Language of document : ECLI:EU:T:2012:75

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Frar 2012 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu magħluqa — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Għoti ta’ aċċess — Kunsens minn qabel tal-Istat Membru”

Fil-Kawża T‑59/09,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma, B. Klein u A. Wiedmann, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn M. Muñoz Pérez, sussegwentement minn S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

u minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata inizjalment minn M. Dowgielewicz, sussegwentement minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders, P. Costa de Oliveira u F. Hoffmeister, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn J. Bering Liisberg u B. Weis Fogh, sussegwentement minn S. Juul Jørgensen u C. Vang, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent,

u minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn K. Petkovska, A. Falk u S. Johannesson, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG.E.3/RG/mbp D (2008) 10067, tal-5 ta’ Diċembru 2008, li tagħti lil ċittadini l-aċċess għal ċerti dokumenti mibgħuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu Nru 2005/4569,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u M. van der Woude (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irċeviet talba għal aċċess għal diversi dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2        Id-dokumenti mitluba kienu redatti fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu Nru 2005/4569, imressqa mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja minħabba ksur possibbli tal-Artikoli 28 KE u 30 KE li jirriżulta minn dispożizzjoni amministrattiva Ġermaniża relatata mal-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ karozzi privati użati importati. Wara li fit-18 ta’ Ottubru 2005 ntbagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-proċedura ngħalqet mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Ġunju 2006.

3        Id-dokumenti li kienu s-suġġett ta’ talba għal żvelar kienu jikkonsistu, l-ewwel nett, fl-ittra tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tas-16 ta’ Frar 2006 bi tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2005, it-tieni nett, fil-minuti tal-laqgħa tas-27 ta’ Marzu 2006 bejn ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet Ġermaniżi u tal-Kummissjoni u, it-tielet nett, f’sunt għall-użu intern tal-Kummissjoni dwar il-progress tal-proċedura. It-tieni u t-tielet dokumenti kienu jirreferu għall-ittra tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tas-16 ta’ Frar 2006.

4        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar it-talba għal aċċess għal dokumenti.

5        Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-31 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li hija kienet qed toġġezzjona għall-għoti ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti, abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti, minn naħa, fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika. Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, l-iżvelar kien jippreġudika l-kollaborazzjoni bbażata fuq il-fiduċja bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. L-awtoritajiet Ġermaniżi sostnew ukoll li, fid-dritt Ġermaniż, ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “relazzjonijiet internazzjonali”.

6        Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni informat lill-persuni li kienu qed jitolbu l-aċċess dwar l-oppożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u dwar il-motivi li hija kienet ressqet insostenn tar-rifjut tagħha. Il-Kummissjoni indikatilhom li għaldaqstant hija ma setgħetx tilqa’ t-talba tagħhom. Filwaqt li rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389), il-Kummissjoni madankollu tathom l-opportunità jitolbu eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni.

7        Il-persuni li kienu qed jitolbu l-aċċess ressqu talba konfermatorja billi kkontestaw il-fondatezza tal-motivi mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

8        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja teżamina mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha abbażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punti 67 sa 72), dwar l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali, u abbażi tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2003, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 113), u tat-8 ta’ Novembru 2007, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni (T‑194/04, Ġabra p. II‑4523, punti 148 u 149), dwar l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika.

9        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Settembru 2008, l-awtoritajiet Ġermaniżi tennew b’mod motivat il-pożizzjoni tagħhom li skontha ebda aċċess ma kellu jingħata għad-dokumenti inkwistjoni.

10      Permezz tad-Deċiżjoni SG.E.3/RG/mbp D (2008) 10067, tal-5 ta’ Diċembru 2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti aċċess lill-persuni li kienu qed jitolbuh. Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tipponi għall-iżvelar tad-dokumenti kienu, prima facie, infondati u li għalhekk kien hemm lok li jiġi konkluż li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux ipproduċew b’mod suffiċjenti provi sabiex jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet invokati. Skont l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE, KEFA, Euratom, tal-5 ta’ Diċembru 2001, li temenda r-regoli ta’ proċedura (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 408), il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ġermaniżi bl-intenzjoni tagħha li tiżvela d-dokumenti inkwistjoni wara perijodu ta’ 10 ijiem ta’ xogħol u ġibdet l-attenzjoni tagħhom għar-rimedji legali għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jopponu għal dan l-iżvelar.

