Language of document : ECLI:EU:T:2005:338

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

27 ta' Settembru 2005 (*)

"Unjoni doganali − Operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju estern − Laħam iddestinat għall-Marokk − Frodi − Applikazzjoni għall-maħfra tad-dazju fuq l-importazzjoni − Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 − Artikolu 905 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 − Klawsola ta' ekwità − Eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari − Nuqqas ta' qerq u ta' negliġenza evidenti"

Fil-kawża T-26/03

GeoLogistics BV, li qabel kienet LEP International BV, stabbilita f'Schiphol Rijk (L-Olanda), inizjalment irrappreżentata minn H. de Bie u K. Schellaars, u wara minn De Bie u A. Huizing, avocats,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis, bħala aġent, assistit minn F. Tuytschaever, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta mir-

Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn L. Fraguas Gadea u J. M Rodríguez Cárcamo, abogados del Estado, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 08/00, tas-7 ta' Ottubru 2002, li tiddikjara li l-maħfra tad-dazju fuq l-importazzjoni għall-benefiċċju tar-rikorrenti, li huwa s-suġġett tat-talba ppreżentata mir-Renju ta' l-Olanda, mhijiex ġustifikata,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

 Regoli dwar it-tranżitu Komunitarju estern

1       Bis-saħħa ta' l-Artikoli 37, 91 u 92 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Kodiċi Doganali"), merkanzija mhux Komunitarja mdaħħla fil-Komunità li, minflok ma tiġi soġġetta għad-dazju fuq l-importazzjoni immedjatament, hija kklassifikata taħt il-proċedura ta' tranżitu Komunitarju estern, tista' tiċċirkula, taħt sorveljanza doganali, fit-territorju doganali Komunitarju, sal-preżentazzjoni tagħha fl-uffiċċju tad-dwana tad-destinazzjoni.

2       Id-detentur tal-proċedura ta' tranżitu Komunitarju estern huwa definit mill-Kodiċi Doganali bħala l-"prinċipal". Għaldaqstant, huwa għandu jippreżenta l-merkanzija intatta fl-uffiċċju tad-dwana tad-destinazzjoni, fit-terminu stabbilit, u għandu josserva d-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija proċedura (Artikolu 96 tal-Kodiċi Doganali). Dawn l-obbligi jispiċċaw fil-mument tal-preżentazzjoni tal-merkanzija fid-dwana u tad-dokumenti korrispondenti fl-uffiċju tad-destinazzjoni (Artikolu 92 tal-Kodiċi Doganali).

3       Konformement ma' l-Artikolu 94 tal-Kodiċi Doganali, il-prinċipal għandu jipprovdi garanzija sabiex jassigura l-pagament tad-dejn doganali u tat-taxxi l-oħra li jistgħu jinħolqu fir-rigward tal-merkanzija. L-Artikolu 191 tal-Kodiċi Doganali jippreċiża, f'dan ir-rigward, li, fuq talba tal-persuna kkonċernata, l-awtoritajiet tad-dwana jippermettu li ssir garanzija komprensiva li tkopri diversi operazzjonijiet li fir-rigward tagħhom ġie jew jista' jiġi inkors dejn doganali. Skond l-Artikolu 198 tal-Kodiċi Doganali, meta l-awtoritajiet tad-dwana jikkonstataw li l-garanzija pprovduta ma tassigurax jew ma tassigurax b'mod ċert u komplut il-pagament tad-dejn doganali fit-termini previsti, huma jitolbu lill-prinċipal, li jkollu d-dritt li jagħżel, jipprovdi garanzija addizzjonali jew jibdel il-garanzija oriġinali ma' garanzija ġdida.

4       Skond l-Artikoli 341, 346, 348, 350, 356 u 358 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1), kif emendat (aktar 'il quddiem ir-"regolament ta' implementazzjoni"), il-merkanzija in kwistjoni għandha tiġi mill-ewwel ippreżentata fl-uffiċċju tad-dwana tat-tluq flimkien ma' dikjarazzjoni T 1. L-uffiċċju tat-tluq jistabbilixxi t-terminu li fih il-merkanzija għandha tiġi ppreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni, bid-dokument T 1 annotat, iżomm il-kopja indirizzata lilu u jibgħat il-kopji l-oħra tad-dokument T 1 lill-prinċipal. It-trasport tal-merkanzija jiġi effettwat permezz tad-dokument T 1. Wara l-preżentazzjoni tal-merkanzija, l-uffiċċju tad-destinazzjoni jannota l-kopji li jirċievi tad-dokument T 1, fuq il-bażi tal-kontroll effettwat, u, mill-aktar fis possibbli, jibgħat kopja ta' dan id-dokument lill-uffiċċju tat-tluq normalment permezz ta' korp ċentrali.

5       L-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li dejn doganali fuq l-importazzjoni jiġi inkors meta merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni tiġi mneħħija mis-sorveljanza doganali. Bis-saħħa tal-paragrafu 3 ta' din id-dispożizzjoni, fost id-debituri ta' dan id-dejn tidher, b'mod partikolari, il-persuna li għandha tissodisfa l-obbligi li jinvolvu l-użu tal-proċedura doganali li tkun ġiet imqegħda taħtha din il-merkanzija.

6       Skond l-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali, kull ammont ta' dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali għandu jiġi kkalkulat mill-awtoritajiet tad-dwana hekk kif ikollhom id-dettalji neċessarji u għandu jiddaħħal mill-imsemmija awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f'kull mezz ieħor ekwivalenti ("dħul fil-kontijiet"). L-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi li, meta l-ammont tad-dazji li jirriżulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 ta' l-imsemmi kodiċi, jew ikun iddaħħal f'livell inqas mill-ammont legalment dovut, id-dħul ta' l-ammont tad-dazji li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa' biex jiġi rkuprat għandu jsir fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet tad-dwana jkunu saru jafu b'din is-sitwazzjoni u jkunu f'pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont legalment dovut u li jiddeterminaw id-debitur. Dan it-terminu ta' żmien għandu jiġi estiż skond l-Artikolu 219, iċċitat aktar 'il fuq. Skond l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali, hekk kif jiddaħħal fil-kontijiet, l-ammont tad-dazji għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.

7       L-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' implementazzjoni jistabbilixxi li, meta kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post fejn il-ksur jew l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabbilit, l-uffiċċju tat-tluq għandu jinnotifika lill-prinċipal b'dan il-fatt fl-iqsar żmien possibbli u mhux aktar tard mill-ħdax-il xahar wara d-data tar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-tranżitu Komunitarju. Skond il-paragrafu 2 ta' din id-dispożizzjoni, din in-notifika għandha tindika, b'mod partikolari, it-terminu li fih għandha tinġab prova ta' l-irregolarità ta' l-operazzjoni tat-tranżitu jew tal-post fejn effettivament ikun sar il-ksur quddiem l-uffiċċju tat-tluq. Dan it-terminu huwa ta' tliet xhur mid-data tan-notifika.

 Regoli dwar il-ħlas lura jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni

8       L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi għall-possibbiltà ta' ħlas lura jew ta' maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni f'każijiet li jirriżultaw minn ċirkustanzi li ma jinvolvux qerq jew negliġenza evidenti mill-persuna kkonċernata.

9       L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali ġie ppreċiżat u żviluppat permezz tar-regolament ta' implementazzjoni, b'mod partikolari, permezz ta' l-Artikoli 899 sa 909. L-Artikolu 905(1) tar-regolament ta' implementazzjoni jistabbilixxi li, meta l-awtorità tad-dwana nazzjonali, fejn tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-maħfra tad-dazju, ma tkunx tista' tieħu deċizjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 899 u l-applikazzjoni tkun sostnuta minn prova li tkun tista' tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkustanzi li ma jinvolvux qerq jew negliġenza evidenti mill-persuna kkonċernata, l-Istat Membru li taqa' taħtu din l-awtorità għandu jibgħat il-każ lill-Kummissjoni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Operazzjonijiet ta' tranżitu Komunitarju estern in kwistjoni

10     Bejn is-16 ta' Jannar u s-7 ta' Awwissu 1995, ir-rikorrenti, stabbilita fl-Olanda u li qabel kien jisimha LEP International BV, ippreparat, bħala burdnar, erbatax-il dokument ta' tranżitu Komunitarju estern għat-trasport ta' kunsinni differenti tal-laħam (b'mod partikolari, laħam taċ-ċanga, animella ta' l-għoġol u laħam tat-tjur) lejn il-Marokk, u b'hekk assumiet il-kwalità ta' prinċipal għal dawn l-operazzjonijiet. Dawn id-dokumenti ġew maħruġa minn mandant wieħed, il-kumpannija Hector International, stabbilita fir-Renju Unit. Dan huwa fir-rigward tas-segwenti dokumenti T 1:

–       nru 5100507, tas-16 ta' Jannar 1995 ;

–       nru 5100508, tas-16 ta' Jannar 1995 ;

–       nru 5102442, tat-8 ta' Marzu 1995 ;

–       nru 5102443, tat-8 ta' Marzu 1995 ;

–       nru 5104186, tal-25 ta' April 1995 ;

–       nru 5104187, tal-25 ta' April 1995 ;

–       nru 5104188, tal-25 ta' April 1995 ;

–       nru 5105833, tat-12 ta' Ġunju 1995 ;

–       nru 5105896, tat-13 ta' Ġunju 1995 ;

–       nru 2501311, tas-17 ta' Ġunju 1995 ;

–       nru 5106710, ta' l-4 ta' Lulju 1995 ;

–       nru 5106874, tas-7 ta' Lulju 1995 ;

–       nru 5107619, tat-28 ta' Lulju 1995;

–       nru 5107922, tas-7 ta' Awwissu 1995.

