Language of document : ECLI:EU:C:2016:553

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-13 ta’ Lulju 2016 (1)

Kawża C‑188/15

Asma Bougnaoui

Association de défense des droits de l’homme (ADDH)

vs

Micropole SA

[Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza)]

“Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78/KE — Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin — Rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti — Tifsira — Diskriminazzjoni diretta u indiretta — Ilbies tal-velu Iżlamiku”





1.        Sa fejn il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin skont id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari skont id-Direttiva 2000/78 (2), tagħmel illegali t-tkeċċija ta’ impjegata li hija Musulmana prattikanti għar-raġuni li tirrifjuta li tikkonforma ruħha ma’ istruzzjoni mill-persuna li timpjegaha (impriża fis-settur privat) li hija ma għandhiex tilbes velu jew maktur mar-ras meta tkun f’kuntatt mal-klijenti tal-impriża? Il-Qorti tal-Ġustizzja qed issirilha d-domanda b’riferiment għall-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, kwistjonijiet li jirriżultaw mid-distinzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) bejn id-diskriminazzjoni diretta u indiretta huma rilevanti wkoll f’dan il-kuntest (3).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

2.        L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (4) jgħid:

“1.      Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon; dan id-dritt jinkludi l-libertà li jbiddel ir-reliġjon jew twemmin tiegħu u l-libertà, sew waħdu kemm ma’ oħrajn u pubblikament jew privatament, li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, fil-qima, tagħlim, prattika u osservanza.

2.      Il-libertà li wieħed juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu tkun suġġetta biss għal dawk il-limitazzjonijiet li jkunu preskritti b’liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika fl-interessi tas- sigurtà pubblika, għall-protezzjoni ta’ l-ordni pubblika, tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.”

3.        Skont l-Artikolu 14 tal-KEDB:

“It-tgawdija tad-drittijiet u libertajiet kontemplati f’din il-Konvenzjoni għandha tiġi assigurata mingħajr diskriminazzjoni għal kull raġuni bħalma huma s-sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid jew status ieħor.”

4.        L-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 tal-KEDB huwa intitolat “Projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni” (5). Il-paragrafu 1 jgħid:

“It-tgawdija ta’ kull dritt kontemplat fil-liġi għandha tiġi assigurata mingħajr diskriminazzjoni għal kull raġuni bħalma huma s-sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid jew status ieħor.”

 It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

5.        L-Artikolu 3(3) TUE jipprovdi:

“L-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern. Hija għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta’ l-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent. Hija għandha tippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku.

Hija għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali […]”

6.        L-Artikolu 4(2) TUE jgħid:

“L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll lidentità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali. Hija għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru.”

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

7.        L-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (6) huwa intitolat “Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon”. Il-paragrafu 1 jaqra kif ġej:

“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon. Dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma’ oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti”.

8.        L-Artikolu 16 tal-Karta, intitolat “Il-libertà ta’ l-intrapriża” jipprovdi:

“Il-libertà ta’ l-intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.”

9.        L-Artikolu 21 tal-Karta huwa intitolat “Non-diskriminazzjoni”. Il-paragrafu 1 jgħid:

“Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il- karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.”

 Id-Direttiva 2000/78

10.      Il-premessi tad-Direttiva 2000/78 jgħidu, b’mod partikolari:

“(1)      Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għal-libertajiet fundamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali u kif jirriżultaw mit-traduzzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni Ewropea].

      […]

(9)      L-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

      […]

(11)      Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)      B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti [fl-Unjoni Ewropea] kollha. […]

      […]

(15)      L-aprezzament tal-fatti li minnhom wieħed jippreżumi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi ġudizzjarji nazzjonali jew oħrajn kompetenti, skond ir-regoli tal-liġi jew il-prattika nazzjonali. […]

      […]

(23)      F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta ma’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

      […]”

11.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi li l-għan tagħha huwa “li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

12.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva huwa intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”. Dan jgħid b’mod partikolari:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raguni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]

5.      Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

13.      Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċci, f’dak li jirrigwarda:

(a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu jew għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

14.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78 huwa intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol [Rekwiżiti professjonali]”. Il-paragrafu 1 jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti], sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”.

15.      L-Artikolu 4(2) jirrigwarda d-differenzi fit-trattament bbażati fuq ir-reliġjon jew it-twemmin ta’ persuna fil-kuntest speċifiku ta’ attivitajiet professjonali ġewwa knejjes “u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħrajn li l-ethos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin”.

16.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi għal ċerti derogi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva f’dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

17.      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jipprovdi li, bl-iskop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaġġi marbuta ma’ xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

 Id-dritt Franċiż

18.      L-Artikolu L. 1121‑1 tal-Code du travail (kodiċi tax-xogħol) jipprovdi:

“Ħadd ma’ jista’ jillimita d-drittijiet personali u l-libertajiet individwali u kollettivi bi kwalunkwe restrizzjoni li ma tkunx iġġustifikata min-natura tal-kompitu li għandu jitwettaq jew proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq.”

19.      Skont L-Artikolu L. 1321‑3 tal-kodiċi tax-xogħol, fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti:

“Ir-regolamenti interni ma għandhomx jinkludu:

(1)      Dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġijiet u r-regolamenti jew kontra r-rekwiżiti stipulati mill-ftehimiet u akkordji kollettivi dwar il-prattiki tax-xogħol applikabbli fl-impriża jew fl-istabbiliment;

(2)      Dispożizzjonijiet li jillimitaw id-drittijiet personali u l-libertajiet individwali u kollettivi bi kwalunkwe restrizzjoni li ma tkunx iġġustifikata min-natura tal-kompitu li għandu jitwettaq jew proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq;

(3)      Dispożizzjonijiet li jiddiskriminaw kontra l-impjegati fl-impjieg tagħhom jew fix-xogħol tagħhom, li jkollhom l-istess kapaċità professjonali, minħabba l-oriġini tagħhom, is-sess tagħhom, l-aġir tagħhom, l-orjentament sesswali tagħhom, l-età tagħhom, […] l-opinjonijiet politiċi tagħhom, l-attivitajiet sindakali jew tal-kunsill tax-xogħol tagħhom, it-twemmin reliġjuż tagħhom, l-apparenza fiżika tagħhom, kunjomhom jew minħabba l-istat ta’ saħħa jew disabbiltà tagħhom.”

20.      L-Artikolu L. 1132‑1 tal-kodiċi tax-xogħol jgħid:

“L-ebda persuna ma tista’ tiġi eskluża minn proċedura ta’ reklutaġġ jew mill-aċċess għal esperjenza ta’ xogħol jew perijodu ta’ taħriġ f’impriża, l-ebda impjegat ma jista’ jiġi ddixxiplinat, imkeċċi jew suġġett għal trattament diskriminatorju, kemm direttament kif ukoll indirettament, […] b’mod partikolari fir-rigward ta’ remunerazzjoni, […] skemi ta’ inċentiv jew ta’ tqassim ta’ ishma, taħriġ, klassifikazzjoni mill-ġdid, allokazzjoni, ċertifikazzjoni, klassifikazzjoni, promozzjoni fil-karriera, trasferiment, jew tiġdid tal-kuntratt minħabba l-oriġini tiegħu, is-sess tiegħu, l-aġir tiegħu, l-orjentament sesswali tiegħu, l-età tiegħu, […] l-opinjonijiet politiċi tiegħu, l-attivitajiet sindakali jew tal-kunsill tax-xogħol tiegħu, it-twemmin reliġjuż tiegħu, l-apparenza fiżika tiegħu, kunjomu […] jew minħabba l-istat ta’ saħħa jew disabbiltà tiegħu.”

21.      Skont l-Artikolu L. 1131‑1 tal-kodiċi tax-xogħol:

“L-Artikolu L. 1132‑1 ma għandux jipprekludi d-differenzi fit-trattament li jissodisfaw rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, bil-kundizzjoni li l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat.”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domanda magħmula

22.      A. Bougnaoui kienet impjegata bħala inġinier ta’ proġetti minn Micropole SA, kumpannija deskritta fid-digriet tar-rinviju bħala li tispeċjalizza fil-konsulenza, l-inġinerija u t-taħriġ speċjalizzat għall-iżvilupp u l-integrazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Qabel ma ħadmet ma’ dik il-kumpannija bħala impjegata, hija kienet lestiet perijodu ta’ taħriġ ta’ tmiem tal-istudji hemmhekk. Il-kuntratt tal-impjieg tagħha ma’ Micropole beda fil-15 ta’ Lulju 2008.

23.      Fil-15 ta’ Ġunju 2009, kienet issejħet għal intervista qabel tkeċċija possibbli u sussegwentement tkeċċiet b’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2009. Din l-ittra (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ tkeċċija”) kienet tgħid:

“Int għamilt it-taħriġ ta’ tmiem l-istudji tiegħek li beda fl-4 ta’ Frar 2008 u mbagħad ġejt irreklutata mill-kumpannija tagħna fl-1 ta’ Awwissu 2008 [(7)] bħala inġinier ta’ proġetti. Bħala parti mid-dmirijiet tiegħek, ħadt sehem f’xogħlijiet f’isem il-klijenti tagħna.

Tlabnik taħdem għall-klijent, Grouprama, fil-15 ta’ Mejju, fis-sit tagħhom f’Toulouse. Wara dak ix-xogħol, il-klijent qalilna li l-ilbies ta’ velu, li inti fil-fatt tilbes kuljum, kien imbarazza lil numru ta’ impjegati tagħha. Talab ukoll li ma jkunx hemm “velu d-darba li jmiss”.

Meta ġejt impjegata mill-kumpannija tagħna, fl-intervisti tiegħek mal-Maniġer operattiv tiegħek, […], u l-Maniġer responsabbli mir-reklutaġġ, […], ġie diskuss is-suġġett tal-ilbies tal-velu b’mod ċar ħafna miegħek. Aħna għednilek li nirrispettaw għalkollox il-prinċipju tal-libertà ta’ opinjoni u t-twemmin reliġjuż ta’ kulħadd, imma billi inti kont se tkun f’kuntatt intern jew estern mal-klijenti tal-kumpannija, ma tkunx tista’ tilbes il-velu fiċ-ċirkustanzi kollha. Fl-interessi u għall-iżvilupp tal-impriża, aħna ninsabu kostretti, fir-rigward tal-klijenti tagħna, li nirrikjedu li tintuża diskrezzjoni fir-rigward tal-espressjoni tal-preferenzi personali tal-impjegati tagħna.

Fl-intervista tagħna tas-17 ta’ Ġunju [(8)], aħna tennejnilek dan il-prinċipju ta’ newtralità neċessarja u tlabnik tapplikah fir-rigward tal-klijenti tagħna. Erġajna staqsejnik jekk stajtx taċċetta dawn ir-rekwiżiti professjonali billi taċċetta li ma tilbisx il-velu, u inti rrispondejtna fin-negattiv.

Aħna nikkunsidraw li dawn il-fatti jiġġustifikaw, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħek. Billi l-pożizzjoni tiegħek tagħmilha impossibbli li tkompli bil-funzjonijiet tiegħek f’isem il-kumpannija, billi ma nistgħux nikkontemplaw, minħabba l-pożizzjoni li inti ħadt, li tkompli tipprovdi servizzi fil-postijiet tal-klijenti tagħna, mhux se tkun tista’ taħdem il-perijodu ta’ avviż tiegħek. Billi dan in-nuqqas li taħdem matul il-perijodu ta’ avviż huwa imputabbli lilek, m’intix ser tiġi rremunerata għall-perijodu ta’ avviż tiegħek.

Jiddispjaċina b’din is-sitwazzjoni peress li l-kompetenza professjonali tiegħek u l-potenzjal tiegħek ġiegħluna nittamaw li jkun hemm kollaborazzjoni fit-tul.”

24.      F’Novenbru 2009, A. Bougnaoui kkontestat id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tagħha quddiem il-Conseil de prud’hommes (tribunal tax-xogħol), Pariġi, fejn allegat li kienet att diskriminatorju bbażat fuq it-twemmin reliġjuż tagħha. L-Association de défense des droits de l’homme (assoċjazzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; iktar ’il quddiem “l-ADDH”) intervjeniet volontarjament f’dawk il-proċeduri. B’sentenza tal-4 ta’ Mejju 2011, dak it-tribunal iddeċieda li t-tkeċċija kienet fondata fuq il-bażi ta’ raġuni ġenwina u serja, ordnat lil Micropole tħallas lill A. Bougnaoui s-somma ta’ EUR 8 378.78 bħala kumpens fir-rigward tal-perijodu ta’ avviż tagħha u ċaħdet it-talbiet l-oħra tagħha fil-mertu.

25.      Wara appell ta’ A. Bougnaoui u appell inċidentali ta’ Micropole, il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell, Pariġi) ikkonfermat is-sentenza tat-tribunal tax-xogħol b’sentenza tat-18 ta’ April 2013.

26.      A. Bougnaoui appellat minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Billi dik il-qorti ma hijiex ċerta dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni fiċ-ċirkustanzi tal-każ, hija għamlet id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 2000/78] għandhom jiġu interpretati fis-sens li x-xewqa ta’ klijent ta’ kumpannija ta’ konsulenza informatika li s-servizzi informatiċi ta’ din il-kumpannija ma jibqgħux jiġu pprovduti lilu minn impjegata, inġinier ta’ proġetti, liebsa velu Iżlamiku, tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, minħabba n-natura tal-attivitajiet professjonali partikolari kkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu?”

27.      A. Bougnaoui u l-ADDH, Micropole, il-Gvern Franċiż u dak Svediż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-seduta tal-15 ta’ Marzu 2016, l-istess partijiet – biż-żieda tal-Gvern tar-Renju Unit – ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

 Osservazzjonijiet preliminari

 Introduzzjoni

28.      Meħuda mill-aspett l-iktar ġenerali tagħha, il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tikkunsidra tirrigwarda l-impatt tar-regoli kontra d-diskriminazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni dwar ix-xedd ta’ lbies reliġjuż. Qed tintalab tagħmel hekk b’attenzjoni partikolari għax-xedd ta’ dan l-ilbies fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg fis-settur privat, minn mara li hija membru prattikanti tal-fidi Iżlamika. Kien hemm ħafna tibdil f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin fir-rigward ta’ drawwiet soċjali b’mod ġenerali u s-suq tax-xogħol b’mod partikolari. Filwaqt li kien hemm żmien meta persuni ta’ reliġjonijiet u sfond etniku differenti setgħu kienu mistennija li jgħixu u jaħdmu separatament, dan ma għadux il-każ. Kwistjonijiet li, sa żmien relativament reċenti, kienu jitqiesu li ma kinux importanti, jew ftit li xejn, issa qed jingħataw attenzjoni b’mod qawwi u kultant skomdu. Ikkunsidrat minn din il-perspettiva, dan il-kuntest jista’ jiġi pperċepit bħala wieħed relattivament “modern” u, f’ċerti ambjenti, jista’ jitqies bħala emottiv. Huwa wkoll kuntest li jinvolvi fehmiet u prattiki differenti ħafna fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

29.      Ta’ spiss (forsi, ġeneralment) ikun il-każ li mhux il-kompendju kollu ta’ prattika reliġjuża ta’ reliġjon partikolari jitqies minn xi ħadd li jħaddan dik ir-reliġjon bħala assolutament “fundamentali” għall-osservanza reliġjuża tiegħu jew tagħha. L-osservanza reliġjuża tiġi f’suriet li jvarjaw u f’intensitajiet li jvarjaw. Dak li persuna partikolari tqis li huwa essenzjali għall-osservanza reliġjuża tiegħu jew tagħha jista’ jvarja maż-żmien ukoll. Dan huwa għaliex jiġri relattivament ta’ spiss li livelli ta’ twemmin personali, u għalhekk ta’ osservanza personali assoċjati ma’ dak it-twemmin, jevolvu matul il-ħajja ta’ persuna. Uħud isiru inqas prattikanti maż-żmien; oħrajn iktar. Fost dawk li jħaddnu fidi partikolari, il-livell ta’ osservanza reliġjuża bl-istess mod ivarja matul is-sena reliġjuża. Livell ta’ osservanza ogħla – li l-prattikant jista’ jħoss li huwa xieraq li jimmanifesta f’diversi modi – jista’ għalhekk ikun assoċjat ma’ punti partikolari fis-sena reliġjuża (9), filwaqt li osservanza “minuri” tista’ titqies adegwata għall-istess persuni fi żminijiet oħra (10).