11      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja innotifikat lill-Kummissjoni l-oppożizzjoni tagħha għall-għoti tad-dokumenti mitluba. Hija ħabbret li kellha l-intenzjoni tippreżenta rikors għal annullament u talbet li d-dokumenti ma jkunux żvelati qabel it-tmiem ta’ dawn il-proċeduri.

12      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni indikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li hija setgħet titlob lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura provviżorja intiża sabiex l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jkun ipprojbit. Madankollu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ressqitx tali talba.

13      Il-Kummissjoni bagħtet id-dokumenti inkwistjoni lill-persuni li kienu qed jitolbu l-aċċess għalihom.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Frar 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat dan ir-rikors.

15      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit-8 ta’ Ġunju u fis-7 ta’ Lulju 2009, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Polonja talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

16      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit-18 ta’ Ġunju u fl-1 ta’ Lulju 2009, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

17      Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Settembru 2009, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali ppermetta dawn l-intervenzjonijiet.

18      Wara li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, li lilha, għaldaqstant, din il-kawża ġiet assenjata.

19      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika tal-Polonja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

21      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) sa (3) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 10 KE.

22      L-ewwel nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, essenzjalment, li, billi ma rrispettatx l-oppożizzjoni tagħha għall-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha kif iddefinita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, u, minħabba dan, kisret l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

23      Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-motivazzjoni li tiġġustifika l-oppożizzjoni tagħha għall-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni, ibbażata fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu (1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma tistax, fl-ebda każ, titqies bħala manifestament żbaljata.

 Fuq il-proċedura prevista fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001

24      Il-partijiet ma jaqblux fuq il-portata tal-istħarriġ li istituzzjoni, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, għandha twettaq, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, fir-rigward tal-motivazzjoni mressqa minn Stat Membru meta huwa jopponi, abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament, għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

25      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tqis li l-istituzzjoni ma għandhiex id-dritt tistħarreġ il-fondatezza tal-motivazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat. Filwaqt li ssostni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Polonja tippreċiża li l-Kummissjoni tista’, l-iktar l-iktar, tivverifika jekk l-Istat Membru, billi bbaża ruħu fuq eċċezzjoni, wettaqx, b’mod manifest u mingħajr ebda dubju possibbli, żball fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001.

26      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, issostni li hija obbligata teżamina jekk il-motivazzjoni mressqa mill-Istat Membru hijiex, prima facie, fondata, fid-dawl tal-ċirkustanzi tal-każ u tal-ġurisprudenza.

27      Hemm lok li jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti miżuma mill-istituzzjonijiet jkopri mhux biss id-dokumenti maħruġa minn dawn l-istituzzjonijiet, iżda wkoll dawk riċevuti minn terzi, fosthom l-Istati Membri, kif jippreċiża espressament l-Artikolu 3(b) ta’ dan l-istess regolament.

28      B’dan il-mod, il-leġiżlatur Komunitarju abolixxa r-regola tal-awtur li kienet tipprevali qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont din ir-regola, meta dokument miżmum minn istituzzjoni kellu lil terz bħala awtur, it-talba għal aċċess għad-dokument kellha tiġi indirizzata direttament lill-awtur ta’ dan id-dokument.

29      Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dokumenti kollha miżmuma mill-istituzzjonijiet, kemm jekk dawn kienu ġew redatti minnhom jew jekk dawn joriġinaw minn Stati Membri jew minn terzi oħrajn, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u għaldaqstant huma suġġetti għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari dawk dwar l-eċċezzjonijiet sostantivi għad-dritt ta’ aċċess.

30      Fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw minn terzi, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jippreċiża li, sakemm ma huwiex ċar li d-dokument kellu jew ma kellux jiġi żvelat, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta lit-terz sabiex tiddetermina jekk l-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(1) jew (2), ta’ dan ir-regolament humiex applikabbli.

