Language of document : ECLI:EU:T:2005:325

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla)

15 ta' Settembru 2005(*)

"Trademark Komunitarja – Trademark verbali LIVE RICHLY – Raġunijiet assoluti ta' rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7 (1) (b) tar-Regolament (KE) Nru. 40/94– Dritt li wieħed jinstema' – Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru. 40/94"

Fil-kawża T-320/03

Citicorp, stabbilita fi New York, New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn V. von Bomhard, A. Renck A. Pohlmann, Avocats,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen, P. Bullock u A. von Mühlendahl, bħala aġenti,

konvenut

li għanda bħala suġġett talba għall-annullament ta' deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell tal-UASI tal-25 ta' Ġunju 2003 ( kawża R 82/2002-3), li tirrigwarda applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark verbali LIVE RICHLY bħala trademark komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi u E. Cremona, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fit-2 ta' Marzu 2001, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal-trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1).

2       It-trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali LIVE RICHLY.

3       Is-servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni tat-trademark ġiet mitluba jaqgħu fil-klassi 36 tal-ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta' prodotti u servizzi għall-iskopijiet ta' reġistrazzjoni ta' trademarks tal 15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja :

"Servizzi finanzjarji u monetarji u tranżazzjonijiet tal-proprjetà immobbli; b'mod partikolari, servizzi bankarji; karti tal-kreditu; finanzjament u self kummerċjali u għall-konsum; senserija ta' ipoteki u ta' proprjetà immobbli; amministrazzjoni, pjanifikazzjoni u konsulenza f'dak li jirrigwarda trust u propjetà immobbli; investimenti, pariri u assistenza f'dak li jirrigwarda l-investimenti; servizzi ta' senserija u ta' negozzjazzjoni ta' titoli li jiffaċilitaw tranżazzjonijiet finanzjarji żġuri; servizzi ta' assigurazzjoni; b'mod partikolari, sottoskrizzjoni u bejgħ ta' assigurazzjonijiet ta' proprjetà immobbli, ta' assigurazzjoni kontra l-inċidenti, ta' poloz ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta' kuntratti ta' kiri".

4       Permezz ta' l-ittra tat-3 ta' Lulju 2001, l-eżaminatriċi rrilevat in-nuqqas ta' karattru distintiv għar-reġistrazzjoni tat-trademark LIVE RICHLY. Ir-rikorrenti kkuntestat il-pożizzjoni ta' l-eżaminatriċi u talbitha tilqa' it-talba tagħha għar-reġistrazzjoni fl-ittra tagħha tat-8 ta' Awwissu 2001. permezz tad-deċiżjoni ta' l-4 ta' Diċembru 2001 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi") l-eżaminatriċi kkonfermat iċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark LIVE RICHLY.

5       Fit-22 ta' Jannar, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-UASI, skond l-Artikoli 57 u 62 tar-Regolament Nru. 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi.

6       Permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta' Ġunju 2003 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), it-tielet Bord ta' l-Appell ċaħad dan ir-rikors u bhekk ikkonferma d-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi li ċaħdet l-applikazzjoni. Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fis-sustanza, li t-trademark LIVE RICHLY ma tissodisfax l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 7 (1) (b) tar-Regolament Nru. 40/94, peress li din tkun perċepita mill-pubbliku nteressat bħala sempliċi formula ta' eloġju u mhux bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tas-servizzi in kwistjoni.

 Proċedura u konklużjonijiet tal-partijiet

7       Fil-15 ta' Settembru 2003, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru. 40/94. Wara li ġew ippreżentati s-sottomissjonijiet ta' difiża, fejn din ta' l-aħħar indikat li t-trademark LIVE RICHLY kienet ġiet aċċettata mill-eżaminatriċi għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli, ir-rikorrenti talbet, skond l-Artikolu 135 (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex tkun tista' tippreżenta replika. Permezz tad-deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla, tad-19 ta' Frar 2004, ir-rikorrenti ġiet awtorizzata tissottometti r-replika.

8       Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) iddeċidiet li tagħmel mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u li tiftaħ il-proċedura orali. Il-partijiet irrispondew għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu preskritt.

9       It-trattazzjoni verbali u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza ġew mismugħa matul is-seduta tad-9 ta' Diċembru 2004. F'din l-okkażjoni, il-konvenut ikkonferma li t-trademark LIVE RICHLY setgħet tiġi rreġistrata għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli. Wara din il-konferma, ir-rikorrenti ammettiet li dawn is-servizzi ma kienux għadhom inklużi fis-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li kien jillimita ruħu, fis-sustanza, għas-servizzi finanzjarji u monetarji. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ddikjarat li, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2004, l-UASI vs Erpo Möbelwerk (C-4/02 P, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), hi ma kinitx għadha tallega li hemm bżonn li jiġi ppruvat li t-trademark komunitarja kienet tintuża b'mod ġenerali sabiex tkun nieqsa minn karattru distintiv. Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet kienu ġew miżjuda mal-proċess verbal tas-seduta.

10     Ir-rikorrenti talbet sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza joġobgħa:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata ;

–       tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

11     Il-Konvenut talab sabiex jekk l-Qorti tal-Prim'Istanza joġobgħa:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbilità ta' ċerti provi ppreżentati mir-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

12     Sabiex issostni l-argumenti tagħha fuq il-karattru distintiv tas-sinjal LIVE RICHLY, ir-rikorrenti ppreżentat kopji ta' dokumenti meħudin mid-database tat-trademarks u ta' siti ta' l-Internet sabiex tkun tista' turi li hi kienet l-unika waħda li tuża dan is-sinjal għas-servizzi in kwistjoni.

13     Il-konvenut isostni li dawn id-dokumenti mhumiex ammissibbli peress li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Marzu 2003, DaimlerChrysler vs l-UASI (Xibka tal-karozzi) T-128/01, Ġabra p. II-701, punt 18].

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

14     Għandu jiġi mfakkar li rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tkun ikkontrollata l-validità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell tal-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru. 40/94 u li, fil-proċeduri ta' annulament, il-legalità ta' l-att ikkontestat trid tiġi kkunsidrata fuq il-bażi ta' l-elementi ta' fatt u ta' dritt li kienu jeżistu fid-data ta' meta ttieħed l-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 1979, Franza vs il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, Altmann et. vs il-Kummissjoni, T-177/94 u T-377/94, Ġabra p.II-2041, punt 119). F'dan il-mument, il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza ma hijix dik li terġa teżamina ċ-ċirkostanzi ta' fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiema. Għalhekk, il-provi mressqa għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma humiex ammissibbli (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Xibka tal-karozzi, punt 13 iktar 'il fuq, punt 18).

