Language of document : ECLI:EU:T:2009:266

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Lulju 2009 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra r‑Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l‑proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Stħarriġ ġudizzjarju – Proporzjonalità – Trattament ugwali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007”

Fil-Kawżi magħquda T‑246/08 u T‑332/08,

Melli Bank plc, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentata minn R. Gordon, QC, J. Stratford u M. Hoskins, barristers, R. Gwynne u T. Din, solicitors, sussegwentement minn D. Anderson, QC, Hoskins, S. Gadhia, D. Murray u M. Din, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u E. Finnegan, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, E. Belliard u L. Butel, bħala aġenti,

minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn S. Lee, barrister,

u minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn S. Boelaert u P. Aalto, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandhom bħal suġġett, fil-Kawżi T-246/08 u T-332/08, l-annullament tal-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li timplementa l-Artikolu 7(2) tar‑Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 163, p. 29) sa fejn dan jikkonċerna lil Melli Bank plc, u, fil-Kawża T-332/08, eventwalment, dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 103, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President (Relatur), K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Melli Bank plc, hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li għandha l-uffiċċju tagħha rreġistrat fir-Renju Unit, awtorizzata u rregolata mill‑Financial Services Authority (awtorità tas-servizzi finanzjarji fir-Renju Unit, iktar ’il quddiem, l‑“FSA”). Hija bdiet twettaq l-attivitajiet bankarji tagħha fir-Renju Unit fl-1 ta’ Jannar 2002, wara t-trasformazzjoni tal-kumpannija sussidjarja f’dan il-pajjiż tal-Bank Melli Iran (iktar ’il quddiem il-“BMI”). BMI, il-kumpannija parent proprjetà assoluta tar‑rikorrenti, huwa bank Iranjan ikkontrollat mill-Istat Iranjan.

 Il-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran

2        Dawn il-kawżi ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi li saru sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l‑attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        L-oriġini tas-sistema inkwistjoni jinsab fi ħdan l-Organizzazzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti. Fit-23 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r‑Riżoluzzjoni 1737 (2006), li l‑anness tagħha jelenka numru ta’ persuni u ta’ entitajiet implikati fil‑proliferazzjoni nukleari u li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom (iktar ’il quddiem, il-“fondi”) għandhom jiġu ffriżati. Il-lista li tinsab fl-anness tar‑Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet sussegwentement aġġornata permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet, u b’mod partikolari permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas‑Sigurtà 1747 (2007), li biha l-fondi tal-bank Iranjan Bank Sepah u tal-kumpannija sussidjarja tagħha fir-Renju Unit, il-Bank Sepah International plc, ġew iffriżati. La l-BMI u lanqas ir-rikorrenti ma kienu s-suġġett ta’ miżuri ta’ iffriżar ta’ fondi deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà.

4        Barra minn hekk, skont il-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1803 (2008), tat-3 ta’ Marzu 2008, dan tal-aħħar talab “lill-Istati kollha sabiex ikunu viġilanti dwar attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit-territorju tagħhom mal-banek kollha domiċiljati fl-Iran, b’mod partikolari mal-Bank Melli u mal‑Bank Saderat, kif ukoll mal-fergħat u aġenziji tagħhom barra l-pajjiż, sabiex jiġi evitat li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għal[l-proliferazzjoni nukleari]”.

5        F’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet implementata permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK [PBSK], tas-27 ta’ Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 155). L-Artikolu 5(1)(a) tagħha jipprevedi l-iffriżar tal-fondi kollha li jappartjenu lill‑persuni u lill-entitajiet indikati fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas‑Sigurtà 1737 (2006), l-istess bħall-fondi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati, direttament jew indirettament minn dawn il-persuni jew entitajiet. L-Artikolu 5(1)(b) tal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140 jipprevedi, barra minn hekk, li l-istess miżuri japplikaw b’mod partikolari għall-persuni jew entitajiet li jkunu impenjati fi, jkunu assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Skont l-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, il-lista tal-persuni jew entitajiet koperti mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-istess test għandha tiġi stabbilita u emendata mill-Kunsill, li jiddeċiedi b’unanimità.

6        Sa fejn huma kkonċernati l-kompetenzi tal-Komunità Ewropea, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet implementata permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 969), li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140. B’hekk, l-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 423/2007 jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi tal-persuni, entitajiet jew korpi (iktar ’il quddiem l-“entitajiet”) indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà. L-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament jipprevedi l‑istess miżuri f’dak li jikkonċerna l-entitajiet identifikati mill-Kunsill tal‑Unjoni Ewropea bħala involuti fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 5(1)(b) tal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140. B’mod partikolari, l-Artikolu 7(2)(d) tal-imsemmi regolament jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entitajiet li ġew identifikati bħala li huma involuti fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 423/2007. L-entitajiet msemmija li għalihom tapplika l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, huma elenkati fl-Anness V ta’ dan l-istess test.

7        Permezz ta’ deroga għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 423/2007, l‑Artikoli 9 u 10 tal-istess regolament jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, essenzjalment, li jirrilaxxaw l-fondi ffriżati sabiex jiġi permess b’mod partikolari lill-entitajiet elenkati fl‑Anness V li jonoraw obbligi li ġejjin minn kuntratti konklużi qabel l‑adozzjoni tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u li jkopru spejjeż essenzjali.

8        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007 jipprevedi, minn naħa, li l‑Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista tal-Anness V b’konformità sħiħa mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 5(1)(b) tal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140 u, min‑naħa l-oħra, li l‑imsemmija lista tiġi rriveduta f’intervalli regolari, u tal-inqas kull tnax-il xahar.

9        L-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 jobbliga lill-Kunsill li jagħti raġunijiet individwali u speċifiċi għal deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 15(2) tal-istess regolament u li jagħmilhom magħrufa lill-entitajiet ikkonċernati.

 Id-deċiżjoni kkontestata

10      Fit-23 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2008/475/KE, li timplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU L 163, p. 29, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont il-punt 4 tat‑Tabella B tal-Anness għad-deċiżjoni kkontestata, kemm il-BMI kif ukoll il‑kumpanniji sussidjarji tiegħu, inkluża ir-rikorrenti, ġew inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness V tal-imsemmi regolament, bil-konsegwenza li l-fondi tagħhom ġew iffriżati.

11      Il-Kunsill ta r-raġunijiet li ġejjin:

“Jipprovdi jew jipprova jipprovdi sostenn finanzjarju lil kumpanniji li huma involuti fi jew li jakkwistaw merkanzija għall-programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran (AIO, SHIG, SBIG, AEOI, Kumpannija Novin Energy, Kumpannija Mesbah Energy, Kumpannija Kalaye Electric u DIO). Il-Bank Melli jagħmilha ta’ faċilitatur għall-attivitajiet sensittivi ta’ l-Iran. Huwa ffaċilita bosta akkwisti ta’ materjal sensittiv għall programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran. Huwa pprova [pprovda] firxa ta’ servizzi finanzjarji f’isem entitajiet marbuta ma’ l-industriji nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran, inkluż il-ftuħ ta’ ittri ta’ kreditu u ż-żamma tal‑kontijiet. Bosta mill-kumpanniji t’hawn fuq issemmew fl-UNSCR [fir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà] 1737 u 1747.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti ressaq ir-rikors fil-Kawża T-246/08. Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal‑Prim’Istanza fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressaq talba għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ukoll talba għal miżuri provviżorji sabiex l-applikazzjoni tal-punt 4 tat-Tabella B tal-anness tad‑deċiżjoni kkontestata tiġi sospiża.

13      Permezz ta’ att ġdid ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors fil-Kawża T-332/08. Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal‑Prim’Istanza fl-istess ġurnata, ir‑rikorrenti ressqet talba għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, talba ġdida għal miżuri provviżorji sabiex l‑applikazzjoni tal-punt 4 tat-Tabella B tal-anness tad‑deċiżjoni kkontestata tiġi sospiża kif ukoll talba sabiex il-kawżi T-246/08 u T-332/08 jingħaqdu.

14      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Lulju, fis-6 u fit-8 ta’ Awwissu 2008, rispettivament, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummmissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej għamlu talba sabiex jintervjenu fil-Kawża T-246/08 insostenn tal-Kunsill. Permezz ta’ digrieti tal-5 u tas-17 ta’ Settembru 2008, il‑President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ t-talba tagħhom li jintervjenu.

15      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju u tas-16 ta’ Settembru 2008, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza (It-Tieni Awla) laqgħet it-talbiet sabiex il‑kawżi jkunu deċiżi skont il-proċedura mħaffa taħt l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura, u awtorizzat lill-Istati Membri intervenjenti fil-kawżi sabiex jippreżentaw n-noti ta’ intervent tagħhom.