31      Fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru, l-Artikolu 495) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tiegħu. Skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni tagħti għaldaqstant lill-Istat Membru l-possibbiltà jipparteċipa fid-deċiżjoni li l-istituzzjoni għandha tadotta u tistabbilixxi, għal dan il-għan, proċess deċiżjonali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjonijiet sostantivi elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) jipprekludux li jingħata aċċess għad-dokument ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punti 76, 81, 83 u 93).

32      Fil-fatt, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jafda l-implementazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni konġuntament lill-istituzzjoni u lill-Istat Membru li għamel użu mill-possibbiltà mogħtija minn din id-dispożizzjoni, u dawn huma obbligati, skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilita fl-Artikolu 10 KE, jaġixxu u jikkoperaw b’mod li dawn ir-regoli jistgħu jiġi applikati b’mod effettiv (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punt 85).

33      Minn dan jirriżulta, l-ewwel nett, li l-istituzzjoni li lilha saritilha talba għal aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru u dan tal-aħħar għandhom, meta din it-talba tkun ġiet innotifikata mill-istituzzjoni lill-Istat Membru inkwistjoni, jibdew mingħajr dewmien djalogu leali dwar l-applikazzjoni eventwali tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li jibqgħu attenti, b’mod partikolari, għall-ħtieġa li l-istituzzjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni fit-termini li fihom l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament jobbligawha tiddeċiedi fuq it-talba għal aċċess (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punt 86).

34      Sussegwentement, l-Istat Membru li, wara dan id-djalogu, ikun oppost għall-iżvelar tad-dokument inkwistjoni huwa obbligat jimmotiva din l-oppożizzjoni fid-dawl tal-imsemmija eċċezzjonijiet. L-istituzzjoni ma tistax fil-fatt taċetta l-oppożizzjoni tal-Istat Membru fir-rigward tal-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk din l-oppożizzjoni ma hijiex motivata jew jekk il-motivazzjoni mressqa ma tingħatax b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta, minkejja l-istedina espressa f’dan is-sens indirizzata mill-istituzzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar jibqa’ ma jipprovdilhiex tali motivazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni għandha, jekk din tikkunsidra minn naħa tagħha li ebda waħda mill-imsemmija eċċezzjonijiet ma tapplika, tagħti aċċess għad-dokument mitlub (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punti 87 u 88).

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 bl-ebda mod ma jagħti lill-Istat Memrbu dritt ta’ veto ġenerali u bla kundizzjonijiet, sabiex ikun jista’ jopponi, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu bżonn jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument miżmum minn istituzzjoni minħabba s-sempliċi fatt li dan id-dokument joriġina minn dan l-Istat Membru (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punt 58).

36      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament, l-istituzzjoni stess għandha l-obbligu timmotiva d-deċiżjoni ta’ rifjut li hija tagħti lill-awtur tat-talba għal aċċess. Tali obbligu jimplika li l-istituzzjoni għandha tindika, fid-deċiżjoni tagħha, mhux biss l-oppożizzjoni mmanifestata mill-Istat Membru kkonċernat għall-iżvelar tad-dokument mitlub, iżda wkoll ir-raġunijiet invokati mill-imsemmi Stat Membru sabiex juri li waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-istess regolament hija applikabbli. Tali indikazzjonijiet huma fil-fatt ta’ natura li jippermettu lill-persuna li kienet qed titlob l-aċċess tifhem l-oriġni u r-raġunijiet tar-rifjut tat-talba tagħha u lill-qorti kompetenti teżerċita, skont il-każ, is-setgħa ta’ stħarriġ mogħtija lilha. (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punt 89).

37      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat jopponi għall-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu biss fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament u billi jimmotiva debitament il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punt 99).

38      Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li, jekk l-istituzzjoni kkonċernata tikkunsidra li huwa ċar li l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru għandu jiġi rrifjutat fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) jew (2), din għandha tirrifjuta l-aċċess lill-persuna li tkun qed titlob l-aċċess mingħajr lanqas ma hija obbligata tikkonsulta mal-Istat Membru li minnu joriġina d-dokument, u dan, kemm jekk l-Istat Membru kien jew le preċedentement għamel talba fuq il-bażi tal-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament. F’każ simili, huwa għalhekk ovvju li d-deċiżjoni dwar it-talba għal aċċess tittieħed mill-istituzzjoni, fir-rigward biss tal-eċċezzjonijiet li jirriżultaw direttament mir-regola tad-dritt tal-Unjoni (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punt 68).