30.      Il-kwistjonjiet li jinqalgħu f’dawn il-konklużjonijiet ma jirrigwardawx il-fidi Iżlamika jew il-membri tas-sess femminili biss. Ix-xedd ta’ lbies reliġjuż ma huwiex limitat għal reliġjon speċifika waħda jew għal ġeneru speċifiku wieħed biss. F’ċerti każijiet, hemm dawk li jistgħu jissejħu regoli assoluti, għalkemm dawn ma japplikawx neċessarjament għas-segwaċi kollha tal-fidi inkwistjoni jew fiċ-ċirkustanzi kollha. F’każijiet oħrajn, jista’ jkun hemm stil wieħed jew iżjed ta’ lbies disponibbli għas-segwaċi, li jistgħu jagħżlu li jilbsuh jew b’mod permanenti (għall-inqas fil-pubbliku) jew fi żminijiet u/jew postijiet li jikkunsidraw xierqa. Għalhekk, bħala eżempju biss, sorijiet fil-fidi Kattolika Rumana u dawk Anglikani kienu tradizzjonalment meħtieġa li jilbsu forma ta’ tonka li tinkorpora għata tar-ras jew velu. F’ċerti ordnijiet, dak l-ilbies distintiv issa jista’ jiġi ssostitwit b’salib żgħir diskret mehmuż b’labra ma’ lbies ċivili ordinarju. Bl-istess mod, huwa magħruf sew l-użu tal-kippah (11) mis-segwaċi rġiel tal-fidi Lhudija. Filwaqt li hemm dibattitu kunsiderevoli dwar jekk hemmx obbligu li r-ras titgħatta l-ħin kollu (pjuttost milli waqt it-talb biss), ħafna membri ortodossi tal-fidi fil-prattika hekk jagħmlu (12). Segwaċi rġiel tal-fidi Sikh huma, ġeneralment, meħtieġa li jilbsu dastar (jew turban) il-ħin kollu u ma jistgħux ineħħuh fil-pubbliku (13).

31.      Barra minn hekk, jista’ jkun hemm varjetà ta’ tipi ta’ lbies reliġjuż disponibbli għas-segwaċi ta’ fidi partikolari. A. Bougnaoui tidher li libset dak li jissejjaħ “ħiġab”, jiġifieri tip ta’ maktur li jgħatti r-ras u l-għonq imma jħalli l-wiċċ mikxuf. Ilbies ieħor li jilbsu n-nisa Misilmin jinkludi n-niqab, velu li jgħatti l-wiċċ kollu u jħalli lill-għajnejn barra biss, il-burqa, li tgħatti l-ġisem kollu inkluża xibka fina li tgħatti l-wiċċ, u ċ-“ċadar” jew “ċador” jew “abaya”, velu iswed li jgħatti l-ġisem kollu mir-ras sal-għekiesi u jħalli l-wiċċ mikxuf. (14)

32.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tip ta’ lbies għar-ras u għall-ġisem li nisa segwaċi tal-fidi Iżlamika jistgħu jagħżlu li jilbsu, nosserva li bħall-fidi l-oħra kważi kollha, hemm fehmiet differenti fir-reliġjon Iżlamika dwar ir-regoli preċiżi li s-segwaċi għandhom josservaw. Mhux dawk il-fehmiet kollha jimponu rekwiżit f’dan ir-rigward. Xi wħud minnhom jgħidu li n-nisa huma liberi li ma jilbsu l-ebda tip ta’ għata tar-ras jew tip ta’ lbies għall-ġisem. Oħrajn jeżiġu li jintlibes f’kull ħin min-nisa meta jkunu fil-pubbliku. Ċerti nisa Misilmin jadottaw approċċ ta’ għażla jekk jilbsux ilbies reliġjuż, b’dan ikun jiddependi mill-kuntest (15).

33.      Il-kwistjonijiet ma humiex limitati esklużivament għax-xedd ta’ lbies reliġjuż. L-użu ta’ sinjali reliġjużi wkoll qajjem kontroversja u huwa ċar li dawn jistgħu jvarjaw kemm fid-daqs kif ukoll fis-sinjifikat. Pereżempju, il-Qorti ta’ Strasbourg ibbażat parti mir-raġunament tagħha fis-sentenza tagħha fil-kawża Eweida fuq il-fatt li s-salib milbus minn N. Eweida kien “diskret” (16). Jidher li s-salib inkwistjoni kien żgħir ħafna, imqabbad ma’ ġiżirana madwar għonqha. Għalhekk jista’ jitqies, relattivament, għalkemm ovvjament mhux għalkollox, li bilkemm jidher. Segwaċi oħra tal-fidi Nisranija jistgħu jagħżlu li jilbsu slaleb ferm ikbar, li jkunu twal diversi ċentimetri. Iżda kultant jista’ ma jkunx raġonevoli li wieħed jistenna li l-persuna kkonċernata tagħmel għażla “diskreta”. Għalhekk, huwa diffiċli tikkonċepixxi kif raġel Sikh jista’ jkun diskret jew ma tantx jidher fl-osservanza tiegħu tar-rekwiżit li jilbes dastar (17). Jew jilbes it-turban li tgħidlu r-reliġjon tiegħu jew le.

 L-Istati Membri

34.      Fis-sentenza tagħha fil-kawża Leyla Şahin vs It-Turkija, il-Qorti ta’ Strasbourg osservat li “ma huwiex possibbli li wieħed jara ġewwa l-Ewropa kunċett uniformi tas-sinjifikat tar-reliġjon fis-soċjetà […] u t-tifsira jew l-impatt tal-espressjoni pubblika ta’ twemmin reliġjuż ikunu differenti skont iż-żmien u l-kuntest” (18). Ma hemm xejn x’jissuġġerixxi li l-pożizzjoni nbidlet fl-10 snin li għaddew minn meta ngħatat dik is-sentenza.

35.      Fir-rigward tat-tixrid tat-twemmin reliġjuż ġewwa l-Istati Membri, ir-rapporti ta’ stħarriġ mitlub mill-Kummissjoni Ewropea fl-2012 (19) sabu li l-perċentwali medja ta’ dawk li jgħidu li għandhom twemmin Nisrani ġewwa l-Unjoni Ewropea kien ta’ 74 %. Iżda l-figuri għad-diversi Stati Membri varja ħafna. Għall-Ċipru, il-figura kienet ta’ 99 %, segwit mill-qrib mir-Rumanija bi 98 %, il-Greċja b’97 %, Malta b’96 %, il-Portugall bi 93 % u l-Polonja u l-Irlanda bi 92 %. B’kuntrast, il-perċentwali l-iktar baxxi ġew irreġistrati fl-Estonja b’45 % u r-Repubblika Ċeka b’34 %. Minn dawk irreġistrati bħala segwaċi tal-fidi Iżlamika, l-ogħla perċentwali kienet fil-Bulgarija bi 11 % u wara l-Belġju b’5 %. Il-figura għal 16-il Stat Membru kienet ta’ 0 %. Minn dawk li qalu li huma atei jew anjostiċi, l-ogħla livell kien fir-Repubblika Ċeka, b’20 % u 39 % rispettivament, filwaqt li 41 % tal-popolazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidraw lilhom innifishom bħala anjostiċi. Għal Ċipru u r-Romanija, il-figura kienet ta’ 0 % f’kull każ. Fir-rigward tad-diskriminazzjoni kif ipperċepita abbażi tar-reliġjon jew twemmin ġewwa l-Istati Membri, ir-rapport jgħid li 51 % tal-Ewropej ġeneralment ħasbu li hija rari jew ineżistenti filwaqt li 39 % kkunsidraw li kienet mifruxa sew. Id-diskriminazzjoni għal dawk ir-raġunijiet kienet ikkunsidrata bħala l-iktar mifruxa fi Franza (66 %) u l-Belġju (60 %), filwaqt li l-figuri ekwivalenti għar-Repubblika Ċeka u l-Latvja kienu ta’ 10 %.

36.      Il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza tal-Istati Membri dwar ix-xedd ta’ lbies reliġjuż f’kuntest ta’ impjieg juru wkoll li hemm grad għoli ta’ varjetà (20).

37.      Minn naħa, ċerti Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni li timponi projbizzjonijiet assoluti fuq ix-xedd ta’ ċerti tipi ta’ lbies fil-pubbliku b’mod ġenerali. Għalhekk, kemm Franza (21) kif ukoll il-Belġju (22) ppromulgaw liġijiet li jipprojbixxu x-xedd ta’ lbies maħsub biex jgħattu l-wiċċ f’postijiet pubbliċi. Filwaqt li dawn il-liġijiet ma humiex immirati speċifikament għas-settur tal-impjieg, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa tant wiesa’ li inevitabbilment jistgħu jirrestrinġu l-possibbiltà ta’ ċerti persuni (fosthom nisa Misilmin li jagħżlu li jilbsu l-burqa jew in-niqab) li jkollhom aċċess għas-suq tal-impjiegi.

38.      Rilevanti wkoll f’dak il-kuntest huma l-prinċipji ta’ laïcité u ta’ neutralité (23), li għal darba oħra huma partikolarment rilevanti fi Franza u fil-Belġju. Huwa abbażi ta’ dawn il-prinċipji li l-impjegati tas-settur pubbliku Franċiż huma pprojbiti milli jilbsu sinjali jew ilbies reliġjuż fil-post tax-xogħol (24). Uffiċjali tas-servizz pubbliku ġewwa l-Belġju huma meħtieġa strettament ukoll li josservaw il-prinċipju ta’ newtralità (25).

39.      Stati Membri oħrajn jagħtu libertà ikbar lill-impjegati tagħhom fis-servizz pubbliku. Għalhekk fil-Ġermanja, il-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali) reċentement iddeċidiet li projbizzjoni milli jintlibsu sinjali reliġjużi fuq il-post tax-xogħol ibbażata fuq ir-riskju, fl-astratt, ta’ indeboliment tan-newtralità tal-Istat fis-settur tal-edukazzjoni pubblika tmur kontra l-libertà tal-fidi u li tingħata prijorità lill-valuri Ġudeo-Insara tammonta għal diskriminazzjoni diretta li ma hijiex iġġustifikata. Huwa biss fejn l-apparenza esterna tal-għalliema tal-iskola tista’ toħloq jew tikkontribwixxi għal riskju speċifiku biżżejjed ta’ indeboliment tan-newtralità tal-Istat jew ta’ koeżistenza paċifika fi ħdan sistema tal-iskola li projbizzjoni bħal dik tista’ tkun iġġustifikata (26). Fi Stati Membri oħrajn ukoll, ma hemmx restrizzjonijiet bħala prinċipju fuq ix-xedd ta’ sinjali jew ilbies reliġjużi minn uffiċjali pubbliċi. Pereżempju dan huwa l-każ fid-Danimarka, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit (27). Għandi nżid ngħid li f’kull wieħed minn dawn l-Istati Membri l-liġi ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn ir-regoli legali li japplikaw għall-impjegati fis-settur pubbliku u dawk fis-settur privat.

40.      Fir-rigward tal-impjiegi fis-settur privat, għal darba oħra hemm varjazzjonijiet kbar fost l-Istati Membri. Nenfasizza li donnu hemm nuqqas ġenerali ta’ restrizzjonijiet rilevanti f’dan il-qasam. Għalhekk, dawk li se nirreferi għalihom iktar ’il quddiem jirrappreżentaw iktar l-eċċezzjoni milli r-regola.

41.      Fi Franza, il-qorti plenarja (assemblée plénière) tal-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) Franċiża kienet mitluba, f’kawża reċenti li kienet tinvolvi crèche tas-settur privat f’żona żvantaġġata fid-dipartiment ta’ Yvelines, tikkunsidra l-kodiċi ta’ lbies tal-persuna li timpjega li kien jipprojbixxi lill-impjegati milli jilbsu sinjali reliġjużi bħala parti minn ħwejjiġhom. Id-deputat direttur kienet kisret dan il-kodiċi billi rrifjutat li tneħħi l-velu Iżlamiku tagħha u tkeċċiet. Il-qorti nazzjonali ddeċidiet, wara li tqiesu b’mod partikolari l-Artikoli L. 1121‑1 u L. 1321‑3 tal-kodiċi tax-xogħol, li restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-impjegati li jimmanifestaw it-twemmin reliġjuż tagħhom għandhom ikunu iġġustifikati min-natura tax-xogħol li jsir u jkunu proporzjonati mal-għan li jrid jintlaħaq. Għal din ir-raġuni, impriżi privati ma jistgħux jistabbilixxu restrizzjonijiet ġenerali u impreċiżi fuq libertà fundamentali fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom. Madankollu, restrizzjonijiet li huma preċiżi biżżejjed, iġġustifikati min-natura tax-xogħol magħmul u proporzjonati mal-għan imfittex jistgħu jkunu legali. F’dan ir-rigward, il-qorti osservat li l-impriża kellha biss 18-il impjegat u dawk l-impjegati kienu jew setgħu kienu f’kuntatt ma’ tfal żgħar u l-ġenituri tagħhom. Fuq din il-bażi, hija kkonfermat din ir-restrizzjoni filwaqt li nnutat fl-istess ħin li ma kienx isegwi mis-sentenza tagħha li l-prinċipju ta’ sekulariżmu tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni, kien japplika għall-impjieg fis-settur privat li ma jinvolvix il-ġestjoni ta’ servizz pubbliku (28).

42.      Filwaqt li l-prinċipju ta’ laïcité ġeneralment ma japplikax għar-relazzjonijiet ta’ impjieg fis-settur privat fi Franża, jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet fuq ix-xedd ta’ lbies reliġjuż, l-ewwel nett, għal raġunijiet ta’ saħħa, sigurtà jew iġjene sabiex jiġi protett l-individwu (29). It-tieni nett, jista’ jkun hemm ġustifikazzjoni meta l-funzjonament korrett tal-impriża jkun jeħtieġ hekk. Għalhekk (i) impjegat ma jistax jirrifjuta li wettaq ċerti kompiti mniżżlin b’mod ċar fil-kuntratt tiegħu ta’ impjieg u magħrufin mill-bidu tar-relazzjoni (30), (ii) huwa neċessarju li jiġi evitat żbilanċ mhux aċċettabbli bejn id-drittijiet tal-impjegati li jeżerċitaw il-libertà ta’ reliġjon tagħhom u l-interessi tal-impriża tal-persuna li timpjega kif ukoll bejn l-impjegati inġenerali f’termini, pereżempju, ta’ leave mogħti għal btajjel reliġjużi (31) u (iii) relazzjonijiet mal-klijenti jistgħu jservu bħala bażi għal restrizzjoni, imma biss fejn jista’ jiġi stabbilit dannu għall-impriża; sempliċi biża’ li dan jista’ jkun il-każ ma jkunx biżżejjed (32).

43.      Fil-Ġermanja impjegat jista’, bħala prinċipju, jiġi pprojbit milli jilbes sinjali reliġjużi fuq il-post tax-xogħol, jew taħt ftehim kollettiv jew skont is-setgħa ta’ ġestjoni ta’ persuna li timpjega. Madankollu, dan jista’ jsir biss eċċezzjonalment (33). B’kuntrast, fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-College voor de Rechten van de Mens (istitut għad-drittijiet tal-bniedem) iddeċieda li regola jew istruzzjoni li tipprojbixxi espressament l-ilbies ta’ sinjal reliġjuż għandha titqies li hija diskriminazzjoni diretta (34).

44.      F’numru ta’ Stati Membri oħrajn, ġew aċċettati ċerti restrizzjonijiet fuq ix-xedd ta’ lbies u sinjali reliġjużi minn impjegati fis-settur privat għal raġunijiet ta’ (i) saħħa u sigurtà (35) u (ii) l-interessi tal-impriża tal-persuna li timpjega (36).

 Il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg

45.      Il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet li l-libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, kif sanċita fl-Artikolu 9 tal-KEDB, tirrappreżenta wieħed mill-“pedamenti ta’ soċjetà demokratika” fis-sens tal-KEDB (37) u li l-libertà ta’ reliġjon tfisser, inter alia, il-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu, waħdu u fil-privat, jew f’komunità ma’ oħrajn, u fil-pubbliku (38). Hija kkunsidrat li jkun hemm indħil f’dan id-dritt fejn il-miżura inkwistjoni tikkonsisti f’projbizzjoni fuq l-ilbies ta’ velu Iżlamiku (39).

46.      Ta’ importanza primarja fil-ġurisprudenza tagħha li hija rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet huma (i) id-deroga mid-dritt ġenerali tal-libertà ta’ reliġjon stabbilita fl-Artikolu 9(2) tal-KEDB u (ii) l-Artikolu 14 tal-KEDB, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal numru ta’ raġunijiet, inkluża r-reliġjon.