15     Fil-każ in eżami, jidher, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, li d-dokumenti ġodda li hi tinvoka in sostenn ta' l-użu esklussiv tat-trademark LIVE RICHLY ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Għaldaqstant, dawn id-dokumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

16     Din il-konklużjoni ma hija bl-ebda mod effettwata bl-argumenti li r-rikorrenti ressqet fis-seduta li jgħidu li, l-ewwelnett, id-dokumenti mressqa ma jagħmlu xejn ħlief li jsaħħu l-elementi mmresqa qabel u, it-tieni nett, dawn l-elementi kellhom jiġu eżaminati ex ufficio mill-UASI u, it-tielet nett, dawn l-elementi ma jbiddlux is-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 14 iktar 'il fuq, hija il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tikkontrolla l-validità tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell. Minn dan isegwi li, dan l-eżami għandu jiġi magħmul fid-dawl tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża hekk kif ġie mressqa quddiem il-Bord ta' l-Appell u li parti ma tistax tbiddel l-elementi fattwali u ġuridiċi li fuqhom il-validità tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tiġi eżaminata [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs l-UASI (Pillola ovali), T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 16]. Iżda, kif indikat fil-punt 15 iktar 'il fuq, l-elementi ta' fatt imressqa huma elementi ta' fatt ġodda li ma ġewx ippreżentati quddiem il-Bord ta' l-Appell. Dawn l-elementi għalhekk ma jagħmlux parti mill-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża hekk kif ġiet ippreżentata quddiem il-Bord ta' l-Appell meta dan ħa d-deċiżjoni tiegħu. Din il-konstatazzjoni mhijiex effettwata mill-fatt li dawn l-elementi ta' fatt ma jagħmlu xejn ħlief isaħħu l-elementi diġa mmressqa jew li ma jbiddlux, fil-każ in eżami, is-suġġett tal-kawża. Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-eżami tal-validità tal-Qorti tal-Prim'Istanza, mhuwiex dmir il-Qorti tal-Prim'Istanza li tieħu pożizzjoni fuq dawn l-elementi. Barra minn dan, f'dak li jirrigwarda l-argument li dawn l-elementi kellhom jittressqu ex ufficio mill-UASI, irid jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 74 (2) tar-Regolament Nru. 40/94, huwa dmir tal-partijiet li jippreżentaw fil-ħin quddiem l-UASI l-elementi ta' prova li beħsiebhom iressqu. Minn dan isegwi li ebda llegalità ma tista' tiġi kkontestata lill-UASI fir-rigward ta' elementi ta' prova li ma ġewx ippreżentati lilu fil-ħin mir-rikorrenti.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq id-dritt li wieħed jiġi mismugħ

 L-argumenti tal-partijiet

17     Ir-rikorrenti tallega ksur doppju tad-dritt tagħha li tiġi mismugħa hekk kif stabbilit fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru. 40/94.

18     L-ewwelnett, ir-rikorrenti ssostni li, filwaqt li l-ispettriċi mmotivat id-deċiżjoni tagħha li caħdet ir-reġistrazzjoni billi bbażat ruħha fuq is-sens purament ekonomiku tal-kelma "richly" (b'mod rikk), il-Bord ta' l-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq definizzjoni differenti u aktar elaborata, ippreżentata mir-rikorrenti stess, li tgħid li din il-kelma tfisser "fir-rikkezza jew b'mod raffinat; kompletament u adegwatament" (in a rich and elaborate manner; fully and appropriately). Din id-definizzjoni aktar elaborata tal-kelma "richly" kienet ġiet invokata mir-rikorrenti favur ir-reġistrazzjoni tat-trademark in kwistjoni. Peress li ċaħad ir-reġistrazzjoni tat-trademark in kwistjoni fuq il-bażi ta' argument tar-rikorrenti favur din ir-reġistrazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell ibbaża ruħu fuq element totalment ġdid. In-nuqqas tal-Bord ta' l-Appell li jagħti lir-rikorrenti l-opportunita li tippronunzja ruħha fuq dan l-element ġdid kien ifisser, skond ir-rikorrenti, ksur tad-dritt tagħha li tiġi mismugħa hekk kif stabbilit fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru. 40/94. F'dan ir-rigward hija tagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ġunju 1980, National Panasonic vs il-Kummissjoni (136/79, Ġabra p. 2003, punt 21) u għad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell ta' l-10 ta' April 2002 bébé vs BEBÉ, R 1112/2000-3, u tas-27 ta' Frar 2003 MYKO VITAL vs Miko, R 474/2002-3.

19     It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell kiser id-dritt tagħha li tiġi mismugħha meta wieħed jikkunsidra li l-livell ta' attenzjoni tal-konsumaturi f'dak li jirrigwarda s-servizzi li baqgħu taħt is-sinjal LIVE RICHLY kien dgħajjef, mingħajr ma informa ruħu fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti f'dan ir-rigward.

20     Il-konvenut isostni li l-Bord ta' l-Appell ma introduċa ebda sinjifikat ġdid tal-kelma "richly" (b'mod rikk) sabiex jikkonferma ċ-ċaħda ta' l-eżaminatriċi. Konsegwentement, huwa jsostni li l-Bord ta' l-Appell ma kisirx id-dritt tar-rikorrenti li tiġi misugħha f'dan ir-rigward. Il-konvenut ma jagħmel ebda osservazzjonijiet speċifiċi fir-rigward tat-tieni allegazzjoni ta' ksur tad-dritt li wieħed jiġi mismugħ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza–

–       Osservazzjonijiet preliminari

21     Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru. 40/94, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda li fir-rigward tagħhom il-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tat-trademarks komunitarji, il-prinċipju ġenerali ta' protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża.

22     Skond dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet pubbliċi li jeffettwaw b'mod sostanzjali l-interessi tagħhom għandhom ikollhom l-opportunità li jressqu l-opinjoni tagħhom b'mod effettiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs l-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 21)

23     Fil-każ in eżami, dan ifisser li għandu jiġi analizzat jekk l-adozzjoni mill-Bord ta' l-Appell ta' raġunament differenti minn dak tar-rikorrenti, fuq il-bażi ta' ċertu sinjifikat tal-kliem "live richly", u jekk il-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-pubbliku kkonċernat ma huwiex attent wisq jikkostitwixxu raġunijiet li fuqħom ir-rikorrenti ma setgħetx tieħu pożizzjoni.

24     F'dan ir-rigward, għandhom, qabel kollox, jiġu eżaminati d-differenzi bejn id-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi u d-deċiżjoni kkontestata f'dak li jirrigwarda l-elementi invokati mir-rikorrenti, safejn in-nuqqas ta' differenza bejn dawn id-deċiżjonijiet huwa tali li jeskludi kwalunkwe ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt, jekk id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ma tagħmel xejn ħlief li tirripproduċi d-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi f'dak li jirrigwarda dawn l-elementi, ir-rikorrenti għanda tiġi meqjusa bħala li setgħet tieħu pożizzjoni fuq l-imsemmija elementi matul ir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi.

–       Sinjifikati tal-kliem "live richly"

25     F'dak li jirrigwarda s-sinjifikat tal-kliem "live richly", hemm lok li jiġi osservat, b'mod preliminari, li r-rikorrenti indikat fir-rikors tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell li l-kelma "rich" kienet definita fil-Collins dictionary bħala li tfisser l-ewwel nett " fornit tajjeb b'rikkezza, bi proprjetà, etc., li għandu ħafna" (well supplied with wealth, property, etc., owning much) u li l-kelma "richly" kienet definita fl-istess dizzjunarju bħala "(a) fir-rikkezza jew b'mod raffinat [...]; (b) kompletament u adegwatament" ((a) in a rich or elaborate manner […] ; (b) fully and appropriately [...])"

26     F'dak li jirrigwarda l-allegat ksur tad-drittijiet ta' difiża li jirriżulta min-nuqqas ta' teħid ta' pożizzjoni mir-rikorrenti fuq ir-raġunament segwit mill-Bord ta' l-Appell ibbażat fuq is-sinjifikat tal-kliem "live richly" minn barra dak meħud mill-eżaminatriċi, għandu jiġi osservat li l-eżaminatriċi fid-deċiżjoni tagħha tikkontesta l-karattru distintiv tat-trademark tar-rikorrenti kif ġej:

"Kull investitur, kemm jekk ikun professjonist jew dilettant, ifittex li jkabbar il-patrimonju tiegħu u l-klijenti ta' kull bank li jkollu ċertu suċċess isiru iktar sinjuri jew, għal inqas, ilkollhom il-possibbiltà li jgħixu ħajja sinjura; il-kompetituri kollha tar-rikorrenti jfittxu li jattiraw klijenti bi slogans simili li ma jagħmlu xejn ħlief li jevidenzjaw dak li huma jistgħu jagħmlu finanzjarjament.