39      F’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, skont is-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra (punt 88), hemm biss żewġ sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ twarrab l-oppożizzjoni ta’ Stat Membru għall-iżvelar tad-dokumenti, jiġifieri, l-ewwel nett meta l-oppożizzjoni ma hijiex motivata skont l-Artikolu 253 KE u, it-tieni nett, meta l-motivazzjoni mressqa ma tingħatax b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward hija tirreferi għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif ukoll għad-distinzjoni ċara li teżisti bejn, minn naħa, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprevedi, fir-rigward tad-dokumenti ta’ terzi li ma humiex l-Istat Membri, sempliċi mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament, li jirrikonoxxi lill-Istati Membri d-dritt li jissuġġettaw l-aċċes għal dokument għall-kunsens tagħhom.

40      Fis-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet ukoll li l-Artikolu 255(1) KE u l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata, fis-7 ta’ Diċembru 2000, f’Nice (ĠU C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”), jirreferu għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet u mhux għal dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri.

41      L-ewwel nett, fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-Artikolu 255 KE u għall-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-Artikolu 255(2) KE jagħti lill-Kunsill ir-responsabbiltà jiddetermina l-prinċipji ġenerali u l-limiti li jirregolaw id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Issa, ir-Regolament Nru 1049/2001, li ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax il-legalità tiegħu, jestendi espliċitament id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni (ara l-punti 27 u 28 iktar ’il fuq).

42      Sussegwentement, huwa stabbilit li l-Istati Membri huma involuti ħafna fil-proċess leġiżlattiv u eżekuttiv tal-Unjoni, kemm bir-rapreżentazzjoni tagħhom fi ħdan il-Kunsill kif ukoll bil-parteċipazzjoni fid-diversi kumitati stabbiliti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6, supra, punt 63). L-esklużjoni ta’ numru ta’ dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess fis-sens tal-Artikolu 255(1) KE jostakola l-għan ta’ trasparenza li dan l-artikolu jrid jilħaq u li huwa ggarantit mill-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet li għandhom jiġu interpretati b’mod ristrettiv (sentenzi, Sison vs Il-Kunsill, punt 8 supra, punt 63, u L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punt 66).

43      Fl-aħħar nett, id-Dikjarazzjoni Nru 35, relatata mal-Artikolu 255(1) KE, annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam tistabbilixxi li l-Konferenza taqbel li l-prinċipji u l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu jippermettu lil Stat Membru jitlob lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill ma jikkomunikax lil terzi dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr il-kunsens preċedenti tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-awturi ta’ dan it-trattat ma riedux jeskludu d-dokumenti tal-Istati Membri mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 255(1) KE.

44      Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li, skont id-dritt primarju tal-Unjoni, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri għandu jiġi interpretat b’mod ristrettiv, ma jistax jiġi milqugħ.

45      It-tieni nett, fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ li istituzzjoni għandha dritt teżerċita fir-rigward tal-motivazzjoni mressqa minn Stat Membru sabiex jiġġustifika l-oppożizzjoni tiegħu għall-iżvelar ta’ dokument, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jafda t-twettiq tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament konġuntament lill-istituzzjoni u lill-Istat Membru. Għal dan il-għan huwa jistabbilixxi proċess deċiżjonali li fil-kuntest tiegħu dawn huma obbligati jikkoperaw lealment, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10 KE, sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jiġu applikati b’mod effettiv u konformi mal-ġurisprudenza.

46      Issa, f’din il-perspettiva, għandu jiġi kkunsidrat li l-pożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija inkompatibbli mal-istruttura ġenerali u mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-pożizzjoni tiegħu hija li, fil-kuntest tal-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament, l-istituzzjoni għandha taċċetta sistematikamet ir-rifjut tal-Istat Membru sa fejn dan ir-rifjut huwa bbażat fuq xi motivazzjoni u sa fejn din il-motivazzjoni tingħata b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, tali sitwazzjoni ma tikkorrispondix għad-djalogu leali li l-istituzzjoni u l-Istat Membru huma obbligati li jwettqu sabiex jiżguraw li r-Regolament Nru 104/2001 huwa implementat b’mod effettiv.