47.      Ħafna minn din il-ġurisprudenza kienet tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali dwar ix-xedd ta’ lbies Iżlamiku. F’dawk il-kawżi, wara li stabbilixxiet li kien hemm indħil fid-dritt ġenerali stabbilit fl-Artikolu 9(1), il-Qorti ta’ Strasbourg tkompli tikkunsidra jekk il-miżura kinitx “neċessarja f’soċjetà demokratika” għall-finijiet tal-Artikolu 9(2). Meta tagħmel hekk, hija tiddetermina jekk il-miżuri meħudin fuq livell nazzjonali kinux iġġustifikati bħala prinċipju, jiġifieri, jekk ir-raġunijiet miġjubin biex jiġġustifikawhom jidhrux “rilevanti u suffiċjenti” u humiex proporzjonati mal-għan leġittimu segwit. Biex tkun tista’ tiddeċiedi fuq l-aħħar punt, għandha tiżen il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn kontra l-aġir allegat fil-konfront tar-rikorrent (40). Billi, għar-raġunijiet li se nispjega fil-punt 81 iktar ’il quddiem, ma għandix ħsieb nesplora f’xi dettall f’dawn il-konklużjonijiet il-miżuri adottati mill-Istat, sejra nsemmi fil-qosor biss il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg f’dan il-qasam. Madankollu ta’ min isemmi wħud mill-kawżi fejn dik il-qorti kkonstatat li t-test ta’ x’inhu “proporzjonat mal-għan leġittimu segwit” kien issodisfatt.

48.      Għaldaqstant, il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet, inter alia:

–        li l-projbizzjoni imposta fuq għalliema ta’ tfal “ta’ età tenera” fis-settur tal-edukazzjoni tal-Istat milli tilbes velu Iżlamiku meta tkun qed tgħallem kienet iġġustifikata bħala prinċipju u proporzjonata mal-għan mistqarr ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn, tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika; kienet għalhekk “neċessarja f’soċjetà demokratika” (41);

–        li prinċipji simili kienu japplikaw għall-projbizzjoni fuq għata tar-ras (f’dan il-każ velu Iżlamiku) impost fuq professur assoċjat universitarju li kienet uffiċjal pubbliku (42) u għal projbizzjoni simili imposta fuq għalliema ta’ affarijiet reliġjużi fi skola sekondarja tas-settur pubbliku (43);

–        li projbizzjoni fuq ix-xedd ta’ lbies reliġjuż (f’dan il-każ velu Iżlamiku) imposta fuq ħaddiema soċjali impjegata fl-unità tas-servizzi psikjatriċi ta’ sptar tas-settur pubbliku bl-istess mod ma kinitx tikser l-Artikolu 9 tal-KEDB (44).

49.      Bl-aħħar waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet għall-ewwel darba fir-rigward ta’ projbizzjoni imposta fuq impjegati tas-settur pubbliku ’l barra mill-qasam tal-edukazzjoni. Hija ddeċidiet f’dak il-kuntest li kien hemm rabta bejn in-newtralità tas-servizz ta’ sptar pubbliku u l-attitudni tal-impjegati tiegħu fejn kien meħtieġ li l-pazjenti ma għandhomx ikollhom dubju dwar dik l-imparzjalità. L-Istat kontraenti ma kienx qabeż il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu skont l-Artikolu 9(2) tal-KEDB (45).

50.      F’kuntest differenti, dik il-qorti ddeċidiet li l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà ta’ infermieri u pazjenti fi sptar tas-settur pubbliku kienet tikkostitwixxi għan leġittimu. L-evalwazzjoni tar-rekwiżit għall-protezzjoni ta’ dak it-tip ġewwa sala tal-isptar kienet qasam fejn l-awtoritajiet domestiċi għandhom jingħataw marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Restrizzjoni fuq l-ilbies ta’ salib (Nisrani) u katina li kien “kemm viżibbli kif ukoll aċċessibbli” imposta fuq infermiera li taħdem f’sala ġeriatrika fi sptar psikjatriku ma kinitx sproporzjonata u għalhekk kienet neċessarja f’soċjetà demokratika (46).

51.      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ projbizzjoni assoluta fuq ix-xedd f’postijiet pubbliċi ta’ lbies maħsub biex jgħatti l-wiċċ, li imponiet il-leġiżlazzjoni Franċiża, il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet, meta kkunsidrat il-kwistjoni tan-neċessità fir-rigward tas-sigurtà pubblika fis-sens, inter alia, tal-Artikolu 9 tal-KEDB, li tali projbizzjoni setgħet titqies li kienet proporzjonata fir-rigward tal-għan leġittimu ta’ sigurtà pubblika biss fejn kien hemmt heddida ġenerali għal dan l-għan (47).

52.      Fil-qasam tal-impjieg fis-settur privat, bħalissa hemm biss sentenza waħda tal-Qorti ta’ Strasbourg li hija direttament rilevanti fil-kuntest tax-xedd ta’ lbies reliġjuż, jiġifieri Eweida et vs Ir-Renju Unit (48). Il-kwistjoni quddiem dik il-qorti fil-każ ta’ N. Eweida kienet tirrigwarda l-ilbies bil-miftuħ ta’ salib, deskritt bħala “diskret”, bi ksur (dak iż-żmien) tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħha, li riedu jipproġettaw ċerta immaġni korporattiva. Il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet li din ir-restrizzjoni kienet tikkostitwixxi indħil fid-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 9(1) tal-KEDB (49). Fid-determinazjoni jekk il-miżura inkwistjoni kinitx iġġustifikata bħala prinċipju u proporzjonata, għandu jkun hemm bilanċ ġust bejn l-interessi li jikkompetu tal-individwu u tal-komunità inġenerali, bla ħsara fi kwalunkwe każ għall-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdi l-Istat (50). Ix-xewqa tal-persuna li timpjega li tipproġetta l-immaġni korporattiva tiegħu kienet waħda leġittima imma kien meħtieġ li tiġi bbilanċjata max-xewqa ta’ N. Eweida li timmanifesta t-twemmin reliġjuż tagħha. Billi s-salib tagħha kien diskret, ma setax inaqqas mid-dehra professjonali tagħha. Il-persuna li timpjegaha kienet awtorizzat preċedentement ix-xedd ta’ oġġetti oħra ta’ lbies reliġjuż bħal turbani u ħiġab minn membri oħra tal-persunal tagħha u l-kumpannija kienet sussegwentement emendat il-kodiċi ta’ lbies tagħha sabiex jiġi permess l-ilbies viżibbli ta’ ġojjelli simboliċi reliġjużi. Billi ma kien hemm l-ebda prova ta’ inġerenza reali fl-interessi ta’ oħrajn, l-awtoritajiet domestiċi – f’dan il-każ il-qrati nazzjonali li kienu ċaħdu r-rikorsi ta’ N. Eweida – kienu naqqsu milli jipproteġu d-dritt tagħha li timmanifesta r-reliġjon tagħha, bi ksur tal-obbligu pożittiv skont l-Artikolu 9 tal-KEDB (51).

53.      Fir-rigward tal-funzjoni tal-ilbies Iżlamiku u r-rwol li għandu fil-ħajja tan-nisa li jilbsuh, nieqaf għal mument biex nosserva li donnu hemm bidla fl-approċċ tal-Qorti ta’ Strasbourg bejn il-ġurisprudenza bikrija tagħha u s-sentenzi iktar reċenti tagħha (52). Fis-sentenza Dahlab vs L-Isvizzera (53), pereżempju, hija osservat li “l-ilbies ta’ velu jista’ jkollu xi forma ta’ effett ta’ proselitiżmu billi jidher li huwa impost fuq in-nisa b’regola li hija stabbilita fil-Koran u li […] diffiċli tirrikonċiljah mal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn is-sessi. Għalhekk jidher li huwa diffiċli li l-ilbies tal-velu Iżlamiku jiġi rrikonċiljat mal-messaġġ ta’ tolleranza, rispett għal ħaddieħor u, fuq kollox, ugwaljanza u nondiskriminazzjoni li l-għalliema kollha f’soċjetà demokratika għandhom jgħaddu lill-istudenti tagħhom” (54).

54.      B’kuntrast ma’ dan, fis-sentenza tagħha S.A.S. vs Franza (55), dik il-Qorti ċaħdet l-argumenti li ressaq il-Gvern Franċiż dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi b’dan il-mod:

“119. […] Il-Qorti hija tal-fehma, madankollu, li Stat Parti ma jistax jinvoka l-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex tipprojbixxi prattika li hija difiża minn nisa – bħar-rikorrenti – fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet sanċiti fit-[tieni paragrafu tal-Artikoli 8 u 9 tal-KEDB], sakemm wieħed ma jifhimx b’hekk li individwi jistgħu jkunu protetti fuq dik il-bażi mill-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tagħhom stess […]

120. […] hu kemm hu essenzjali, ir-rispett għad-dinjità umana ma jistax jiġġustifika leġittimament projbizzjoni assoluta fuq l-ilbies tal-velu mal-wiċċ kollu f’postijiet pubbliċi. Il-Qorti hija konxja li l-oġġett tal-ilbies inkwistjoni jarawh bħala stramb ħafna minn dawk li josservawh. Madankollu, għandu jiġi osservat li dik hija espressjoni ta’ identità kulturali li tikkontribwixxi għall-pluraliżmu li huwa inerenti f’demokrazija […]”

55.      Il-qasam l-ieħor li dwaru ninnota bidla fl-enfasi jinvolvi l-libertà li għandhom impjegati li jitilqu minn posthom u, għalhekk, li jsibu impjieg x’imkien ieħor. F’deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dan ġie kkunsidrat bħala “l-garanzija aħħarija tad-dritt għal-libertà ta’ reliġjon [tal-impjegat]” (56). Iktar reċenti, il-Qorti ta’ Strasbourg innifisha ħadet pożizzjoni differenti, billi ddeċidiet li “minħabba l-importanza f’soċjetà demokratika tal-libertà ta’ reliġjon, il-Qorti tikkunsidra li, meta individwu jilmenta dwar restrizzjoni fuq il-libertà ta’ reliġjon fuq il-post tax-xogħol, iktar milli jiġi deċiż li l-possibbiltà li jinbidel l-impjieg ixejjen kull indħil fid-dritt, l-aħjar approċċ ikun li dik il-possibbiltà tiġi evalwata fil-bilanċ globali meta jiġi kkunsidrat jekk ir-restrizzjoni kinitx proporzjonata jew le” (57).

56.      Fir-rigward ta’ ksur allegat tal-Artikolu 14 tal-KEDB, il-Qorti ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma għandha l-ebda eżistenza indipendenti, billi għandha effett biss fir-rigward tad-drittijiet u tal-libertajiet issalvagwardati minn dispożizzjonijiet sostantivi oħrajn tal-KEDB u tal-Protokolli tagħha (58). Fis-sentenza Eweida et vs Ir-Renju Unit (59), hija ddeċidiet fir-rigward ta’ N. Eweida li, billi kkonstatat li kien hemm ksur tal-Artikolu 9, ma kienx hemm bżonn li l-ilment tagħha jiġi eżaminat skont l-Artikolu 14 separatament (60). Fir-rigward tat-tieni rikorrenti f’dik il-kawża, qalet li l-fatturi li għandhom jiġu bbilanċjati meta ssir evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura skont l-Artikolu 14 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 9 ikunu simili u li għalhekk ma kienx hemm bażi biex jiġi kkonstatat ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija l-ewwel fid-dawl tal-fatt li ma kienx ġie kkonstatat ksur tal-Artikolu 9 (61).

57.      Filwaqt li l-għan wara l-Protokoll Nru 12 tal-KEDB huwa li jipprovdi protezzjoni mtejba fir-rigward tad-diskriminazzjoni, ir-rilevanza tiegħu sal-ġurnata tal-lum kienet limitata ħafna. B’mod partikolari, disa’ Stati Membri biss irratifikawh sal-lum (62) u kien hemm biss ġurisprudenza minima tal-Qorti tas-Strasbourg dwaru (63).

 Id-differenzi bejn approċċ ibbażat fuq ir-restrizzjonijiet u approċċ ibbażat fuq id-diskriminazzjoni

58.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Micropole enfasizzat dak li tipperċepixxi bħala kuntrast fundamentali f’dan il-qasam tad-dritt bejn ir-restrizzjoni għal dritt u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa differenti u tal-ewwel hija senjatament ferm iktar flessibbli minn tal-aħħar. Hija tosserva li għandha ssir distinzjoni bejniethom.

59.      Dan huwa punt importanti li jimmerita li jiġi eżaminat mill-qrib.

60.      Fil-fatt huwa veru li l-approċċ primarju tal-Qorti ta’ Strasbourg fl-applikazzjoni tal-KEDB kien l-adozzjoni ta’ dak li nista’ nsejjaħlu l-approċċ ibbażat fuq ir-restrizzjonijiet b’riferiment għall-Artikolu 9. Kif semmejt fil-punt 56 iktar ’il fuq, ir-rwol li għandu l-Artikolu 14 huwa wieħed anċillari. Billi l-Karta għandha effett vinkolanti fid-dritt tal-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jista’ jiġi antiċipat li l-Qorti tal-Ġustizzja issa tadotta l-istess approċċ fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti skont dak id-dokument, jiġifieri l-Artikoli 10 u 21.

61.      Jidhirli li dik il-fehma hija sempliċistika wisq.

62.      Id-Direttiva 2000/78 timponi sensiela ta’ projbizzjonijiet ibbażati fuq id-diskriminazzjoni. Billi tagħmel hekk, hija ssegwi l-approċċ adottat f’dak li issa huwa d-dritt tal-Unjoni mill-bidu tiegħu (64). Fil-kuntest tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandu jitqies li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li ngħata espressjoni speċifika fid-Direttiva fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol (65). L-istess għandu japplika fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon jew tat-twemmin.

63.      Madankollu, fl-istess ħin, hemm differenza fundamentali fl-analiżi intellettwali wara ż-żewġ approċċi. Huwa veru li l-pożizzjoni tista’ essenzjalment tkun l-istess fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni indiretta, billi d-derogi permessi taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jeħtieġu li jkun hemm għan leġittimu li jkun proporzjonat, biex b’hekk tiġi riflessa l-pożizzjoni skont il-KEDB. Imma fil-kuntest tad-diskriminazzjoni diretta, il-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni hija iktar qawwija. Hawnhekk, indħil fi dritt mogħti taħt il-KEDB għad dejjem jista’ jkun iġġustifikat għar-raġuni li għandu għan leġittimu u huwa proporzjonat. Min-naħa l-oħra, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, id-derogi huma permessi biss sa fejn il-miżura inkwistjoni speċifikament tipprovdi għalihom (66).

64.      Din id-differenza fl-approċċ jidhirli li hija waħda leġittima għalkollox: l-Artikolu 52(3) tal-Karta jispeċifika li d-dritt tal-Unjoni jista’ jipprovdi protezzjoni iktar estensiva minn dik li tagħti l-KEDB.

65.      Nosserva f’dan l-istadju li huwa ċar li r-regoli dwar id-diskriminazzjoni indiretta jistgħu jkunu ferm iktar flessibbli minn dawk li jirrigwardaw id-diskriminazzjoni diretta. Wieħed jista’ joġġezzjona li l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni għall-aħħar kategorija hija riġida bla bżonn u li xi ftit “fużjoni” taż-żewġ kategoriji tkun xierqa.

66.      Ma naħsibx li dan huwa l-każ.

67.      Id-distinzjoni bejn iż-żewġ klassijiet ta’ diskriminazzjoni hija element fundamentali ta’ dan il-qasam tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi ma hemmx raġuni biex din titwarrab, bit-telf inevitabbli taċ-ċertezza legali li dan iġib miegħu. Peress li d-distinzjoni hija ċara, persuna li timpjega tiġi mġiegħla taħseb b’attenzjoni dwar ir-regoli preċiżi li tixtieq tistabbilixxi fir-regolamenti tal-post tax-xogħol. Meta tagħmel hekk, għandha tikkunsidra kif jixraq il-limiti li tixtieq toħloq u l-applikazzjoni tagħhom għall-persunal tagħha.

 Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fid-dritt tal-Unjoni

68.      Meta t-Trattat ta’ Ruma ġie adottat oriġinarjament, l-unika dispożizzjoni sostantiva taħt it-Titolu dwar il-Politika Soċjali tiegħu kienet l-Artikolu 119, li stabbilixxa r-rekwiżit espress għall-Istati Membri li jiżguraw ugwaljanza fir-remunerazzjoni mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Il-bqija tad-dispożizzjonijiet f’dak it-titolu kienu limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni u ftit taw drittijiet diretti liċ-ċittadini. L-affarijiet inbidlu kunsiderevolment fl-Unjoni Ewropea minn dak iż-żmien.

69.      Fl-istadju bikri, il-protezzjoni żviluppat b’mod sinjifikattiv fir-rigward tal-impjieg, bl-adozzjoni tad-Direttiva 75/117 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u n-nisa (67), segwita mid-Direttiva 76/207 dwar it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet tal-impjieg (68) u s-sentenza ewlenija tal-Qorti tal-Ġustizzja Defrenne (Nru 2) (69). Bħala riżultat, kien hemm projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, flimkien (bis-saħħa tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja) ma’ distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta.