[...]L-investimenti ħolqu aktar rikkezzi minn kwalsiasi metodu ieħor, jiġifieri x-xogħol assidwu jew wirt. X'jixtiequ dawk li jħallsu għal tali servizzi? li jsiru sinjuri jew, għall-inqas, jgħixu ħajja sinjura.

Il-kliem 'għix' [live] u 'b'mod rikk' [richly] it-tnejn li huma huma ta' użu komuni; il-kelma 'rikk' għandha konnotazzjoni ekonomika pożitiva [...] "

27     Wara din id-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi, ir-rikorrenti enfasizzat fir-rikors tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell li l-kliem "live richly" mgħandhomx jiġu mifħuma f'sens ekonomiku biss iżda wkoll f'sens aktar wiesa u aktar vag, li jfisser ħajja li twarrad jew mimlija bl-esperjenzi.

28     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkonferma ċ-ċaħda ta' reġistrazzjoni ta' l-eżaminatriċi, b'mod partikolari, għar-raġunijiet li ġejjin:

"10 [...] Skond id-dizzjunarju ingliż Collins, il-kelma RICHLY ('b'mod rikk') tfisser 'fir-rikkezza jew b'mod raffinat; kompletament u adegwatament' ('in a rich or elaborate manner ; fully and appropriately’).

11      Jekk wieħed jitlaq minn din id-definizzjoni, l-użu flimkien tal-kliem LIVE u RICHLY, fil-kuntest tas-servizzi intiżi fl-applikazzjoni, jittrażmetti informazzjoni ċara, mimlija b'konnotazzjoni ta' eloġju. Din tinforma lill-konsumaturi kkonċernati li s-servizzi in kwistjoni jagħtuhom il-possibbiltà li jgħixu ħajja sinjura.

[…]

14      F'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kelma RICHLY għanda konnotazzjonijiet diversi, għandu jiġi osservat li l-karattru distintiv ta' sinjal jista' jiġi apprezzat biss skond il-prodotti jew is-servizzi intiżi fl-applikazzjoni. L-eżaminatriċi għalhekk kellha raġun meta kkunsidrat is-sens tal-kelma RICHLY bħala dak li jorbot mas-servizzi kkonċernati fl-applikazzjoni."

29     Għalhekk, jirriżulta mid-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi, qabel kollox, li l-kelma "richly" ġiet ikkunsidrata fis-sens ta' "ikollok il-flus, fortuna", jiġifieri fis-sens ekonomiku.

30     Imbagħad, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li d-definizzjoni tal-kelma "richly" invokata mill-Bord ta' l-Appell għandha, partikolarment, bħala sinjifikat "in a rich manner". Iżda kif jindika l-konvenut, il-kelma "rich" tiddefinixxi ruħħa l-ewwel nett bħala "fornit tajjeb b'ġid, bi propjeta, etc., li għandu ħafna" (well supplied with wealth, property, etc., owning much). Din il-pożizzjoni mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti, li invokat matul il-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell l-istess definizzjoni, u ammettiet fir-rikors tagħha li l-kelma "rich" tikkorrispondi l-ewwel nett għal "benestant jew sinjur" (prosperous or wealthy). Konsegwentement, id-definizzjoni invokata mil-Bord ta' l-Appell tinkludi s-sens ekonomiku tal-kelma "richly" li ġie adottat ukoll mill-eżċminatriċi.

31     Minbarra dan, mill-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord ta' L-Appell approva l-kunsiderazzjoni ta' l-eżaminatriċi tas-sens tal-kelma "richly" fid-dawl tas-servizzi speċifiċi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark. Minn dan isegwi li l-Bord ta' l-Appell ma ttraskurax it-tifsira ekonomika tal-kelma "richly".

32     Għaldaqstant, is-sinjifikati tal-kelma "richly" ammessi mil-Bord ta' l-Appell fil-verità ma jiddistingwux ruħhom minn dawk ikkunsidrati mill-eżaminatriċi.

33     Il-fatt li l-Bord ta' l-Appell indika li kien ikkunsidra d-definizzjoni tal-kelma "richly" bħala li tinkludi diversi sinjifikati tal-kelma "richly", ma jikkontestax din il-konklużjoni. Fil-fatt definizzjoni li tinkludi diversi sinjifikati għanda tiġi meqjusa bħala li ġiet ikkunsidrata meta wieħed biss mis-sinjifikati tagħha ġie kkunsidrat. Il-konferma, fil-każ in eżami, tal-Bord ta' l-Appell ta' l-eżattezza tal-kunsiderazzjoni tas-sinjifikat tal-kelma "richly" ta' l-eżaminatriċi tiċċara liema sens ġie kkunsidrat fid-definizzjoni ta' din il-kelma.

34     Fl-aħħarnett, f'dak li jirrigwarda l-użu ta' l-espressjoni "tgħaddi jew tgħix ħajja sinjura" (to lead a rich life or to live a rich life), hemm lok li jiġi osservat li din l-espressjoni tintuża kemm fid-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi kemm f'dik tal-Bord ta' l-Appell. Peress li din l-espressjoni hija bbażata fuq il-kelma "rich", li kif ġie indikat iktar 'il fuq, għanda sens ekonomiku, l-użu tagħha fid-deċiżjoni kkontestata ma tmurx kontra l-kunsiderazzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq.

35     F'dak li jirrigwarda l-invokazzjoni tar-rikorrenti ta' deċiżjonijiet precedenti tal-UASI, hu biżżejjed li jiġi mfakkar li l-validità tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru. 40/94, hekk kif interpretat mill-Imħallef Komunitarju, u mhux fuq il-bażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs l-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

36     B'mod aktar wiesgħa u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġa ddeċidiet li l-Bordijiet ta' l-Appell għandhom ikunu jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq argumenti li ma ġewx diskussi quddiem l-eżaminatriċi safejn il-parti interessata setgħat tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-fatti li jkollhom effett fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ġuridika in kwistjoni. Skond il-prinċipju tal-kontinwità funzjonali bejn l-eżaminatriċi u l-Bordijiet ta' l-Appell, dawn jistgħu jkomplu l-eżami ta' l-applikazzjoni mingħajr ma jkunu limitati mir-raġunament ta' l-eżaminatriċi [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Frar 2000, Procter & Gamble vs l-UASI (forma ta' sapuna), T-122/99, Ġabra p. II-265, punt 27, u tal-5 ta' Ġunju 2002, Hershey Foods vs l-UASI (Kiss Device with plume), T-198/00, Ġabra p. II-2567, punt 25].

37     Fil-każ in eżami, anke jekk jiġi ammess li l-Bord ta' l-Appell tbiegħed mil-pożizzjoni adottata mill-eżaminatriċi, jidħer, min-naħa, li l-Bord ta' l-Appell ma bbażax ruħu fuq elementi ġodda ta' fatt li fuqhom ir-rikorrenti ma setgħetx tagħti l-opinjoni tagħha. Fil-fatt, peress li l-interpretazzjoni aktar wiesgħa tas-sens tal-kelma "richly" ġiet invokata mill-istess rikorrenti, din ta' l-aħħar ma tistax issostni li hija ma setgħetx tieħu pożizzjoni fuq dan l-element. Min-naħa l-oħra, jidher li l-Bord ta' l-Appell illimita ruħu li jadotta biss raġunament differenti minn dak li kienet tiddefendi r-rikorrenti. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar 'il fuq, dan ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

–       L-attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat

38     F'dak li jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas tiegħhu li jieħu pożizzjoni fuq il-livell ta' attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat adottat mill-Bord ta' l-Appell, hawnhekk ukoll wieħed għandu jibda billi janalizza d-differenzi, f'dan ir-rigward, bejn id-deċiżjoni ta-Bord ta' l-Appell u dik ta' l-eżaminatriċi.