16      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Settembru, fil-21 ta’ Ottubru u fis-7 ta’ Novembru 2008, rispettivament, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika Franċiża u l‑Kummissjoni Ewropea talbu sabiex jintervjenu fil-Kawża T-332/08 insostenn tal-Kunsill. Permezz ta’ digrieti tal-10 ta’ Ottubru, tas-17 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2008, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ l‑interventi tagħhom.

17      Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Awwissu u tas-17 ta’ Settembru 2008, it-talbiet għal miżuri provviżorji ppreżentati mir‑rikorrenti ġew miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

18      Fil-Kawża T-246/08, ir-risposta ġiet ippreżentata fit‑30 ta’ Lulju 2008 u n-noti ta’ intervent tar-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq ġew ippreżentati fit-2 ta’ Ottubru 2008.

19      Fil-Kawża T-332/08, ir-risposta ġiet ippreżentata fis-6 ta’ Ottubru 2008. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Franċiża ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fit-28 ta’ Ottubru u fit-8 ta’ Diċembru 2008 rispettivament.

20      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 2008, il-Kawżi T‑246/08 u T‑332/08 ġew magħquda flimkien għall‑finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal‑Proċedura.

21      Fit-12 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrenti kkomunikat lill-Qorti tal-Prim’Istanza ittra tal-BMI dwar ir-relazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar mal-entitajijet indikati fid-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2009, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ma taċċettax li d-dokument inkwistjoni jiddaħħal fil-proċess.

22      Il-partijiet għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tal-20 ta’ Jannar 2009.

23      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        fil-Kawża T-246/08:

–         tannulla l-punt 4 tat-Tabella B tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;

–        fil-Kawża T-332/08:

–        tannulla l-punt 4 tat-Tabella B tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernaha;

–        jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 huwa ta’ applikazzjoni vinkolanti, tiddikjara li dan l‑artikolu huwa inapplikabbli, skont l-Artikolu 241 KE;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

24      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni talbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikorsi.

26      Ir-Repubblika Franċiża talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikorsi u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ involviment tal-BMI fil-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari

27      Għandu jiġi osservat, minn naħa, li fir-rikorsi, ir-rikorrenti tillimita ruħha għall-allegazzjoni tan-nuqqas ta’ involviment tal-BMI fil-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari. Issa, tali allegazzjoni ma tippermettix konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li r‑rikors għandu jkollu sunt tar-raġunijiet mressqa. Għalhekk din l-allegazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala motiv ammissibbli.

28      Min-naħa l-oħra, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza magħmula waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li, fil-każ li d-dokument li hija bagħtet lill-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Jannar 2009 ġie ammess fil-proċess, hija kienet tqajjem motiv ibbażat fuq il-fatt li l-BMI ma kienx involut fil-finanzjament tal‑proliferazzjoni nukleari. Issa, anki kieku dan il-motiv ġie mqajjem, dan kien ikun, fi kwalunkwe każ, inammissibbli.

29      Fil-fatt, ir-rikorrenti, la fl-ittra li hemm mad-dokument mibgħut lill-Qorti tal-Prim’Istanza fit‑12 ta’ Jannar 2009 u lanqas matul is-seduta, ma invokat ir-raġuni li għaliha hija ma setgħatx tqajjem il-motiv inkwistjoni matul il-proċedura bil-miktub, meta jirriżulta b’mod ċar mill-motivi riprodotti fil-punt 11 iktar ’il fuq li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-allegat involviment tal-BMI fil-finanzjament tal‑proliferazzjoni nukleari sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, anki jekk wieħed iqis li l-motiv inkwistjoni tqajjem fl-ittra tar-rikorrenti tat‑12 ta’ Jannar 2009, jew ukoll waqt is-seduta, dan kien ikun, fi kwalunkwe każ, inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura li jipprekludi l-preżentata, matul il-kawża, ta’ motivi ġodda li mhumiex ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il‑proċedura.

30      Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn ir-rikorrenti ma qajjmitx motiv ammissibbli li jikkontesta l‑fondatezza tal-konstatazzjoni tal-Kunsill li l-BMI kien involut fil‑finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari, din il-kwistjoni ma taqax fis-suġġett ta’ dawn il-kawżi.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti

31      Fis-seduta, il-Kummissjoni ikkontestat l-ammissibbiltà tal‑eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti fil-Kawża T‑332/08, filwaqt li enfasizzat li din ġiet imqajma b’risposta għall‑argumenti mressqa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq fil-Kawża T-246/08. Il-Kummissjoni tikkunsidra li din it‑“teknika proċedurali” jista’ jkollha konsegwenzi negattivi għall‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, b’mod partikolari fil-kuntest tal‑proċeduri mħaffa.

32      Madankollu, għandu jiġi osservat li la r-Regoli tal-Proċedura u lanqas il‑ġurisprudenza ma jeskludu l-ammissibbiltà tat-tieni rikors għal annullament imressaq mill-istess rikorrenti. Madankollu dan huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet marbuta mal-osservanza tat-terminu tar-rikors u man-nuqqas ta’ lis alibi pendens.

33      F’dan ir-rigward, minn naħa, mhuwiex ikkontestat li r-rikors fil-Kawża T-332/08 ġie ppreżentat fit-termini.

34      Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, sabiex jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba lis alibi pendens, rikors għandu jissodisfa tliet kundizzjonijiet: għandu jkun bejn l-istess partijiet bħar-rikors preċedenti, għandu jkollu l-istess għanijiet u għandu jkun ibbażat fuq l-istess motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni, 172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 9; id-digriet tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-1 ta’ April 1987, Ainsworth et vs Il‑Kummissjoni, 159/84, 267/84, 12/85 u 264/85, Ġabra p. 1579, punti 3 u 4, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il-Parlament, 358/85 u 51/86, Ġabra p. 4821, punt 12).

35      F’din il-kawża, għalkemm il-partijiet fil-kwistjonijiet li jirriżultaw mir-rikorsi li wasslu għall-Kawżi T‑246/08 u T-332/08 huma l-istess, l-ewwel rikors ifittex biss l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, waqt li t-tieni wieħed ifittex ukoll li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 jiġi ddikjarat inapplikabbli. Bl-istess mod, għalkemm l-ewwel motiv imqajjem fil-Kawża T‑332/08 huwa qrib ħafna l-ewwel motiv imqajjem fil-Kawża T‑246/08, hekk li jikkonċerna ksur allegat tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, madankollu dan mhuwiex identiku, minħabba b’mod partikolari l-kwistjoni ġdida dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007. Barra minn hekk, it-tieni motiv imressaq fil-Kawża T‑332/08, dwar allegat ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, huwa differenti mill-motivi tar-rikors fil-Kawża T‑246/08. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex ir-rikors fil-Kawża T‑332/08 jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba lis alibi pendens huma sodisfatti.

36      Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotatat li, fil-kuntest tal-proċedura mħaffa, il‑konsegwenzi negattivi eventwali għall-amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja essenzjalment jaffettwaw l-interessi tal-parti li kienet talbet il‑benefiċċju ta’ din it-tip ta’ proċedura, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ żmien itwal li jirriżultaw mill-preżentata suċċessiva ta’ żewġ rikorsi. Issa, f’din il-kawża, kemm ir-rikorsi kif ukoll it-talbiet sabiex dawn jiġu ttrattati skont proċedura mħaffa ġew ippreżentati mir-rikorrenti, li barra minn hekk kienet taf b’dawn il-konsewgenzi negattivi eventwali, kif jirriżulta wkoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

37      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir‑rikorrenti għandha tiġi kkunsidrata ammissibbli.

 Fuq il-mertu

38      Fil-Kawża T-246/08, ir-rikorrenti ippreżentat osservazzjonijiet preliminari dwar ir‑rigorożità tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jsir f’din il-kawża mill-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ukoll żewġ motivi bbażati, l‑ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-“prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”.

39      Fil-Kawża T-332/08, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. Permezz tal-ewwel wieħed, hija ssostni li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 ma għandux applikazzjoni mandatorja, peress li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali fl-implementazzjoni tiegħu. Jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu tikkunsidra li l-imsemmija dispożizzjoni kienet ta’ applikazzjoni mandatorja, ir-rikorrenti ssostni li din tkun kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u għalhekk inapplikabbli skont l-Artikolu 241 KE. Permezz tat‑tieni motiv, ir‑rikorrenti tinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

40      Il-Kunsill u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza tal-motivi indikati mir‑rikorrenti.

41      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni preliminari mqajma mir-rikorrenti, qabel ma tittratta l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, li tiddetermina l-modi ta’ kif l-oġġezzjonijiet dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu eżaminati.