11     Wara li rċieva avviż mill-awtoritajiet Belġjani li kien jindika l-irregolaritajiet fir-rigward tal-kunsinna ta' l-animella ta' l-għoġol iffriżata, id-Douane informatie Centrum (servizz ta' riċerka doganali, aktar 'il quddiem "DIC") ta' Rotterdam (L-Olanda) beda investigazzjoni u, f'dan il-kuntest, għażel ċertu numru ta' dikjarazzjonijiet għal eżami fil-fond. Fl-20 ta' Marzu 1995, id-DIC ta' Rotterdam kiteb lill-awtoritajiet tad-dwana Spanjoli sabiex jistaqsihom jekk id-dokument doganali relatat mad-dikjarazzjoni T 1 nru 5100508, ippreparata mir-rikorrenti fis-16 ta' Jannar 1995, kienx ġie ppreżentat għal-liberazzjoni. Permezz ta' faks datata 20 ta' Marzu 1995, l-awtoritajiet Spanjoli rrispondew li dan id-dokument ma kienx fir-reġistri ta' l-uffiċċju tad-dwana ta' Cadix (Spanja). Permezz ta' faks datata 23 ta' Marzu 1995, dawn ta' l-aħħar infurmaw lill-awtoritajiet Olandiżi li t-timbru li jidher fuq id-dikjarazzjoni in kwistjoni kien falsifikazzjoni tat-timbru użat mill-uffiċċju tad-dwana ta' Cadix u li l-firma li kien hemm fiha ma kinitx ta' wieħed mill-uffiċjali ta' dan l-uffiċċju. Fil-31 ta' Marzu 1995, id-DIC ta' Rotterdam indika din l-irregolarità lil Fiscale Inlichtingen en Opsporingsdienst (Servizz ta' informazzjoni u ta' investigazzjoni fir-rigward tat-taxxa, aktar 'il quddiem "FIOD") ta' Haarlem. Fit-18 ta' April 1995, il-FIOD ta' Haarlem għadda dan il-fajl lil FIOD ta' Rotterdam.

12     Fis-16 ta' Mejju 1995, fil-kuntest ta' kontroll ta' kampjuni, l-uffiċċju tad-dwana ta' Kerkrade (Heerlen, l-Olanda) bagħat żewġ talbiet ta' kontroll a posteriori fir-rigward tad-dokumenti T 1 nru 5102442 u nru 5102443, maħruġa mir-rikorrenti fit-8 ta' Marzu 1995, lill-awtoritajiet tad-dwana ta' Cadix. Fid-29 ta' Ġunju 1995, l-awtoritajiet Spanjoli infurmaw lill-awtoritajiet Olandiżi li d-dokumenti doganali ma kinux ġew ippreżentati fl-uffiċċju ta' l-awtorità kompetenti, li ż-żewġ timbri kienu ffalsifikati u li l-firem ma kinux ta' uffiċjal ta' l-uffiċċju ta' l-awtorità kompetenti. Fil-11 ta' Lulju 1995, l-uffiċċju tad-dwana ta' Kerkrade informa b'dan lil FIOD ta' Rotterdam.

13     Fit-12 ta' Ġunju, l-uffiċċju tad-dwana ta' Kerkrade, fl-okkażjoni ta' kontroll ġdid, indirizza żewġ talbiet ta' kontroll a posteriori dwar id-dokumenti doganali T 1 nru 5104187 u nru 5104188, maħruġa mir-rikorrenti fil-25 ta' April 1995, lill-awtoritajiet tad-dwana ta' Cadix. Fl-10 ta' Lulju 1995, l-awtoritajiet Spanjoli infurmaw lill-awtoritajiet Olandiżi li d-dokumenti doganali ma kinux ġew ippreżentati fl-uffiċċju ta' l-awtorità kompetenti u li t-timbri u l-firem kienu foloz. Fid-19 ta' Lulju 1995, l-uffiċċju tad-dwana ta' Kerkrade bagħat dawn l-osservazzjonijiet lil FIOD ta' Rotterdam.

14     Fid-9 ta' Awwissu 1995, l-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża kkuntattjat lir-rikorrenti fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet approvati b'mod irregolari. Fl-14 ta' Awwissu 1995, l-awtoritajiet Olandiżi wettqu investigazzjoni fl-uffiċċji tar-rikorrenti u ħadu l-fajls li jikkonċernaw id-dikjarazzjonijiet ta' tranżitu Komunitarju estern magħmula f'isem Hector International.

15     L-investigazzjoni ta' l-awtoritajiet tad-dwana Olandiżi sostniet li erbatax-il dikjarazzjoni doganali maħruġa mir-rikorrenti ma kinux ġew approvati korrettament, peress illi l-merkanzija ma kinitx suġġetta għas-sorveljanza doganali. Għalhekk, id-dwana Olandiża kkonstataw, skond l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, li ġie inkors dejn doganali mir-rikorrenti, fid-dawl tal-kwalità tiegħu ta' prinċipal fil-proċedura ta' tranżitu Komunitarju estern fl-operazzjonijiet in kwistjoni. Bejn ix-xhur ta' Jannar u April 1996, l-awtoritajiet Olandiżi bagħtu lir-rikorrenti l-avviżi rispettivi ta' rkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni li hija kellha tħallas. Sussegwentement, l-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża annullat l-avviżi ta' rkupru li jikkorrispondu għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti li jirrigwardaw żewġ kunsinni ta' laħam li kienu ġew meqruda bin-nar fi Spanja (T 1 nru 5107619 tat-28 ta' Lulju u T 1 nru 5107922 tas-7 ta' Awwissu 1995).

 Proċedura amministrattiva li tikkonċerna l-applikazzjoni għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni

16     Fil-21 ta' Awwissu 1996, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana Olandiżi.

17     Fit-23 ta' Marzu 2000, l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw applikazzjoni għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni għall-benefiċċju tar-rikorrenti lill-Kummissjoni.

18     Fl-24 ta' Mejju 2000, il-Kummissjoni indirizzat l-ewwel talba għal informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Olandiżi, li permezz tagħha hija talbet li tiġi infurmata dwar l-ammont eżatt tal-maħfra tad-dazju mitluba. Permezz ta' ittra tas-16 ta' Ġunju 2000, l-awtoritajiet Olandiżi ppreċiżaw li l-applikazzjoni għall-maħfra tad-dazju tar-rikorrenti tikkonċerna biss id-dikjarazzjonijiet li saru wara t-23 ta' Marzu 1995, data li fiha l-awtoritajiet tad-dwana Spanjoli kienu, għall-ewwel darba, indikaw l-eżistenza ta' irregolaritajiet li affettwaw dikjarazzjoni tar-rikorrenti, lill-awtoritajiet Olandiża. L-applikazzjoni għall-maħfra tad-dazju kienet tirrigwarda, b'mod partikolari, ammont totali ta' 925 706,20 gilder Olandiż (NLG), jew EUR 420 067,16.

19     Fl-4 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni bagħtet it-tieni talba għal informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Olandiżi. Din it-talba kienet tikkonċerna l-iskambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet Olandiżi u Spanjoli, u b'mod partikolari l-faks tat-23 ta' Marzu 1995 indirizzata minn dawn ta' l-aħħar lill-awtoritajiet tad-dwana Olandiżi. Dawn irrispondew lill-Kummissjoni permezz ta' ittra datata 28 ta' Lulju 2000.

20     Fl-24 ta' Novembru 2000, il-Kummissjoni fformulat it-tielet talba għal informazzjoni addizzjonali, relatata partikolarment mal-proċess ta' l-investigazzjonijiet ta' l-awtoritajiet tad-dwana fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet approvati b'mod irregolari, mar-rwol li kellha r-rikorrenti fl-operazzjonijiet in kwistjoni u mal-kriterji użati mill-awtoritajiet Olandiżi sabiex tiddeċiedi dwar in-nuqqas ta' negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti. L-awtoritajiet Olandiżi rrispondew permezz ta' ittra tat-8 ta' Awwissu 2001, li magħha kien hemm anness il-proċess verbali ta' rapport ta' FIOD ta' Rotterdam tat-2 ta' Settembru 1996.

21     Permezz ta' ittra tal-11 ta' Ottubru 2001, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti li hija kienet qed taħseb tagħti deċiżjoni kuntrarja fir-rigward ta' l-applikazzjoni għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, filwaqt li ppreċiżatilha l-oġġezzjonijiet tagħha għal din l-applikazzjoni u stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet fi żmien xahar.