70.      L-adozzjoni tal-Artikolu 13 KE (issa, wara emenda, l-Artikolu 19 TFUE) wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam fl-1 ta’ Mejju 1999 pprovdiet setgħat imsaħħa għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentament sesswali. Din id-dispożizzjoni tat-Trattat serviet bħala l-bażi tad-Direttiva 2000/43 fuq id-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ oriġini tar-razza jew etniċità (70) u tad-Direttiva 2000/78 (71). Kull waħda minn dawn id-direttivi tadotta l-istess struttura: hemm projbizzjoni assoluta ta’ diskriminazzjoni diretta, bla ħsara biss għal derogi speċifiċi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni, flimkien mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta, li madankollu tista’ tiġi ġġustifikata fejn il-miżura inkwistjoni tkun oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u l-mezzi biex dak l-għan jintlaħaq ikunu xierqa u neċessarji (72).

71.      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Coleman (73), l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro osserva li l-ugwaljanza hija waħda mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħu, il-valuri wara l-ugwaljanza huma dawk tad-dinjità tal-bniedem u tal-awtonomija personali. Sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit tad-dinjità tal-bniedem, għandu jkun hemm, bħala minimu, rikonoxximent tal-valur ugwali ta’ kull individwu. Min-naħa tagħha, l-awtonomija personali tiddetta li, fi kliemu, “l-individwi għandhom ikunu f’pożizzjoni li jfasslu u jmexxi l-kors ta’ ħajjithom permezz ta’ serje ta’ għażliet minn fost għażliet differenti ta’ valur”. Karatteristiċi bħat-twemmin reliġjuż, l-età, id-diżabbiltà u l-orjentament sesswali ma għandhomx ikollhom rwol fi kwalunkwe evalwazzjoni dwar jekk huwiex sewwa li xi ħadd jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli (74). Huwa żied jgħid:

“11.      Bl-istess mod, impenn favur l-awtonomija jfisser li persuni m’għandhomx jiġu mċaħħda minn għażliet ta’ valur f’oqsma ta’ importanza fundamentali għal ħajjithom bill issir referenza għal kategoriji li jagħtu lok għal suspett. L-aċċess għall-impjieg u l-iżvilupp professjonali għandhom sinjifikat fundamentali għal kull individwu, mhux sempliċement bħala mezz ta’ kif wieħed jaqla’ l-għajxien tiegħu imma wkoll bħala mod importanti ta’ kif wieħed jirrealizza lilu nnifsu u l-potenzjal li għandu. Persuna li tiddiskrimina kontra individwu li jappartjeni għal kategorija li tagħti lok għal suspett tkun qed iċaħħdu minn għażliet ta’ valur. Konsegwentement, il-kapaċità ta’ dan l-individwu li jmexxi ħajja awtonoma tiġi serjament kompromessa peress li aspett importanti tal-ħajja tiegħu ma jiġix iffurmat bl-għażliet tiegħu stess imma bil-preġudizzju ta’ xi ħaddieħor. Meta persuni li jappartjenu għal dawn il-gruppi jiġu ttrattati inqas tajjeb minħabba l-karatteristika tagħhom, min jiddiskrimina jżommhom milli jeżerċitaw l-awtonomija tagħhom. F’din is-sitwazzjoni, huwa ġust u raġonevoli li tintervjeni l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. Essenzjalment, bil-fatt li nagħtu valur lill-ugwaljanza u nikkomettu ruħna biex titwettaq l-ugwaljanza permezz tal-liġi, inkunu qed nimmiraw li nsostnu l-kundizzjonijiet għal ħajja awtonoma għal kull persuna.”

72.      Jiena naqbel kompletament ma’ dawn l-osservazzjonijiet. Dawn jenfasizzaw li d-diskriminazzjoni għandha kemm impatt finanzjarju (għaliex tista’ taffettwa l-kapaċità ta’ persuna li taqla’ l-għixien fis-suq tal-impjiegi) kif ukoll impatt morali (għaliex tista’ taffettwa l-awtonomija ta’ dik il-persuna). Inżid ngħid li leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni għandha, bl-istess mod bħal kull leġiżlazzjoni oħra, tiġi applikata b’mod li huwa effettiv. Għandha tiġi applikata wkoll skont prinċipji stabbiliti.

 Il-proselitiżmu u l-aġir fuq il-post tax-xogħol

73.      Meta persuna li timpjega tikkonkludi kuntratt ta’ impjieg ma’ impjegat ma tkunx qed tixtrilu ruħu. Madankollu tkun qed tixtri ħinu. Għal din ir-raġuni, jiena nagħmel distinzjoni netta bejn il-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu – li l-portata u l-limitazzjoni possibbli tagħha fil-kuntest tal-impjieg qegħdin fil-qalba tal-proċeduri fil-qorti nazzjonali – u l-proselitiżmu f’isem ir-reliġjon tal-persuna inkwistjoni. Ir-rikonċiljazzjoni bejn l-ewwel libertà u d-dritt ta’ persuna li timpjega li tmexxi l-impriża tagħha sejra, kif ser nuri, teħtieġ ibbilanċjar delikat bejn żewġ drittijiet f’kompetizzjoni ma’ xulxin. L-aħħar prattika msemmija, fil-fehma tiegħi, sempliċement ma għandha l-ebda post fil-kuntest tax-xogħol. Għaldaqstant huwa leġittimu għall-persuna li timpjega li timponi jew tinforza regoli li jipprojbixxu l-proselitiżmu, kemm sabiex jiġi żgurat li l-ħin tax-xogħol li ħallset għalih jintuża għall-impriża tiegħu kif ukoll sabiex ikun hemm kundizzjonijiet tax-xogħol armonjużi għall-persunal tagħha (75). Nagħmilha ċara li jiena nqis li x-xedd ta’ lbies distintiv huwa bħala parti mill-osservanza reliġjuża ta’ persuna jaqa’ b’mod ċar taħt l-ewwel kategorija u mhux it-tieni waħda.

74.      Bl-istess mod nagħmel distinzjoni ċara bejn regoli adottati b’mod leġittimu minn impriża li jispeċifikaw ċerti forom ta’ mġiba mixtieqa (“f’kull ħin, aġixxi b’kortesija mal-klijenti”) jew li ma humiex permessi (“meta tkun qed tirrappreżenta l-kumpannija tagħna f’laqgħat mal-klijenti, tpejjipx, tomgħodx chewing gum u tixrobx alkoħol”); u regoli li jolqtu d-drittijiet personali ta’ kategorija partikolari ta’ impjegati fuq il-bażi ta’ karatterisitika pprojbita (kemm jekk hija reliġjon jew kategorija oħra identifikata mil-leġiżlatur bħala bażi mhux permissibbli għad-diskriminazzjoni). Ma hemmx għalfejn li tiġi elaborata iktar in-natura insidjuża tal-argument, “peress li l-impjegata X tagħna tilbes velu Iżlamiku” (jew kippah, jew dastar) (jew l-impjegat huwa iswed, omosesswali jew mara) “isegwi li huwa/hija ma j/tistax iġib/iġġib ruħu/ha sew mal-klijenti tagħna”.

 Ugwaljanza bejn is-sessi

75.      Xi wħud jaraw l-ilbies ta’ velu bħala dikjarazzjoni femminista, billi jirrappreżenta d-dritt ta’ mara li tasserixxi l-għażla tagħha u l-libertà reliġjuża li tkun Musulmana li tixtieq timmanifesta l-fidi tagħha b’dak il-mod. Oħrajn iqisu l-velu bħala simbolu ta’ oppressjoni tan-nisa. Iż-żewġ fehmiet jistgħu jsibu, mingħajr dubju, appoġġ f’każijiet individwali u f’kuntesti partikolari (76). Fil-fehma tiegħi, dak li ma għandhiex tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tiddeċiedi li, peress li jista’ jkun hemm xi okkażjonijiet fejn l-ilbies tal-velu għandu jew jista’ jitqies li huwa oppressiv, dan dejjem huwa hekk f’kull każ. Pjuttost nippreferi l-adozzjoni tal-attitudini tal-qorti ta’ Strasbourg iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq; il-kwistjoni tinftiehem l-aħjar bħala espressjoni ta’ libertà kulturali u reliġjuża.

 Evalwazzjoni

 Il-portata tad-domanda magħmula

76.      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed titlob gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għal xewqa (li fl-aħħar mill-aħħar, mid-dehra, wasslet għat-tkeċċija tal-impjegata) li esprima klijent lil persuna li timpjega fis-sens li s-servizzi tal-persuna li timpjega ma jibqgħux jiġu pprovduti lilu minn impjegata li tilbes il-velu Iżlamiku. Hija tistaqsi jekk din ix-xewqa tistax “tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba n-natura tal-attivitajiet professjonali partikolari kkonċernati jew tal-kuntest li fihom jitwettqu.

77.      Iqumu numru ta’ kwistjonijiet mill-kliem ta’ din id-domanda u mill-isfond tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

78.      L-ewwel nett, filwaqt li l-qorti tar-rinviju tuża l-kelma “velu” fid-domanda tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’postijiet oħra fid-digriet tar-rinviju titkellem dwar “maktur mar-ras” (77). B’risposta għal mistoqsijiet li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta, ħareġ ċar li ż-żewġ termini għandhom jinftiehmu bħala sinonimi. L-oġġett ta’ lbies inkwistjoni kien jikkonsisti f’għata tar-ras li ħalliet il-wiċċ kompletament mikxuf. Jiena se nuża t-terminu “velu” għall-finijiet ta’ konsistenza u ċarezza.

79.      It-tieni nett, filwaqt li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78 jagħmilha ċara li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jestendi kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat, ma hemmx dubju li jista’ jkun hemm differenzi, f’xi każijiet sostanzjali, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali relatati ma’ dawn is-setturi (78). Kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll fis-sottomissjonijiet orali tiegħu, il-Gvern Franċiż għamel enfasi kbira fuq is-separazzjoni riġida li teżisti fis-settur pubbliku ta’ dan l-Istat Membru b’riżultat tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ laïcité. Peress li l-każ preżenti jinvolvi fil-verità relazzjoni ta’ impjieg fis-settur privat, jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrestrinġi r-risposta tagħha għal dak il-qasam biss. Fi kliem ieħor, ma għandhiex tindirizza kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ħaddiema fis-settur pubbliku.

80.      Għalkemm il-Gvern Franċiż ma aċċettax fis-seduta li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 jestendi għas-settur pubbliku, baqa’ jinsisti dwar in-natura suprema tar-regoli fuq il-laïcité f’dak il-qasam, fehma li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu huwa bbaża primarjament fuq l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE.

81.      Naċċetta li jistgħu jinqalgħu argumenti kumplessi dwar l-interrelazzjoni preċiża bejn id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet nazzjonali, inklużi dispożizzjonijiet tad-dritt kostituzzjonali f’dan il-kuntest. Meta ngħid hekk nixtieq nagħmilha ċara li jiena la naċċetta u lanqas niċħad il-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż fir-rigward tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ laïcité għall-impjieg fis-settur pubbliku fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78. Il-partijiet l-oħrajn li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ma indirizzawx din il-kwistjoni u għalhekk ma kienx hemm diskussjoni ddettaljata fuq il-kwistjonijiet li jinqalgħu jew jistgħu jinqalgħu. Għalhekk ser nirrestrinġi l-osservazzjonijiet tiegħi iktar ’il quddiem għas-settur privat biss.

82.      It-tielet nett, id-digriet tar-rinviju jipprovdi biss informazzjoni limitata dwar l-isfond fattwali tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant huwa diffiċli li jiġi vverifikat b’ċertezza l-kuntest preċiż li fih saret id-domanda mill-qorti tar-rinviju. Ser niġi lura għal dan il-punt iktar ’il quddiem (79).

 Kien hemm diskriminazzjoni illegali fil-kawża prinċipali?

83.      Il-punt ta’ tluq ta’ kwalunkwe analiżi tad-domanda jekk kienx hemm diskriminazzjoni illegali fil-kawża prinċipali għandu jkun l-ittra tat-tkeċċija. Madankollu, ma huwiex ċar mill-ittra preċiżament x’kienu l-kundizzjonijiet tal-projbizzjoni li applikaw għal A. Bougnaoui. Mitluba tikkummenta dwar dan il-punt waqt is-seduta, il-pożizzjoni ta’ A. Bougnaoui kienet li kienet tapplika għall-ilbies tal-velu Iżlamiku meta tkun f’kuntatt mal-klijenti tal-impriża tal-persuna li timpjega. Micropole qalet li kien hemm projbizzjoni ġenerali fuq ix-xedd ta’ sinjali reliġjużi (inkluż, nassumi, ilbies) meta wieħed imur fil-postijiet ta’ dawn il-klijenti. Din il-projbizzjoni kienet tapplika għar-reliġjonijiet u twemmin kollha.

84.      Hi x’inhi l-pożizzjoni vera, jidher ċar, madankollu, li t-tkeċċija ta’ A. Bougnaoui kienet marbuta ma’ dispożizzjoni fil-kodiċi ta’ lbies tal-persuna li timpjegaha li imponiet projbizzjoni bbażata fuq ix-xedd ta’ lbies reliġjuż.

85.      Madankollu jista’ jiġi osservat li din t-tkeċċija ma kinitx fil-fatt implementata għar-raġuni tar-reliġjon tagħha (jiġifieri, il-fatt li kienet tħaddan il-fidi Iżlamika) imma minħabba l-manifestazzjoni tagħha ta’ dik ir-reliġjon (jiġifieri, il-fatt li libset velu). Il-projbizzjoni stabbilita fid-Direttiva 2000/78 testendi mhux biss għar-reliġjon jew għat-twemmin ta’ impjegat imma anki għal manifestazzjonijiet ta’ dik ir-reliġjon jew dak it-twemmin?

86.      Fil-fehma tiegħi, iva.

87.      Huwa veru li d-Direttiva ma tagħmilx riferiment speċifiku għall-kwistjoni tal-manifestazzjoni. Madankollu, qari tal-Artikolu 9 tal-KEDB u tal-Artikolu 10 tal-Karta juri li f’kull każ, id-dritt għall-manifestazzjoni tar-reliġjon jew tat-twemmin ta’ persuna għandu jinftiehem bħala parti intrinsika mil-libertà li huma jistabbilixxu. Għalhekk, kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, wara li tistabbilixxi d-dritt għal-libertà ta’ reliġjon, tkompli tgħid li din il-libertà “tinkludi” d-dritt li tiġi mmanifestata. Għalhekk ma nikkonkludi xejn mill-fatt li d-Direttiva ma tgħid xejn fuq dan il-punt (80). Biex nagħti eżempju wieħed biss: kieku l-pożizzjoni kienet mod ieħor, raġel Sikh, li skont ir-reliġjon tiegħu għandu jilbes turban, ikollu l-benefiċċju tal-ebda dritt fir-rigward tal-manifestazzjoni partikolari tiegħu ta’ twemminu u għalhekk jirriskja li jiġi mċaħħad mill-protezzjoni stess li d-Direttiva tfittex li tipprovdi.

88.      Fuq din il-bażi, jidher li huwa impossibbli li jiġi konkluż mod ieħor ħlief li A. Bougnaoui ġiet ittrattata b’mod inqas favorevoli minħabba r-reliġjon tagħha mill-mod kif kien jiġi ttrattat ħaddieħor f’sitwazzjoni paragunabbli. Inġinier ta’ proġetti li jaħdem ma’ Micropole li ma kienx għażel li jimmanifesta t-twemmin reliġjuż tiegħu billi jxedd ilbies partikolari ma kienx jitkeċċa (81). Għalhekk it-tkeċċija ta’ A. Bougnaoui kienet tammonta għal diskriminazzjoni diretta kontriha fuq il-bażi tar-reliġjon jew tat-twemmin tagħha għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

89.      Konsegwentement, it-tkeċċija kienet tkun legali biss kieku kellha tapplika waħda mid-derogi stabbiliti f’din id-direttiva. Billi l-qorti nazzjonali fformulat id-domanda b’riferiment għall-Artikolu 4(1), se nibda billi nikkunsidra din id-dispożizzjoni.

 L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78

90.      L-Artikolu 4 huwa intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol [Rekwiżiti professjonali]”. Fejn il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 jiġu ssodisfatti, titneħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva differenza fit-trattament li altrimenti tkun tammonta għal diskriminazzjoni. Dan huwa l-każ kemm jekk id-diskriminazzjoni li tirriżulta mid-differenza fit-trattament tkun diretta kif ukoll jekk tkun indiretta. Issa ser ngħaddi għal dawn il-kundizzjonijiet.

91.      L-ewwel nett, l-Artikolu 4 ma japplikax awtomatikament. Stat Membru l-ewwel ikun irid “jipprovdi” għalih biex jagħmel hekk (82). Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 1133‑1 tal-kodiċi tax-xogħol fid-digriet tar-rinviju tagħha mingħajr ma speċifikament tgħid li din hija d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li hija intiża li tagħti effett lill-Artikolu 4(1). Madankollu, qiegħda nassumi li dan huwa l-każ.