 Fuq ir-rigorożità tal-istħarriġ ġudizzjarju

–       L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti ssostni li hemm lok li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħmel eżami approfondit tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, partikolarment fid-dawl tal-konsegwenzi gravi li din għandha fil-konfront tagħha.

43      Il-Kunsill, sostnut mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, josserva li huwa għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi ekonomiċi jew finanzjarji.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

44      Fir-rigward tar-rigorożità tal-istħarriġ ġudizzjarju, żewġ tipi ta’ elementi għandhom jiġu distinti fi ħdan ir-Regolament Nru 423/2007. Fil-fatt, minn naħa, l-artikoli tar-Regolament Nru 432/2007 jipprevedu r-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ miżuri restrittivi li jintroduċi. Min-naħa l-oħra, l-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, li jelenka l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati skont l‑Artikolu 7(2) tal-istess regolament, jinkludi fih numru ta’ miżuri li japplikaw ir-regoli ġenerali msemmija iktar ’il fuq għal entitajiet speċifiċi.

45      F’dak li jikkonċerna l-ewwel tip ta’ element, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fil-dawl tal‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, skont pożizzjoni komuni adottata taħt il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (PBSK). Peress li l‑qorti Komunitarja ma tistax, b’mod partikolari, tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-provi, il-fatti u ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l‑adozzjoni ta’ tali miżuri bl-evalwazzjoni tagħha, l-istħarriġ li jsir mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jirrigwarda biss il-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl‑evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter. Dan l-istħarriġ ristrett japplika, b’mod partikolari, għall‑evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom tali miżuri huma bbażati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 159).

46      Dwar l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha entità hija inkluża fil-lista tal‑Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, skont l-Artikolu 7(2) tiegħu, hija l‑Qorti tal‑Prim’Istanza li għandha tivverifika, fid-dawl tal-motivi ta’ annullament imqajma mill-entità kkonċernata jew imqajma ex officio, b’mod partikolari, li l-każ ineżami jikkorrispondi għal waħda mill-erba’ ipoteżijiet elenkati fl-Artikolu 7(2)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 423/2007. Dan jimplika li l‑istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad‑deċiżjoni inkwistjoni jestendi għall‑evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawha u kif ukoll għall-verifika tal-provi u ta’ informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l‑evalwazzjoni. Il‑Qorti tal-Prim’Istanza għandha wkoll tiżgura ruħha li d‑drittijiet tad-difiża u r-rekwiżit ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward jiġu rrispettati kif ukoll, fejn xieraq, mill-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet imperattivi invokati eċċezzjonalment mill-Kunsill sabiex ma jirrispettax dawn id-drittijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 154).

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)( d) tar-Regolament Nru 423/2007

–       L-argumenti tal-partijiet

47      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 ma japplikax b’mod mandatorju, jiġifieri ma jistax jiġi applikat sistematikament għall‑persuni ġuridiċi kollha proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entitajiet li l‑fondi tagħhom ġew iffriżati skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tal-istess regolament, peress li l-Kunsill għandu, skontha, setgħa diskrezzjonali fuq dan il‑punt u huwa għalhekk obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull waħda mill-entitajiet inkwistjoni.

48      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija ssostni li l‑interpretazzjoni kuntrarja hija inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Prim’Istanza li tipprovdi li, fil-qasam tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, l-istituzzjoni kompetenti hija obbligata teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ speċifiku u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, Ġabra p. II-3019, punt 139).

49      Fil-fatt, l-iffriżar sistematiku tal-fondi ma jagħtix każ il-karatteristiċi speċifiċi tal‑entità miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollata, bħalma huma l-grad ta’ indipendenza operattiva tagħha, is-sorveljanza li hija suġġetta għaliha jew in‑nuqqas ta’ konnessjoni bejn l-attivitajiet tagħha u l‑proliferazzjoni nukleari. Bl‑istess mod, huwa inkompatibbli mal‑ġurisprudennza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikoli 60 KE u 301 KE jistgħu jsiru biss kontra pajjiżi terzi, peress li dan il-kunċett tal-aħħar jista’ jinkludi l‑mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 166).

50      In-neċessità ta’ eżami każ b’każ hija kkorroborata wkoll, minn naħa, mill‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u min-naħa l-oħra, mill-Artikoli 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, li jirrikjedi li jingħataw motivi speċifiċi fir-rigward ta’ kull entità u, għalhekk, fir-rigward ta’ kull entità miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollata.

51      Fit-tieni lok, fid-dawl tal-kontenut tar-Regolament Nru 423/2007, l‑iffriżar sistematiku tal-fondi tal-kumpanniji sussidjarji miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati mhuwiex neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri adottati kontra l-kumpannija parent. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1), tal-Artikolu 7(3) u (4), tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 423 /2007 għandhom l-effett li kumpannija sussidjarja stabbilita fl-Unjoni Ewropea hija prekluża milli taġixxi, direttament jew indirettament, fuq l-istruzzjonijiet tal‑kumpannija parent.

52      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tirreferi għas-sitwazzjoni partikolari tagħha. F’dan ir‑rigward, minn naħa, hija ssostni li hija tosserva s-sistemi kollha ta’ sanzjonijiet, miżuri restrittivi u leġiżlazzjoni fis-seħħ. Min-naħa l-oħra, peress li hija distinta kemm ġuridikament kif ukoll funzjonalment mill-kumpannija parent tagħha u peress li hija suġġett għas-sorveljanza eżerċitata mill-FSA, il-BMI ma jistax jikkontrollaha b’mod irregolari.

53      Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti ssostni li mhijiex il‑prassi tal‑Kunsill li jiffriża sistematikament il-fondi tal-kumpanniji sussidjarji kollha tal-entitajiet identifikati li huma involuti fil-proliferazzjoni nukleari fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar‑Regolament Nru 423/2007. B’dan il-mod, il-BMI huwa l-unika entità msemmija fid‑deċiżjoni kkontestata fejn kumpanniji sussidjarji tiegħu kellhom il-fondi tagħhom iffriżati, u dan b’mod kuntrarju, pereżempju, għal Iran Electronic Industries, meta din tal‑aħħar għandha sitt kumpanniji sussidjarji. Bl-istess mod, waqt li l-BMI għandu madwar għoxrin kumpanniji sussidjarji f’diversi oqsma industrijali, huma biss tnejn minnhom, fosthom ir-rikorrenti, li ġew suġġetti għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi.

54      Ir-rikorrenti ssostni, bħala konklużjoni, li jekk l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 huwa ta’ applikazzjoni mandatorja, dan jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Issa, meta “l-formulazzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja tagħti lok għal iktar minn interpretazzjoni waħda”, għandha tiġi pprivileġġata dik li hija konformi mal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat, skont ir-rikorrenti, li l-imsmemija dispożizzjoni tagħti lill-Kunsill setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-iffriżar ta’ fondi tal-kumpannija sussidjarja ta’ entità li tkun involuta fil-proliferazzjoni nukleari.

55      Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, isostni li l-Artikolu 7(2)(d) tar‑Regolament Nru 423/2007 jipprevedi, “mingħajr ambigwità”, li l‑iffriżar ta’ fondi ta’ entità tinvolvi “mingħajr kundizzjoni” l-iffriżar ta’ fondi tal-entitajiet kollha proprjetà ta’ jew ikkontrollati minnha, mingħajr ma tista’ tiġi eżerċitata f’dan ir-rigward kwalunkwe setgħa diskrezzjonali.

56      Il-Kunsill iżid li, jekk l-argument li l-iffriżar ta’ fondi tal-BMI kien suffiċjenti sabiex ir-rikorrenti tinżamm milli tittrasferixxi fondi kien korrett, l-iffriżar ta’ fondi ma jista’ jkun qatt iġġustifikat inkwantu jkun suffiċjenti li jiġi pprojbit l-involviment fil-proliferazzjoni nukleari, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu adottati miżuri kontra entitajiet li għandhom riskju ta’ nonosservanza ta’ din il-projbizzjoni.