22     Permezz ta' ittra tad-9 ta' Novembru 2001, ir-rikorrenti ħadet pożizzjoni fir-rigward ta' l-oġġezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni, b'mod partikolari, għall-fatt li l-frodi kien possibbli minħabba l-imġieba ta' waħda jew ta' diversi uffiċjali tad-dwana Spanjoli jew minħabba nuqqasijiet fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali mill-awtoritajiet tad-dwana Spanjoli.

23     Wara l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, fit-22 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni għamlet talba ġdida għal informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Olandiżi. Din ir-raba' talba kienet essenzjalment tikkonċernat l-allegata parteċipazzjoni ta' uffiċjali tad-dwana Spanjoli fil-frodi. Il-Kummissjoni talbet ukoll aktar informazzjoni dettaljata dwar l-elementi li wasslu lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jikkonkludu li ma kienx hemm negliġenza min-naħa tar-rikorrenti. L-awtoritajiet Olandiżi rrispondew għar-raba' talba għal informazzjoni addizzjonali permezz ta' ittra tat-2 ta' Awwissu 2002.

24     Fis-7 ta' Ottubru 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni REM 08/00 li tiddikjara li l-maħfra tad-dazju fuq l-importazzjoni ma kinitx iġġustifikata fil-każ in eżami (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

25     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li, l-ewwel nett, ma teżisti ebda sitwazzjoni partikolari skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. It-tieni nett, il-Kummissjoni tgħid li r-rikorrenti uriet negliġenza evidenti, partikolarment peress illi, għalkemm hija operatur ta' ċerta esperjenza, preżunta li taf il-leġiżlazzjoni doganali u r-riskji kummerċjali inerenti fl-attività tagħha, hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex tipprepara lilha nnifisha kontra dawn ir-riskji, billi per eżempju tissorvelja min intervjena fl-operazzjoni doganali u billi tagħmel l-assigurazzjonijiet neċessarji.

26     Permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Diċembru 2002, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lir-rikorrenti li l-applikazzjoni għall-maħfra tad-dazju ġiet miċħuda.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

27     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-28 ta' Jannar 2003, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża. Permezz ta' ittra tal-31 ta' Jannar 2003, hija kkompletat u rregolat ir-rikors tagħha.

28     Fit-30 ta' April 2003, ir-Renju ta' Spanja ressaq talba sabiex jintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta' digriet tal-5 ta' Ġunju 2003, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' t-talba tar-Renju ta' Spanja sabiex jintervjeni. Fit-23 ta' Lulju 2003, ir-Renju ta' Spanja ppreżenta s-sottomissjonijiet tiegħu bħala intervenjent.

29     Il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali fuq il-bażi tar-rapport ta' l-Imħallef Relatur. Fil-kuntest ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni osservat din it-talba fit-terminu stabbilit.

30     Il-partijiet ippreżentaw l-argumenti tagħhom u rrispondew għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta pubblika tat-12 ta' April 2005.

31     Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta' l-ispejjeż.

32     Il-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanju, intervenjenti in sostenn tal-Kummissjoni, talbu li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li:

–       tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–       tikkundanna lir-rikorrenti għall-ħlas ta' l-ispejjeż.

 Id-dritt

33     In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka argument wieħed bbażat fuq żbalji ta' evalwazzjoni u ksur ta' l-obbligu li jingħataw raġunijiet. Dan l-argument huwa maqsum f'żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u skond l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni. It-tieni parti hija bbażata fuq in-nuqqas ta' qerq u negliġenza evidenti skond dawn id-dispożizzjonijiet.

34     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi għall-possibbiltà ta' ħlas lura, totali jew parzjali, tad-dazji mħallsa fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, jew ta' maħfra ta' ammont ta' dejn doganali. Ir-regola li tinsab f'din id-dispożizzjoni ġiet ippreċiżata mill-Artikolu 905 tar-regolament ta' applikazzjoni, li jikkostitwixxi klawsola ġenerali ta' ekwità, intiża, b'mod partikolari, sabiex tkopri s-sitwazzjonijiet eċċezzjonali li, per se, ma jaqgħux taħt wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikoli 900 sa 904 tar-regolament ta' implementazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Frar 1999, Trans-Ex-Import, C-86/97, Ġabra p. I-1041, punt 18).

35     Mill-kliem ta' l-imsemmi Artikolu 905 jirriżulta li l-ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa suġġett għal fatt li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel, l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari, u t-tieni, in-nuqqas ta' negliġenza evidenti u ta' qerq min-naħa tal-parti kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Frar 2004, Aslantrans vs Il-Kummissjoni, T-282/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53).

 Fuq l-ewwel parti ta' l-argument, ibbażat fuq l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari

 Introduzzjoni

–       Argumenti tal-partijiet

36     Ir-rikorrenti ssostni li kien żbaljat li l-Kummissjoni kkonkludiet li ma kinitx teżisti sitwazzjoni partikolari fil-każ in eżami. B'mod partikolari, is-segwenti ċirkustanzi jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari: l-ewwelnett, in-nuqqasijiet u n-negliġenzi li saru mill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jiskopru l-frodi u d-dewmien tagħhom sabiex jinfurmaw lir-rikorrenti bl-irregolaritajiet fid-dokumenti doganali maħruġa minnhom, u li huma kienu jafu bihom fi stadju bikri; it-tieninett, l-implikazzjoni possibbli ta' uffiċjal tad-dwana Spanjola fil-frodi u n-nuqqasijiet ta' dawn ta' l-aħħar fir-rigward tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja, u, it-tieletnett, in-nuqqasijiet li saru mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-obbligi tagħha fil-materja doganali.

37     Il-Kummissjoni ssostni li ma teżisti ebda sitwazzjoni partikolari skond il-leġiżlazzjoni doganali. B'hekk il-fatt li waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali ma ġietx sodisfatta jwassal sabiex tiġi miċħuda t-talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni.

38     Ir-Renju ta' Spanja jsostni li fil-każ in eżami ma teżistix sitwazzjoni partikolari li tiġġustifika l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni u jinnota, b'mod partikolari, li ebda element ta' prova jew argument ma jippermetti li jiġi stabbilit li kien hemm il-parteċipazzjoni ta' uffiċjali Spanjoli fl-operazzjonijiet ta' frodi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

–       Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

39     Għandu jiġi mfakkar mill-bidu li, skond ġurisprudenza kostanti, jeżistu ċirkustanzi ta' natura li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari skond l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni meta, fid-dawl ta' l-għan ta' ekwità li huwa l-bażi ta' l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, ikun hemm elementi li jistgħu jqiegħdu lill-applikant f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbel ma' operaturi ekonomiċi li jkunu jeżerċitaw l-istess attività (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Trans-Ex-Import, iċċitata aktar 'il fuq, punt 22, u tas-27 ta' Settembru 2001, Bacardi, C-253/99, Ġabra p. I-6493, punt 56, sentenza Aslantrans vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 56). Fil-fatt, il-klawsola ta' ekwità prevista fil-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja hija intiża sabiex tiġi applikata meta ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw ir-rapport bejn l-operatur ekonomiku u l-amministrazzjoni huma tali li ma jkunx ġust li dan l-operatur jiġi suġġett għal preġudizzju, li normalment huwa ma kienx suġġett għalih (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Marzu 1987, Coopérative agricole d’approvisionnement des Avirons, 58/86, Ġabra p. 1525, punt 22, u tad-29 ta' April 2004, British American Tobacco, C-222/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 63).

40     Sabiex jiġi ddeterminat jekk iċ-ċirkustanzi fil-każ in eżami jikkostitwixxux sitwazzjoni partikolari, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-informazzjoni kollha rilevanti (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Novembru 1995, France-aviation vs Il-Kummissjoni, T-346/94, Ġabra p. II-2841, punt 34, u tal-11 ta' Lulju 2002, Hyper vs Il-Kummissjoni, T-205/99, Ġabra p. II-3141, punt 93). Madankollu, jekk il-Kummissjoni għandha marġini ta' diskrezzjoni fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-klawsola ta' ekwità, hija għandha teżerċita din is-setgħa billi verament tiżen, min-naħa, l-interess tal-Komunità li tassigura lilha nnifisha mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet doganali u, min-naħa l-oħra, l-interess ta' l-operatur ta' bona fidi li ma jkunx suġġett għal preġudizzji li jmorru oltre r-riskju kummerċjali normali (ara, b'analoġija, is-sentenza Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 95).

41     Huwa fid-dawl ta' dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni għamiltx żball evidenti ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti ma kinux jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari.

 Fuq l-allegati negliġenzi ta' l-awtoritajiet Olandiżi sabiex jiskopru l-frodi u d-dewmien tagħhom sabiex jinfurmaw lir-rikorrenti bl-irregolaritajiet fid-dokumenti doganali maħruġa minnhom

–       Argumenti tal-partijiet

42     Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-frodi jikkostitwixxi riskju normali li l-operaturi jkollhom jaffrontaw, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali, fl-interess ta' l-investigazzjoni, deliberatament ħallew li jsir ksur u irregolaritajiet, u b'hekk ħolqu dejn doganali li kellu jiġi mħallas mill-prinċipal, poġġa lil dan ta' l-aħħar f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbel ma' operaturi li jeżerċitaw l-istess attività (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Settembru 1999, De Haan, C-61/98, Ġabra p. I-5003, punt 56).