92.      It-tieni nett, Stat Membru jista’ jipprovdi li differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni biss meta dik id-differenza fit-trattament hija “bbażata fuq karatteristika” relatata ma’ kwalunkwe raġuni msemmija fl-Artikolu 1. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet “li ma hijiex ir-raġuni li fuqha hija bbażata d-differenza ta’ trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ din ir-raġuni li għandha tikkostitwixxi ħtieġa essenzjali u determinanti tax-xogħol” (83).

93.      Fil-każ preżenti, l-ittra li tterminat l-impjieg ta’ A. Bougnaoui tgħid li kienet tkeċċiet minħabba n-nuqqas jew ir-rifjut allegat tagħha li tikkonforma ruħha mar-regoli stabbiliti mill-persuna li timpjegaha fir-rigward tal-ilbies ta’ għata tar-ras reliġjuża meta kienet f’kuntatt mal-klijenti. Billi l-ilbies tal-velu Iżlamiku huwa (jew tal-inqas għandu jiġi aċċettat bħala li huwa) manifestazzjoni ta’ twemmin reliġjuż (84), regola li tipprojbixxi l-ilbies ta’ tali għata tar-ras tista’ tikkostitwixxi b’mod ċar “karatterisitika marbuta ma’” reliġjon jew twemmin. Dan ir-rekwiżit ukoll għandu jitqies li huwa ssodisfatt.

94.      It-tielet nett, il-karatteristika inkwistjoni għandha tikkostitwixxi “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti]” minħabba n-natura tal-attivitajiet professjonali partikolari kkonċernati jew il-kuntest li fih jitwettqu. Barra minn hekk, l-għan għandu jkun leġittimu u r-rekwiżit għandu jkun proporzjonat.

95.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(1) għandu jiġi interpretat b’mod strett (85). Fil-fatt, fid-dawl tad-dikjarazzjoni fil-premessa 23 tad-Direttiva li d-deroga għandha tapplika biss f’“ċirkostanzi limitati ħafna”, huwa estremament diffiċli li l-pożizzjoni tiġi pperċepita b’mod differenti. Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi applikat b’mod li huwa speċifiku (86). Ma jistax jintuża biex jiġġustifika eċċezzjoni assoluta għall-attivitajiet kollha li impjegat partikolari jista’ potenzjalment ikun qed iwettaq.

96.      In-natura limitata tad-deroga hija riflessa fil-kliem tal-Artikolu 4(1). Mhux biss ir-rekwiżit tax-xogħol għandu jkun “ġenwin”, imma għandu jkun ukoll “determinanti”. Dan ifisser, kif fil-fehma tiegħi josserva ġustament il-Gvern Svediż, li din id-deroga għandha tkun limitata għal kwistjonijiet li huma assolutament meħtieġa sabiex tkun tista’ ssir l-attività professjonali inkwisjtoni.

97.      Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni fil-kuntest tad-diskriminazzjoni minħabba l-età, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li rekwiżit ibbażat fuq l-età dwar li wieħed ikollu karatterisitiċi fiżiċi għoljin jista’ jissodisfa dan it-test meta applikat għal persuni fis-servizz tat-tifi tan-nar li l-attivitajiet tagħhom huma kkaratterizzati min-natura fiżika tagħhom u jinkludu t-tifi tan-nar u s-salvataġġ ta’ persuni (87). Iddeċidiet ukoll li dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt fil-każ ta’ kundizzjoni relatata mal-età għall-irtirar ta’ bdoti tal-linji tal-ajru, fuq il-bażi li ma jistax jiġi miċħud li l-kapaċitajiet fiżiċi jonqsu bl-età u li d-difetti fiżiċi f’dik il-professjoni jista’ jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi (88). Bl-istess mod, hija aċċettat li l-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari jistgħu jissodisfaw it-test fil-kuntest ta’ rekwiżit ibbażat fuq l-età għad-dħul f’postijiet ta’ uffiċjal tal-puliżija, għar-raġuni li kompiti marbuta mal-protezzjoni ta’ persuni u ta’ proprjetà, l-arrest u d-detenzjoni ta’ persuni li jwettqu reati u t-twettiq ta’ rondi għall-prevenzjoni ta’ reati jistgħu jeħtieġu l-użu ta’ forza fiżika (89).

98.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li teżamina deroga analoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fuq il-bażi tas-sess li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207 (90) fil-kuntest tad-diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi ta’ sess u servizz fil-forzi armati. Il-konklużjonijiet differenti dwar l-applikabbiltà tad-deroga fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva (91) li waslet għalihom fis-sentenza Sirdar (92) u (inqas minn tliet xhur wara) fi Kreil (93) jikkonfermaw l-importanza li jiġi eżaminati mill-qrib l-argument li karatterisitika partikolari hija essenzjali għat-twettiq ta’ impjieg partikolari. Juru wkoll li wieħed għandu jħares kemm lejn l-attività kif ukoll lejn il-kuntest (iktar milli lejn l-attività jew lejn il-kuntest f’iżolament) sabiex jiġi ddeterminat jekk karatteristika partikolari hijiex verament essenzjali (jew, biex nuża l-kliem tad-Direttiva 2000/78, hijiex “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti]”).

99.      Fir-rigward tal-projbizzjoni dwar id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon jew tat-twemmin, l-applikazzjoni ovvja tad-deroga tkun fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fix-xogħol. Għalhekk, pereżempju, ikun possibbli li, għal dawn ir-raġunijiet, impjegat Sikh raġel li jkun insista għal raġunijiet reliġjużi li jilbes turban, jiġi eskluż milli jaħdem f’post li jkun jeħtieġ l-ilbies ta’ protezzjoni għar-ras. L-istess jista’ japplika għal mara Musulmana li taħdem fuq makkinarju potenzjalment perikoluż ġewwa fabbrika u jekk tilbes ilbies partikolari dan jista’ jagħti lok għal tħassib serju għal raġunijiet ta’ saħħa. Filwaqt li ma nixtieqx ngħid li ma hemmx ċirkustanzi oħra fejn il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 4(1), diffiċli nara x’jistgħu jkunu.

100. Imma ma nista’ nara l-ebda bażi li fuqha r-raġunijiet li Micropole tidher li qed tressaq fl-ittra tat-tkeċċija biex tkeċċi lil A. Bougnaoui, jiġifieri l-interess kummerċjali tal-impriża tagħha fir-relazzjonijiet tagħha mal-klijenti tagħha, jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-deroga tal-Artikolu 4(1). Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li diskriminazzjoni diretta (li jiena nikkunsidra li din hekk kienet) ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi ta’ telf finanzjarju li jista’ jiġi kkawżat lill-persuna li timpjega (94). It-tieni nett, filwaqt li wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (95) huwa l-libertà tal-intrapriża u issa huwa sanċit fl-Artikolu 16 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-libertà ma hijiex “dritt assolut, iżda għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-rwol tiegħu fis-soċjetà […] Għaldaqstant, jistgħu jiġu stabbiliti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt sakemm, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn ikun[u] previsti mil-liġi u jkunu, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor” (96). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tas-salvagwardja tal-libertà fundamentali li tiġi rċevuta informazzjoni u tal-libertà u tal-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni ggarantiti mill-Artikolu 11 tal-Karta, li l-leġiżlatura tal-Unjoni kienet intitolata tadotta regoli li jillimitaw l-libertà tal-intrapriża, u li tingħata prijorità, fl-ibbilanċjar neċessarju tad-drittijiet u tal-interessi inkwistjoni, lill-aċċess pubbliku għall-informazzjoni fuq il-libertà kuntrattwali impliċita fil-libertà tal-intrapriża (97).

101. L-istess raġunament għandu japplika hawnhekk fir-rigward tad-dritt li wieħed ma jiġix iddiskriminat. Jekk xejn, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) bil-mod propost minn Micropole tirriskja li “tinnormalizza” d-deroga stabbilita minn din id-dispożizzjoni. Dan ma jistax ikun korrett. Kif indikajt diġà (98), huwa intiż li d-deroga għandha tapplika biss fl-iktar ċirkustanzi limitati.

102. Għalhekk ma nara l-ebda bażi li fuqha jista’ jingħad li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 japplika għall-attivitajiet imwettqa minn A. Bougnaoui bħala impjegata ta’ Micropole. Ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju jew x’imkien ieħor fl-informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li għaliex kienet tilbes il-velu Iżlamiku, hija b’xi mod ma setgħetx taqdi dmirijietha bħala inġinier ta’ proġetti – fil-fatt, l-ittra ta’ tkeċċija tirreferi espressament għall-kompetenza professjonali tagħha. Irrispettivament minn x’kienu t-termini preċiżi tal-projbizzjoni li japplikaw għaliha, ir-rekwiżit li ma tilbisx velu meta tkun f’kuntatt mal-klijenti tal-persuna li timpjegaha ma setax fil-fehma tiegħi jikkostitwixxi “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti]”.

 Id-derogi li fadal fir-rigward tad-diskriminazzjoni diretta

103. Qabel ma nikkonkludi l-analiżi tiegħi tad-diskriminazzjoni diretta, jiena ser nikkunsidra d-derogi li fadal li jistgħu japplikaw għal dan it-tip ta’ diskriminazzjoni skont id-Direttiva 2000/78.

104. L-ewwel waħda hija l-Artikolu 2(5). Din id-dispożizzjoni ma hijiex tas-soltu billi l-ekwivalenti tagħha ma tinstabx f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni (99). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija intiża li tipprevjeni u tarbitra kunflitt bejn, minn naħa, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġu żgurati l-ordni pubbliku, is-sigurtà u s-saħħa, il-prevenzjoni ta’ reati kriminali u l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet individwali, li huma neċessarji għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika. Hija ddeċidiet ukoll li peress li din hija deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, hija għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (100).

105. Id-deroga tal-Artikolu 2(5) ma tistax tapplika għall-kawża prinċipali. L-ewwel nett, ma hemm xejn x’jissuġġerixxi li ġiet adottata leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti biex tagħti effett lil din id-deroga. It-tieni nett, anki kieku kien hemm, ma nistax nara kif tista’ tkun ta’ għajnuna biex tiġġustifika diskriminazzjoni tat-tip inkwistjoni. Jiena nirrespinġi l-idea li projbizzjoni għall-impjegati milli jilbsu ilbies reliġjuż meta jkunu f’kuntatt ma’ klijenti tal-impriża tal-persuna li timpjegahom tista’ tkun neċessarja għall-“protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet individwali, li huma neċessarji għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika” (101). Sa fejn tali argument huwa rilevanti għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettu r-regoli dwar id-diskriminazzjoni indiretta (102) u mhux f’dik tad-deroga stabbilita mill-Artikolu 2(5).

106. It-tieni waħda hija l-eċċezzjoni stabbilita mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78. Din id-dispożizzjoni tapplika għal “attivitajiet tax-xogħol [professjonali] fi knejjes u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħrajn li l-ethos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin”. Il-premessa 24 tad-Direttiva turi li kienet intiża biex tagħti effett lid-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-istatus ta’ knejjes u organizzazzjonijiet nonkonfessjonali (103). Fid-dawl tal-attivitajiet ta’ Micropole, id-deroga ma tistax tapplika f’dan il-każ.

107. Iż-żewġ dispożizzjonijiet li fadal li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva. L-ewwel waħda tirreferi għal ċerti ġustifikazzjonijiet ta’ differenzi fit-trattament għar-raġunijiet ta’ età u t-tieni waħda għal miżuri miżmuma jew adottati mill-Istati Membri għall-prevenzjoni jew għall-kumpens għall-iżvantaġġi marbuta ma’ xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1. B’mod ċar dawn ma humiex rilevanti għall-każ preżenti.

108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li regola stabbilita fir-regolamenti tal-post tax-xogħol ta’ impriża li tipprojbixxi lill-impjegati tal-impriża milli jilbsu sinjali jew ilbies reliġjużi meta jkunu f’kuntatt mal-klijenti tal-impriża tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, li għaliha la japplika l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 u lanqas ma tapplika xi waħda mid-derogi l-oħra mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin li tistabbilixxi din id-direttiva. Dan huwa a fortiori l-każ jekk ir-regola inkwistjoni tapplika biss għall-ilbies tal-velu Iżlamiku.

 Diskriminazzjoni indiretta

109. Minn naħa, jista’ jingħad li l-konklużjonijiet li għadni kif esponejt huma biżżejjed biex jirrispondu d-domanda tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, huwa possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi li jiena adottajt. Jiena indikajt ukoll id-diffikultajiet li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddetermina l-portata preċiża tat-tilwima fil-kawża prinċipali (104). Jista’ jkun li parti f’dik il-kawża tippreżenta fatti supplimentari lill-qorti nazzjonali li jistgħu jissuġġerixxu li d-diskriminazzjoni inkwistjoni hija indiretta jew li l-partijiet huma f’sitwazzjoni legali differenti. Għal din ir-raġuni, ser nindirizza l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni indiretta u nikkunsidra l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 għall-kawża prinċipali. Madankollu, ser nagħmel hekk fil-qosor biss.

110. Fl-analiżi tad-diskriminazzjoni indiretta li ġejja, jiena ser nassumi li teżisti regola (ipotetika) ta’ kumpannija li timponi kodiċi ta’ lbies newtrali għalkollox fuq l-impjegati kollha. Għalhekk, huwa pprojbit kull oġġett ta’ lbies li bi kwalunkwe mod jirrifletti l-individwalità ta’ min jilbsu. Skont tali kodiċi ta’ lbies, is-simboli u l-oġġetti ta’ lbies reliġjużi kollha huma (evidentement) ipprojbiti – imma dan jgħodd ukoll għall-ilbies ta’ qmis ta’ partitarju tal-Barċellona FC jew ingravata li turi li dak li jkun mar f’kulleġġ partikolari ta’ Cambridge jew Oxford. Dawk li jiksru r-regola jitfakkru li hemm il-kodiċi tal-kumpannija u jitwissew li l-konformità mal-kodiċi ta’ lbies newtrali hija obbligatorja għall-impjegati kollha. Jekk jippersistu f’aġir li jikser dak il-kodiċi jitkeċċew. Ir-regola li hija fformulata hawnhekk hija apparentement newtrali. Ma tiddiskriminax b’mod manifest kontra dawk li l-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom jeħtiġuhom li jilbsu lbies partikolari. Madankollu tiddiskrimina indirettament kontrihom. Jekk iridu jibqgħu fidili lejn il-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom, ma jkollhomx għażla ħlief li jiksru r-regola u jsofru l-konsegwenzi.

111. L-Artikolu 2(2)(b)(i) jgħid li rekwiżit li altrimenti jkun diskriminatorju u għalhekk illegali jista’ madankollu jkun permess meta d-dispożizzjoni, il-kriterju jew il-prattika rilevanti jkunu oġġettivament iġġustifikati minn għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dan il-għan ikunu xierqa u neċessarji.

 Għan leġittimu

112. Id-Direttiva 2008/78 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ għan leġittimu għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(b)(i). Madankollu huwa ċar li l-leġittimità ta’ għan tista’ ssib l-bażi tagħha fil-politika soċjali, partikolarment jekk din il-politika hija riflessa speċifikament fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Għalhekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jispeċifika, bħala għanijiet li huma leġittimi, “politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali”, li kull wieħed minnhom jista’ jsib is-sors tiegħu fl-Artikolu 3(3) TUE (105).

113. F’kuntest usa’ jidhirli li huwa wkoll għan leġittimu li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn – b’hekk, pereżempju, sabiex tingħata protezzjoni lil dawk li jistgħu jkunu mentalment impressjonabbli, bħal tfal f’età tenera u dawk fost l-anzjani li ma jkunux fil-pussess sħiħ tal-fakultajiet mentali tagħhom u li għalhekk jistgħu jkunu assimilati mal-ewwel kategorija (106).

114. Imbagħad jidhrli li fejn jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ għan leġittimu stabbilit mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, pereżempju fil-każ ta’ projbizzjoni bbażata fuq kwistjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà, jiġi ssodisfatt ukoll it-test ta’ “skop leġittimu” stabbilit fl-Artikolu 2(2)(b)(i) (107). It-testijiet f’dan ir-rigward ikunu l-istess.

115. Jiena nikkunsidra wkoll li l-interess tal-impriża tal-persuna li timpjega jikkostitwixxi għan leġittimu u li ma huwiex l-għan tal-leġiżlazzjoni li tostakola din il-libertà iktar milli huwa xieraq u neċessarju (108).

