Language of document : ECLI:EU:T:2014:1076

Kawża T‑643/11

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Crown Equipment (Suzhou) Co. Ltd
u

Crown Gabelstapler GmbH & Co. KG

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw miċ-Ċina — Eżami mill-ġdid — Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru°1225/2009 — Drittijiet tad-difiża — Żball ta’ fatt — żball manifest ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2014

1.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura antidumping — Drittijiet tad-difiża — Dritt ta’ smigħ — Portata

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea Artikolu 41(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009)

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura antidumping — Dritt għal amministrazzjoni tajba — Portata

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2); Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009)

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura ta’ reviżjoni — Obbligu tal-istituzzjonijiet li jieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti u debitament iddokumentati — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2))

1.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li d-dritt għal smigħ jikkostitwixxi parti integrali minnu, li japplika għal kull persuna.

B’mod iktar partikolari, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antidumping, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u għal smigħ fl-imsemmija proċeduri huwa importanti immens. Ir-rispett ta’ dawn jippreżumi b’mod partikolari li l-impriżi kkonċernati għandhom jitpoġġew f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu tabilħaqq l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha.

Għall-kuntarju, ir-rispett tal-imsemmija drittijiet ma jistax jobbliga lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jaderixxu mal-opinjoni tal-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, in-natura utli tal-preżentata tal-opinjoni tar-rikorrenti tirrikjedi biss li din l-opinjoni setgħet tiġi ppreżentata tempestivament sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jieħdu konjizzjoni tagħha u, bl-attenzjoni rikjesta kollha, jevalwaw ir-rilevanza tagħha għall-kontenut tal-att li jkun previst li jiġi addottat.

(ara l-punti 38, 40, 41, 43)

2.      Għalkemm il-Kummissjoni jew il-Kunsill ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill huma obbligati li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni matul il-proċedura amministrattiva, li jinkludu d-dritt għal amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali. B’mod partikolari, huwa dan l-aħħar imsemmi artikolu tal-imsemmija karta, u mhux l-Artikolu 47 tagħha, li jirregola l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni u l-Kunsill fil-qasam tad-difiża kontra l-importazzjonijiet li huwa s-suġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, id-dritt jippreżumi obbligu ta’ diliġenza li jimponi fuq l-istituzzjoni kompetenti l-obbligu li teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami.

(ara l-punti 45, 46)

3.      Fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri antidumping li skadew, il-konklużjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, l-provi rilevanti kollha u debitament iddokumentati ppreżentati inkonnessjoni mal-kwistjoni dwar jekk it-tħassir tal-miżuri antidumping hijiex jew le ta’ natura li tiffavorixxi l-kontinwazzjoni jew il-ħruġ mill-ġdid tad-dumping u tal-preġudizzju.

L-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija provi huwa ssodisfatt b’mod partikolari meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu inkunsiderazzjoni l-profitabbiltà, l-produzzjoni, l-volum tal-bejgħ, ir-rata tal-użu tal-kapaċitajiet, il-livell tal-użu u l-profitabbiltà fl-Unjoni matul il-perijodu rilevanti

(ara l-punti 51, 52)