43     Ir-rikorrenti nnotat li fit-23 ta' Marzu 1995, l-awtoritajiet Spanjoli qalu lid-DIC ta' Rotterdam li t-timbri li jidhru fuq wieħed mid-dokumenti tiegħu T 1 kienu foloz. Fil-31 ta' Marzu 1995, id-DIC ta' Rotterdam indika din l-irregolarità lil FIOD ta' Haarlem, li beda investigazzjoni. Għaldaqstant, mix-xahar ta' Marzu 1995, l-awtoritajiet Olandiżi kienu jafu bl-eżistenza tal-frodi li kienet tirrigwarda lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti tirrileva li, madankollu, l-awtoritajiet Olandiżi naqsu milli jinfurmawha b'dan il-frodi matul ħames xhur. Hija ssostni li fid-dawl ta' dan huwa prattikament impossibbli li l-awtoritajiet tad-dwana ma kinux deliberatament iddeċidew li jinfurmawha fi stadju ulterjuri. Peress illi l-awtoritajiet tad-dwana u d-DIC ta' Rotterdam kienu t-tnejn li huma jiffurmaw parti mill-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża, din ta' l-aħħar ma setgħetx issostni li kien hemm awtoritajiet differenti li kienu inkarigati mill-investigazzjoni dwar il-frodi sabiex jiġġustifikaw id-dewmien għall-għoti ta' l-informazzjoni lir-rikorrenti.

44     Fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-awtoritajiet Olandiżi ma ħallewx deliberatament li jsir frodi, ir-rikorrenti ssostni li dawn ikkommettew negliġenza partikolarment peress illi ma infurmawhiex immedjatament bil-manuvri ta' frodi li kienu jafu bihom. Hija ssostni wkoll li l-awtoritajiet Olandiżi ma kinux diliġenti biżżejjed fl-investigazzjonijiet tagħhom ta' l-irregolaritajiet in kwistjoni.

45     Ir-rikorrenti tikkunsidra li ż-żamma ta' din l-informazzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana ma tistax tiġi ġġustifikata bl-argument li l-ewwel kellha tiġi stabbilita rabta mad-dokumenti l-oħra. Ir-rikorrenti ssostni li, f'Marzu 1995, dawn l-awtoritajiet setgħu diġà jistabbilixxu rabta bejn id-dokumenti T 1 magħmula f'isem Hector International u t-timbri foloz. Jekk huwa minnu li d-dikjarazzjonijiet in kwistjoni jirrigwardaw prodotti differenti, huwa minnu wkoll li f'kull każ, kienu jirrigwardaw operazzjonijiet ta' trasport tal-laħam u dawn id-dikjarazzjonijiet dejjem isemmu l-istess dikjarant, destinatarju, trasportatur u uffiċċju tad-dwana tat-tluq u tad-destinazzjoni. In-negliġenza ta' dawn l-awtoritajiet fl-identifikazzjoni u l-approssimazzjoni ta' l-informazzjoni rilevanti u t-tul ta' żmien ta' l-investigazzjoni tagħhom wasslu għall-konsegwenza li r-rikorrenti, li ma kinitx avżata bl-irregolaritajiet u għalhekk baqgħet toħroġ id-dokumenti T 1, tinkorri dejn doganali indebitament. Il-parti kkonċernata m'għandhiex issofri dannu minħabba reazzjoni inkorretta, negliġenti u tardiva ta' l-awtoritajiet tad-dwana.

46     Ir-rikorrenti tosserva wkoll li, skond l-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' implementazzjoni, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom, fl-iqsar żmien possibbli, jinnotifikaw, l-eżistenza ta' irregolarità. Fin-nuqqas ta' ċertezza assoluta dwar l-eżistenza ta' frodi, sempliċi suspetti ta' l-awtoritajiet tad-dwana għandhom iwassluhom sabiex javżaw lill-persuna kkonċernata.

47     Ir-rikorrenti tkompli billi tirrileva li, skond l-Artikolu 94 tal-Kodiċi Doganali, hija għandha, bħala dikjarant fid-dwana, tipprovdi garanzija għad-dokumenti T 1 li tkun ħarġet. Hekk hija tikkostitwixxi garazija komprensiva sabiex tkopri l-operazzjonijiet suċċessivi, skond l-Artikolu 191 tal-Kodiċi Doganali. Hija ssostni li, peress illi l-awtoritajiet tad-dwana sabu li d-dokument T 1 nru 5100508 tas-16 ta' Jannar 1995 m'għandux jiġi kkunsidrat bħala approvat, kien evidenti li kienu ser jiġu imposti xi dazji fuqha, li kellhom jiġu mħallsa flimkien mal-garanzija magħmula. Madankollu, l-awtoritajiet tad-dwana ma pproċedewx għar-reġistrazzjoni u l-irkupru tad-dazji fi żmien qasir, kuntrarjament għal dak li jipprovdu l-Artikolu 220(1) u l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali. Minħabba dan il-fatt, il-garanzija tar-rikorrenti ma kinitx għadha suffiċjenti fi tmiem ix-xahar ta' Marzu 1995. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma kinitx f'pożizzjoni li toħroġ dokumenti T 1 wara din id-data, peress illi l-garazija ma kinitx re-integrata skond l-Artikolu 198 tal-Kodiċi Doganali. Dan in-nuqqas ta' l-awtoritajiet Olandiżi fir-rigward tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja kkawża preġudizzju serju għar-rikorrenti.

48     Ir-rikorrenti tikkonkludi li hija setgħet tevita l-ħolqien ta' dejn doganali ulterjuri kieku l-awtoritajiet Olandiżi infurmawha bil-possibbiltà ta' l-eżistenza ta' frodi. Billi intervenew, żbaljatament, tard wisq, l-awtoritajiet Olandiżi ħolqu sitwazzjoni partikolari li minħabba fiha r-rikorrenti sabet lilha nnifisha f'pożizzjoni aktar sfavorevoli minn dik ta' l-operaturi ekonomiċi l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ġunju 2001, Spedition Wilhelm Rotermund vs Il-Kummissjoni, T-330/99, Ġabra, p. II-1619).

49     Il-Kummissjoni tirrileva li, fil-każ in eżami, l-awtoritajiet Olandiżi ma kinux jafu bil-frodi u ma ħallewx li jsir il-ksur u l-irregolaritajiet deliberatament, fl-interess ta' l-investigazzjoni, kuntrarjament għas-sitwazzjoni eżistenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza De Haan. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-applikazzjoni għall-maħfra tad-dazju ta' l-awtoritajiet Olandiżi kif ukoll mill-ittra ta' l-24 ta' Settembru 1998 tad-dipartiment tat-taxxi tad-distrett doganali ta' Rotterdam li tiċħad it-talba tar-rikorrenti kien fl-24 ta' Lulju 1995 li l-FIOD stabbiliet rabta bejn l-irregolaritajiet differenti rivelati permezz ta' diversi investigazzjonijiet oriġinarjament separati.

50     Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-awtoritajiet Olandiżi ma damux inutilment biex jistabbilixxu rabta bejn l-informazzjoni differenti li kienet disponibbli u biex jinfurmaw lir-rikorrenti b'din l-informazzjoni. Iż-żmien illi għadda minn meta l-Olanda rċeviet l-avviż fir-rigward ta' l-ewwel dokument approvat b'mod irregolari kien assolutament neċessarju sabiex jistabbilixxu rabta ma' l-irregolaritajiet li instabu f'erba' dokumenti oħra u sabiex jiddeterminaw in-natura u l-iskop ta' dawn l-irregolaritajiet, dak li l-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi kkonfermaw fid-deċiżjoni tagħhom li tiċħad l-applikazzjoni tar-rikorrenti. Matul il-proċess ta' din l-investigazzjoni, id-diversi servizzi kkonċernati ta' l-amministrazzjoni Olandiża ħadmu bil-għaqal.

51     Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex legalment marbuta li jinfurmaw lid-dikjarant immedjatament meta jsibu xi rregolaritajiet fil-kuntest ta' proċedura ta' tranżitu Komunitarju u tosserva li tali obbligu jeskludi, a priori, kull investigazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tad-dikjarant fl-irregolaritajiet. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza De Haan m'għandhiex tiġi estiża għal din il-kawża, peress illi tali deċiżjoni tmur kontra interpretazzjoni stretta li għandha tipprevali fil-każ ta' dispożizzjonijiet li jipprovdu għall-maħfra tad-dazju fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C-48/98, Ġabra p. I-7877).