39     It-tieni paragrafu tad-deċiżjoni ta' l-Eżaminatriċi huwa formulat kif ġej:

"Bi tweġiba għall argument tagħkom li jgħid li l-mesaġġ trażmess mit-trademark huwa vag u indefinit, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-messaġġ huwa indirizzat lill-pubbliku f'sens wiesa, li huwa raġonevolment infurmat u raġonevolment attent u preparat [...]".

40     Il-Bord ta' l-Appell jindika rispettivament fil-punti 13 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata:

"13      F'dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tas-sinjal LIVE RICHLY mill-pubbliku kkonċernat, il-Bord ta' l-Appell isostni, fuq l-istess linji ta' l-eżaminatriċi, li dan is-slogan huwa kompost minn kliem ta' użu komuni li, meta jiġu assoċjati mas-servizzi intiżi fl-applikazzjoni, jiġu mifhuma mill-pubbliku bħala sempliċi formula ta' eloġju u mhux bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tas-servizzi in kwistjoni.

[…]

15      Barra dan, ma hemm xejn fis-sintamma LIVE RICHLY, barra mis-sinjifikat promozzjonali ovvju tagħha, li jista' jippermetti lill-pubbliku kkonċernat li jifhem faċilment u immedjatament is-sinjal bħala trademark distintiva għas-servizzi identifikati. Peress li ma jkunx jaf il-kuntest tas-sinjal, il-pubbliku in kwistjoni jkun jista' jipperċepixxi biss is-sinjifikat promozjonali tiegħu. Il-konsumatur ikkonċernat mhuwiex attent wisq. Jekk sinjal ma jindikalux immedjatament l-oriġini ta' l-oġġett tax-xiri li għalih jipprovdi u jwassallu biss informazzjoni purament promozjonali u astratta, mhuwiex ser jieħu l-ħin sabiex jinforma ruħu fuq id-diversi potenzjali funzjonijiet tas-sinjal jew li jifhmu mentalment bħala trademark."

41     Ir-rikorrenti kkonkludiet, mill-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-konsumatur ikkonċernat mhuwiex attent wisq (not very attentive), li l-attenzjoni tal-konsumatur ikkonċernat hija baxxa (low).

42     L-indikazzjoni li konsumatur mhuwiex attent wisq madankollu ma timplikax li l-attenzjoni ta' dan il-konsumatur hija baxxa. Fil-fatt, din l-indikazzjoni tista' ukoll tfisser li l-konsumatur ikkonċernat, għalkemm ma jiddedikax wisq attenzjoni lit-trademark in kwistjoni, għall-inqas jiddedikalha attenzjoni raġonevoli.

43     Fil-każ in eżami, hemm lok li jiġi osservat li, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell jikkonferma l-analiżi ta' l-eżaminatriċi f'dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tas-sinjal LIVE RICHLY mill-pubbliku kkonċernat. Iżda, fit-tieni inċiż tad-deċiżjoni tagħha, l-eżaminatriċi tqis li l-messaġġ tat-trademark huwa indirizzat lill-pubbliku in ġenerali, li ma huwiex biss raġonevolment infurmat u preparat, iżda ukoll raġonevolment attent.

44     Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, billi indika li l-konsumatur ikkonċernat mhuwiex attent wisq, il-Bord ta' l-Appell qies fil-verità li l-konsumatur ikkonċernat huwa raġonevolment attent. Il-Bord ta' l-Appell ma għamel xejn ħlief ifformula b'mod differenti l-pożizzjoni msemmija fit-tieni inċiż tad-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi.

45     Peress li l-Bord ta' l-Appell ma għamel xejn ħlief li pparafraża l-pożizzjoni ta' l-eżaminatriċi, ir-rikorrenti hija żbaljata meta tikkunsidra li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra l-livell baxx ta' l-attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat mingħajr ma r-rikorrenti setgħet tieħu pożizzjoni fuq dan l-aspett.

46      Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-kontestazzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

47     Ir-rikorrenti tqis, sostanzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed safejn tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trademark mitluba għas-servizzi kollha li għalihom kienet saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mingħajr ma tispeċifika r-raġunijiet li għalihom l-applikażżjoni ġiet miċħuda f'dak li jirrigwarda s-serviżżi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli. Il-konvenut jikkuntesta dan il-motiv, u jqis li r-reġistrazzjoni kienet ġiet aċċettata mill-UASI għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli sa mill-bidu tal-proċedura.

48     Il-qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, wara d-dikjarazzjonijiet li l-konvenut għamel waqt is-seduta li jgħidu li t-trademark LIVE RICHLY tista' tiġi rreġistrata għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli, ir-rikorrenti ammettiet espressament li s-suġġett tal-kawża kien jillimita ruħu għas-servizzi finanzjarji u monetarji. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-fatt irrinunzjat għall-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni li kien jirrigwarda biss is-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli. Għalhekk il-Qorti tal-Prim'Istanza ma jidhirliex li għandha għalfejn tippronunzja ruħha fuq dan il-motiv.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7 (1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

49     Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata għanda xorta waħda tiġi annullata safejn il-Bord ta' l-Appell ta interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94 dwar raġunijiet assoluti għal rifjut ta' reġistrazzjoni ta' trademark komunitarja bbażati fuq in-nuqqas tal-karattru distintiv tagħha.

50     Ir-rikorrenti tenfasizza, qabel kollox, li kemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza kemm il-prassi tal-Bord ta' l-Appell jikkonfermaw li s-slogans huma sottomessi għall-istess kriterji bħal kull tip ta' trademark oħra [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Diċembru 2001, Erpo Möbelwerk vs l-UASI (DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT), T-138/00, Ġabra p. II-3739, punt 44, u d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tal-11 ta' Frar 1999, BEAUTY ISN’T ABOUT LOOKING YOUNG BUT LOOKING GOOD, R 73/1998-2]. Iżda, fil-każ in eżami, ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta' l-Appell ċaħad ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali biss minħabba l-fatt li kienet tirrigwarda slogan ta' eloġju, mingħajr ma ppronunzjat ruħha fuq il-kapaċità tiegħu li jiddistingwi s-servizzi in kwistjoni.

51     Wara dan, ir-rikorrenti tindika li l-Bord ta' l-Appell ammetta li l-kliem "live richly" mhumiex deskrittivi. Din l-ammissjoni tindika, skond ir-rikorrenti, li l-Bord ta' l-Appell ma jistax jibbaża ruħu, bħal fil-każ in eżami, biss fuq il-karattru eloġjattiv tal-formula sabiex juri n-nuqqas ta' karattru distintiv tat-trademark in kwistjoni. Ir-rikorrenti tinvoka f'dan ir-rigward diversi deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell.

52     Ir-rikorrenti tqis li, bil-kontra tal-pożizzjoni, skond hija, mhux appoġġata mill-Bord ta' l-Appell, li tikkunsidra li l-kliem "live richly" jikkonstitwixxu biss sempliċi formula eloġjattiva b'sinjifikat ċar, dawn il-kliem jistgħu jkunu suġġetti għal diversi interpretazzjonijiet minħabba s-sens vag, indeterminat u ambigwu tagħhom, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda s-servizzi finanzjarji u monetarji. Skond ir-rikorrenti, it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, LIVE RICHLY, tikkostitwixxi logħba bil-kliem u bħala tali ma għanda ebda sens, peress li probabbilment jeżistu tant metodi ta' kif wieħed jgħix b'mod rikk daqs kemm jeżistu bnedmin, u li kull konsumatur jagħti lil dan l-islogan l-interpretazzjoni proprja tiegħu. Barra minn dan, ir-rikorrenti tqis li meta jiġu kkonfrontati bl-islogan il-konsumaturi jkunu sorpriżi, irritati jew diżorjentati għaliex huma ma jistennewx li bank jipproponi serviżżi finanzjarji li jistidnuhom "jgħixu b'mod rikk", huwa dan li jattesta l-karattru distintiv tat-trademark LIVE RICHLY. Bħala appoġġ għall-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tinvoka d-definizzjoni tal-kelma "rich" tal-Collins English Dictionnary (edizzjoni 1995), l-interpretazzjonijiet differenti tal-kelma "richly" tal-Bord ta' l-Appell u ta' l-eżaminatriċi, id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ta' l-1 ta' Ottubru 2001, ES GIBT SIE NOCH, DIE GUTEN DINGE (R 393/2000-1), ta' riklami fl-Istati Uniti u ta' kummenti li dawn iġġeneraw fuq l-internet. Hija tqis, b'mod partikolari, li dawn il-kummenti jattestaw li l-perċezzjoni ta' din it-trademark mill-konsumaturi xejn ma hija sempliċi u uniformi.

