Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2024 – Companhia Siderúrgica Nacional u Lusosider-Aços Planos vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-110/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Companhia Siderúrgica Nacional (São Paolo, il-Brażil), Lusosider-Aços Planos SA (Seixal, il-Portugall) (rappreżentanti: L. Catrain González, F. Pili u S. Seeuws, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2758 tat-12 ta’ Diċembru 2023 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u mill-Federazzjoni Russa wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 , kollu kemm hu jew sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tuża l-bażi legali korretta sabiex twettaq ir-reviżjoni tad-dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u mill-Federazzjoni Russa. Il-Kummissjoni marret lil hinn mill-portata tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”) billi eskludiet lill-Ukraina mid-dazji anti-dumping definittivi u billi injorat il-bidla fundamentali taċ-ċirkustanzi sa minn meta ttieħdu l-miżuri oriġinali. Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kellha tagħti bidu għal reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku flimkien mar-reviżjoni ta’ skadenza tal-Artikolu 11(2). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kellha tevalwa l-bidla taċ-ċirkustanzi sa minn meta ġew imposti l-miżuri oriġinali kkawżata mill-impatt materjali tas-sanzjonijiet Russi tal-Unjoni u l-miżuri ta’ salvagwardja fuq l-importazzjoni tal-prodotti taħt investigazzjoni. L-iżball tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn jikser, l-ewwel, id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji sottostanti tar-Regolament Bażiku kif interpretati fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni u l-prinċipju legali internazzjonali ta’ bidla fundamentali taċ-ċirkustanzi; u, it-tieni, id-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba taħt id-dritt tal-Unjoni.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-miżuri oriġinali, b’mod partikolari fir-rigward tat-test tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tal-ħsara, hija bbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti rilevanti li vvizzjaw ir-Regolament ikkontestat.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-evalwazzjoni asimmetrika tal-Kummissjoni tal-bejgħ Brażiljan marbut jew mhux marbut mal-bejgħ tal-Unjoni mhux marbut tkabbar b’mod artifiċjali s-sehem tas-suq tal-prodotti Brażiljani fl-Unjoni. Dan wassal b’mod żbaljat lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet Brażiljani. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tiddiskrimina b’mod mhux ġustifikat bejn prodotti Brażiljani u prodotti mmanifatturati mill-produtturi tal-Unjoni.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament ikkontestat ma jilħaqx l-istandards ta’ raġunament stipulati fl-Artikolu 296 TFUE.

____________

1 ĠU L 2023/2758, 13.12.2023.

1 Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).