116. Jidhirli li dan l-aspett huwa partikolarment rilevanti fl-oqsma li ġejjin:

–        il-persuna li timpjega tista’ tixtieq tipproġetta immaġni partikolari lill-klijenti tagħha jew lil dawk li jordnaw mingħandha; għalhekk, jidhirli li politika li teħtieġ li impjegati jilbsu uniformi jew stil partikolari ta’ lbies jew iżommu apparenza esterna “eleganti” taqa’ taħt il-kunċett ta’ għan leġittimu (109);

–        l-istess jista’ japplika wkoll għal regoli fuq il-ħinijiet tax-xogħol; dmir li wieħed ikun disponibbli biex jaħdem sigħat flessibbli, inklużi sigħat sfavorevoli mil-lat soċjali, meta r-rekwiżiti tax-xogħol jitolbu hekk, huwa fil-fehma tiegħi leġittimu (110);

–        miżuri meħudin minn persuna li timpjega sabiex tinżamm l-armonija fost il-ħaddiema għall-ġid tal-impriża tagħha inġenerali.

117. Madankollu, diġà semmejt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-libertà tal-intrapriża ma hijiex prinċipju assolut imma tista’ tkun suġġetta għal limitazzjonijiet bil-kundizzjoni, inter alia, li dawn għandhom ikunu stabbiliti mil-liġi (111). Fil-każ preżenti, huwa ċar li l-limitazzjonijiet imposti mid-dritt għal-ugwaljanza fit-trattament f’termini ta’ libertà mid-diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, huma preskritti mil-liġi. Dawn huma espressament previsti fid-Direttiva 2000/78.

118. Hawnhekk nenfasizza li, għal xi ħadd li huwa membru prattikanti ta’ fidi, l-identità reliġjuża hija parti integrali mill-esseri stess ta’ dik il-persuna. Ir-rekwiżiti tal-fidi ta’ persuna – id-dixxiplina tagħha u r-regoli li tistabbilixxi għall-kondotta f’ħajjitha – ma humiex elementi li għandhom jiġu applikati meta l-persuna ma tkunx ix-xogħol (pereżempju, filgħaxijiet u matul tmiem il-ġimgħa għal min jaħdem f’uffiċċju) imma li jistgħu jitwarrbu edukatament matul il-ħinijiet tax-xogħol. Naturalment, skont ir-regoli tar-reliġjon inkwistjoni u l-livell ta’ osservanza ta’ individwu partikolari, element partikolari jista’ ma jkunx obbligatorju għal dak l-individwu u għalhekk jista’ jkun negozjabbli. Imma jkun għalkollox ħażin li wieħed jassumi li, filwaqt li s-sess jew il-kulur tal-ġilda jakkumpanjaw il-persuna kullimkien, b’xi mod ir-reliġjon tagħha dan ma tagħmlux (112).

119. Dawn il-proċeduri jippreżentaw preċiżament eżempju klassiku ta’ sitwazzjoni bħal din. Żewġ drittijiet protetti ‐ id-dritt li persuna jkollha r-reliġjon tagħha u li timmanifestaha u l-libertà tal-intrapriża ‐ huma potenzjalment f’kunflitt ma’ xulxin. Għandha tinstab xi forma ta’ kompromess sabiex it-tnejn ikunu jistgħu jeżistu flimkien b’mod armonjuż u bbilanċjat. Fuq dan il-punt issa ser neżamina l-kwistjoni tal-proporzjonalità.

 Proporzjonalità

120. L-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li l-mezzi biex jintlaħqu l-għanijiet wara l-miżura inkwistjoni għandhom ikunu wkoll xierqa u neċessarji. Fi kliem ieħor dawn il-mezzi għandhom ikunu proporzjonati.

121. Fl-analiżi tagħha tal-proporzjonalità għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78 fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Ingeniørforeningen i Danmark (113), l-Avukat Ġenerali Kokott osservat li l-prinċipju ta’ proporzjonalità kien jeħtieġ li “l-atti adottati, għalkemm approprjati u neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi, ma għandhomx jikkaġunaw inkonvenjenzi li jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-iskopijiet ikkontemplati”. Hemm bżonn li jinstab “[…] bilanċ ġust bejn l-interessi differenti inkwistjoni”. Jien naqbel bis-sħiħ ma’ dan.

122. F’dan il-kuntest, jidhirli li l-punt tat-tluq għal kwalunkwe analiżi għandu jkun li impjegat ikollu, bħala prinċipju, id-dritt li jilbes ħwejjeġ reliġjużi jew sinjal reliġjuż imma li l-persuna li timpjega għandha wkoll, jew jista’ jkollha, id-dritt li timponi restrizzjonijiet (114).

123. Għalhekk, jidhirli li meta impriża jkollha politika li teħtieġ li l-impjegati tagħha jilbsu uniformi, ma jkunx irraġonevoli li l-impjegati jkunu meħtieġa li jagħmlu dak kollu li jkun possibbli biex josservawha. Għalhekk, persuna li timpjega tista’ tistipula li dawk l-impjegati li jilbsu velu Iżlamiku għandhom jadottaw il-kulur ta’ dik l-uniformi meta jagħżlu l-velu tagħhom (jew, fil-fatt, tipproponi verżjoni tal-uniformi ta’ dan il-velu) (115).

124. Bl-istess mod, meta jkun possibbli għal impjegat li jilbes simbolu reliġjuż diskretament, kif, pereżempju, kien il-każ ta’ N. Eweida fis-sentenza tal-Qorti ta’ Strasbourg (116), jista’ jkun proporzjonat li l-individwu jintalab li jagħmel hekk.

125. X’inhu proporzjonat jista’ jvarja skont id-daqs tal-impriża kkonċernata. Iktar ma tkun kbira l-impriża, iktar ikun probabbli li jkollha r-riżorsi li jippermettulha tkun flessibbli f’termini ta’ allokazzjoni tal-impjegati tiegħu għall-kompiti meħtieġa minnhom. Għalhekk, persuna li timpjega f’impriża kbira tista’ tkun mistennija li tieħu passi ikbar biex tasal għal kompromess raġonevoli mal-ħaddiema tagħha minn persuna li timpjega f’impriża żgħira jew ta’ daqs medju.

126. Meta forma partikolari ta’ osservanza reliġjuża ma titqiesx li hija essenzjali mis-segwaċi ta’ dik ir-reliġjon, jitnaqqsu l-possibbiltajiet ta’ kunflitt ta’ pożizzjonijiet bħal dak li wassal għall-kawża preżenti. Persuna li timpjega titlob lill-impjegat li joqgħod lura minn prattika partikolari. Għaliex dik il-prattika tkun (relattivament) mhux importanti għall-impjegat, hu jew hi jistgħu jiddeċiedu li jikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba. Il-kunflitt potenzjali jgħib.

127. Imma x’jiġri meta l-prattika inkwistjoni titqies li hija essenzjali mill-impjegat individwali?

128. Diġà indikajt li jista’ jkun hemm drabi meta t-tip ta’ osservanza partikolari li l-impjegat iqis essenzjali għall-prattika tar-reliġjon tiegħu jew tagħha jfisser li ma jkunx jista’ jagħmel xogħol partikolari (117). Iktar ta’ spiss, qed nissuġġerixxi, jiġri li l-persuna li timpjega u l-impjegat ikollhom bżonn jesploraw l-għażliet flimkien sabiex jaslu għal soluzzjoni li takkomoda kemm id-dritt tal-impjegat li jimmanifesta t-twemmin reliġjuż tiegħu kif ukoll id-dritt tal-persuna li timpjega li tmexxi l-impriża tagħha (118). Filwaqt li, fil-fehma tiegħi, l-impjegat ma għandux dritt assolut jinsisti li jkun jista’ jagħmel xogħol partikolari fi ħdan l-organizzazzjoni bil-kundizzjonijiet tiegħu, lanqas ma għandu jingħadlu malajr li għandu jfittex impjieg alternattiv (119). Soluzzjoni li tiġi bejn dawn iż-żewġ pożizzjonijiet x’aktarx li tkun proporzjonata. Billi jiddependi preċiżament fuq xi jkun hemm inkwistjoni, dan jista’ jinvolvi jew le ċerta restrizzjoni fuq il-kapaċità mhux imrażżna tal-impjegat li jimmanifesta r-reliġjon tiegħu; imma dan ma jimminax aspett tal-osservanza reliġjuża li l-impjegat iqis essenzjali (120).

129. Hemm osservazzjoni addizzjonali waħda partikolari li nixtieq nagħmel fir-rigward tal-kwistjoni f’din il-kawża.

130. Is-soċjetà tal-punent tqis li l-kuntatt viżiv jew bl-għajnejn huwa ta’ importanza fundamentali fi kwalunkwe relazzjoni li tinvolvi komunikazzjoni wiċċ imb’wiċċ bejn ir-rappreżentanti ta’ impriża u l-klijenti tagħha. (121) Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li tkun proporzjonata regola li timponi projbizzjoni fuq ix-xedd ta’ lbies reliġjuż li jgħatti l-għajnejn u l-wiċċ għalkollox filwaqt li jsir xogħol li jinvolvi kuntatt bħal dan mal-klijenti. L-ibbilanċjar tal-interessi jiffavorixxi lill-persuna li timpjega. Għall-kuntrarju, meta l-impjegat inkwistjoni jintalab jaħdem fi rwol li ma jinvolvi l-ebda kuntatt viżiv jew bl-għajnejn mal-klijenti, pereżempju f’call centre, il-ġustifikazzjoni tal-istess regola tgħib. Il-bilanċ jiffavorixxi lill-impjegat. U meta l-impjegat ikun irid jilbes biss xi forma ta’ għata tar-ras li jħalli l-wiċċ u l-għajnejn liberi għalkollox, ma nara l-ebda ġustifikazzjoni għall-projbizzjoni tal-ilbies ta’ din l-għata tar-ras.

131. Kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub u f’dawk orali, Micropole għamlet enfasi kbira fuq il-fatt li l-proporzjon tal-ħin tax-xogħol ta’ A. Bouganoui li matulu kienet f’kuntatt mal-klijenti u għalhekk ipprojbita milli tilbes velu Iżlamiku ma kienx ta’ iktar minn 5 %. Fuq din il-bażi, hija ssostni li r-restrizzjoni kienet proporzjonata. Għalija argument bħal dan jinjora l-qofol tal-kwistjoni. L-ammont ta’ ħin li matulu tista’ tapplika projbizzjoni jista’ ma jkollu l-ebda relazzjoni mar-raġuni tal-impjegat biex jipprova jilbes l-għata tar-ras inkwistjoni. Il-konvinzjoni reliġjuża ta’ A. Bouganoui dwar x’jikkostitwixxi lbies xieraq għaliha nnifisha bħala mara Musulmana prattikanti hija li għandha tilbes velu Iżlamiku (il-ħiġab) meta tkun ix-xogħol. Jekk din hija l-pożizzjoni meta tkun fl-ambjent ta’ kuljum familjari tal-impriża tal-persuna li timpjegaha, huwa raġonevoli li wieħed jissupponi li din hija a fortiori l-pożizzjoni meta ma tkunx f’dak l-ambjent u tkun f’kuntatt ma’ partijiet esterni għall-impriża tal-persuna li timpjegaha.

132. Filwaqt li, fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni hija waħda li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti nazzjonali li għandha r-responsabbiltà biex tasal għal deċiżjoni finali fuq il-kwistjoni u filwaqt li jista’ jkun hemm kwistjonijiet oħrajn li huma rilevanti għal kwalunkwe diskussjoni fuq il-proporzjonalità li dwarha din il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx informata, jiena nikkunsidra li huwa improbabbli li argument ibbażat fuq il-proporzjonalità tal-projbizzjoni imposta skont ir-regolamenti tal-post tax-xogħol ta’ Micropole ‐ kemm jekk il-projbizzjoni kienet tinvolvi x-xedd ta’ sinjali jew ilbies reliġjużi b’mod ġenerali jew inkella l-velu Iżlamiku biss ‐ jirnexxi fil-kawża prinċipali.

133. L-osservazzjoni finali tiegħi hija din. Jidhirli li fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet ikun possibbli, fuq il-bażi ta’ diskussjoni raġonevoli bejn il-persuna li timpjega u l-impjegat, li jintlaħaq kompromess li jirrikonċilja b’mod adegwat id-drittijiet li jikkompetu tal-impjegat li jimmanifesta r-reliġjon tiegħu jew tagħha u tal-persuna li timpjega li tmexxi l-impriża tagħha. Madankollu, okkażjonalment dan jista’ ma jkunx possibbli. Fl-aħħar mill-aħħar, l-interess tal-impriża li tiġġenera l-ikbar profitt għandu mbagħad iċedi quddiem id-dritt tal-impjegat individwali li jimmanifesta l-konvinzjonijiet reliġjużi tiegħu. Hawnhekk, niġbed l-attenzjoni għall-insidjożità tal-argument “imma għandna bżonn li nagħmlu X għaliex inkella l-klijenti tagħna ma jiħdux pjaċir”. Fejn l-attitudni tal-klijent tista’ fiha nnifisha tkun indikattiva ta’ preġudizzju bbażat fuq wieħed mill-“fatturi projbiti”, bħar-reliġjon, jidhirli li huwa partikolarment perikoluż li l-persuna li timpjega tiġi skużata milli tikkonforma ruħha ma’ rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament sabiex tkun tista’ tbaxxi rasha għal dak il-preġudizzju. Id-Direttiva 2000/78 hija intiża li tagħti protezzjoni fl-impjieg kontra trattament ħażin (jiġifieri, diskriminazzjoni) fuq il-bażi ta’ wieħed mill-fatturi projbiti. Ma hijiex kwistjoni li wieħed jitlef l-impjieg tiegħu sabiex jgħin biex jitjiebu l-profitti tal-persuna li timpjega.

134. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nikkonkludi li fejn ikun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikonoxxi li l-interessi tal-impriża tal-persuna li timpjega jikkostitwixxu għan leġittimu għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, tali diskriminazzjoni tkun iġġustifikata biss jekk tkun proporzjonata għal dan l-għan.

 Konklużjoni

135. Għalhekk, jiena nipproponi li, b’risposta għad-domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi lill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza) kif ġej:

(1)      Regola stabbilita fir-regolamenti tal-post tax-xogħol ta’ impriża li tipprojbixxi lill-impjegati tal-impriża milli jilbsu sinjali jew ilbies reliġjużi meta jkunu f’kuntatt mal-klijenti tal-impriża tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, li għaliha la japplika l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol u lanqas ma tapplika xi waħda mid-derogi l-oħra mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin li tistabbilixxi din id-direttiva. Dan huwa a fortiori l-każ jekk ir-regola inkwistjoni tapplika biss għall-ilbies tal-velu Iżlamiku.

(2)      Fejn ikun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikonoxxi li l-interessi tal-impriża tal-persuna li timpjega jikkostitwixxu għan leġittimu għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, tali diskriminazzjoni tkun iġġustifikata biss jekk tkun proporzjonata għal dan l-għan.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


3 – Talba għal deċiżjoni preliminari bbażata fuq fatti simili (imma mhux identiċi) tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Hof van Cassatie (qorti tal-kassazzjoni, il-Belġju) fil-Kawża C‑157/15 Achbita (li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja). Id-domanda li għamlet dik il-qorti hija differenti billi essenzjalment tirrigwarda d-differenza bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(a) u (2)(b) tad-Direttiva 2000/78. Il-kollega tiegħi, l-Avukat Ġenerali Kokott, tat il-konklużjonijiet tagħha f’dik il-kawża fil-31 ta’ Mejju 2016.


4 –      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. L-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-KEDB, imma l-Unjoni Ewropea għadha ma aderixxietx bħala tali; ara l-Opinjoni 2/13, EU:C:2014:2454.


5 –      Il-protokoll infetaħ għall-firma fl-4 ta’ Novembru 2000. Mill-Istati Membri tal-Unjoni, sa issa ġie ffirmat mill-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. Huma biss il-Kroazja, Ċipru, il-Finlandja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja li rratifikawh sa issa.


6 – ĠU 2010 C 83, p. 389.


7 –      Ma huwiex ċar għaliex l-ittra ta’ tkeċċija użat din id-data, billi jidher li hemm qbil bejn il-partijiet li l-impjieg ta’ A. Bougnaoui ma’ Micropole beda fil-15 ta’ Lulju 2008. Ma nagħti l-ebda importanza lil dan il-punt, tal-inqas għal dak li għandu x’jaqsam ma’ dawn il-konklużjonijiet.


8 –      Filwaqt li l-ittra tat-tkeċċija tuża din id-data, id-digriet tar-rinviju jgħid li saret intervista fil-15 ta’ Ġunju 2009. Jista’ jkun ukoll, naturalment, li saru żewġ intervisti. Hi x’inhi l-pożizzjoni, ma nikkunsidrax li dan huwa punt ċentrali sa fejn dan jirrigwarda d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.


9 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “il-Qorti ta’ Strasbourg”) tal-1 ta’ Lulju 2014 fil-kawża S.A.S. vs Franza, CE:ECHR:2014:0701JUD004383511, § 12.