47      Sussegwentement għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-responsabbiltà finali għall-applikazzjoni tajba ta’ dan ir-regolament taqa’ fuq l-istituzzjoni u hija din l-istituzzjoni li għandha tiddefendi l-validità tad-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni jew l-Ombudsman. Jekk l-istituzzjoni kellha awtomatikament taċċetta l-motivazzjoni proposta mill-Istat Membru, hija tkun obbligata tiddefendi fir-rigward tal-persuna li għamlet it-talba għal aċċess u, jekk ikun il-każ, quddiem dawn l-istanzi, pożizzjonijiet li hija ma tqisx li huma difendibbli.

48      F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 li jistabbilixxu, bħala ħsara għall-eċċezzjonijiet li huwa jistabbilixxi, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni għandhom jiġu effettivament implementati mill-istituzzjoni li lilha saret it-talba għal aċċess, u mhux biss wara rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat tali rikors iċaħħad lill-istituzzjoni kkonċernata mis-setgħa tagħha li tistħarreġ il-motivazzjoni mressqa mill-Istat Membru, ma jistax jiġi milqugħ.

49      Fl-aħħar, stħarriġ limitat għall-aspetti purament formali tal-opożizzjoni mressqa mill-Istat Membru jippermettilu jipprevjeni kull żvelar, anki fin-nuqqas ta’ motivi ġenwini li jiġġustifikaw li ssir eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, sempliċiment minħabba motivazzjoni formalment mogħtija b’riferiment għall-eċċezzjonijiet sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament. Tali stħarriġ purament formali jammonta sabiex, fil-prattika, tiġi introdotta mill-ġdid ir-regola tal-awtur li r-Regolament Nru 1049/2001 abolixxa u jmur kontra l-prinċipju li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament jiddelimitaw l-eżerċizzju tas-setgħa li l-Artikolu 4(5) ta’ dan l-istess regolament jagħti lill-Istat Membru kkonċernat (L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punt76).

50      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li huwa b’mod żbaljat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, wara l-oppożizzjoni mressqa minn Stat Membru fil-kuntest tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjoni għandha, qabel ma tadotta skont l-Artikolu 8(1) tal-istess regolament deċiżjoni li tindika l-motivi tar-rifjut tagħha ta’ aċċess għad-dokument mitluba, tillimita ruħa teżerċità biss, fir-rigward tal-oppożizzjoni tal-Istat Membru, stħarriġ formali li jikkonsisti biss fid-determinazzjoni ta’ jekk ingħatatx motivazzjoni għal din l-oppożizzjoni u jekk din il-motivazzjoni ngħatatx b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

51      Għall-kuntrarju, il-proċess deċiżjonali stabbilit bl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jeħtieġ li kemm l-Istat Membru kkonċernat kif ukoll l-istituzzjoni jillimitaw ruħhom għall-eċċezzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan l-istess regolament (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6, supra, punt 83). Għaldaqstant, l-istituzzjoni għandha s-setgħa tiżgura li l-ġustifikazzjonijiet li jsostnu l-oppożizzjoni tal-Istat Membru għall-iżvelar tad-dokument mitlub, li għandhom jingħataw fid-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess adottata skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma humiex infondati.

52      F’dan ir-rigward, ma jistax jitqies, kif issostni sussidjarjament ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’analoġija mal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (23881, Ġabra p. 3415, punt 13), li stħarriġ mill-istituzzjoni jista’ jsir biss fil-każijiet li fihom is-sitwazzjoni kkontestata kienet diġà tat lok għal sentenza tal-qorti tal-Unjoni f’kawża identika jew simili, jew meta l-applikazzjoni korretta tad-dritt hija tant ovvja li ma tħalli ebda dubju raġonevoli. Lanqas ma huwa l-każ, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, li jiġi ddeterminat jekk il-motivazzjoni mressqa mill-Istat Membru kkonċernat hijiex bla dubju ta’ xejn żbaljata.

53      L-eżami mill-istituzzjoni għandu jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli, il-motivi mressqa mill-Istat Membru insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu humiex tali li jiġġustifikaw prima facie tali rifjut (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2011, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C‑445/00 R, Ġabra p. I‑1461, punti 73 u 74) u , għaldaqstant, jekk dawn il-motivi jippermettux lil din l-istituzzjoni tassumi r-responsabbiltà li jagħtiha l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.