52     Fir-rigward ta' l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-ksur mill-awtoritajiet Olandiżi, min-naħa, ta' l-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' implementazzjoni u, min-naħa l-oħra, ta' l-Artikoli 220(1) u 221(1) tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni ssosnti li dawn huma argumenti ġodda, invokati għall-ewwel darba mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika u li mhumiex fondati fuq elementi li ġew rivelati waqt il-proċedimenti. Konsegwentement, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddikjarahom inammissibbli. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li mill-kliem ta' l-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' implementazzjoni jirriżulta li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom jinfurmaw lid-dikjarant l-aktar tard sa qabel l-iskadenza tal-ħdax-il xahar wara r-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' tranżitu Komunitarju. Dwar l-allegat ksur ta' l-Artikoli 220 u 221 tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni tirrileva li, hekk kif l-awtoritajiet Olandiżi stabbilixxew l-eżistenza ta' skema ta' frodi, huma infurmaw malajr lir-rikorrenti u pproċedew, skond il-leġiżlazzjoni applikabbli, għad-dħul fil-kontijiet, għan-notifika u għall-irkupru ta' l-ammont tad-dejn doganali kkonstatat.

–       Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

53     Preliminarjament, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti invokat żewġ argumenti ġodda fl-istadju tar-replika, li huma bbażati fuq il-ksur ta' l-awtoritajiet Olandiżi ta' l-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' implementazzjoni u ta' l-Artikoli 220(1) u 221(1) tal-Kodiċi Doganali, ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta' dawn l-argumenti, ir-rikorrenti ma tagħmilx ħlief tippreċiża u tiżviluppa l-motiv bbażat fuq l-allegat dewmien ta' l-awtoritajiet Olandiżi sabiex jinfurmawha bl-eżistenza ta' irregolaritajiet li jikkonċernaw l-approvazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali tagħha. Madankollu, għandu jiġi nnotat li dan il-motiv jinsab fir-rikors oriġinali.

54     Dwar il-mertu, għandu jiġi rrilevat li l-bżonnijiet ta' investigazzjoni intiża sabiex jiġu identifikati u maqbuda l-awturi jew il-kompliċi ta' frodi li sar jew li qed jiġi ppreparat jistgħu legittimament jiġġustifikaw in-nuqqas, deliberat, li l-prinċipal jiġi infurmat, kompletament jew parzjalment, bl-elementi ta' l-investigazzjoni, anke jekk dan ta' l-aħħar mhuwa bl-ebda mod involut fl-atti ta' frodi (sentenza De Haan, iċċitata aktar 'il fuq, punt 32). Għalhekk l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu leġittimament iħallu deliberatament li jiġu kommessi reati jew irregolaritajiet sabiex ikunu jistgħu jiżmuntaw in-netwerk b'mod aħjar, jidentifikaw il-persuni li jikkommettu l-frodi u jistabbilixxu jew isaħħu l-elementi ta' prova. Madankollu, l-impożizzjoni fuq il-persuna taxxabbli ta' dejn doganali li jirriżulta minn għażliet marbuta ma' l-investigazzjoni tal-ksur hija ta' natura li timpedixxi li jintlaħaq l-għan tal-klawsola ta' ekwità li huwa l-bażi ta' l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni, peress illi l-persuna taxxabbli ser issib lilha nnifisha mqiegħda f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbla ma' l-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività. Konsegwentement, in-nuqqas li l-persuna taxxabbli tiġi avżata, għall-iskopijiet ta' investigazzjoni mmexxiha mill-awtoritajiet tad-dwana jew tal-pulizija, dwar l-iżvolġiment ta' tali investigazzjoni, fin-nuqqas ta' qerq jew negliġenza imputabbli lill-persuna taxxabbli, jikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari (sentenzi De Haan, iċċitata aktar 'il fuq, punt 53, u British American Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 64; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Nordspedizionieri di Danielis Livio et vs Il-Kummissjoni, T-332/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).

55     Fil-każ in eżami, kif jirriżulta mir-rapport tal-FIOD ta' Rotterdam tat-2 ta' Settembru 1996, il-frodi li taffettwa d-dikjarazzjonijiet maħruġa mir-rikorrenti kien skopert fi tliet operazzjonijiet indipendenti ta' servizzi differenti ta' l-awtoritajiet Olandiżi. L-ewwel irregolarità li ġiet innotata kienet fl-20 u fit-23 ta' Marzu 1995 mid-DIC ta' Rotterdam, fil-kuntest ta' investigazzjoni dwar l-operazzjonijiet tat-trasport ta' l-animella ta' l-għoġol (ara punt 11 aktar 'il fuq). It-tieni waħda ġiet innotata fid-29 ta' Ġunju 1995 mill-uffiċċju tad-dwana ta' Kerkrade, waqt kontroll ta' kampjuni (ara punt 12 aktar 'il fuq). It-tielet ġiet skoperta fl-10 ta' Lulju 1995 mill-uffiċċju tad-dwana ta' Kerkrade, wara li nstab li, f'żewġ dikjarazzjonijiet doganali, il-parti intitolata "Kontroll mill-uffiċċju tad-destinazzjoni" ma kinitx ikkompletata kollha (ara punt 13 aktar 'il fuq). Dawn l-aħħar żewġ irregolaritajiet kienu wkoll jikkonċernaw prodotti ta' laħam differenti mill-animella ta' l-għoġol, jiġifieri laħam taċ-ċanga u tat-tjur. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-FIOD ta' Rotterdam stabbilixxa rabta bejn dawn it-tliet ċirkustanzi fl-24 ta' Lulju 1995. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, fil-każ in eżami, l-awtoritajiet tad-dwana ta' l-Olanda ma ħallewx deliberatament li jiġi kommess ksur sabiex jiġu identifikati u maqbuda l-awturi jew il-kompliċi tal-frodi magħmula.

56     Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstat li fit-23 ta' Marzu 1995 l-awtoritajiet tad-dwana Olandiżi kienu diġà jafu b'każ wieħed ta' frodi li kien jaffettwa operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju estern u li f'dan ir-rigward saret id-dikjarazzjoni mir-rikorrenti u li għaliha r-rikorrenti kienet ikkunsidrata bħala prinċipal għall-iskopijiet tal-proċedura ta' tranżitu. Madankollu, l-awtoritajiet Olandiżi infurmaw lir-rikorrenti fid-9 ta' Awwissu 1995, erba' xhur u nofs wara.

57     Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' implementazzjoni jistabbilixxi li meta, bħal f'dan il-każ, kunsinna ma tkunx ġiet ppreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u li l-post tal-ksur jew ta' l-irregolarità ma jistax jiġi stabbilit, l-uffiċċju tat-tluq għandu jinforma lill-prinċipal "malajr kemm jista' jkun". Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix terminu partikolari li fih għandu jiġi infurmat il-prinċipal, u tillimita lilha nnifisha għall-provvediment li din in-notifika għandha ssir sa mhux aktar tard mill-iskadenza ta' ħdax-il xahar wara d-data tar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-tranżitu Komunitarju, hija xorta waħda timponi obbligu ta' diliġenza fuq l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta' l-informazzjoni li għandhom jagħtu lill-prinċipal.

58     Fil-fatt, din il-komunikazzjoni, lill-persuna kkonċernata, dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni ta' l-operazzjoni doganali għandha diversi skopijiet. L-ewwel nett, skond l-Artikolu 379(2) tar-regolament ta' implementazzjoni, din in-notifika għandha tipprovdi, b'mod partikolari, għat-terminu ta' tliet xhur li fih il-persuna kkonċernata tkun tista' ġġib lill-uffiċċju tat-tluq il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post fejn effettivament sar il-ksur. B'hekk, in-notifika ta' l-imsemmi terminu lill-prinċipal tikkostitwixxi kundizzjoni bil-quddiem għall-irkupru tad-dejn doganali mill-awtoritajiet tad-dwana u hija intiża sabiex tipproteġi l-interessi tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Jannar 2005, Honeywell Aerospace, C-300/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 23 u 24). It-tieni nett, din il-komunikazzjoni tippermetti lill-operatur ta' bona fidi jiskopri li kunsinna ġiet approprjata indebitament u b'hekk jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat li jinħoloq dejn doganali minħabba kunsinni sussegwenti li huma simili. It-tielet nett, il-konoxxenza ta' din l-irregolarità eventwalment tippermetti lill-prinċipal jikkompleta l-garanzija pprovduta lill-awtoritajiet tad-dwana sabiex jassigura l-pagament tad-dejn doganali, skond l-Artikolu 198 tal-Kodiċi Doganali.