53     Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata sserraħ fuq l-ipoteżi żbaljata li tgħid li l-livell ta' attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat hija baxxa, filwaqt li hija effettivament għolja. Skond ir-rikorrenti, il-konsumatur medju ta' servizzi finanzjarji huwa partikolarment prudenti u attent, peress li dawn is-servizzi ma jinxtrawx "lesti għall-użu" (on the shelf) bħal jeans jew il-ħalib u minħabba l-importanza kapitali tagħhom fil-ħajja ta' dak il-konsumatur. Konsegwentement, il-konsumatur medju jiddedika aktar ħin ifittex is-sinjifikati ta' dan is-slogan u jimmemorizzaħ aktar faċilment peress li jorbot ma servizzi finanzjarji.

54     Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-qasam ta' l-islogans kif ukoll il-prassi deċiżjonali tal-Bordijiet ta' l-Appell jikkonfermaw, skond ir-rikorrenti, li l-islogan LIVE RICHLY jista' jiġi rreġistrat. Fis-sentenzi DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT, punt 50 iktar 'il fuq, u tal-5 ta' Diċembru 2002, Sykes Enterprises vs l-UASI (REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS) (T-130/01, Ġabra p. II-5179), il-Qori tal-Prim'Istanza kienet ammettiet, min-naħa, li, kontra dak li tafferma l-eżaminatriċi fl-ittra tagħha tat-3 ta' Lulju 2001, in-nuqqas ta' karattru distintiv ma jistax jirriżulta la min-nuqqas ta' immaġinazzjoni u lanqas min-nuqqas ta' żieda ta' fantażija. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet iddeċidiet li l-użu ta' l-istess sinjal jew ta' sinjali li jixtiebħu fis-suq għandu rwol deċiżiv fl-evalwazzjoni tal-karattru intrinsikament distintiv ta' trademark. B'mod partikolari, skond ir-rikorrenti, fis-sentenza DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT, punt 50 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat li n-nuqqas ta' karattru distintiv jista' jiġi ġġustifikat biss jekk jiġi ppruvat li t-trademark verbali in kwistjoni kienet użata b'mod ġenerali. Iżda, fil-każ in eżami, ir-rikorrenti tenfasizza, min-naħa, li l-konvenut ma ppruvax l-użu tal-kliem "live richly" u, min-naħa l-oħra, li dawn ta' l-aħħar qatt ma ġew użati sabiex jiġu promossi jew mibjugħa servizzi finanzjarji u monetarji. Minħabba l-karattru uniku u fantażjuż tas-slogan tagħha, ir-rikorrenti tqis li t-trademark tagħha għandha karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94.

55     Il-prassi kostanti tal-Bordijiet ta' l-Appell tikkonferma ukoll li t-trademark LIVE RICHLY tista' tiġi rreġistrata. Ir-rikorrenti ssemmi f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tas-7 ta' Novembru 2001,WE GET IT DONE (R 1090/2000-4). Hija ssostni li minn din id-deċiżjoni wieħed jista' jikkonkludi, min-naħa, li l-limitu meħtieġ sabiex l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94 ma jiġix applikat huwa dgħajjef u, min-naħa l-oħra, li huwa l-UASI li għandu jipprova li trademark ma tistax tiġi rreġistrata bis-saħħa ta' dan l-Artikolu, peress li mhuwiex biżżejjed li jiġi affermat li slogan huwa banali jew li jikkostitwixxi sempliċi formula eloġattiva sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta' karattru distintiv. Billi tibbaża ruħha fuq din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta' l-Appell ma spjegax għaliex il-karatteristiċi promozzjonali u eloġjattivi tal-kliem "live richly" kienu jimpedixxu, fil-każ in eżami, lill-konsumatur medju ta' servizzi finanzjarji u monetarji li jistabbilixxi rabta bejn dan is-sinjal u r-rikorrenti u, għaldaqstant, li jipperċepixxi s-slogan bħala trademark. Ir-rikorrenti ssostni li s-slogan jista' jkollu diversi interpretazzjonijiet, li l-pubbliku kkonċernat jimmemorizah mill-ewwel peress li ma jistenniex li istituzzjoni finanzjarja tippromwovi s-serviżżi tagħha permezz ta' tali slogan u li hija hija l-unika waħda li tuża dan l-islogan.

56     Ir-rikorrenti tiddeduċi mill-prassi kurrenti tal-Bordijiet ta' l-Appell li l-karattru vag ta' slogan jista' jiġi kkunsidrat sabiex jistabbilixxi l-karattru distintiv ta' sinjal (deċiżjonijiet WE GET IT DONE, iċċitata iktar 'il fuq, tal-25 ta' Frar 2002, Taking care of the world's water ... and yours, R 135/2000-2, u tat-18 ta' Settembru 2001, TEAM POWER, R 222/2001-1). Hija tiddeduċi ukoll minn din il-prassi li n-nuqqas ta' l-użu ta' s-slogan in kwistjoni jew ta' varjazzjoni tiegħu fis-suq ikkonċernat jikkostitwixxi indizzju serju li dan għandu karattru distintiv intrinsiku (deċiżjonijiet Taking care of the world’s water … and yours, iċċitata iktar 'il fuq, TEAM POWER, iċċitata iktar 'il fuq, ta' l-4 ta' Mejju 1999, Früher an Später denken !, R 153/1998-2, tal-5 ta' Lulju 2000, UNLOCK THE POTENTIAL, R 689/1999-3, u tal-5 ta' Ġunju 2002, WHATEVER WHENEVER, R 58/2001-4).

57     Ir-rikorrenti wara semmiet ir-reġistrazzjoni tal-UASI, għal servizzi suġġetti għall-klassi 36 tal-ftehim ta' Nizza u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "servizzi finanzjarji u monetarji u servizzi ta' proprjetà immobbli", ta' ċertu numru ta' slogans li fihom il-kliem "live" jew "life", li fosthom hemm make more of life, WHERE MONEY LIVES u SO YOU CAN ENJOY LIFE ! Hija tindika li jkun kontradittorju li tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni tat-trademark LIVE RICHLY għall-istess servizzi.

58     Hija ssemmi ukoll ċertu numru ta' slogans irreġistrati mill-uffiċċji nazzjonali ta' ċerti Stati Membri li jattestaw li ġiet konċessa r-reġistrazzjoni lil slogans anqas distintivi min dak in kwistjoni.

59     Ir-rikorrenti tosserva li t-trademark LIVE RICHLY ġiet irreġistrata mill-awtoritajiet kompetenti għat-trademarks ta' diversi pajjiżi terzi, fosthom il-Commonwealth ta' l-Awstralja u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, għall-istess servizzi suġġetti għall-klassi 36 tal-ftehim ta' Nizza. Għalkemm hija tammetti li l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Commonwealth ta' l-Awstralja ma humiex Stati Membri, ir-rikorrenti tikkunsidra li dawn ir-reġistrazzjonijiet tat-trademark LIVE RICHLY jikkostitwixxu indizzju serju tal-possibbiltà li din it-trademark tiġi rreġistrata fil-pajjiżi anglofoni in ġenerali.