54      Għandu jiġi nnotat li ma hijiex kwistjoni, għall-istituzzjoni, li timponi l-opinjoni tagħha jew li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Istat Membru kkonċernat, iżda li tevita l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li hija ma tqisx li hija difendibbli. Fil-fatt, l-istituzzjoni, bħala awtriċi tad-deċiżjoni ta’ aċċess jew ta’ rifjut, hija responsabbli għal-legalità tagħha. Qabel ma tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru, hija għandha għaldaqstant teżamina jekk dan tal-aħħar ikunx ibbaża l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jekk ikunx debitament immotiva l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta’ dawn l-eċċezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6, supra, punt 99).

55      Għandu jiġi enfasizzat li dan l-eżami għandu jitwettaq fil-kuntest tad-djalogu leali li jikkaratterizza l-proċess deċiżjonali stabbilit bl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-istituzzjoni hija obbligata tippermetti lill-Istat Membru jagħti b’mod iktar ċar il-motivi tiegħu jew li jevalwa mill-ġdid dawn tal-aħħar sabiex ikunu jistgħu, prima facie, jitqiesu bħala difendibbli (ara l-punt 53 supra).

56      Dan l-eżami għandu ukoll isir billi jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipju li l-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokumenti tal-istituzzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, fid-dawl tal-għanijiet li dan ir-regolament irid jilħaq, b’mod partikolari l-fatt, imfakkar fil-premessa 2 tiegħu, li dan id-dritt ta’ aċċess huwa marbut man-natura demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-fatt li dan ir-regolament huwa intiż, kif indikat fil-premessa 4 tiegħu u fl-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess li huwa l-ikbar possibbli (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 8 supra, punt 63, u s-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punt 66).

57      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li, billi eżaminat il-fondatezza tal-motivazzjoni li hija kienet ressqet insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tal-istħarriġ tagħha fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motivi invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tiġġustifika l-oppożizzjoni tagħha għall-iżvelar ta’ dokumenti

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti (ara, l-punti 32, 33, 45, 46 u 55 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-implementazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut li jingħata l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru jistax jiġi ġġustifikat fir-rigward tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3), hija bbażata fuq kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Huwa għaldaqstant biss fit-tmiem ta’ djalogu miftuħ u kostruttiv fuq il-possibbiltà li jiġi ġġustifikat rifjut għal aċċess skont l-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li l-istituzzjoni tista’ tiddeċiedi li tiċħad il-motivi invokati mill-Istat Membru insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu, jekk hija tikkonkludi li dawn il-motivi ma humiex difendibbli.

59      F’dan il-każ, saru diversi skambji bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, fl-ittra tagħha tal-15 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni talbet, b’mod motivat, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja teżamina mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha. Din tal-aħħar madankollu ma kkunsidratx mill-ġdid id-deċiżjoni ta’ rifjut tagħha. Huwa biss wara dawn l-iskambji li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha tissostiwixxi l-analiżi tagħha għal dik tal-awtoritajiet Ġermaniżi. Għal kuntrarju, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara djalogu leali, skont il-proċess deċiżjonali ddefinit fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

60      Sussegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk, hekk kif tallega hija stess, il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi li l-motivi mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tal-oppożizzjoni tagħha għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma kienux, prima facie, fondati.

61      L-ewwel nett, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-argumenti li hija kienet ressqet quddiem il-Kummissjoni insostenn tal-oppożizzjoni tagħha kienu, għal tal-inqas, defendibbli.

62      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “relazzjonijiet internazzjonali” li għalih jirreferi t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa kunċett karatteristiku għad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, ma jistax jiddependi mit-tifsira li jagħtuh il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Fil-fatt, l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament, bħall-Artikolu 4(1) sa (4), ma jinkludi ebda riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6, supra, punt 69).