59     Għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-iskoperta ta' frodi li jikkonċernaha ma ġietx ikkomunikata lill-parti kkonċernata immedjatament u li l-ewwel saru investigazzjonijiet fir-rigward tagħha, ma jikkostitwixxix imġieba negliġenti mill-awtoritajiet tad-dwana. Fil-fatt, bl-istess mod li dawn l-awtoritajiet jistgħu leġittimament iħallu li jiġi kommessi ksur sabiex ikunu jistgħu jiżmuntaw n-netwerk b'mod aħjar, jidentifikaw lill-persuni li jikkommettu l-frodi u jistabbilixxu jew isaħħu l-elementi ta' prova (sentenza De Haan, iċċitata aktar 'il fuq, punt 53), huma jistgħu leġittimament jibdew investigazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet skoperti fil-kuntest ta' operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju mingħajr ma jinfurmaw lill-prinċipal minn qabel, sabiex tiġi ddeterminata, b'mod partikolari, n-natura u l-portata ta' l-irregolaritajiet identifikati u tiġi evalwata r-responsabbiltà tad-diversi operaturi li jipparteċipaw fl-operazzjoni in kwistjoni, inkluż il-prinċipal stess. Il-komunikazzjoni minn qabel, ta' l-eżistenza ta' frodi lill-partijiet involuti fl-operazzjoni doganali in kwistjoni, tista' effettivament tippreġudika l-investigazzjoni u tikkumplika l-ġabra ta' l-elementi ta' prova rilevanti.

60     Madankollu, kif ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza De Haan, iċċitata aktar 'il fuq, jekk l-eżerċizzju mill-awtoritajiet tad-dwana jew tal-pulizija tal-poteri tagħhom ta' investigazzjoni huwa leġittimu, il-bżonnijiet ta' investigazzjoni magħmula minn dawn l-awtoritajiet jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta' kull qerq u negliġenza imputabbli lill-persuna taxxabbli u għalkemm dan ta' l-aħħar ma jkunx ġie infurmat bil-proċess ta' l-investigazzjoni, sitwazzjoni partikolari (sentenza De Haan, iċċitata aktar 'il fuq, punt 53). Fil-fatt, kif ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fis-seduta, il-fatt li l-prinċipal, vittma ta' din il-frodi, ma ġiex infurmat bl-investigazzjoni, f'mument li jiġi ddeterminat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, huwa element ta' natura li jqegħdu f'sitwazzjoni partikolari, fir-rigward tad-dejn doganali marbut ma' operazzjonijiet frawdolenti li jkunu saru wara l-iskoperta ta' dan il-frodi u marbuta ma' l-imsemmi frodi, iżda li jkunu saru qabel il-mument li fih il-prinċipal ikun ġie infurmat b'dan.

61     L-impożizzjoni ta' dejn doganali fuq l-operatur ta' bona fidi li jirriżulta min-nuqqas jew mid-dewmien ta' l-awtoritajiet nazzjonali li javżawh bl-eżistenza ta' frodi li tikkonċernah hija ta' natura li timpedixxi li jintlaħaq l-għan tal-klawsola ta' ekwità peress illi l-persuna taxxabbli ser issib lilha nnifisha mqiegħda f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbla ma' l-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività. Konsegwentement, mhuwiex ġust li dan l-operatur jiġi suġġett għal preġudizzju, li normalment huwa ma kienx ikun suġġett għalih (ara Coopérative agricole d’approvisionnement des Avirons, iċċitata aktar 'il fuq, punt 22, u British American Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 63) u li jmur oltre r-riskju kummerċjali normali marbut ma' l-attività ekonomika tiegħu (sentenza Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 95).

62     F'din il-kawża għandu jiġi ddeterminat mil-liema mument l-awtoritajiet Olandiżi setgħu jinfurmaw lir-rikorrenti bl-irregolaritajiet in kwistjoni. Fit-23 ta' Marzu 1995, id-DIC ta' Rotterdam skopra l-ewwel każ ta' frodi li kien jaffettwa lir-rikorrenti, dak li kien jinsab fid-dokument T 1 nru 5100508 tas-16 ta' Jannar 1995. Il-FIOD ta' Haarlem sar jaf b'dan fil-31 ta' Marzu 1995 u l-FIOD ta' Rotterdam ġie infurmat b'dan fit-18 ta' April 1995. Hemm qbil bejn il-partijiet li l-FIOD kienet l-awtorità kompetenti sabiex tinvestiga l-irregolaritajiet in kwistjoni u sabiex tinforma lir-rikorrenti b'dan. Mit-18 ta' April 1995 'il quddiem il-FIOD ta' Rotterdam beda jiġbor l-informazzjoni għall-investigazzjoni tiegħu dwar il-frodi li kien ġie skopert. Madankollu, huwa ma informax lir-rikorrenti bl-irregolarità misjuba qabel id-9 ta' Awwissu 1995.

63     Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi konkluż li, għalkemm l-awtoritajiet Olandiżi mhumiex ħatja ta' negliġenza matul il-proċess ta' l-investigazzjonijiet tagħhom, il-fatt li dawn l-awtoritajiet ma avżawx lir-rikorrenti, għal matul perjodu determinat ta' żmien u għall-iskopijiet ta' l-investigazzjonijiet, bil-frodi li kienet taffettwaha, poġġiha f'sitwazzjoni partikolari fir-rigward ta' parti mid-dejn doganali marbut ma' l-operazzjonijiet ta' tranżitu Komunitarju estern in kwistjoni. Fil-fatt, kieku r-rikorrenti kienet infurmata mill-awtoritajiet tad-dwana bl-irregolarità tad-dikjarazzjonijiet fi żmien raġonevoli wara t-18 ta' April 1995, data li fiha l-FIOD ta' Rotterdam kien ġie infurmat b'din l-irregolarità, hija kienet tkun tista' tadotta l-miżuri neċessarji, wara l-approprazzjoni indebita frawdolenti tal-kunsinna in kwistjoni, sabiex tevita li jinħoloq dejn doganali għaliha li jirriżulta mill-kunsinni effettwati mit-12 ta' Ġunju 1995 'il quddiem. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta' eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari huma sodisfatti f'dan il-każ fir-rigward tad-dejn doganali li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti mit-12 ta' Ġunju 1995 'il quddiem.

64     Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni għamlet żball evidenti ta' evalwazzjoni billi kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx tinsab, għal dak li jikkonċerna d-dejn doganali li rriżulta mill-operazzjonijiet effettwati wara t-12 ta' Ġunju 1995, f'sitwazzjoni partikolari skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u ta' l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni.

65     Konsegwentement, mingħajr mhuwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar iċ-ċirkustanzi l-oħra invokati mir-rikorrenti, l-ewwel parti ta' l-argument għandu jiġi milqugħ.

 Fuq it-tieni parti ta' l-argument, ibbażat fuq in-nuqqas ta' qerq u ta' negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti

 Argumenti tal-partijiet

66     Ir-rikorrenti ssostni li mhuwiex ikkontestat illi hija aġixxiet b'bona fidi u li ma kinitx implikata fil-frodi. Madankollu, il-Kummissjoni takkużaha, inġustament, li kienet manifestament negliġenti.

67     Ir-rikorrenti tirrileva li, fl-applikazzjoni tagħhom għall-maħfra tad-dazji, l-awtoritajiet Olandiżi indikaw lill-Kummissjoni li hija ma tistax takkuża lir-rikorrenti b'ebda negliġenza evidenti. Huma kkonfermaw din il-pożizzjoni matul il-proċedura amministrattiva, b'mod partikolari, fir-risposti tagħhom għaż-żewġ talbiet tal-Kummissjoni għal informazzjoni addizzjonali, datati t-8 ta' Awwissu 2001 u t-2 ta' Awwissu 2002, rispettivament. Ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta' tali negliġenza għandha tiġi effettwata fuq il-bażi ta' kull informazzjoni rilevanti, inklużi d-dikjarazzjonijiet ta' l-awtoritajiet nazzjonali (sentenza France-aviation vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 36), fejn il-persuna kkonċernata għandha dritt li tinstema' (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T-290/97, Ġabra p. II-15, punti 27 sa 29). Madankollu l-Kummissjoni warrbet l-opinjoni ta' l-awtoritajiet Olandiżi mingħajr ma tat raġunijiet suffiċjenti.

68     Bl-istess mod, ir-rikorrenti tosserva li, kif jirriżulta mill-prassi tal-Kummissjoni (Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 21/00, 22/00, 23/00 u 24/00, tat-23 ta' Lulju 2001, punt 42) u mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T-42/96, Ġabra p. II-401, punti 159 u 160), sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' negliġenza evidenti, għandu jiġi eżaminat jekk l-imġieba tal-persuna kkonċernata kinitx kuntrarja għall-prassi kummerċjali normali. F'dan il-każ, l-imġieba tagħha kienet konformi ma' tali prassi. Dwar l-akkuża li saritilha li m'għamlitx assigurazzjoni għat-trasport tal-merkanzija, ir-rikorrenti tirrileva li l-awtoritajiet Olandiżi, fir-risposta tagħhom tat-2 ta' Awwissu 2002 għat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni, indikaw li, dakinhar tal-fatti, ma kienx faċli li jagħmlu assigurazzjoni u lanqas kienet il-prassi li jagħmlu waħda. Barra minn hekk, hija ssostni li l-fatt jekk għamiltx assigurazzjoni jew le m'għandu ebda effett fuq l-eżistenza ta' negliġenza evidenti. Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti tirrimarka li, għalkemm il-Kummissjoni sostniet li t-teħid ta' assigurazzjoni tikkostitwixxi biss wieħed mill-kriterji ta' evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' negliġenza evidenti hija ma identifikatx u lanqas ippreċiżat il-kriterji l-oħra applikati fil-każ in eżami. Ir-rikorrenti tikkonkludi li għaldaqstant hija ma setgħetx tirreaġixxi b'mod aktar xieraq.