60     Fl-aħħarnett, safejn il-kontestazzjoni ma tirrigwardax biss ir-registrazzjoni tat-trademark LIVE RICHLY għas-servizzi finanzjarji u monetarji, ir-rikorrenti tqis li l-pożizzjoni tal-konvenut li tgħid li dan l-isem mhuwiex distintiv għall-imsemmija servizzi, peress li l-messaġġ ċar tal-kliem "live richly" huwa li tgħix ħajja materjalment aktar sinjura, filwaqt li hija distintiva għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli, hija arbitrarja, illoġika, paradossali u kontradittorja .

61     Skond ir-rikorrenti, din il-konklużjoni hija bbażata fuq ix-xebħ kbir, jew l-identiċità, kemm bejn is-servizzi finanzjarji u s-servizzi ta' assigurazzjoni kemm bejn is-servizzi finanzjarji u dawk ta' proprjetà immobbli, li wara kollox ġiet evidenzjata mill-konvenut f'deċiżjonijiet preċedenti (deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tas-27 ta' Novembru 2002, TravelCard vs AIR TRAVEL CARD, R 498/2001-3, deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tal-21 ta' Lulju 2003, LLOYD vs LLOYDS TSB, 1454-2003, u tal-11 ta' Novembru 2003, ADIGSA vs ADIG GRUPPE GUT FÜR IHR GELD, 2451-2003) (replika punti 20 sa 24).

62     L-aħħar paradoss jirriżulta madankollu, skond ir-rikorrenti, mill-ġustifikazzjoni min-naħa tal-konvenut tan-nuqqas ta' distinzjoni tat-trademark għas-servizzi finanzjarji u monetarji, li jikkonsisti fil-fatt li l-messaġġ imwassal minn din it-trademark huwa li s-servizzi in kwistjoni offerti lill-pubblku kkonċernat, minn ta' l-anqas jagħtu l-possibiltà li wieħed ikkattar il-beni finanzjarji tiegħu u għalhekk jgħix b'mod materjalment aktar rikk. Skond ir-rikorrenti, anke jekk din il-perċezzjoni tas-slogan għanda tiġi kkunsidrata bħala korretta, dak li hija tikkontesta hu li f'għajnejn il-konsumatur is-servizzi ta' l-assigurazzjoni u tal-proprjetà immobbli jinkludu l-għan aħħari ta' l-arrikkiment potenzjali ta' l-individwu. Għalhekk ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta' l-Appell baqa ma weriex in-nuqqas ta' karattru distintiv tal-kliem "live richly" impost fuqu sabiex jiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' din it-trademark bis-saħħa ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru.40/94. Għaldaqstant, id-deċiżjoni li tiġi miċħuda b'mod parzjali r-reġistrazzjoni tat-trademark LIVE RICHLY għas-servizzi in kwistjoni għanda tiġi annullata.

63     Il-konvenut jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jqis li l-ebda wieħed minnhom ma jikkontesta n-nuqqas ta' karattru distintiv tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–       Osservazzjonijiet preliminari

64     Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94, għandha tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni għat-"trademarks li mhumiex ta' karattru distintiv". Barra minn dan, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru. 40/94 jipprovdi li "Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trademark ma tiġix irreġistrata japplikaw biss f'parti tal-Komunità".

65     Hekk kif il-Qorti tal-Prim'Istanza diġa ddeċidiet, it-trademarks imsemmija fl-Artikolu 7 (1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94 huma, b'mod partikolari, dawk li ma jippermettux lill-pubbliku kkonċernat li jirrepeti l-esperjenza ta' xiri, jekk din tirriżulta pożittiva, jew li jevitawha, jekk din tirriżulta negattiva, waqt ix-xiri ulterjuri tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Rewe-Zentral vs l-UASI (LITE), T-79/00, Ġabra p. II-705, punt 26, u EUROCOOL, punt 22 iktar 'il fuq, punt 37]. Tali hu l-kaz, b'mod partikolari, tas-sinjali li huma ta' użu komuni għall-kummerċalizazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkoncernati.

66     Xorta jibqa l-fatt li r-reġistrazzjoni ta' trademark komposta minn sinjali jew indikazzjonijiet li jiġu użati ukoll bħala slogans pubbliċitarji, indikazzjonijiet dwar il-kwalita jew espressjonijiet li jħajru x-xiri tal-prodotti jew servizzi imsemmija minn din it-trademark, ma hijiex eskluża bħala tali minħabba tali użu (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 2001, Merz & Krell, C-517/99, Ġabra p. I-6959, punt 40). Madankollu, sinjal li jwettaq funzjonijiet oħrajn barra minn dawk ta' trademark fis-sens klassiku ma huwiex distintiv, fid-dawl ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94, sakemm ma jiġix percepit ma' l-ewwel daqqa t'għajn bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi intizi sabiex jippermettu lill-pubbliku kkonċernat li jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta' konfużjoni l-prodotti u s-servizzi tal-proprjetàrju tat-trademark minn dawk li għandhom provenjenza kummerċjali oħra [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Lulju 2003, Best Buy Concepts vs l-UASI (BEST BUY), T-122/01, Ġabra p. II-2235, punti 20 u 21].

67     Il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, min-naħa, fir-rispett tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rispett tal-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat li huwa kompost mill-konsumaturi ta' dawn il-prodotti jew servizzi (sentenzi EUROCOOL, punt 22 iktar 'il fuq, punt 38, u LITE, punt 65 iftar 'il fuq, punt 27).

68     Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 7(1)(b) jirriżulta li ammont minimu ta' karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex ir-raġunijiet ta' ċaħda ddefiniti f'dan l-Artikolu ma jkunux applikabbli (sentenza LITE, punt 65 iktar 'il fuq, punt 28).

–       F'dak li jirrigwarda l-pubbliku kkonċernat u l-livell ta' attenzjoni tiegħu

69     F'dak li jirrigwarda l-pubbliku kkonċernat, hemm bżonn, qabel kollox, li jiġi mfakkar li s-servizzi identifikati huma servizzi finanzjarji u monetarji suġġetti għall-klassi 36 tal-ftehim ta' Nizza. Il-pubbliku kkonċernat minn dawn is-servizzi huwa dak magħmul mill-konsumaturi kollha. Għalhekk hemm lok li jiġi evalwat il-karattru distintiv tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni billi tiġi kkunsidrata l-preżunta attenzjoni ta' konsumatur medju, ordinarjament infurmat u raġonevolment attent u preparat (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Lulju 1998, Gut Springenheide et Tusky, C-210/96, Ġabra. p. I-4657, punt 31).

70     Wara, hemm lok li jiġi mfakkar li l-perċezzjoni tat-trademark mill-pubbliku kkonċernat, f'dan il-każ il-konsumatur medju, hija influwenżata mil-livell ta' attenzjoni tiegħu, li jista' jvarja skond il-kategoriji ta' prodotti jew ta' servizzi in kwistjoni (ara, f'dak li jirrigwarda l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill Nru. 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, ĠU 1989, L 40, p. 1, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26, u f'dak li jirrigwarda r-Regolament Nru. 40/94, is-sentenza Pillola ovali, punt 16 iktar 'il fuq, punt 42).

71     Dwar dan, ir-rikorrenti tqis li, kontra l-pożizzjoni tal-Bord ta' l-Appell, il-pubbliku kkonċernat huwa, evidentement, attent ħafna f'dak li jirrigwarda s-servizzi finanzjarji, peress li dawn is-servizzi ma jinxtrawx "lesti għall-użu" (on the shelf) bħal par jeans jew bħal ħalib u li huma ta' importanza kbira għall-ġejjieni tal-konsumatur.

72     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar, qabel kollox, li, kontra l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti li tgħid li l-Bord ta' l-Appell kien qies li l-attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat hija dgħajfa, il-Bord ta' l-Appell qies fil-verità li l-pubbliku kkonċernat kien raġionevolment attent (ara punti 42 u dawk ta' warajħ iktar 'il-fuq).

