Language of document : ECLI:EU:T:2012:75

Kawża T-59/09

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu magħluqa — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Għoti ta’ aċċess — Kunsens minn qabel tal-Istat Membru”

Sommarju tas-sentenza

1.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Interpretazzjoni restrittiva tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru abbażi tad-dritt primarju tal-Unjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 255 KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 42; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 2(3))

2.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Possibbiltà għall-Istat Membru li jitlob lill-istituzzjoni li d-dokumenti ma jiġux żvelati — Obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjoni u l-Istat Membru

(Artikolu 10 (KE); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Nru 1049/2001, Artikolu 4(1) sa (3) u (5))

3.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru — Possibbiltà għall-Istat Membru li jitlob lill-istituzzjoni li d-dokumenti ma jiġux żvelati — Kompetenza tal-istituzzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(1) sa (3) u (5), u 8(1))

4.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interess pubbliku — Relazzjonijiet internazzjonali — Kunċett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a))

5.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

1.      L-Artikolu 255(2) KE jagħti lill-Kunsill ir-responsabbiltà jiddetermina l-prinċipji ġenerali u l-limiti li jirregolaw id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Issa, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jestendi espliċitament id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni, kemm jekk dawn kienu ġew redatti minnha jew jekk dawn joriġinaw minn Stati Membri jew minn terzi oħrajn. Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ numru ta’ dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess fis-sens tal-Artikolu 255(1) KE jostakola l-għan ta’ trasparenza li dan l-artikolu jrid jilħaq u li huwa ggarantit mill-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet li għandhom jiġu interpretati b’mod ristrettiv. Barra minn hekk, mid-Dikjarazzjoni Nru 35, relatata mal-Artikolu 255(1) KE, annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam jirriżulta li l-awturi ta’ dan it-trattat ma riedux jeskludu d-dokumenti tal-Istati Membri mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 255(1) KE. Għaldaqstant id-dritt primarju tal-Unjoni ma jiġġustifikax interpretazzjoni restrittiva tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri.

(ara l-punti 29, 41-44)

2.      L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tiegħu. Din id-dispożizzjoni tagħti għaldaqstant lill-Istat Membru l-possibbiltà jipparteċipa fid-deċiżjoni li l-istituzzjoni għandha tadotta u tistabbilixxi, għal dan il-għan, proċess deċiżjonali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjonijiet sostantivi elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) jipprekludux li jingħata aċċess għad-dokument ikkunsidrat. Fil-fatt, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament jafda l-implementazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni konġuntament lill-istituzzjoni u lill-Istat Membru li għamel użu mill-possibbiltà mogħtija minn din id-dispożizzjoni, u dawn huma obbligati, skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilita fl-Artikolu 10 KE, jaġixxu u jikkooperaw b’mod li dawn ir-regoli jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv.

(ara l-punti 31, 32)

3.      Il-proċess deċiżjonali stabbilit bl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jeħtieġ li kemm l-Istat Membru kkonċernat kif ukoll l-istituzzjoni jillimitaw ruħhom għall-eċċezzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan l-istess regolament.

Fil-kuntest ta’ dan il-proċess deċiżjonali, l-istituzzjoni għandha s-setgħa tiżgura li l-ġustifikazzjonijiet li jsostnu l-oppożizzjoni tal-Istat Membru għall-iżvelar, minn din l-istituzzjoni, tad-dokument mitlub, li għandhom jingħataw fid-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess adottata skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament, ma humiex infondati.

F’dan ir-rigward, l-eżami mill-istituzzjoni għandu jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli, il-motivi mressqa mill-Istat Membru insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu humiex tali li jiġġustifikaw prima facie tali rifjut u, għaldaqstant, jekk dawn il-motivi jippermettux lil din l-istituzzjoni tassumi r-responsabbiltà li jagħtiha l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.

Ma hijiex kwistjoni, għall-istituzzjoni, li timponi l-opinjoni tagħha jew li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Istat Membru kkonċernat, iżda li tevita l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li hija ma tqisx li hija difendibbli. Fil-fatt, l-istituzzjoni, bħala awtriċi tad-deċiżjoni ta’ aċċess jew ta’ rifjut, hija responsabbli għal-legalità tagħha. Qabel ma tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru, hija għandha għaldaqstant teżamina jekk dan tal-aħħar ikunx ibbaża l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jekk ikunx debitament immotiva l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta’ dawn l-eċċezzjonijiet.

Dan l-eżami għandu jitwettaq fil-kuntest tad-djalogu leali li jikkaratterizza l-proċess deċiżjonali stabbilit bl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-istituzzjoni hija obbligata tippermetti lill-Istat Membru jagħti b’mod iktar ċar il-motivi tiegħu jew li jevalwa mill-ġdid dawn tal-aħħar sabiex ikunu jistgħu, prima facie, jitqiesu bħala difendibbli.

(ara l-punti 51, 53-55)

4.      Il-kunċett ta’ “relazzjonijiet internazzjonali” li għalih jirreferi t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa kunċett karatteristiku għad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, ma jistax jiddependi mit-tifsira li jagħtuh il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, it-trattati li stabbilixxew l-Unjoni, bid-differenza tat-trattati internazzjonali ordinarji, stabbilixxew ordinament ġuridiku ġdid, bl-istituzzjonijiet tiegħu stess li favur tiegħu l-Istati Membri llimitaw, f’oqsma iktar u iktar estiżi, id-drittijiet sovrani tagħhom u li s-suġġetti tiegħu huma mhux biss l-Istati Membri, iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom. Issa, għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni fl-oqsma li hija tkopri, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaqgħu taħt il-karta kostituzzjonali li t-trattati stabbilixxew. L-istess japplika b’mod partikolari fir-rigward tal-komunikazzjoni bejn Stat Membru u l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija bil-għan li jiġi żgurat it-twettiq minn Stat Membru tal-obbligi li huwa għandu skont it-trattati. Għaldaqstant tali komunikazzjoni ma taqax taħt il-kunċett ta’ relazzjonijiet internazzjonali msemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 62-65)

5.      L-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ma hijiex intiża sabiex tipproteġi l-attivitajiet ta’ investigazzjoni fihom infushom, iżda l-għan ta’ dawn l-attivitajiet, li huwa, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li l-Istat Membru kkonċernat jiġi mwassal jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni.

Hija għal din ir-raġuni li d-diversi atti ta’ investigazzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni inkwistjoni sakemm dan il-għan ma jkunx inkiseb, anki jekk l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni partikolari li tkun tat lok għad-dokument li għalih intalab l-aċċess ġiet fi tmiemha.

Madankollu, sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi pprovat li l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati jista’ effettivament jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi inwkistjoni. Fil-fatt, l-eżami meħtieġ sabiex tiġi pproċessata talba għal aċċess għal dokumenti għandu jkun konkret u r-riskju li jiġi ppreġudikat interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

F’kull każ, bid-differenza għall-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti, ma hemmx preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar ta’ skambji bejn il-Kummissjoni u Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu magħluqa jippreġudika l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 73-75, 78)