57      Barra minn hekk, il-Kunsill josserva li l-BMI u l-kumpanniji sussidjarji tiegħu, inkluża r-rikorrenti, jiffurmaw unità ekonomika, u dan jimplika li l-applikazzjoni tal-miżura tal-iffriżar ta’ fondi għall-kumpanniji sussidjarji hija neċessarja sabiex tiżgura l‑effettività u l-effett imġiegħel tal-miżuri adottati kontra l-BMI u, fl-aħħar mill‑aħħar, kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Il-Kunsill isostni f’dan il-kuntest li, peress li l-Komunità ma għandhiex kompetenza extraterritorjali, l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jiddependu essenzjalment mill-applikazzjoni tagħha għall-kumpanniji sussidjarji u l-fergħat tal-BMI stabbiliti fl-Unjoni Ewropea.

58      Sabiex tingħata risposta għall-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill ma jiffriżax sistematikament fondi tal-kumpanniji sussidjarji kollha tal-entitajiet milquta mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Kunsill isostni wkoll li dawn il-kumpanniji sussidjarji jistgħu jinħolqu f’kull mument, u dan jimplika li mhux dejjem possibbli li tidentifikahom.

59      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq jaqbel mal‑pożizzjoni tal‑Kunsill. Barra l-argumenti ppreżentati minn dan tal‑aħħar, l-ewwel nett, huwa jibbaża ruħu fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, li jipprovdi li l-fondi ta’ ċerti entitajiet “huma ffriżati”. It-tieni nett, huwa jsostni li jkun illoġiku li r-Regolament Nru 423/2007 jipprevedi trattament differenti skont jekk il-fondi humiex tal-entità parent jew ta’ entità proprjetà tagħha jew ikkontrollata minnha, minkejja l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv mill‑ewwel fuq it-tieni. It-tielet nett, l-argument dwar l-Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007 iqajjem biss il-kwistjoni ta’ jekk il-Kunsill jistax sempliċement jindika r-raġunijiet speċifiċi u individwali għall-iffriżar ta’ fondi tal-entità parent u sussegwentement jindika l-entità miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollata bħala tali fl-Anness V tal-imsemmi regolament, mingħajr ebda ġustifikazzjoni addizzjonali.

60      Filwaqt li taqbel mal-pożizzjoni tal-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, il-Kunsill mhuwiex obbligat li jagħti raġunijiet speċifiċi u individwali dwar il-kumpanniji sussidjarji ta’ entità prevista minn miżura ta’ ffriżar ta’ fondi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

61      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il‑kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tifforma parti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12).

62      Dwar it-termini tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, dan tal-aħħar jipprevedi li “[i]l-fondi […] kollha li jappartjenu […lill-] entitajiet […] li, f’konformità ma’ l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, ġew identifikati li huma […] proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn [entità identifikata li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari għandhom ikunu ffriżati]”. Din il-formulazzjoni ġġib żewġ osservazzjonijiet.

63      B’dan il-mod, minn naħa, mill-użu tal-formulazzjoni “ikunu ffriżati”, l‑estensjoni tal-miżura tal-iffriżar ta’ fondi għall-entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati hija obbligatorja, peress li l-Kunsill ma għandux setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Fil-fatt, jekk il‑leġiżlatur ried jagħti lill-Kunsill din is-setgħa diskrezzjonali, huwa kien jesprimi r-rieda tiegħu billi juża formula espressa f’dan is-sens, bħalma hija “jistgħu jkunu iffriżati”.

64      Min-naħa l-oħra, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 7(2)(d) tar‑Regolament Nru 423/2007, il-Kunsill għandu jagħmel evalwazzjoni taċ‑ċirkustanzi f’din il-kawża sabiex jiddetermina liema entitajiet għandhom il‑kwalità ta’ entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati.

65      Il-kuntest tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, u b’mod partikolari l-istruttura ġenerali tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, jikkonferma l-analiżi testwali ta’ din id‑dispożizzjoni. Fil-fatt, sa fejn l-espressjoni “ġew identifikati” qiegħda fil-parti introduttiva ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi kkunsidrat li, bħal f’kull wieħed mill-erba’ każijiet msemmija fil-punti (a) sa (d), il-kwalità ta’ entità “proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn” hija suġġetta għal evalwazzjoni każ b’każ mill-Kunsill.

66      Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-analiżi testwali u kuntestwali hija kompatibbli mal-għan segwit mir-Regolament Nru 423/2007, jiġifieri l-ħsieb li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari u, b’mod iktar ġenerali, li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, fid-dawl tal-gravità tar-riskju li toħloq il-proliferazzjoni nukleari.

67      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007 jimponi fuq il-Kunsill li jiffriża l‑fondi ta’ entità “proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn” entità identifikata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari fis‑sens tal-Artikolu 7(1)(a) jew (b) tal‑istess regolament, filwaqt li l-Kunsill jevalwa każ b’każ il-kwalità ta’ entità “proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn” l-entitajiet ikkonċernati.

68      L-argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jistgħux iqiegħdu f’dubju din il-konklużjoni.

69      B’hekk, l-ewwel nett, sa fejn il-Kunsill għandu jevalwa l-kwalità ta’ entità “proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn”, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l‑elementi rilevanti tal-każ partikolari, bħalma huma l-livell tal-indipendenza operattiva tal-entità inkwistjoni jew l-impatt eventwali tas-sorveljanza ta’ awtorità pubblika li għaliha hija suġġetta. Għall-kuntrarju, in-natura tal-attività tal‑entità kkonċernata u n-nuqqas eventwali ta’ rabta bejn din l-attività u l-proliferazzjoni nukleari mhumiex kriterji rilevanti f’dan il-kuntest, peress li l-adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi tal-entità miżmuma fi proprjetà jew ikkontrollata mhijiex motivata, kif jirriżulta mill-punt 103 iktar ’il quddiem, bil-fatt li hija involuta hija stess fil-proliferazzjoni nukleari. Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li l-miżuri restrittivi adottati skont ir-Regolament Nru 423/2007 għandhom l-għan li jwaqqfu kull għajnuna finanzjarja jew teknika għall‑attivitajiet nukleari u tal-iżvilupp ta’ missili tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni timplika neċessarjament li l-imsemmija miżuri kienu ġew adottati fir-rigward ta’ Stat terz, hekk li għandhom jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mal-interpretazzjoni mogħtija tal-Artikoli 60 KE u 301 KE fis‑sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

70      F’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kunsill mill-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, jirriżulta mill-punti 143 sa 146 iktar ’il quddiem li l-Kunsill huwa obbligat li jindika l‑motivi li wassluh biex jikkunsidra li entità hija “ proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn” entità identifikata bħala li hija involuta fi proliferazzjoni nukleari u li, għalhekk, il-fondi tagħha għandhom jiġu ffriżati skont l‑Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007. Madankollu, dan l‑obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li, ladarba jikkunsidra li l‑kundizzjonijiet magħmula minn din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, il-Kunsill huwa obbligat li jadotta miżura ta’ ffriżar ta’ fondi kontra l‑entità kkonċernata.

71      It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 423/2007 invokati mir‑rikorrenti jipprevedu fl-ewwel lok il-projbizzjoni li jsiru tranżazzjonijiet ma’ entitajiet li ġew identifikati bħala li huma involuti fil-proliferazzjoni nukleari jew li għandhom involviment fihom, fit-tieni lok, obbligu ta’ trasparenza u ta’ kooperazzjoni mal‑awtoritajiet kompetenti u, fit-tielet lok, l-obbligu tal‑Istati Membri li jipprevedu sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-istess regolament. Ċertament dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittixija mill-Kunsill. Madankollu, l-eżistenza biss ta’ regoli li jipprojbixxu li jsiru tranżazzjonijiet mal-entitajiet identifikati bħala li huma involuti fil‑proliferazzjoni nukleari u li jipprevedu obbligi flimkien ma’ sanzjonijiet ma tiggarantixxix li dawn it-tranżazzjonijiet ma jsirux, fil-każ eventwali, minn entità proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn entità identifikata bħala li hija involuta fil‑proliferazzjoni nukleari. Għalhekk, dan il-fatt ma jippermettix li wieħed jikkunsidra superfluwa kull miżura addizzjonali, bħall-iffriżar ta’ fondi ta’ entitajiet proprjetà ta’ jew ikkontrollata mill-entitajiet identifikati bħala li huma involuti fil‑proliferazzjoni nukleari.

72      It-tielet nett, l-argumenti bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tar‑rikorrenti ma jikkonċernawx l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill‑Artikolu 7(2)(d) tar‑Regolament Nru 423/2007, iżda, essenzjalment, żball li l-Kunsill wettaq meta applika din l-istess dispożizzjoni għar-rikorrenti. Għalhekk, dawn l-argumenti mhumiex rilevanti f’dan l‑istadju tal-analiżi. Dawn għandhom jiġu eżaminati, bħala motiv awtonomu, iktar ’il quddiem f’din is-sentenza (ara l-punti 119 sa 129 iktar ’il quddiem).

