Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Novembru 2021 – Lyubetskaya vs Il-Kunsill

(Kawża T-556/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Sviatlana Lyubetskaya (Minsk, il-Bjelorussja) (rappreżentant: D. Litvinski, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/997 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1002 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Ir-rikorrenti ssostni li l-għan u l-kontenut tal-atti kkontestati, interpretati fid-dawl tal-kliem tagħhom, tal-kuntest tagħhom u tal-iskopijiet tagħhom, huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-awtorità tal-prosekuzzjoni ma tosservax id-dmir tagħha li tistabbilixxi l-imputabbiltà tal-fatti lill-persuna kkonċernata.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u bbażat fuq l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont ir-rikorrenti, l-atti kkontestati ma humiex iġġustifikati mill-fatti u sempliċement jisiltu konklużjonijiet ibbażati fuq il-kwalità ta’ membru parlamentari tagħha.

It-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li l-għan u l-kontenut tal-atti kkontestati, interpretati fid-dawl tal-kliem tagħhom, tal-kuntest tagħhom u tal-iskopijiet tagħhom, huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kwalità ta’ membru parlamentari tagħha.

____________