69     Ir-rikorrenti tirrileva wkoll li hija mhijiex ħatja ta' negliġenza fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma' Hector International. Hija tindika li, minn Marzu 1993, din ta' l-aħħar kienet teffettwa trasport għal LEP International UK, kumpannija fl-istess grupp tar-rikorrenti, għas-sodisfazzjon totali tagħha. Fuq talba ta' Hector International, LEP International UK daħlitha f'kuntatt mar-rikorrenti. Din ta' l-aħħar bdiet tifformula d-dokumenti T 1 għal Hector International wara li assigurat lilha nnifisha li din ta' l-aħħar hija solventi u wara li rċeviet dikjarazzjoni dwar ir-responsabbiltà u l-garanziji ta' Hector International fil-każ ta' approvazzjoni inkorretta tad-dokumenti doganali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti assigurat lilha nnifisha li numru limitat ta' dokumenti T 1 biss ġew ifformulati kull darba u li ma ġewx ifformulati dokumenti ġodda ħlief meta d-dokumenti preċedenti setgħu jiġu raġonevolment ikkunsidrati bħala approvati. Hija kienet dejjem tinsisti ma' Hector International sabiex tirritornalha l-kopja nru 5 tad-dokumenti T 1 li tkun imwaħħla mal-ktieb, u li fiha jkun hemm timbru tad-dwana Spanjola u l-firma ta' l-uffiċjal tad-dwana Spanjola, li madankollu ġew sussegwentement rivelati bħala foloz. Għal kull kunsinna r-rikorrenti tirċievi lura wkoll il-poloz tat-tagħbija "CMR" iffirmati u ttimbrati għal-liberazzjoni li jippruvaw li l-laħam wasal f'kundizzjoni tajba fid-destinazzjoni tiegħu. Konsegwentement, ir-rikorrenti tagħmel kull ma huwa raġonevoli sabiex timpedixxi kull preġudizzju li jista' jirriżulta min-nuqqas ta' approvazzjoni tad-dokument doganali, u għalhekk mhijiex ħatja ta' negliġenza.

70     Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija uriet, skond il-liġi, li fil-każ in eżami r-rikorrenti hija ħatja ta' negliġenza evidenti.

71     Hija tirrileva li l-kwistjoni tan-negliġenza evidenti tar-rikorrenti m'għandha ebda relazzjoni mal-kwistjoni dwar jekk hija kinitx ta' bona fidi jew le. Il-Kummissjoni tammetti li d-dwana Olandiża infurmawha li ma kienx hemm qerq jew negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti. Madankollu, hija tfakkar li kienet talbithom darbtejn sabiex jippreċiżaw il-pożizzjoni tagħhom, l-ewwel darba fit-talba tagħha għal informazzjoni fl-24 ta' Novembru 2000 u t-tieni darba fit-talba tagħha għal informazzjoni fit-22 ta' Novembru 2001. Madankollu, ir-risposti ta' l-awtoritajiet Olandiżi ma kienu ta' ebda għajnuna sabiex jiddeterminaw jekk kienx hemm negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti f'dan il-każ, peress illi skond dawn il-komunikazzjonijiet, l-imsemmija awtoritajiet applikaw il-prinċipju ta' preżunzjoni ta' innoċenza, billi kkunsidraw lir-rikorrenti bħala ta' bona fidi sakemm seta' jiġi ppruvat il-kuntrarju.

72     Il-Kummissjoni tirrimarka li r-responsabiltajiet partikolari tal-prinċipal fil-proċedura tat-tranżitu Komunitarju għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex ħati ta' negliġenza evidenti jew le. Hija tirrileva li, kif tindika fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessa 46, għal dan il-għan hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-esperjenza tal-persuna kkonċernata, id-diliġenza li biha hija ressqet il-provi u l-kumplessità tar-regolament (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Ġunju 1996, Günzler Aluminium vs Il-Kummissjoni, T-75/95, Ġabra p. II-497). Bħala kumpannija ta' burdnara, ir-rikorrenti kienet operatur ekonomiku ta' ċerta esperjenza li kellha tkun taf ir-riskji kummerċjali inerenti fl-attivitajiet tagħha. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni dwar l-operazzjonijiet ta' tranżitu jippreċiżaw b'mod ċar l-obbligi tal-prinċipal u r-responabiltajiet li joħorġu minnhom. Fl-aħħar nett, id-dikjarant għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jipprepara lilu nnifisu kontra r-riskju kummerċjali, u dan ma kienx il-każ (premessi 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

73     Fir-rigward, b'mod partikolari, tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx diliġenti, il-Kummissjoni tirrileva li l-fatt li għamlet assigurazzjoni mhuwiex ħlief wieħed mill-elementi għal evalwazzjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni tal-każ in eżami, hija ġustament waslet għall-konklużjoni li r-rikorrenti ma kinitx ħadet il-prekawzjonijiet neċessarji sabiex tipprepara lilha nnifisha għar-riskji eventwali.

74     Fir-rigward tal-prekawzjonijiet li r-rikorrenti ħadet sabiex tassigura s-serjetà ta' Hector International, il-Kummissjoni rrimarkat li r-rikorrenti ma invokatx dawn l-elementi ta' fatt ħlief fir-replika tagħha. Hija tfakkar li r-rikorrenti ffirmat dikjarazzjoni li fiha affermat li ma kellha xejn x'iżżid mal-fajl li bagħtet lill-awtoritajiet Olandiżi u li kellha l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjoni tagħha fir-rigward ta' l-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2001, fejn din ta' l-aħħar ikkonkludiet espressament li kien hemm negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li r-rikorrenti ma tistax tibbaża fuq dawn l-elementi ta' fatt ġodda f'dan l-istadju tal-proċedura sabiex tilmenta kontriha li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx motivata biżżejjed.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

75     Sabiex jiġi eżaminat jekk kienx hemm negliġenza evidenti skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u ta' l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni, wieħed għandu jikkunsidra, b'mod partikolari, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta' eżekuzzjoni tagħhom ħoloq dejn doganali, kif ukoll l-esperjenza professjonali u d-diliġenza ta' l-operatur (sentenza Söhl & Söhlke, iċċitata aktar 'il fuq, punt 56).

76     F'dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti, bħala operatur ekonomiku ta' ċerta esperjenza, kellha tkun taf il-leġiżlazzjoni doganali u r-riskji kummerċjali ta' l-attività tagħha (premessa 47), it-tieni nett, li l-leġiżlazzjoni dwar l-operazzjonijiet ta' tranżitu tippreċiża b'mod ċar l-obbligi tal-prinċipal u r-responsabilitajiet li joħorġu minnhom (premessa 48) u, it-tielet nett, li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni r-responabiltajiet tagħha bħala prinċipal, hija r-rikorrenti li għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji kontra r-riskju kummerċjali (premessa 49).

77     Madankollu, it-tliet elementi msemmija aktar 'il fuq, jiġifieri l-kumplessità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, l-esperjenza professjonali u d-diliġenza ta' l-operatur, ma jikkostitwixxux ħlief kriterji ta' evalwazzjoni, li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni tista' tevalwa b'mod konkret jekk l-imġieba ta' l-operatur ekonomiku kienx manifestament negliġenti jew le (ara, f'dan is-sens Söhl & Söhlke, iċċitata aktar 'il fuq, punt 59). Fil-fatt, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta' l-analiżi tagħha, għandha tidentifika l-azzjonijiet jew in-nuqqasijiet konkreti ta' l-applikant għall-maħfra tad-dazju li, ikkunsidrati weħidhom jew flimkien, jikkostitwixxu negliġenza evidenti, partikolarment fid-dawl tal-kriterji msemmija.

78     F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li kemm fl-applikazzjoni tagħhom għall-maħfra tad-dazju, kif ukoll wara, f'żewġ okkażjonijiet matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Olandiżi kkonkludew li wieħed ma jistax jgħid li r-rikorrenti kienet ħatja ta' qerq jew ta' negliġenza evidenti. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkunsidrat li l-imġieba tar-rikorrenti kellha tiġi meqjusa bħala r-riżultat ta' negliġenza evidenti min-naħa tagħha (premessa 51). Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twarrab din il-pożizzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza France-aviation vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 36), hija kellha, fuq il-bażi ta' elementi ta' fatt rilevanti, tipprova li kien hemm imġieba manifestament negliġenti min-naħa tar-rikorrenti.

79     Kif ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fis-seduta, id-deċiżjoni kkontestata tidentifika biss żewġ imġibiet speċifiċi tar-rikorrenti li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta' negliġenza evidenti min-naħa tagħha. Dawn huma, l-ewwel nett, il-fatt li ma ssorveljatx lil min intervjena fl-operazzjoni doganali u, it-tieni nett, il-fatt li m'għamlitx l-assigurazzjonijiet xierqa (premessa 49).