73      Ir-raba’ nett, f’dak li jikkonċerna l-argument li l-Kunsill ma għandux il‑prassi li jiffriża sistematikament il-fondi tal-kumpanniji sussidjarji kollha tal-entitajiet identifikati li huma involuti fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 423/2007, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l‑Kunsill jista’ leġittimament, kif jirriżulta mill-punt 123 iktar ’il quddiem, ma japplikax l-Artikolu 7(2)(d) tar‑regolament imsemmi għal entitajiet li, fil‑fehma tiegħu, ma jissodisfawx il-kriterji ta’ applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni, u dan minkejja l-fatt li huma kumpanniji sussidjarji ta’ entitajiet identifikati li huma involuti fil‑proliferazzjoni nukleari.

74      Il-ħames nett, kif josservaw il-Kunsill u r-Repubblika Franċiża, mhux possibbli tidentifika, fil-każijiet kollha, l-entitajiet kollha proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entità identifikata bħala li hija involuta fil‑proliferazzjoni nukleari.

75      Fl-aħħar nett, anki jekk wieħed jassumi li l-Kunsill effettivament naqas li jadotta miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ ċerti entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati minn entitajiet identifikati bħala li huma involuti fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 423/2007, minn naħa, għandu jiġi rrimarkat li, sa fejn il‑Kunsill huwa obbligat li josserva dan ir-regolament, il-prassi diverġenti eventwali tiegħu ma tistax validament tidderoga minnu u ma tistax għalhekk toħloq, a fortiori, aspettattivi leġittimi lill-entitajiet ikkonċernati. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-argument inkwistjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jitfakkar li dan tal-aħħar għandu jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, li skontu ħadd ma jista’ jinvoka, favur tiegħu stess, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 160; Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 334, u tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 367). Għalhekk, l‑imġiba eventwalment illegali tal-Kunsill f’każijiet oħra, jekk stess wieħed jassumi li hija stabbilita, ma tistax tiġi utilment invokata insostenn tal‑pożizzjoni tar-rikorrenti.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhijiex rilevanti l-ġurisprudenza li skontha meta test tad-dritt sekondarju Komunitarju jista’ jkollu iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li tagħmel id-dispożizzjoni konformi mat-Trattat u mhux lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tad-dispożizzjoni mal-imsemmi Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1983, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill, 218/82, Ġabra p. 4063, punt 15). Fil-fatt, f’din il-kawża, ma hemm l-ebda dubju fir-rigward tal‑interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007.

77      Madankollu, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegata inkompatibbiltà tal‑interpretazzjoni mogħtija fil-punt 67 iktar ’il fuq mal-prinċipju ta’ proporzjonalità se jiġu evalwati iktar ’il quddiem f’din is-sentenza, fil-kuntest tal‑eżami tal-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 u mqajma mir-rikorrenti fil-Kawża T‑332/08.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007

–       L-argumenti tal-partijiet

78      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità u għalhekk għandu, jiġi ddikjarat inapplikabbli f’dan il-każ skont l-Artikolu 241 KE. Għalhekk, skontha, d‑deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba nuqqas ta’ bażi legali.

79      Sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tagħha, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l‑inkompatibbiltà tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità tirriżulta mill-argumenti esposti fil‑punti 48 sa 54 iktar ’il fuq.

80      Fit-tieni lok, l-iffriżar ta’ fondi tal-entitajiet kollha proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entità identifikata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 423/2007, ma għandux “rabta razzjonali” mal-għan li jikkonsisti f’li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha.

81      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar, l-ewwel nett, li hija bank tar-Renju Unit distint mill-kumpannija parent tagħha u hija tosserva r-regoli kollha applikabbli. Hija tippreċiża li hija kienet suġġetta għall-istess obbligi bħall-banek Komunitarji l-oħra sa fejn jikkonċerna l-miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran u li hija kkonformat magħhom. Sa fejn ma ġiex stabbilit jew allegat li r‑rikorrenti kienet involuta fil-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari, inkwantu l-motivi kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata ma jirreferux għaliha espliċitament u la hija u lanqas il-BMI ma ġew indikati bħala entitajiet li jikkontribwixxu għall‑proliferazzjoni nukleari fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1803 (2008), l-applikazzjoni awtomatika tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi prevista mill-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 ma taqax taħt l-għan li tiġi evitata l‑proliferazzjoni nukleari.

82      Isegwi li l-iffriżar ta’ fondi tar-rikorrenti ma għandux impatt fuq il‑proliferazzjoni nukleari, peress li r-rikorrenti ma kinitx involuta fil-finanzjament tagħha u l‑miżuri meħuda ma jistgħux ibiddlu l-mod ta’ mġiba tal-awtoritajiet Iranjani. F’dan ir‑rigward, ir-rikorrenti tallega barra minn hekk li, fi kwalunkwe każ, hija kkonformat ruħha mad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-BMI u l-entitajiet l‑oħra milquta mill-miżuri restrittivi, u dan jimplika li l-unika konsegwenza tal-iffriżar ta’ fondi hija dik li jiġi evitat li jsiru tranżazzjonijiet ma’ entitajiet li mhumiex involuti fil-proliferazzjoni nukleari. Bl‑istess mod, il-projbizzjoni magħmula lir-rikorrenti milli tagħmel tranżazzjonijiet ma tpoġġix pressjoni ekonomika fuq il-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari, peress li l-attività ewlenija tiegħu tikkonsisti fl-investiment tal-kapital li ġej mill-Iran f’ishma li qegħdin barra minn dan il-pajjiż.

83      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-argument tar-Renju Unit tal‑Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, li l-iffriżar ta’ fondi tal‑entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati jsegwi wkoll l-għan li jagħmlu pressjoni ekonomika fuq il-BMI u r‑Repubbblika Iżlamika tal-Iran, huwa skorrett, peress li din l-interpretazzjoni mhijiex iġġustifikata fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 423/2007.

84      Fit-tielet lok, l-iffriżar ta’ fondi tal-entitajiet kollha proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn entità identifikata bħala li hija involuta fil‑proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 423/2007 mhuwiex il-miżura l-inqas restrittiva li tippermetti li jintlaħaq l-għan li tiġi evitata l‑proliferazzjoni nukleari jew il-finanzjament tagħha jew li jkun hemm viġilanza kontra r-rikorrenti.

85      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-iffriżar tal-fondi tagħha jipprivaha minn possibbiltà li tagħmel tranżazzjonijiet, u b’hekk jikkawża preġudizzju gravi għall-finanzi tagħha u għar-reputazzjoni tagħha. Għalhekk l‑applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 tirrappreżenta ksur sproporzjonat tad-dritt tar‑rikorrenti għat-tgawdija paċifika tal-proprjetà tagħha, għal-libertà tagħha, li tipprovdi servizzi finanzjarji fl-Unjoni Ewropea u għall-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti.

86      Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 huwa sporporzjonat meta mqabbel mar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) li huwa intiż li jimplementa. Fil-fatt, l‑effetti ta’ din id-dispożizzjoni jmorru lil hinn mir-rekwiżit stabbilit mill-punt 10 ta’ din l-aħħar riżoluzzjoni, li sempliċement isejjaħ lill-Istati sabiex juru viġilanza fl‑attivitajiet tal-BMI u tal-kumpanniji sussidjarji tiegħu.

87      Fl-aħħar nett, filwaqt li jenfasizza li l-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll huma adegwati, ir-rikorrenti ssostni li miżuri oħra inqas restrittivi mill-iffriżar tal-fondi tagħha jistgħu jkunu applikati alternattivament, jiġifieri kumulattivament, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir‑rikorrenti ssemma t-tisħiħ tas-sorveljanza tal-osservanza minnha tal-miżuri restrittivi, ir-rekwiżit ta’ trasparenza ikbar fir-rigward tal-attivitajiet tagħha, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-dettalji tal-kontijiet u tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati, l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex is-sitwazzjoni tiegħu terġa’ tiġi eżaminata regolarment u t-tisħiħ tal‑kooperazzjoni mal-FSA u l-grupp ta’ ħidma finanzjarja tar-Renju Unit. Matul is-seduta, hija reġgħet rreferiet għall-approvazzjoni minn qabel tat-tranżazzjonijiet u s-sorveljanza tagħhom minn mandatarju indipendenti, kif ukoll il-projbizzjoni totali ta’ tranżazzjonijiet mal-Iran.