10 – Bħala eżempju: huwa magħruf sew li ċ-ċifri għall-attendenza fil-knisja jkunu l-ogħla matul il-perijodu tal-Milied (bil-qofol tkun il-Quddiesa ta’ Nofsillejl u/jew il-funzjonijiet nhar il-Milied); u ħafna Nsara “jagħmlu sforz” għar-Randan, qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid. Fenomenu simili jista’ jiġi osservat fil-Ġudaiżmu. Għalhekk, is-sinagogi jista’ jkollhom joħorġu biljetti biex jiġġestixxu l-attendenza fil-funzjonijiet f’Rosh Hashanah (is-Sena l-Ġdida Lhudija) u f’Yom Kippur (Jum l-Espjazzjoni) – f’perijodi oħra tas-sena din il-proċedura ma jkunx hemm bżonnha billi jkun hemm biżżejjed spazju għal dawk kollha li jixtiequ jattendu.


11 – Magħruf ukoll bħala kippa, kipoh, jew yarmulke jew, iktar popolarment, bħala l-kallotta.


12 –      Ara, Oxtoby, W.G., A Concise Introduction to World Religions, Oxford University Press, Oxford, 2007.


13 –      Ara Cole, W.O., u Sambhi, P.S., Sikhism and Christianity: A Comparative Study, Macmillan, 1993. Avukati Sikh irġiel fir-Renju Unit irrikonċiljaw l-obbligu reliġjuż tagħhom mar-rekwiżiti dwar l-ilbies tal-professjoni (parrokka u toga għall-qorti) billi jissostitwixxu d-dastar normali iswed b’dastar abjad distintiv.


14 –      Għal iktar informazzjoni, ara Niqab, hijab, burqa: des voiles et beaucoup de confusions, Le Monde, 11 ta’ Ġunju 2015, disponibbli fuq fis-sit internet http://www.lemonde.fr/les-decodeurs/article/2015/06/11/niqab-hijab-burqa-des-voiles-et-beaucoup-de-confusions_4651970_4355770.html#U3778UWCg7HuTisY.99.


15 –      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti ta’ Strasbourg tal-1 ta’ Lulju 2014 fil-kawża S.A.S. vs France, CE:ECHR:2014:0701JUD004383511. § 12 ta’ dik is-sentenza jgħid li r-rikorrenti, Musulmana devota, libset in-niqab fil-pubbliku u fil-privat, imma mhux sistematikament. Xtaqet tkun tista’ tilbsu meta tagħżel hi, partikolarment skont kif kienet qed tħossha spiritwalment. Kien hemm ċerti drabi (pereżempju, matul avvenimenti reliġjużi bħar-Ramadan) meta ħasset li kellha tilbsu fil-pubbliku biex tesprimi l-fidi reliġjuża, personali u kulturali tagħha. L-għan tagħha ma kienx li ddejjaq lil ħaddieħor imma biex tħoss paċi interna għaliha nnifisha.


16 –      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013 fil-kawża Eweida et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, § 94.


17 – Ara l-punt 30 iktar ’il fuq.


18 – Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2005 fil-kawża Leyla Şahin vs It-Turkija, CE:ECHR:2005:1110JUD004477498, § 109.


19 –      Ara l-Kummissjoni Ewropea, Special Eurobarometer 393, Report on Discrimination in the EU in 2012 [Rapport fuq id-Diskriminazzjoni fl-UE fl-2012], Novembru 2012. Ir-rapport ma jestendix għall-Kroazja. Għandi nżid ngħid li l-figuri kkwotati għandhom bżonn jinqraw b’daqsxejn kawtela. Ma humiex ibbażati fuq statistika uffiċjali imma fuq tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet magħmula. Ma jiddistingwux bejn membri prattikanti u li ma humiex ta’ fidi reliġjuża partikolari u lanqas ma jiddistingwu neċessarjament bejn affiljazzjoni reliġjuża u affiljazzjoni etnika. Qed ninkludihom biex nuri li ma hemmx “norma” bħala tali fi ħdan l-Istati Membri f’dan il-kuntest.


20 – Għandi nenfasizza li l-eżami li ġej bl-ebda mod ma huwa eżawrjenti. Meta jsir riferiment għal ċerti liġijiet u deċiżjonijiet tal-qrati tal-Istati Membri, jiena sempliċement irrid nenfasizza ċerti aspetti tar-regoli f’dan il-qasam li jidhirli huma partikolarment rilevanti. Bilfors li eżerċizzju bħal dan ma jkunx komplet.


2117 –      Loi no 2010‑1192 du 11 octobre 2010 interdisant la dissimulation du visage dans l’espace public (Liġi Nru 2010‑1192, tal-11 ta’ Ottubru 2010, li tipprojbixxi li jitgħatta l-wiċċ f’postijiet pubbliċi).


22 –      Loi du 1er juin 2011 visant à interdire le port de tout vêtement cachant totalement ou de manière principale le visage (Liġi, tal-1 ta’ Ġunju 2011, li tipprojbixxi x-xedd ta’ kull ilbies li jaħbi l-wiċċ għalkollox jew prinċipalment). Il-projbizzjoni tapplika għall-postijiet kollha aċċessibbli għall-pubbliku.


23 –      Traduzzjoni pjuttost libera bil-Malti hija “sekulariżmu (tal-Istat)” u “newtralità (tal-Istat)”.


24 –      Ara, fir-rigward tal-iskejjel tas-settur pubbliku, il-Loi no 2004‑228 du 15 mars 2004 encadrant, en application du principe de laïcité, le port de signes ou de tenues manifestant une appartenance religieuse dans les écoles, collèges et lycées publics (Liġi Nru 2004‑228, tal-15 ta’ Marzu 2004, li tirregola, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ sekulariżmu tal-Istat, ix-xedd ta’ simboli jew ilbies li juru affiljazzjoni reliġjuża fi skejjel pubbliċi primarji u sekondarji) u ara, b’mod iktar ġenerali, il-parir tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat), tat-3 ta’ Mejju 2000, Mlle Marteaux, Nru 217017.


25 –      Ara l-Arrêté royal du 14 Juin 2007, modifiant l’arrêté royal du 2 octobre 1937 portant statut des agents de l’État (Digriet Irjali, tal-14 ta’ Ġunju 2007 li jemenda d-Digriet Irjali tat-2 ta’ Ottubru 1937 rigward ir-regolamenti li japplikaw għall-uffiċjali pubbliċi), Artikolu 8.


26 –      Ara l-ordni tas-27 ta’ Jannar 2015, 1 BvR 471/10 u 1 BvR 1181/10.


27 – Dan ma jfissirx li jista’ ma jkunx hemm restrizzjonijiet bbażati, pereżempju, fuq raġunijiet ta’ saħħa u ta’ sigurtà.


28 –      Cour de cassation, assemblée plénière, 25 ta’ Ġunju 2014, Nru 13‑28.845 (“Baby Loup”).


29 –      Ara d-deliberazzjoni tal-Haute autorité de la lutte contre les discriminations et pour l’égalité (kummissjoni għall-opportunitajiet indaqs u kontra d-diskriminazzjoni) (HALDE) Nru 2009‑117 tas-6 ta’ April 2009, punti 40 u 41.


30 – Ara, bħala eżempju, Cour de cassation, chambre sociale, 12 ta’ Lulju 2010, Nru 08‑45.509 u Cour de cassation, chambre sociale, 24 ta’ Marzu 1998, Nru 95‑44.738.


31 – Ara d-deliberazzjoni ta’ HALDE, Nru 2007‑301 tat-13 ta’ Novembru 2007.


32 – Pereżempju, ġie deċiż li lavranta li kienet liebsa lbies reliġjuż li jgħatti l-ġisem kollu fil-post tal-impjieg tagħha tkeċċiet ġustament meta ma kinitx libset dan l-ilbies meta ġiet irreklutata (ara Cour d’appel de Saint-Denis-de-la-Réunion, 9 septembre 1997, Nru 97/703.306). Imma l-fatt biss li l-impjegat ikun f’kuntatt mal-klijenti ma jiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ restrizzjoni fuq il-libertà ta’ dak l-impjegat li jimmanifesta r-reliġjon tiegħu jew tagħha. Għaldaqstant, tqieset inġusta t-tkeċċija ta’ impjegata li rrifjutat li tneħħi l-velu tagħha, li kienet libset sa mill-bidu tal-impjieg tagħha u li ma kienet ikkawżat l-ebda problema mal-klijenti tal-impriża li magħhom kienet f’kuntatt (ara Cour d’appel de Paris, 19 ta’ Ġunju 2003, Nru 03‑30.212).


33 – Għalhekk, il-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol) iddeċidiet li t-tkeċċija ta’ membru tal-persunal tal-bejgħ ta’ stabbiliment kbir bl-imnut għar-raġuni li rrifjutat tneħħi l-velu tagħha ma setgħetx tkun iġġustifikata għar-raġunijiet stabbiliti fil-Kündigungsschutzgesetz (liġi dwar il-protezzjoni kontra t-tkeċċija inġusta) fuq il-bażi li hija ma ġietx prekluża milli tagħmel xogħolha bħala lavranta u li l-aġir tagħha ma kienx ta’ ħsara għal min jimpjegaha. Ara s-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2002, 2 AZR 472/01.


34 – Deċiżjoni tal-istitut għad-drittijiet tal-bniedem tat-18 ta’ Diċembru 2015. Filwaqt li d-deċiżjonijiet tal-istitut ma għandhomx forza legali vinkolanti, huma estremament persważivi u fil-parti l-kbira tal-każijiet jiġu segwiti mill-qrati nazzjonali.


35 – Dawn jinkludu l-Belġju, id-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit.


36 – Għalhekk: (i) fil-Belġju, b’sentenza tal-15 ta’ Jannar 2008 (Journal des tribunaux du travail, Nru 9/2008, p. 140), il-Cour du travail de Bruxelles (qorti superjuri tax-xogħol, Brussell) iddeċidiet li persuna li timpjega tista’ tinvoka kunsiderazzjonijiet oġġettivi dwar l-immaġni kummerċjali tal-impriża tagħha sabiex tkeċċi impjegata f’ħanut li libset il-velu; (ii) fid-Danimarka, il-Højesteret (qorti suprema) iddeċidiet li persuna li timpjega tista’ timponi kodiċi ta’ lbies iddisinjat biex jirrifletti l-immaġni kummerċjali tal-impriża u li ma jippermettix l-ilbies ta’ velu sakemm ir-regoli tiegħu japplikaw għall-ħaddiema kollha (Ufr. 2005, 1265H); (iii) il-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonfermaw it-talbiet ta’ pesuni li jimpjegaw ibbażati fuq il-prijorità tal-immaġni professjonali u rappreżentattiva tal-impriża meta jimplementaw kodiċi ta’ lbies (ara l-analiżi tal-Commissie Gelijke Behandeling [bord għall-ugwaljanza fit-trattament) dwar ir-regoli li jirrigwardaw l-uniformijiet tal-pulizija u n-“newtralità tal-istil tal-ħajja” (CGB-Advies/2007/08)]; u (iv) jidher li fir-Renju Unit persuna li timpjega tista’ timponi kodiċi ta’ lbies fuq l-impjegati tagħha iżda, jekk ir-regoli skont dak il-kodiċi jippreġudikaw impjegat partikolari minħabba r-reliġjon tiegħu, il-persuna li timpjega għandha tiġġustifikahom (ara Vickers, L., “Migration, Labour Law and Religious Discrimination”, f’Migrants at Work: Immigration and Vulnerability in Labour Law, Oxford University Press, Oxford, 2014, Kapitolu 17).


37 – Ara, pereżempju, id-deċiżjonijiet tal-15 ta’ Frar 2001 fil-kawża Dahlab vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2001:0215DEC004239398 u l-24 ta’ Jannar 2006 fil-kawża Kurtulmuş vs It-Turkija, CE:ECHR:2006:0124DEC006550001.


38 – Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2005 fil-kawża Leyla Şahin vs It-Turkija, CE:ECHR:2005:1110JUD004477498, § 105.


39 – Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2001 fil-kawża Dahlab vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2001:0215DEC004239398.


40 – Għal eżempju tal-applikazzjoni ta’ dan it-test, ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2001 fil-kawża Dahlab vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2001:0215DEC004239398.


41 – Deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2001 fil-kawża Dahlab vs Switzerland, CE:ECHR:2001:0215DEC004239398.


42 – Deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2006 fil-kawża Kurtulmuş vs It-Turkija, CE:ECHR:2006:0124DEC006550001.


43 – Deċiżjoni tat-3 ta’ April 2007 fil-kawża Karaduman vs It-Turkija, CE:ECHR:2007:0403DEC004129604.


44 –      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015 fil-kawża Ebrahimian vs Franza, CE:ECHR:2015:1126JUD006484611.


45 –      §§ 63 u 67. Madankollu, għandu jiġi osservat li s-sentenza ġiet ikkritikata fil-Qorti ta’ Strasbourg innifisha. Fl-opinjoni parzjalment li taqbel u parzjalment li ma taqbilx tagħha, l-Imħallef O’Leary osservat li l-ġurisprudenza bikrija tal-qorti kienet tikkonċerna essenzjalment kwistjonijiet li huma marbuta mill-qrib mal-valuri li stabbilimenti edukattivi huma intiżi li jgħallmu u li ftit kien hemm diskussjoni fis-sentenza f’dak il-każ tal-estensjoni kunsiderevoli tal-ġurisprudenza fil-qasam iktar wiesa’. Fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati kontraenti fil-kuntest tal-għata tar-ras reliġjuż, hija qalet li tali marġni ta’ diskrezzjoni jmur id f’id mas-superviżjoni Ewropea f’każijiet fejn tapplika l-KEDB u ma tistax tiġi sempliċement skartata bl-invokazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni, wiesa’ kemm hu wiesa’. Fl-opinjoni li ma qabilx tiegħu, l-Imħallef De Gaetano qal, insostenn tal-fehma tiegħu li kien hemm ksur talArtikolu 9 tal-KEDB, li s-sentenza straħet fuq dak li sejjaħ “il-premessa falza (u perikoluża ħafna) […] li l-utenti tas-servizzi pubbliċi ma jistgħux jiġu ggarantiti servizz imparzjali jekk l-uffiċjal pubbliku li qed jaqdihom jimmanifesta bl-iċken mod l-affiljazzjoni reliġjuża tiegħu jew tagħha […] Prinċipju tad-dritt kostituzzjonali jew ‘tradizzjoni’ kostituzzjonali faċilment jistgħu jispiċċaw deifikati, u b’hekk jiġi mminat kull valur li fuqu hija bbażata l-[KEDB] […]”.


46 –      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013 fil-kawża Eweida et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, §§ 99 u 100.


47 – Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014 fil-kawża S.A.S. vs Franza, CE:ECHR:2014:0701JUD004383511, § 139. Billi l-Gvern Franċiż naqas milli jissodisfa dan it-test, tilef fuq din il-bażi. Madankollu, il-miżura ġiet kkonfermata fuq il-bażi tal-għan separat ta’ “ngħixu flimkien” li ressaq dan il-gvern.


48 –      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010.


49 – § 91.


50 – § 84.


51 – § 94.


52 – Naturalment jiena naċċetta li l-kuntesti huma differenti billi l-ġurisprudenza ta’ qabel kienet tirrigwarda s-settur tal-edukazzjoni filwaqt li l-ġurisprudenza ta’ wara kienet tirrigwarda l-isfera pubblika.


53 –      Deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2001, CE:ECHR:2001:0215DEC004239398.


54 –      Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2005 fil-kawża Leyla Şahin vs It-Turkija, CE:ECHR:2005:1110JUD004477498, § 111.


55 –      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, CE:ECHR:2014:0701JUD004383511.


56 – Ara d-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 1996 fil-kawża Konttinen vs Il-Finlandja, CE:ECHR:1996:1203DEC002494994, approvata fid-deċiżjoni tad-9 ta’ April 1997 fil-kawża Stedman vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1997:0409DEC002910795, fejn il-Kummissjoni nnutat li r-rikorrent kien “liberu li jirriżenja”.


57 –      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013 Eweida et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, § 83.


58 –      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013 Eweida et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, § 85. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 14 tal-KEDB ġie deskritt minn xi awturi bħala parassitiku. Ara Haverkort-Spekenbrink, S., European Non-discrimination Law, School of Human Rights Research Series, Volum 59, p. 127.


59 –      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010.


60 –      § 95.


61 –      § 101.


62 –      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


63 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2009 fil-kawża Sejdić u Finci vs Il-Bożnja-Ħerzegovina, CE:ECHR:2009:1222JUD002799606 u tal-15 ta’ Lulju 2014 fil-kawża Zornić vs Il-Bożnja-Ħerzegovina, CE:ECHR:2014:0715JUD000368106. Il-każijiet kienu jirrigwardaw id-dritt tar-rikorrenti li joħorġu għall-elezzjonijiet għad-Dar tal-Popli u għall-Presidenza tal- Bożnja-Ħerzegovina.