73     Wara dan, fid-dawl tan-natura ta' ċerti servizzi finanzjarji u monetarji in kwistjoni, parti minn dawn il-konsumaturi tista' tifforma pubbliku attent ħafna safejn, min-naħa, l-impenji meħudin mill-konsumaturi jistgħu jkunu relattivament importanti u, min-naħa l-oħra, dawn is-servizzi jistgħu jirriżultaw relativament tekniċi.

74     Madankollu, dan il-livell ta' attenzjoni jista' jkun relativament dgħajjef fid-dawl ta' indikazzjonijiet ta' karattru promozzjonali li ma humiex determinanti għal pubbliku ppreparat (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS, punt 54 iktar 'il fuq, punt 24, u BEST BUY, punt 66 iktar 'il fuq, punt 25).

75     Għaldaqstant, għandu jitqies li t-totalita tas-servizzi identifikati huma indirizzati lejn pubbliku ordinarjament infurmat u ppreparat.

76     Barra minn hekk, is-sinjal verbali LIVE RICHLY huwa kompost minn kliem fil-lingwa ingliza, il-pubbliku kkonċernat huwa pubbliku anglofonu, jew pubbliku mhux anglofonu imma li għandu għarfien biżżejjed tal-lingwa ingliża.

–       F'dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat

77     Għanda tiġi evalwata l-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tas-sinjal LIVE RICHLY bħala trademark għal servizzi finanzjarji u monetarji.

78     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li s-sinjal LIVE RICHLY huwa slogan kompost minn żewġ kelmiet ingliżi ordinarji mifhumin mill-pubbliku kkonċernat bħala sempliċi formula eloġjattiva li tfisser li s-servizzi tar-rikorrenti jippermettu lil konsumaturi li jgħixu b'mod sinjur. Barra minn dan, il-Bord ta' l-Appell qies li, barra mis-sens promozzjonali evidenti tiegħu, is-sinjal LIVE RICHLY ma jippermettix lill-pubbliku kkonċernat li jimmemorizah faċilment u mill-ewwel bħala trademark għas-servizzi identifikati. Il-konsumatur medju ma huwiex attent wisq, jekk is-sinjal ma jindikalux mill-ewwel l-oriġni tal-prodott jew tas-servizz identifikat, imma jagħtiħ biss informazzjoni purament promozzjonali u astratta, dan mhux ser jieħu ż-żmien sabiex isaqsi lilu n-nifsu fuq id-diversi funzjonijiet possibbli tas-sinjal jew li jirreġistraħ mentalment bħala li huwa trademark. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Bord ta' l-Appell iddeċieda li s-sinjal ma jistax jikkostitwixxi trademark.

79     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti tagħmel żball meta tippretendi li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li s-sinjal in kwistjoni ma jistax ikun is-suġġett ta' reġistrazzjoni sempliċement minħabba li kien jirrigwarda formula promozzjonali eloġjattiva. Barra minn dan, dawn il-kunsiderazzjonijiet jippermettu li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord ta' l-Appell astjena ruħu milli jikkummenta fuq il-kapaċità tas-sinjal LIVE RICHLY li jiddistingwi s-servizzi tar-rikorrenti minn dawk tal-kompetituri tagħha.

80     Fil-fatt, billi qies fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata li l-pubbliku kkonċernat ma jkunx jista' faċilment u mill-ewwel jimmemorizza s-sinjal bħala trademark għas-servizzi in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ma llimitax ruħu li jiddeduċi mill-karattru promozzjonali tal-kliem "live richly" in-nuqqas ta' karattru distintiv tas-sinjal in kwistjoni, iżda kkunsidra l-kapaċità ta' dan is-sinjal li jiddistingwi l-prodotti tar-rikorrenti minn dawk ta' kompetitur mal-pubbliku kkonċernat.

81     Barra minn dan, f'dak li jirrigwarda trademark komposta minn diversi elementi (trademark kumplessa), hemm lok li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distinitv tagħha, tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Novembru 2002, Bosch vs l-UASI (Kit pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p. II-4881, punt 22].

82     Fid-dawl ta' dan, hemm bżonn li jiġi indikat li, jekk, hekk kif il-partijiet ammettew, is-sinjal LIVE RICHLY mhuwiex esklużivament u direttament deskrittiv ta' servizz jew ta' prodott, dan huwa kompost minn żewġ kelmiet ta' użu komuni fil-lingwa ingliża li, meħudin flimkien, għandhom sens awtonomu. Dan is-sinjal jista' fil-fatt jiġi faċilment mifhum bħala li jfisser li s-servizzi tar-rikorrenti jippermettu lill-konsumaturi ta' dawn is-servizzi li jgħixu b'mod rikk.

83     Jekk, ċertament, l-espressjoni "tgħix b'mod rikk" tista' tiftihem b'modi differenti u għalhekk ikollha sens vag, għandu jiġi eżaminat is-sinjifikat ta' trademark verbali fid-dawl tas-servizzi identifikati fl-applikazzjoni tat-trademark (ara s-sentenza Kit pro u Kit Super Pro, punt 81 iktar 'il fuq, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata fih). Peress li t-trademark verbali in kwistjoni hija assoċjata ma servizzi finanzjarji u monetarji, din tiġi mifhuma, għall-ewwel, fis-sens materjali jew ekonomiku tagħha. Il-Bord ta' l-Appell għalhekk seta' ġustament jikkunsidra li s-sinjal LIVE RICHLY, fil-kuntest tas-servizzi finanzjarji u monetarji, kien jgħaddi messaġġ b'informazzjoni ċara li kellu konnotazzjonijiet eloġjattivi.

84     Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li s-sinjal mhux deskrittiv LIVE RICHLY seta' kellu diversi sinjifikati, li seta' jikkostitwixxi logħba bil-kliem u li seta' jiġi perċepit bħala ironiku, sorprendenti u mhux mistenni xorta waħda ma jagħmluħx distintiv. Dawn id-diversi elementi jagħmlu dan is-sinjal distintiv biss jekk jiġi pperċepit ma l-ewwel daqqa t'għajn mill-pubbliku kkonċernat bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tas-servizzi tar-rikorrenti, u dan sabiex jippermetti lill-pubbliku kkonċernat li jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta' konfużjoni s-servizzi tar-rikorrenti minn dawk li għandhom provenjenza kummerċjali oħra [sentenzi BEST BUY, punt 66 iktar 'il fuq, punt 21; REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS, punt 54 iktar 'il fuq, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Jannar 2004, Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI (Borża li żżomm wieqfa), T-146/02 sa T-153/02, għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 38].

85     Fil-każ in eżami, kif osserva l-Bord ta' l-Appell, il-pubbliku kkonċernat effettivament għandu jipperċepixxi dan is-sinjal, fil-kuntest ta' servizzi finanzjarji u monetarji, qabel kollox bħala formula promozzjonali u mhux bħala indikazzjoni ta' l-origini kummerċjali tas-servizzi in kwistjoni. Is-sinjal LIVE RICHLY ma għandux elementi li jistgħu, lil hinn mis-sinjifikat promozzjonali evidenti tiegħu, jippermettu lill-pubbliku kkonċernat li jimmemorizza faċilment u mill-ewwel is-sinjal bħala trademark distintiva għas-servizzi identifikati. Anki fl-ipoteżi fejn is-sinjal in kwistjoni jiġi użat waħdu, mingħajr ebda sinjal jew trademark oħra, il-pubbliku kkonċernat ma jkunx jista', mingħajr ma jkun ġie avżat minn qabel, jipperċepiħ b'mod ieħor barra mis-sens promozzjonali tiegħu (sentenza REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS, punt 54 iktar 'il fuq, punt 28).