88      Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, isostni li l-iffriżar tal-fondi tar‑rikorrenti huwa marbut mal-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari, peress li dan huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-miżuri meħuda f’dan il‑kuntest kontra l-kumpannija parent tagħha, il-BMI, ikunu effikaċi u ma jkunux evażi. Il-Kunsill jenfasizza f’dan il-kuntest li r-rikorrenti hija taħt il-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, skont il-Kunsill, il-fondi tar-rikorrenti jistgħu jintużaw direttament jew indirettament sabiex jipprovdu sostenn għall‑proliferazzjoni nukleari u, għalhekk, l-iffriżar ta’ dawn il-fondi huwa neċessarju, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li l-miżuri kontra l-BMI jkunu evażi minn trasferimenti li jsiru mir-rikorrenti favur il-BMI jew kumpanniji sussidjarji jew fergħat oħra ta’ dan tal-aħħar, jekk ikun il-każ bl-intervent ta’ terzi li r-rabta tagħhom mal-BMI ma tkunx magħrufa.

89      F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrimarka wkoll li, peress li l-Komunità ma għandhiex kompetenza extraterritorjali, l-effett tad-deċiżjoni kkontestata jiddependi prinċipalment mill-applikazzjoni tagħha għall‑fergħat u għall-kumpanniji sussidjarji tal-BMI stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, inkluża r-rikorrenti.

90      Il-Kunsill iżid li l-miżuri alternattivi proposti mir-rikorrenti ma jiżgurawx li l-għan segwit jintlaħaq. B’hekk, l-għoti obbligatorju ta’ dettalji dwar il-kontijiet u t-tranżazzjonijiet kkonċernati jkun mingħajr effett għat-tranżazzjonijiet li diġà saru. Bl-istess mod, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ma jevitax li jitwettqu tranżazzjonijiet bl‑intervent ta’ terzi li l-involviment tagħhom fil-proliferazzjoni nukleari ma jkunx magħruf.

91      Il-Kunsill isostni wkoll li jekk ir-rikorrenti iġġarrab ċertu preġudizzju minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza tagħha matul il-perijodu fejn il-fondi tagħha jibqgħu ffriżati ma tkunx f’perikolu. F’dan ir-rigward, huwa jsemmi l-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 423/2007, kif ukoll ir-riżervi finanzjarji sostanzjali tal-BMI u l-fatt li diversi banek kummerċjali għaddew minn perijodi li fihom ma għamlux profitti. Dwar il-ħsara għar‑reputazzjoni tar-rikorrenti, il-Kunsill iqis li din tirriżulta diġà mir‑Riżoluzzjoni 1803 (2008), li fiha kemm il-BMI kif ukoll il-fergħat u l-kumpanniji sussidjarji tiegħu ġew imsemmija espressament.

92      Il-Kunsill jikkonkludi li, fid-dawl tal-importanza taż-żamma tal-paċi u tas‑sigurtà internazzjonali, ir-rifjut tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran li tissospendi l-proliferazzjoni nukleari u tal-kontroll tar-rikorrenti minn entità involuta fiha, l‑iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti mhuwiex sproporzjonat.

93      Barra l-argumenti mressqa mill-Kunsill, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal‑Irlanda ta’ Fuq isostnu li l-iffriżar ta’ fondi tal-entitajiet proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn entità identifikata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari skont l‑Artikolu 7(2)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 423/2007 isegwi wkoll l-għan li jagħmlu pressjoni ekonomika fuq il-BMI u, fl‑aħħar mill-aħħar, fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Issa, l-attività ekonomika mhux interrotta tar-rikorrenti tkompli tkun ta’ benefiċċju għall-BMI, kemm finanzjarjament kif ukoll permezz tar‑reputazzjoni u l-preżenza tar-rikorrenti fis-suq.

94      Bl-istess mod, skont ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, id‑deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata sabiex timplementa r‑Riżoluzzjoni 1803 (2008), iżda għall-implementazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, li huwa fih innifsu intiż sabiex jilħaq l-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006). Barra minn hekk, il-fatt li l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti u tal-BMI ma ntalabx fir-Riżoluzzjoni 1803 (2008) ma jimplikax li din il-miżura ma tistax tiġi deċiża mill-Kunsill.

95      F’dak li jikkonċerna l-impatt tad-deċiżjoni kkontestata fuq ir-rikorrenti, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq jindika li r-rikorrenti diġà ngħatatilha iktar minn mitt awtorizzazzjoni skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 423/2007. Għalhekk, l-eżistenza tar-rikorrenti mhijiex fil-periklu.

96      Ir-Repubblika Franċiża żżid li l-effikaċja tal-miżuri inqas restrittivi proposti mir‑rikorrenti tippreżumi relazzjoni ta’ fiduċja ma’ din tal‑aħħar. Issa, din ir‑relazzjoni tkun impossibbli ma’ kumpannija kkontrollata mill-BMI.

97      Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Franċiża, il-fatt li r-rikorrenti għandha tosserva l-miżuri restrittivi u li ksur tar-regoli applikabbli jiġi punit b’sanzjonijiet kriminali ma għandux rilevanza. Fil-fatt, il-miżuri restrittivi għandhom għan preventiv, waqt li sanzjonijiet kriminali japplikaw biss a posteriori. Barra minn hekk, waqt li l-miżuri restrittivi japplikaw għar-rikorrenti, il-bidu eventwali ta’ proċeduri kriminali kontra wieħed mill-impjegati tagħha ma jimplikax lir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

98      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità tikkonsisti f’kontestazzjoni tal-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ miżuri restrittivi stabbiliti permezz tar‑Regolament Nru 423/2007, jiġifieri l-Artikolu 7(2)(d) tiegħu, li jimponi fuq il‑Kunsill, kif jirriżulta mill-punti 61 sa 67 iktar ’il fuq, l-iffriżar ta’ fondi ta’ entitajiet proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entità identifikata bħala li hija involuta fil‑proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tal-istess regolament. Minn dan jirriżulta li, minn naħa, l-iżviluppi spjegati fil-punt 45 iktar ’il fuq huma applikabbli f’dak li jikkonċerna r-rigorożità tal-istħarriġ tal-Qorti tal‑Prim’Istanza u, min-naħa l-oħra, b’analoġija ma’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 74 iktar ’il fuq, l‑argumenti dwar ir-relazzjoni eżistenti bejn ir-rikorrenti u l-BMI, kif ukoll il‑pożizzjoni speċifika tar-rikorrenti bħala bank tar-Renju Unit, mhumiex rilevanti fil‑kuntest tal-eżami ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità. Iżda, għall-kuntrarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal‑ilment li l-applikazzjoni għar-rikorrenti tal-Artikolu 7(2)(d) tar‑Regolament Nru 423/2007 ma kinitx iġġustifikata. Għalhekk, dawn l‑argumenti ser jiġu eżaminati fil-punti 119 sa 129 iktar ’il quddiem.

99      Għandu wkoll jiġi kkonstatat li r-riferiment għar-Riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà 1803(2008) hija irrilevanti. Fil-fatt, b’mod differenti mill‑Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007, l‑applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tiegħu huwa indipendenti mill‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi mill-Kunsill tas‑Sigurtà. L-għan stess ta’ din l-aħħar dispożizzjoni huwa li jippermetti lill‑Kunsill li jadotta, jekk iqis iġġustifikat, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu bbażati fuq l‑Artikoli 60 KE u 301 KE, miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi intiżi għal entitajiet li mhumiex suġġetti għal miżuri analogi deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 ma jimplementax ir-Riżoluzzjoni 1803 (2008), u dan jimplika li l-kontenut ta’ din l-aħħar riżoluzzjoni ma jikkostitwixxix kriterju li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

100    Skont il-ġurisprudenza, minħabba l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill‑prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, il-legalità tal-projbizzjoni ta’ attività ekonomika hija suġġetta għall-kundizzjoni li miżuri ta’ projbizzjoni jkunu xierqa u meħtieġa għat-twettiq tal‑għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 13). Għalhekk huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

101    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, miġbura fil‑qosor fil-punti 48 sa 54 iktar ’il fuq, huma rilevanti għall-eżami tal‑kompatibbiltà ta’ din l-istess dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma għandhom jiġu miċħuda għall-motivi spjegati fil-punti 69 sa 76 iktar ’il fuq.