80     Fir-rigward ta' l-ewwel akkuża, ibbażata fuq l-allegat nuqqas tar-rikorrenti li tissorvelja lil min intervjena fl-operazzjoni doganali, id-deċiżjoni kkontestata assolutament ma tippreċiżax bl-liema mod ir-rikorrenti kienet negliġenti f'dan ir-rigward. Fin-nuqqas ta' żvilupp, anke jekk minimu, ta' din l-akkuża, il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tikkunsidra li ma ġietx stabbilita. Jekk dan il-motiv jiġi milqugħ ikun ifisser li kull operatur li huwa vittma ta' atti frawdolenti min-naħa ta' terzi li kien involut magħhom f'relazzjonijiet kummerċjali jkun neċessarjament ħati ta' negliġenza evidenti.

81     Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li r-rikorrenti allegat li hija adottat serje ta' prekawzjonijiet meta mqabbla ma' Hector International. Huwa għalhekk illi hija ma bdietx tipprepara d-dokumenti T 1 għal Hector International qabel ma' assigurat ruħha li din il-kumpannija kienet solventi u qabel ma rċeviet dikjarazzjoni dwar ir-responabbiltà u l-garanziji tagħha fil-każ ta' approvazzjoni inkorretta tad-dokumenti doganali. Hija assigurat ruħha wkoll li kull darba ġew ippreparati biss numru limitat ta' dokumenti T 1 u li dokumenti ġodda ġew ippreparati biss wara li d-dokumenti preċedenti setgħu raġonevolment jiġu kkunsidrati bħala approvati. Fl-aħħar nett, hija dejjem insistiet li tintbagħtilha lura l-kopja nru 5 tad-dokumenti T 1, li fuqha jkun hemm timbru tad-dwana Spanjola u l-firma ta' uffiċjal tad-dwana Spanjola, kif ukoll l-poloz tat-tagħbija "CMR" iffirmati u ttimbrati għal-liberazzjoni. Dawn il-prekawzjonijiet, li l-eżistenza tagħhom ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni, juru mġieba prudenti u xierqa tar-rikorrenti fis-sorveljanza ta' min intervjena fl-attivitajiet doganali in kwistjoni.

82     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tilqa' l-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti ma tistax tibbaża fuq dawn l-elementi ta' fatt peress illi invokathom biss fl-istadju tar-replika. Għandu jiġi mfakkar li, fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib provi ta' l-eżistenza ta' negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti fil-każ in eżami. Madankollu, fl-ittra tagħha tal-11 ta' Ottubru 2001 fejn għarfitha bl-oġġezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx ir-raġuni li għaliha kkunsidrat li r-rikorrenti kienet negliġenti fis-sorveljanza ta' min intervjena fl-operazzjoni doganali. Ir-rikorrenti, fir-risposta tagħha tad-9 ta' Novembru 2001, sostniet li hija ma ġabitx prova ta' negliġenza filwaqt li indikat, b'mod partikolari, li hija kienet aġixxiet b'mod konxjenzjuż għal dak li kellu x'jaqsam mat-trasport u li hija ma kinitx f'pożizzjoni li tivverifika jekk kinux saru xi irregolaritajiet fil-liberazzjoni. Sussegwentement, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sabet ksur ibbażat fuq allegati nuqqasijiet fis-sorveljanza ta' min intervjena fl-operazzjoni doganali, mingħajr ma ppreċiżat xejn aktar. Fir-rikors tagħha li permezz tiegħu nbdiet din il-kawża, ir-rikorrenti rrepetiet li ma setgħet tiġi akkużata b'xejn fir-rigward ta' l-irregolaritajiet misjuba u sostniet li l-imġieba tagħha fil-każ in eżami kienet konformi mal-prassi kummerċjali normali. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni terġa' ssostni l-pożizzjoni tagħha u tikkontesta d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti. Meta wieħed jikkunsidra dak li ntqal preċedentement, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata għax fir-replika tagħha integrat l-argumenti u l-elementi ta' fatt rilevanti kontra t-teżi li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u fir-risposta.

83     Fir-rigward tat-tieni akkuża, illi r-rikorrenti m'għamlitx l-assigurazzjonijiet xierqa, għandu jiġi nnotat li, jekk huma l-operaturi ekonomiċi li għandhom jippreparaw lilhom innifishom kontra r-riskji kummerċjali normali, u jekk, għaldaqstant, is-sempliċi fatt li wieħed isofri preġudizzju finanzjarju ma jikkostitwixxix sitwazzjoni partikolari skond il-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 113 u 114), ma jistax jiġi aċċettat li, bħala regola ġenerali, il-fatt li ma ttieħditx assigurazzjoni jikkostitwixxi fih innifsu mġieba manifestament negliġenti min-naħa ta' l-operatur ekonomiku. Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma esponietx r-raġunijiet għaliex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx assigurat ir-riskji li rriżultaw mill-operazzjonijiet ikkontestati kien jikkostitwixxi mġieba manifestament negliġenti. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-teħid jew le ta' assigurazzjoni xierqa jiddetermina min ikun responsabbli għad-dejn doganali u l-preġudizzji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet ikkontestati, jiġifieri l-burdnar jew l-assiguratur tiegħu. Madankollu, il-fatt li r-rikorrenti ma tistax tirrikorri kontra kumpannija ta' assigurazzjoni sabiex tirkupra l-ammont tad-dejn doganali li kellha tħallas, u għaldaqstant għandha tħallsu hija stess, ma jaffettwax il-kundizzjonijiet li jipprovdu d-dritt għall-maħfra ta' l-imsemmi dejn għal raġunijiet ta' ekwità, u lanqas jaffettwaw l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti din il-maħfra jekk jiġu sodisfatti l-imsemmija kundizzjonijiet. Barra minn hekk, l-assiguratur jista' jew jiġi surrogat fid-drittijiet tal-burdnar fir-rigward ta' l-awtoritajiet tad-dwana, jew jistenna r-riżultat ta' l-azzjoni tal-burdnar quddiem il-Kummissjoni. Għalhekk, il-fatt li ma tteħditx assigurazzjoni ma jikkostitwixxix negliġenza.

84     Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, wieħed jista' jipproċedi għall-ħlas lura jew għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni f'sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn ċirkustanzi li ma jinvolvux qerq jew negliġenza evidenti min-naħa tal-persuna kkonċernata. Bl-istess mod, l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni jipprovdi li l-applikazzjoni għall-maħfra tad-dazju għandha tkun sostnuta minn ġustifikazzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkustanzi li ma jinvolvux qerq jew negliġenza evidenti. Mit-tenur ta' dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li għandha teżisti rabta bejn in-negliġenza li biha jiġi akkużat l-operatur u s-sitwazzjoni partikolari kkonstatata. Fin-nuqqas ta' tali rabta, ma jkunx ġust li applikazzjoni għall-maħfra jew ħlas lura tiġi miċħuda. Madankollu, fil-każ in eżami, għandu jiġi nnotat li n-nuqqas tar-rikorrenti li tagħmel assigurazzjoni la kkontribwixxa għar-realizzazzjoni tal-frodi u lanqas ikkumplika l-iskoperta tiegħu. A fortiori, dan il-fatt, strettament, m'għandu ebda relazzjoni mal-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi ma infurmawx lir-rikorrenti, matul ċertu perijodu ta' żmien, bl-eżistenza ta' frodi li jirrigwarda waħda mid-dikjarazzjonijiet tagħha.

85     Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkonkludiet li kien hemm negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti.

86     Konsegwentement, it-tieni parti ta' l-argument għandha tiġi milqugħa.

87     Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi milqugħ.

 Fuq l-ispejjeż

88     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti, skond it-talbiet ta' din ta' l-aħħar.

89     B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli ta' Proċedura, l-ispejjeż tar-Renju ta' Spanja, parti intervenjenti, għandhom jiġu mħallsa minnu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeciedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 08/00, tas-7 ta' Ottubru 2002, hija annullata safejn din tirrifjuta l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni imposti fuq ir-rikorrenti fir-rigward ta' operazzjonijiet doganali effettwati minnha mit-12 ta' Ġunju 1995 'il quddiem.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tar-rikorrenti.

3)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.



Cooke

García-Valdecasas

Labucka


Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Settembru 2005.

H. Jung

 

       J. D. Cooke


Reġistratur

 

      Il-President

Werrej


Kuntest ġuridiku

Regoli dwar it-tranżitu Komunitarju estern

Regoli dwar il-ħlas lura jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Operazzjonijiet ta' tranżitu Komunitarju estern in kwistjoni

Proċedura amministrattiva li tikkonċerna l-applikazzjoni għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel parti ta' l-argument, ibbażat fuq l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari

Introduzzjoni

– Argumenti tal-partijiet

– Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-allegati negliġenzi ta' l-awtoritajiet Olandiżi sabiex jiskopru l-frodi u d-dewmien tagħhom sabiex jinfurmaw lir-rikorrenti bl-irregolaritajiet fid-dokumenti doganali maħruġa minnhom

– Argumenti tal-partijiet

– Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni parti ta' l-argument, ibbażat fuq in-nuqqas ta' qerq u ta' negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti

Argumenti tal-partijiet

Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: L-Olandiż.