64 –      Ara, ukoll, il-punt 68 et seq iktar ’l isfel.


65 –      Ara s-sentenza 13 ta’ Settembru 2011 Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 38.


66 – Ara wkoll, fuq id-Direttiva 2000/78, il-punt 70 iktar ’il quddiem.


67 – Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, tal-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 179).


68 – Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).


69 –      Sentenza tat-8 ta’ April 1976 Defrenne, 43/75, EU:C:1976:56. Għal analiżi iktar fid-dettall, ara Barnard, C., EU Employment Law, Oxford University Press, Oxford, 2012, Kapitolu 1.


70 – Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).


71 – Għandu jiġi nnutat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni taż-żewġ direttivi huwa differenti. Pereżempju, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/43 jistabbilixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni jestendi għal “(e) il-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa; (f) il-vantaġġi soċjali; (g) l-edukazzjoni; [u] (h) l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provediment tagħhom li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar”. Dawn ir-raġunijiet ma humiex elenkati fid-Direttiva 2000/78. Huwa evidenti wkoll li miżura li tammonta għal diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ reliġjoni jew twemmin tista’ wkoll, skont iċ-ċirkustanzi, tirrappreżenta diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess jew razza. Filwaqt li l-Kummissjoni adottat Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008) 426 finali), dik il-proposta, li tespandi l-kuntest tal-protezzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mid-Direttiva 2000/78 għadha trid tiġi ffinalizzata.


72 – L-istess approċċ huwa adottat fil-leġiżlazzjoni attwali dwar id-diskriminazzjoni sesswali, jiġifieri d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006 L 204, p. 23).


73 –      C‑303/06, EU:C:2008:61.


74 –      Punti 8 sa 10.


75 – Miżura li tipprojbixxi l-proselitiżmu, filwaqt li tista’ tinvolvi diskriminazzjoni diretta, fil-fehma tiegħi tkun potenzjalment koperta bid-deroga fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva bħala miżura neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Madankollu, ikun hemm bżonn li tkun ibbażata fuq “miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali”: ara t-test speċifiku tad-deroga.


76 – Għalhekk, il-kuntest partikolari tal-każ tal-lum huwa dak ta’ mara istruwita li trid tipparteċipa fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru tal-Unjoni. F’dan l-isfond, ikun paternalistiku li wieħed jassumi li meta tilbes il-ħiġab dan iservi biss biex jipperpetwa inugwaljanzi u perċezzjonijiet dwar ir-rwoli eżistenti. Il-qarrej jiftakar malajr kuntesti differenti possibbli fejn tista’ tinqala’ l-kwistjoni ta’ nisa li jilbsu lbies Iżlamiku u fejn jista’ jkun iktar leġittimu li wieħed jasal għal konklużjoni bħal dik.


77 –      Wieħed jista’ jaħseb li l-kelma “maktur mar-ras” dejjem jindika oġġett ta’ lbies li jgħatti l-wiċċ. Dan ma huwiex il-każ; ara, pereżempju, id-definizzjoni fix-Shorter Oxford English Dictionary, li jirreferi għat-tessut li jintlibes “fuq ir-ras jew il-wiċċ” (enfasi miżjuda).


78 –      Ara b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, il-punt 38 iktar ’il fuq.


79 – Ara l-punt 109 iktar ’il quddiem.


80 – Ara wkoll f’dan ir-rigward u f’kuntest differenti, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawżi magħquda Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:224, fejn osserva li jekk persuna tenħtieġ li taħbi, temenda jew tabbanduna li turi l-fidi tagħha fil-pubbliku dan iċaħħadha mid-dritt fundamentali li jiggarantilha l-Artikolu 10 tal-Karta (punti 100 u 101).


81 – Jiena esplorajt id-distinzjoni li għandha ssir bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bressol et, C‑73/08, Ġabra, EU:C:2009:396, punti 55 u 56. Hawnhekk hija preċiżament il-projbizzjoni fuq ix-xedd ta’ lbies li jimmanifesta l-affiljazzjoni reliġjuża tal-impjegata li jwassal għat-trattament ħażin, jiġifieri t-tkeċċija tagħha.


82 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011 Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 46, li tagħmilha ċara li l-ftehim kollettiv tal-Lufthansa li jipprovdi għat-terminazzjoni awtomatika ta’ kuntratti tal-impjieg f’età speċifikata kellu l-oriġini u l-leġittimità tiegħu fl-Artikolu 14(1) tal-Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge (liġi dwar l-impjieg part-time u kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat). Għalhekk kienet miżura li “[taqa’] taħt il-‘leġiżlazzjoni nazzjonali’” (ara l-punt 59 tas-sentenza).


83 –      Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010 Wolf, C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 35.


84 –      Ara f’dan ir-rigward il-punt 75 ’il fuq.


85 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2011 Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 72, u tat-13 ta’ Novembru 2014 Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 47. L-Artikolu 4(1) jista’ forsi japplika iktar ta’ spiss għad-diskriminazzjoni diretta milli għad-diskriminazzjoni indiretta (eżempju ovvju, dwar id-diskriminazzjoni bejn is-sessi, huwa regola “nisa biss” għas-sħubija f’tim sportiv professjonali tan-nisa biss). Madankollu, ma huwiex inkonċepibbli li diskriminazzjoni bħal dik tista’ tkun indiretta. Pereżempju, regola li applikanti għal impjieg bħala gwardja tas-sigurtà għandhom ikunu ’l fuq minn 1m 75 ċm fit-tul, għalkemm apparentement newtrali, għandha t-tendenza li teskludi iktar nisa milli rġiel u tista’ taffettwa wkoll proporzjon relattivament ikbar ta’ ċerti gruppi etniċi milli oħrajn.


86 – Huwa interessanti li l-formulazzjoni essenzjali fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 hija differenti skont id-diversi verżjonijiet lingwistiċi. Il-verżjoni bl-Ingliż tuża l-espressjoni “by reason of the particular occupational activities concerned”, li essenzjalment hija segwita fil-verżjonijiet bil-Ġermaniż (‘aufgrund der Art einer bestimmten beruflichen Tätigkeit’), bl-Olandiż (‘vanwege de aard van de betrokken specifieke beroepsactiviteiten’) u bil-Portugiż (‘em virtude da natureza da actividade profissional em causa’). Il-verżjonijiet bil-Franċiż (‘en raison de la nature d'une activité professionnelle’), bit-Taljan (‘per la natura di un’attività lavorativa’) u bl-Ispanjol (‘debido a la naturaleza de la actividad profesional concreta de que se trate’) jadottaw approċċ li jqiegħed inqas enfasi fuq in-natura speċifika tal-attivitajiet ikkonċernati. Madankollu, huwa ċar li l-enfasi għandha titqiegħed fuq l-attivitajiet partikolari li l-impjegat huwa meħtieġ iwettaq.


87 –      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010 Wolf, C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 40.


88 –      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Setttembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 67.


89 –      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014 Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 41.


90 – Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).


91 – L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi: “Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-qasam ta’ l-applikazzjoni tagħha dawk l-attivitajiet ta’ xogħol u, fejn hu xieraq, it-taħriġ li jwassal għalihom, li għalihom, minħabba l-istess natura tagħhom jew il-kuntest li jsiru fihom, is-sess tal-ħaddiem jikkostitwixxi fattur determinanti”.


92 –      Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1999, C‑273/97, EU:C:1999:523. A. Sidar xtaqet titħalla taċċetta offerta (li ntbagħtitlha bi żball) biex taħdem bħala kok fir-Royal Marines, il-commandos speċjali tal-Armata Brittanika. Ir-raġuni għall-politika ta’ esklużjoni tan-nisa mis-servizz f’dik l-unità tidher mill-paragrafi 6 sa 9 tas-sentenza. Ir-raġunament attent tal-Qorti tal-Ġustizzja li ddeċidiet li l-esklużjoni kienet tapplika jidher fil-punti 28 sa 32 tas-sentenza.


93 –      Sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, C‑285/98, EU:C:2000:2, punt 29. T. Kreil xtaqet taħdem fil-fergħa ta’ manutenzjoni (elettronika tal-armi) tal-Bundeswehr. Id-dritt nazzjonali kien jippermetti lin-nisa li jingaġġaw biss fis-servizzi mediċi u tal-mużika militari. Filwaqt li kkwotat b’mod estensiv mis-sentenza Sirdar, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li, “fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tali esklużjoni, li tapplika għal kważi l-postijiet militari kollha tal-Bundeswehr, ma tistax titqies bħala miżura ta’ deroga ġġustifikata min-natura speċifika tal-postijiet inkwistjoni jew mill-kuntest partikolari li fih jitwettqu l-attivitajiet inkwistjoni” (punt 27); u li d-“Direttiva tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk tad-dritt Ġermaniż, li jimponu esklużjoni ġenerali tan-nisa minn postijiet militari li jinvolvu l-użu ta’ armi u li jħallulhom aċċess biss għas-servizzi mediċi u tal-mużika militari” (punt 32).


94 –      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 2000 Mahlburg, C‑207/98, EU:C:2000:64, punt 29.


95 –      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004 Spanja u Il-Finlandja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑184/02 u C‑223/02, EU:C:2004:497, punt 51.


96 – Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2014 Giordano vs Il‑Kummissjoni, C‑611/12 P, EU:C:2014:2282, punt 49.


97 – Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013 Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 66.


98 – Ara l-punt 95 iktar ’il fuq.


99 – Jidher li l-Artikolu 2(5) iddaħħal fid-direttiva matul l-aħħar siegħat ta’ negozjati (milli jidher fuq l-insistenza tal-Gvern tar-Renju Unit). Ara Ellis, E., u Watson, P., EU Anti-Discrimination Law Oxford University Press, 2012, p. 403. Ara wkoll il- Fourth Report of the House of Lord Select Committee on European Union, Session 2000‑01, ‘The EU Framework Directive on Discrimination’, paragrafu 37, li jgħid: “… [L-Artikolu 2(5)] ġie miżjud biss fid-Direttiva fis-17 ta’ Ottubru, mid-dehra fuq l-insistenza tar-Renju Unit. Il-Ministru kiteb fil-25 ta’ Ottubru li kien maħsub ‘biex jagħmilha ċara li d-Direttiva ma hijiex se tipprevjeni lill-Istati Membri milli jaġixxu biex jipproteġu dawk f’riskju minn, pereżempju kulti reliġjużi perikolużi jew pedofili’.”


100 –      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011 Prigge, C‑447/09, EU:C:2011:573, punti 55 u 56.


101 – Enfasi miżjuda. Kif indikajt iktar ’il fuq (fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75), l-Artikolu 2(5) jista’, pereżempju, ikopri regola li tipprojbixxi l-proselitiżmu fuq il-post tax-xogħol.


102 – Ara l-punt 109 et seq iktar ’il quddiem.


103 –      Id-Dikjarazzjoni Nru 11 hija annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam. Din tipprovdi li “l-Unjoni Ewropea tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus skond il-liġi nazzjonali ta’ knejjes u organizzazzjonijiet reliġjużi jew komunitajiet fl-Istati Membri. L-Unjoni Ewropea bl-istess mod tirrispetta l-istatus ta’ organizzazzjonijiet filosofiċi u nonkonfessjonali”.


104 – Ara l-punt 82 iktar ’il fuq.


105 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza, tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 64.


106 – Ara, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2001 fil-kawża Dahlab vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2001:0215DEC004239398, imsemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq. F’dik id-deċiżjoni, il-Qorti ta’ Strasbourg iddeskriviet it-tfal mgħallma mir-rikorrenti bħala “żgħar ħafna”. Jidhirli li tfal tal-età tal-iskola primarja jistgħu, b’mod iġġustifikat, jiġu deskritti bħala “impressjonabbli”. Meta mbagħad imorru l-iskola sekondarja, jistgħu jiġu kkunsidrati li huma iktar maturi u għalhekk ikunu iktar kapaċi jifformaw il-fehmiet tagħhom u/jew jaċċettaw id-diversità kulturali.


107 – Ma niddeduċi xejn mill-fatt li l-Artikolu 2(2)(b)(i) jirreferi għal “skop leġittimu” filwaqt li l-Artikolu 4(1) jirreferi għal “għan […] leġittimu”.


108 –      Ara wkoll il-punt 100 iktar ’il fuq.


109 –      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti ta’ Strasbourg tal-15 ta’ Jannar 2013 fil-kawża Eweida et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, § 94. Hawnhekk, il-mod ovvju kif jiġu rrikonċiljati l-interessi leġittimi tal-impriża tal-persuna li timpjega u l-libertà tal-impjegat li jimmanifesta r-reliġjon tiegħu huwa li jiġi previst l-ilbies reliġjuż neċessarju ġewwa l-uniformi. Ara l-punt 123 iktar ’il quddiem.


110 – Madankollu, rekwiżit (permissibbli) ta’ xogħol f’sigħat “mhux soċjali” jew “flessibbli” ma għandux jiġi konfuż mal-insistenza li l-impjegat għandu, f’kull każ, jaħdem f’jum li huwa ta’ sinjifikat partikolari fir-reliġjon tal-impjegat (pereżempju, li Nisrani devot jenħtieġ jaħdem fil-Milied, fil-Ġimgħa l-Kbira jew fl-Għid; jew Lhudi osservanti jaħdem f’Rosh Hashanah, f’Yom Kippur jew f’Pesach). Dan it-tip ta’ rekwiżit tal-aħħar, fil-fehma tiegħi, ma huwiex permissibbli.


111 – Ara l-punt 100 iktar ’il fuq.


112 –      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punti 62 u 63.


113 – C-499/08, EU:C:2010:248, punt 68.


114 –      Kif, fil-fatt, iddeċidiet effettivament il-Qorti ta’ Strasbourg fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Jannar 2013 fil-kawża Eweida et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010.


115 – Ara, f’dan il-kuntest, http://www.bbc.com/news/uk-scotland-36468441, b’riferiment għal proposta reċenti mill-Puliżija tal-Iskozja (il-forza nazzjonali tal-pulizija Skoċċiża) li jiġi introdott il-ħiġab bħala parti fakultattiva tal-uniformi tagħha sabiex nisa Misilmin jitħeġġew jingħaqdu mal-korp tal-pulizija.


116 –      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013 fil-kawża Eweida et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, § 94.


117 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 99 iktar ’il fuq.


118 – Għalhekk, pereżempju, kien ċar li fil-kawża Eweida British Airways kienet tabilħaqq waslet għal tali kompromess mal-impjegati Misilmin tagħha.


119 – Ara, fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-fehmiet tal-Qorti ta’ Strasbourg f’dan il-kuntest, il-punt 55 iktar ’il fuq.


120 – Nissupponu, pereżempju, li l-impjegat iqis lilu nnifsu li huwa obbligat jitlob tliet darbiet kuljum. Fl-isfond ta’ ġurnata normali tax-xogħol fl-uffiċċju, dan ikun relattivament faċli li jiġi akkomodat: talb qabel jew wara x-xogħol u talb matul il-ħin tal-pawża tax-xogħol. Tal-aħħar biss ikun attwalment waqt il-ħin tax-xogħol; u jsir matul il-ħin liberu uffiċjali (il-pawża għall-ikel). Issa nagħmlu mod li l-obbligu huwa ta’ talb ħames darbiet kuljum. L-impjegat isostni li għandu bżonn jitħalla juża żewġ ħinijiet oħra għat-talb matul il-ġurnata tax-xogħol. L-ewwel kwistjoni hija jekk dan huwiex verament il-każ ‐ jista’ ħin wieħed addizzjonali għat-talb jew it-tnejn li huma jiġu skedati għal qabel jew wara li jiġi għax-xogħol? Imma forsi l-ħinijiet għat-talb huma marbuta ma’ ħinijiet speċifiċi tal-jum. Jekk dan ikun il-każ, forsi hemm pawżi għall-kafè jew għat-tipjip matul il-jum tax-xogħol li l-impjegat jista’ juża għat-talb, imma probabbilment ikollu jiftiehem li jaħdem iktar tard jew jasal qabel sabiex jikkumpensa lill-persuna li timpjegah għall-assenza temporanja mix-xogħol biex ikun jista’ jaqdi l-obbligu reliġjuż tiegħu. Jekk ikun meħtieġ, l-impjegat ikollu jaċċetta r-restrizzjoni addizzjonali (jum itwal tax-xogħol); il-persuna li timpjega jkollha tippermettilu jagħmel hekk iktar milli tinsisti li l-ebda kompromess ma huwa possibbli u tkeċċi lill-impjegat.


121 – Għal analiżi iktar dettaljata tal-importanza tal-komunikazzjoni mhux bil-kliem f’kuntest kummerċjali, ara Woollcott, L.A., Mastering Business Communication, Macmillan, 1983.