63      Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar, hekk kif osservat il-Kummissjoni li t-trattati li stabbilixxew l-Unjoni, bid-differenza tat-trattati internazzjonali ordinarji, stabbilixxew ordinament ġuridiku ġdid, bl-istituzzjonijiet tiegħu stess li favur tiegħu l-Istati Membri llimitaw, f’oqsma iktar u iktar estiżi, id-drittijiet sovrani tagħhom u li s-suġġetti tiegħu huma mhux biss l-Istati Membri, iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1963, Van Gend & Loos, 26/62, Ġabra p. 1, 3, u opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/91, tal-14 ta’ Frar 1991, Ġabra p. I‑6079, punt 21). Issa, għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni fl-oqsma li hija tkopri, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaqgħu taħt il-karta kostituzzjonali li t-trattati stabbilixxew.

64      L-istess japplika b’mod partikolari fir-rigward tal-komunikazzjoni bejn Stat Membru u l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija bil-għan li jiġi żgurat it-twettiq minn Stat Membru tal-obbligi li huwa għandu skont it-trattati.

65      Fl-aħħar, għandu jiġi osservat li l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-komunikazzjonijiet bejnha u bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “relazzjonijiet internazzjonali” imsemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, ikun ifisser li numru sinjifikattiv ta’ dokumenti involuti fl-oqsma ta’ attivitajiet tal-Unjoni ma jkunux koperti mid-dritt tal-pubbliku għal aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet. Issa, tali riżultat jippreġudika l-għan ta’ trasparenza li r-Regolament Nru 1049/2001 irid jilħaq u jkun inkompatibbli mal-prinċipju stabbilit iktar ’il fuq li skontu l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara l-punti 42 u 56 iktar’il fuq).

66      Huwa għaldaqstant korrettament li l-Kummissjoni qieset li l-motiv invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma kienx, prima facie, fondat.

67      F’dan ir-rigward għandu wkoll jiġi ppreċiżat li din il-konstatazzjoni ma teskludix li d-dritt nazzjonali li jipproteġi interess pubbliku jew privat jista’ jitqies bħala interess li jistħoqlu protezzjoni abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, il-kunċetti ta’ dritt nazzjonali u dawk tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jikkoinċidu, jikkomplimentaw lil xulxin jew, ukoll, jirreferu għal xulxin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 27, u L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 6 supra, punt 84).

68      It-tieni nett, fir-rigward tal-eċċezzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ukoll invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 226 KE jaqgħu taħt l-attivitajiet ta’ spezzjoni koperti minn din id-dispożizzjoni.

69      Sussegwentment hemm lok li jiġi mfakkar li meta jiġi deċiż li jiġi miċħud l-aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, hija l-istituzzjoni li għandha tispjega kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament jippreġudika l-interess invokat, imsemmi fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punti 49 u 50, u tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, Ġabra p. I-5885, punti 53 u 54).

70      Fl-aħħar, meta Stat Membru jopponi, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu, huwa għandu jipprovdi lill-istituzzjoni bl-elementi kollha li jippermettulha tiġġustifika deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti.

71      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, insostenn tal-oppożizzjoni tagħha għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba, invokat il-fatt li l-iżvelar tagħhom lil terzi jippreġudika r-relazzjonijiet ta’ fiduċja u ta’ kooperazzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni, li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom fit-tfittxija ta’ soluzzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rreferiet għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il-Kummissjoni (T‑191/99, Ġabra p. II‑3677, punti 68 u 69), u tal-14 ta’ Ottubru 1999, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni (T‑309/97, Ġabra p. II‑3217, punt 46).

72      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet li din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll wara l-għeluq tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sa fejn tali proċedura kienet ipprovdiet forum li fih setgħu jseħħu tattiċi ta’ negozjazzjoni, kompromessi u strateġiji li jistgħu jintużaw mill-ġdid fil-kuntest ta’ proċeduri futuri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Skontha, tali sensiela ta’ interessi jistħoqilha protezzjoni, u dan anki fin-nuqqas ta’ riskju speċifiku fi proċedura partikolari għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet li, f’din il-kawża, id-dokumenti mitluba kienu jinkludu sunti ta’ natura fattwali u indikazzjonijiet dwar l-istadji tal-proċedura mibdjija jew ikkunsidrati, li ma kellhomx jiġu żvelati sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni leali bejnha u bejn il-Kummissjoni u sabiex ma tiġix ostakolata t-tfittxija ta’ soluzzjonijiet flessibbli u ta’ malajr.

