidumping iktar għoli b’applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu differenti u meta l-konsegwenzi tas-sempliċi annullament tar-regolament ikkontestat jistgħu jkollhom bħala effett li jippreġudikaw l-interess ġenerali tal-politika tal-Unjoni fil-qasam ta’ antidumping, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ tali miżuri u kuntrarjament għall-oġġezzjonijiet tal-Kunsill, id-dazju antidumping li jirriżulta mir-regolament ikkontestat għandu jinżamm fis-seħħ sakemm l-istituzzjonijiet ikunu ħadu l-miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza għal annullament, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE.

(ara l-punt 147)