86     F'dak li jirrigwarda l-karattru paradossali ta' din il-pożizzjoni fir-rispett ta' l-aċċettazzjoni ta' l-UASI għat-trademark LIVE RICHLY għas-servizzi ta' assigurazzjoni u proprjetà immobbli, għandu jiġi emfasizzat li l-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tillimita ruħha għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru. 40/94 għall-kawża li ġiet ippreżentata quddiema. Jekk, ċertament, jaqbel safejn hu possibbli li tinżamm koerenza fir-rikonoxximent tat-trademarks, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma għandhiex tiddeċiedi fuq trademarks barra mill-kawża li ġiet imressqa quddiema.

–       Fuq l-użu esklussiv tat-trademark mir-rikorrenti

87     F'dak li jirrigwarda l-argument ibbazat fuq in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-fatt li t-trademark li saret applikazzjoni għaliha mhijix użata, waqt is-seduta r-rikorrenti ddikjarat li, wara s-sentenza l-UASI vs Erpo Möbelwerk, punt 9 iktar 'il fuq, hija tirtira l-allegazzjoni li tgħid li l-UASI għandu jipprova li sabiex tkun nieqsa minn karattru distintiv trademark kommunitarja kienet tintuża b'mod ġenerali. Din id-dikjarazzjoni ġiet impoġġija fil-proċess verbal tas-seduta. Ir-rikorrenti madankollu sostniet li n-nuqqas ta' użu ta' trademark tista' tkun indikazzjoni li tgħid li l-kompetituri ma setgħux jibbażaw ruħhom fuq dan il-kliem sabiex jidentifikaw is-servizzi tagħhom.

88     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar f'dan ir-rigward li l-karattru distintiv ta' trademark jiġi evalwat fuq il-fatt li tali trademark tista' tiġi pperċepita ma' l-ewwel daqqa t'għajn mill-pubbliku kkonċernat bħala indikażżjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz in kwistjoni (ara punt 66 iktar 'il fuq). In-nuqqas ta' użu preliminari f'dan ir-rigward ma jikkostitwixxix neċessarjament indikazzjoni ta' tali perċezzjoni.

89     Fil-każ in eżami, fid-dawl ta' l-elementi preċedenti, in-nuqqas ta' użu, anke jekk ivverifikat, ma jmurx kontra l-perċezzjoni tas-servizzi in kwistjoni. L-argument tar-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

–       F'dak li jirrigwarda l-karattru immaġinattiv tat-trademark

90     Ir-rikorrenti tqis li l-eżaminatriċi kienet żbaljata meta kkunsidrat, fl-ittra tat-3 ta' Lulju 2001, in-nuqqas ta' karattru immaġinattiv tat-trademark sabiex tiċħad l-applikazzjoni għar reġistrazzjoni tagħha.

91     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, skond il-ġurisprudenza, in-nuqqas ta' karattru distintiv ta' trademark ma jistax jirriżulta min-nuqqas ta' żieda ta' fantażija [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' April 2001, Bank für Arbeit und Wirtschaft vs l-UASI (EASYBANK), T-87/00, Ġabra p. II-1259, punt 39] jew ta' ħjiel minimu ta' immaġinazzjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Taurus-Film vs l-UASI (Cine Action), T-135/99, Ġabra p. II-379, punt 31, u Taurus-Film vs l-UASI (Cine Comedy), T-136/99, Ġabra p. II-397, punt 31], għaliex trademark kommunitarja ma toħroġx neċessarjament minn kreazzjoni u ma hijiex ibbażata fuq element ta' oriġinalita jew ta' immaġinazzjoni, imma fuq il-kapaċità li tidentifika prodotti jew servizzi fis-suq, fir-rispett tal-prodotti jew servizzi ta' l-istess natura offerti mill-konkorrenti (sentenza LITE, punt 65 iktar 'il fuq, punt 30).

92     Fil-każ in eżami, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Bord ta' l-Appell ibbaża l-kunsiderazzjoni tiegħu fuq il-bżonn li jkun hemm trademark oriġinali jew immaġinattiva sabiex tiġi konkluża l-eżistenza tal-karattru distintiv tagħha.

93     Bis-saħħa ta' l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru. 40/94, hija biss deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell li tista' tkun is-suġġett ta' rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Issa, ir-rikorrenti tibbaża l-kontestazzjoni tagħha fuq il-kunsiderazzjoni ta' elementi ta' oriġinalità u ta' immaġinazzjoni, mill-eżaminatriċi fl-ittra tagħha tat-3 ta' Lulju 2001, li madankollu ma ġewx ikkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata.

94     Konsegwentement, anki jekk jiġi meqjus li l-eżaminatriċi kienet żbaljata meta kkunsidrat dawn il-kriterji fid-deċiżjoni tagħha, fin-nuqqas ta' tali indikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

–       Preċedenti tal-UASI u ta' awtoritajiet oħrajn

95     F'dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI, ta' slogans irreġistrati mill-UASI u f'xi Stati Membri, kif ukoll l-aċċettazzjoni tat-trademark LIVE RICHLY f'pajjiżi terzi, ikun biżżejjed li jiġi mfakkar li, min-naħa, is-sistema kumunitarja tat-trademarks hija waħda awtonoma [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs l-UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II-3829, punt 47] u, min-naħa l-oħra, li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appel tiġi kkunsidrata unikament fuq il-bażi tar-Regolament Nru. 40/94, hekk kif interpretat mill-Imħallef Komunitarju, u mhux fuq il-bażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti tagħhom [sentenza BUDMEN, punt 35 iktar 'il fuq, punt 61, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs l-UASI (STREAMSERVE) T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 66].

96     Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI, ta' slogans oħra rreġistrati mill-UASI jew f'xi Stati Membri kif ukoll ir-reġistrazzjoni tat-trademark LIVE RICHLY f'pajjiżi terzi ma humiex pertinenti u għandhom jiġu miċħuda.

 Dwar l-ispejjeż

 L-argumenti tal-partijiet

97     Ir-rikorrenti tqis li mid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi dedott li r-reġistrazzjoni tat-trademark ġiet miċħuda għas-servizzi finanzjarji u monetarji biss. Skond ir-rikorrenti, il-konvenut ammetta biss matul il-proċedura li t-trademark LIVE RICHLY setgħet tiġi rreġistrata għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli. Konsegwentement hija tqis li r-rikorrenti għandu jiġi kkundannat iħallas almenu żewġ terzi ta' l-ispejjez sostnuti matul dan ir-rikors.

98     Waqt is-seduta, il-konvenut sostna li d-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar ir-reġistrazzjoni tat-trademark għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli kienu mingħajr ebda effett fuq l-għoti ta' l-ispejjeż.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

99     Skond l-Artikolu 87 (2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn dan, skond l-Artikolu 87 (6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li m'hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

100   Fil-każ in eżami, il-konvenut talab li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż. Il-motivi invokati mir-rikorrenti ġew miċħuda kollha, minn barra l-motiv ibbażat fuq in nuqqas ta' motivazzjoni, li fuqu ma hemmx lok li tiġi meħuda deċiżjoni fid-dawl tal-preċiżazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta' l-għan tal-kawża (ara l-punt 50 iktar 'il fuq). Dawn il-preċiżazzjonijiet tar-rikorrenti madankollu ġew wara d-dikjarazzjonijiet tal-konvenut, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba matul l-istanza, dwar ir-reġistrazzjoni tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli, servizzi li fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata ma jidirx biżżejjed li kienu suġġetti għal ċaħda ta' reġistrazzjoni.

101   F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi ordnat li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mil-konvenut.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeciedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għanda tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż sostnuti mill-konvenut.

3)      Il-konvenut għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Jaeger

Azizi

Cremona

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu

Reġistratur

 

       il-President

H. Jung

 

       M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.