73      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hijiex intiża sabiex tipproteġi l-attivitajiet ta’ investigazzjoni fihom infushom, iżda l-għan ta’ dawn l-attivitajiet, li huwa, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li l-Istat Membru kkonċernat jiġi mwassal jikkonforma ruħu mad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T‑36/04, Ġabra p. II‑3201, punti 127 u 133, u Bavarian Lager, punt 8 supra, punt 149).

74      Hija għal din ir-raġuni li d-diversi atti ta’ investigazzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni inkwistjoni sakemm dan il-għan ma jkunx inkiseb, anki jekk l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni partikolari li tkun tat lok għad-dokument li għalih intalab l-aċċess ġiet fi tmiemha (sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 8 supra, punt 110; ara, b’analoġija, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-1993, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑20/99, Ġabra p. II‑3011, punt 48).

75      Madankollu għandu jiġi nnotat li, sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi pprovat li l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati jista’ effettivament jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi inwkistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Franchet u Byk, punt 8 supra, punti 105 u 109, u API vs Il-Kummissjoni, punt 73 supra, punt 127). Fil-fatt, l-eżami meħtieġ sabiex tiġi pproċessata talba għal aċċess għal dokumenti għandu jkun konkret u r-riskju li jiġi ppreġudikat interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenzi Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 8 supra, punt 115; Bavarian Lager, punt 8 supra, punt 151, u L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 69 supra, punti 43 u 63).

76      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li fil-kuntest tagħha d-dokumenti mitluba ġew prodotti ġiet magħluqa fit-28 ta’ Ġunju 2006, jiġifieri iktar minn sentejn qabel it-talba għal aċċess għal dokumenti, li saret fid-19 ta’ Lulju 2008. Għaldaqstant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sentenzi Petrie et vs Il-Kummissjoni u Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni, punt 71 supra, għaliex dawn is-sentenzi jikkonċernaw każijiet li fihom il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet għadha għaddejja, fil-fażi amministrattiva jew ġudizzjarja tagħha, fid-data tad-deċiżjonijiet kkontestati.

77      Għaldaqstant, f’dan il-każ ma jistax jiġi kkontestat li ebda attività ta’ investigazzjoni, li l-għan tagħha seta’ jitqiegħed f’perikolu bl-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati, ma kienet għadha għaddejja meta t-talba għal aċċess għal dokumenti saret f’Lulju 2008.

78      Fir-rigward tal-argument imressaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li rifjut ta’ aċċess għal dokumenti kien neċessarju sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u hija stess fil-kuntest tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara l-punti 71 u 72 iktar ’il fuq), l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, bid-differenza għall-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti, ma hemmx preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar ta’ skambji bejn il-Kummissjoni u Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu magħluqa jippreġudika l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

79      It-tieni nett, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma pprovdiet ebda prova li tippermetti li jiġi mifhum kif l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, sentejn wara l-għeluq tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ippreġudika b’mod konkret u effettiv l-għan tal-investigazzjoni inkwistjoni jew ta’ investigazzjonijiet oħra konnessi. B’mod partikolari, hija bl-ebda mod ma invokat il-probabbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Ġunju 2006 jew l-eżistenza ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu konnessa ma’ din tal-aħħar li l-iżvolġiment tagħha seta’ ġie affettwat mill-iżvelar tad-dokumenti miltuba.

80      F’dan il-kuntest, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-Renju ta’ Spanja li, peress li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà illimitata li terġa’ tiftaħ il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri għandhom dejjem jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, tali argument huwa bbażat fuq raġunament purament ipotetiku, peress li r-Renju ta’ Spanja ma weriex in-natura raġonevolment prevedibbli ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li r-raġunijiet invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tal-oppożizzjoni tagħha għall-iżvelar tad-dokumenti kienu astratti u purament ipotetiċi u għaldaqstant ma setgħux jipprovdu bażi legali adegwata li fuqha l-Kummissjoni setgħet tiġġustifika deċiżjoni ta’ rifjut taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

82      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet korretta meta qieset li l-motivi mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tiġġustifika l-oppożizzjoni tagħha għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba kienu, prima facie, infondati

83      Għaldaqstant, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, barra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

85      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Frar 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.