102    Fit-tieni lok, dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn l-Artikolu 7(2)(d) tar‑Regolament Nru 423/2007 u l-għan imfittex, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 423/2007 għandu l-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha u b’hekk issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex ittemm l‑attivitajiet ikkonċernati. Dan l-għan jagħmel parti mill-kuntest iktar ġenerali tal-isforzi marbuta maż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u huwa, għalhekk, leġittimu, u barra minn hekk, dan mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

103    Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-iffriżar ta’ fondi proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entità identifikata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 423/2007 huwa marbut mal‑għan spjegat fil-punt preċedenti. Fil-fatt, meta l-fondi ta’ entità identifikata bħala li hija involuta fil‑proliferazzjoni nukleari jkunu ffriżati, ikun hemm riskju mhux insinjifikattiv li din teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li hija żżomm bi proprjetà jew tikkontrolla sabiex tevita l-effett ta’ miżuri li jsiru kontra tagħha, billi tħeġġiġhom jittrasferixxulha, direttament jew indirettament, il-fondi tagħhom jew sabiex jagħmlu tranżazzjonijiet li hija ma tistax tagħmel hija stess minħabba l-iffriżar tal-fondi tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-iffriżar ta’ fondi tal-entitajiet proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entità identifikata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari huwa meħtieġ u xieraq għall-iżgurar tal-effikaċja tal-miżuri adottati kontra din tal-aħħar u sabiex jiġi ggarantit lil dawn il‑miżuri ma jkunux evażi.

104    Barra minn hekk, l-eżistenza tar-riskju li għadu kif ġie deskritt tippermetti li jiġi spjegat, minn naħa, il-fatt diskuss fis-seduta li l-entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati huma previsti mir-Regolament Nru 423/2007, anki jekk mhumiex espressament imsemmija fil-premessi 2 u 6 tiegħu li jistabbilixxu l-miżuri restrittivi differenti inkwistjoni. Min-naħa l‑oħra, hija tippermetti li tispjega li mhijiex rilevanti l-kwistjoni dwar jekk l-entità miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollata hijiex hija stess involuta fil-proliferazzjoni nukleari.

105    Iċ-ċirkustanzi l-oħra invokati mir-rikorrenti ma jistgħux ibiddlu din il‑konklużjoni. B’hekk, il-fatt li l-entità miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollata ma kinitx suġġetta għal miżuri dixxiplinari jew leġiżlattivi fil-passat u li hija osservat is-sistema ta’ sanzjonijiet u l-miżuri restrittivi fis-seħħ mhumiex rilevanti f’dan ir-rigward, peress li, sakemm l-entità parent ma kinitx prevista minn miżura ta’ ffriżar ta’ fondi, hija setgħet, bla ħsara għall-osservanza ta’ regoli oħra applikabbli, tittrasferixxi l-fondi tal-entitajiet li hija żżomm bi proprjetà jew tikkontrolla u tagħmel tranżazzjonijiet li minn issa ’l quddiem huma inkompatibbli mal-miżuri restrittivi adottati. Għalhekk, hija ma kellhiex raġuni sabiex teżerċita pressjoni fuq dawn l-aħħar entitajiet. Bl-istess mod, dikjarazzjoni tal-entità miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollata li hija tirrispetta l-konsegwenzi tal-iffriżar tal-fondi tal‑entità parent tagħha ma tiggarantix b’mod suffiċjenti li l-pressjoni eventwalment eżerċita minn din tal-aħħar ma tkunx effikaċi.

106    Min-naħa l-oħra, għandha tiġi miċħuda t-teżi tar-Renju Unit tal‑Gran-Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq li l-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati jsegwi wkoll l-għan li jeżerċita pressjoni ekonomika fuq ir‑Repubblika Iżlamika tal-Iran permezz tal-BMI, billi jimpedixxi lil dan tal-aħħar milli jibbenefika mill-profitti, mir-reputazzjoni u mill‑pożizzjoni fis-suq tar‑rikorrenti. Fil-fatt, il-miżuri restrittivi stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 423/2007 ma għandhomx l-għan li jeżerċitaw din il-pressjoni ekonomika. F’dan ir‑rigward għandu jiġi osservat li jekk dawn il-miżuri, stabbiliti mill-premessi 2 u 6 tar‑Regolament Nru 432/2007, għandhom ċertament l-għan li jagħmlu pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, madankollu dawn jinvolvu biss restrizzjonijiet ta’ prekawzjoni intiżi sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha. Madankollu, ma hemm xejn fir-Regolament Nru 423/2007 li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn il-miżuri huma intiżi li jaffettwaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-entitajiet ikkonċernati, lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari u l‑finanzjament tagħha.

107    Fit-tielet lok, dwar l-eżistenza ta’ miżuri oħra inqas restrittivi mill-iffriżar ta’ fondi li jistgħu jkunu applikati alternattivament jew kumulattivament sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li ma ġiex stabbilit li l-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll eżistenti fil‑mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma adegwati fid-dawl tar-riskju spjegat fil-punt 103 iktar ’il fuq.

108    Issa, it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-osservanza tal-miżuri restrittivi mill‑awtoritajiet kompetenti u kooperazzjoni ikbar magħhom, ir‑rekwiżit ta’ trasparenza partikolari f’dak li jikkonċerna l-attivitjiet tar‑rikorrenti u l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex is-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar terġa’ tiġi eżaminata regolarment huma miżuri ex post li jikkonċernaw tranżazzjonijiet li diġà saru u għalhekk ma jistgħux jevitaw tranżazzjonijiet eventwali inkompatibbli mal-miżuri restrittivi deċiżi. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-effikaċja tagħhom tippreżumi li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi li jidentifikaw jekk il-parti l-oħra fit‑tranżazzjoni hijiex jew le marbuta mal-BMI, jew ma’ entità oħra identifikata bħala li hija parteċipanti fil‑proliferazzjoni nukleari.

109    Fl-aħħar nett, rigward il-miżuri msemmija l-ewwel darba fis-seduta, għandu jiġi kkunsidrat li dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, huwa bi ksur tal‑Artikolu 48(2) u tal-Artikolu 76a(3) tar-Regoli tal‑Proċedura li dawn il-miżuri ġew invokati matul il-kawża mingħajr ma nġiebet ebda ġustifikazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-prattiċità ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ sorveljanza permezz ta’ mandatarju indipendenti ma ġietx stabbilita mir-rikorrenti. Il-projbizzjoni totali ta’ tranżazzjonijiet mal‑Iran ma tistax tkun, fi kwalunkwe każ effikaċi sabiex tipprevjeni t‑tranżazzjonijiet mal-intermedjarji li ma jinsabux f’dan il-pajjiż u li l‑assoċjazzjoni tagħhom mal-BMI mhijiex magħrufa.

110    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-miżuri alternattivi proposti mir‑rikorrenti mhumiex adegwati sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

111    Fir-raba’ lok, f’dak li jikkonċerna d-diffikultajiet kkawżati lir-rikorrenti, jirriżulta mill-ġurisprudenza li d-drittijiet fundamentali li din tal-aħħar tinvoka, jiġifieri d-dritt ta’ proprjetà u d-dritt li wieħed jeżerċita attività ekonomika, mhumiex drittijiet assoluti u jistgħu jsiru restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali li l‑Komunità tfittex li tilħaq. B’hekk, kull miżura restrittiva ekonomika jew finanzjarja għandha, bħala tali, effetti fuq id-drittijiet ta’ proprjetà u l-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet professjonali, u għalhekk tikkawża danni lill-persuni li fir-rigward tagħhom ma ġietx stabbilita r-responsabbiltà għas‑sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni. L-importanza tal‑għanijiet li l-leġiżlazzjoni kkontestata tfittex li tilħaq hija tali li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, Ġabra p. I‑3953, punti 21 sa 23, u Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 354 sa 361).

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika kif ukoll id-dritt ta’ proprjetà ta’ stabbiliment bankarju li jinsab fit‑territorju tal-Komunità huma ristretti b’mod sostanzjali bl‑iffriżar tal-fondi tiegħu. Fil-fatt, l-entità inkwistjoni ma tistax tikkonkludi tranżazzjonijiet ġodda mal‑klijenti tagħha u, sakemm ma jkollhiex awtorizzazzjonijiet speċifiċi, ma tista’ tagħmel ebda trasferiment tal-fondi tagħha. Madankollu, fid-dawl tal‑importanza ewlenija taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, il-Qorti tal‑Prim’Istanza tikkunsidra li l-iżvantaġġi maħluqa mhumiex sproporzjonati fil-kuntest tal‑għanijiet previsti.

113    Fl-aħħar nett, rigward il-ksur tal-moviment liberu tal-kapital u tal‑pagamenti imsemmi mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 60 KE, li jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw dan il-qasam, jawtorizza espliċitament lill‑Kunsill sabiex jieħu miżuri urġenti dwar il-moviment tal-kapital u tal‑pagamenti rigward pajjiżi terzi, skont il-proċedura prevista mill-Artikolu 301 KE. Issa, huwa preċiżament abbażi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li r-Regolament Nru 423/2007 ġie adottat, li jimplika li r-restrizzjonijiet li dan tal-aħħar għandu jagħmlu parti mir-regoli li jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital u tal‑pagamenti stabbilit mill-imsemmi trattat u għalhekk ma jistgħux ikunu inkompatibbli miegħu.

114    Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għandu jiġi konkluż li ma ġiex stabbilit li l‑Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 huwa inkompatibbli mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, hemm lok li l‑eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti kontra din id-dispożizzjoni tiġi miċħuda.

 Fuq il-kwalità ta’ entità “proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn” tar‑rikorrenti, skont l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007

–       L-argumenti tal-partijiet

115    Ir-rikorrenti ssostni li s-sitwazzjoni partikolari tagħha tillimita ħafna l‑kontroll li l-BMI jista’ jeżerċita fuqha, hekk li mhemmx lok li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 jiġi applikat fuqha.

116    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li hija tikkostitwixxi entità ġuridika distinta u awtonoma mill-BMI, li b’mod partikolari ma tindaħalx fil-amministrazzjoni ta’ kuljum tiegħu. It-tieni nett, kemm ir‑rikorrenti kif ukoll id-diretturi u l‑impjegati tagħha huma suġġetti għar-Regolament Nru 423/2007 u għall-miżuri restrittivi l-oħra, sistemi ta’ sanzjonijiet u leġiżlazzjonijiet applikabbli u josservawhom. It-tielet nett, skont id-dritt Ingliż, id-diretturi ta’ kumpannija għandhom diversi obbligi vis-à-vis l-istess kumpannija, u mhux l-azzjonisti tagħha, u tkeċċija mhux iġġustifikata ta’ direttur hija illegali. Ir-raba’ nett, bħala bank tar-Renju Unit, ir-rikorrenti hija ssorveljata mill-FSA, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet tagħha mal-BMI kif ukoll il-ħatra u l‑kompożizzjoni tal-persunal tal-amministrazzjoni tagħha. Issa, la hija u lanqas id-diretturi mħallsa tagħha ma huma suġġetti għal miżuri leġiżlattivi jew dixxiplinari mill-FSA, li wieħed mill-għanijiet tagħha huwa dak li tiġġieled il‑kriminalità finanzjarja, inkluż fiha l-finanzjament tat-terroriżmu u l‑proliferazzjoni nukleari. Il-ħames nett, ir-rikorrenti tgħid li hija disposta li tikkonkludi, jekk ikun meħtieġ, ftehim li bih ebda wieħed mid-diretturi tagħha ma jkun jista’ jiġi ssostitwit mingħajr il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti.

117    Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jirreferi għall-ġurisprudenza fil-qasam tad‑dritt tal-kompetizzjoni sabiex isostni li, peress li hija kompletament proprjetà tal-BMI, ir-rikorrenti hija taħt il-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar u ma għandhiex, minħabba dan il-fatt, awtonomija reali fid-determinazzjoni tal-linja ta’ azzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, huwa jsemmi li, x’aktarx, id-diretturi tar-rikorrenti kienu ġew maħtura mill-BMI, għandhom jagħtu rendikont lilu u jistgħu jiġu minnu mkeċċija.

118    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq iżid li l-impenn propost mir‑rikorrenti mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi evitat kontroll sinjifikattiv mill‑BMI fuqha, peress li huwa improbabbli li l-impenn ikun implementat, peress li dan jista’ jiġi rtirat f’kull mument u ma jistax jipprevali fuq ir-regoli applikabbli tad-dritt Ingliż dwar il-kumpanniji.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

119    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li dan il-motiv jikkonċerna l‑legalità ta’ deċiżjoni li biha l-miżuri restrittivi introdotti permezz tar‑Regolament Nru 423/2007 ġew applikati għal entità speċifika. Din iċ-ċirkustanza timplika li l-proċedura tal-isħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija dik imsemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq.

120    F’din il-kawża, jirriżulta, kemm mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Kunsill ippreżentati matul is-seduta, li dan tal‑aħħar iddeċieda li japplika l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 għar-rikorrenti peress li din kienet entità “proprjetà” tal-BMI. Prima facie, jidher li l-kontenut ta’ dan il-kunċett huwa preċiż, peress li jirreferi għall‑involviment tal-BMI fil-kapital tar‑rikorrenti. Madankollu, għandu jiġi osservat li, skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, l-analiżi tal‑kunċett inkwistjoni ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq il-kontenut semantiku tiegħu, iżda, barra minn hekk, għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni r-rabta li hemm bejn l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 u l-għan imfittex mir‑Regolament Nru 423/2007, kif spjegat fil-punti 102 u 103 iktar ’il fuq.

121    Għalhekk, għandu jiġi mfittex jekk, minħabba l-fatt li hija proprjetà tal-BMI, ir‑rikorrenti tistax, bi probabbiltà li mhijiex insinjifikattiva, tiġi mwassla tevadi l-effett tal‑miżuri adottati kontra l-entità parent tagħha. F’dan il-kuntest, huwa utli għall‑Qorti tal-Prim’Istanza li timxi fuq il‑ġurisprudenza fil-qasam tad-dritt tal‑kompetizzjoni u li tirrigwarda r-responsabbilità tal-kumpannija parent għall‑imġiba illegali ta’ kumpannija sussidjarja tagħha. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, għandu jiġi evalwat jekk l-eżistenza ta’ influwenza deċiżiva tal-kumpannija parent tistax twassal lill-kumpannija sussidjarja tapplika l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent minflok ma tiddeċiedi l-imġiba tagħha b’mod awtonomu (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 133, u tal-24 ta’ Ottubru 1996, Viho vs Il-Kummissjoni, C‑73/95 P, Ġabra p. I‑5457, punt 16), u dan anki minkejja li, fiż‑żewġ każijiet, l-imġiba imposta mill-entità parent mhijiex tal-istess natura fl‑ewwel u fit-tieni każ.

122    Din id-differenza timplika, barra minn hekk, li fl-interpretazzjoni tar‑Regolament Nru 423/2007 għandha tingħata importanza ikbar lill-elementi li jirrigwardaw il-ħatra tal‑persunal milli lill-elementi l-oħra meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad‑dritt tal-kompetizzjoni. Fil‑fatt, sabiex l-imġiba tal-entità miżmuma bi proprjetà tiġi influwenzata b’mod utli, il-pressjoni li ssir mill-entità parent, imsemmija fil-punt 103 iktar ’il fuq, għandha essenzjalment tkun intiża għad-diretturi u/jew għall‑impjegati ta’ din tal-aħħar.

123    F’dan ir-rigward, il-fatt li entità hija totalment proprjetà ta’ oħra jimplika ġeneralment li t-tieni waħda għandha d-dritt li taħtar id‑diretturi tal-ewwel waħda u għalhekk tista’ teżerċita kontroll effettiv fuq il-kompożizzjoni tal-amministrazzjoni ta’ din tal-aħħar u, fl‑aħħar mill-aħħar, fuq il-persunal kollu. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar‑Regolament Nru 423/2007 għal entità proprjetà, anki totalment, tal-entità parent ma tiġix iġġustifikata fid-dawl tal-eżistenza ta’ fatturi li jibbilanċjaw l‑influwenza tat-tieni waħda fuq l-ewwel waħda.

124    F’din il-kawża, mhuwiex ikkontestat li l-BMI għandu l-proprjetà tal‑kapital kollu tar-rikorrenti u jista’, minħabba dan il-fatt, jaħtar u jissostitwixxi d-diretturi ta’ din tal-aħħar. Huwa jista’ wkoll ikollu influwenza fuq il-persunal tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li hemm riskju li mhuwiex insinjifikattiv li l-BMI jkun jista’ jwassal lir-rikorrenti sabiex tagħmel tranżazzjonijiet preklużi mir‑Regolament Nru 423/2007, billi ssir pressjoni fuq id-diretturi tagħha, jew, permezz tagħhom, fuq il-membri l-oħra tal-persunal tagħha. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi msemmija mir‑rikorrenti jistgħux jikkontrobilanċjaw din l‑influwenza.

125    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-fatt li r-rikorrenti għandha personalità ġuridika u li l-BMI ma jindaħalx fil-ġestjoni ta’ kuljum huwa mingħajr rilevanza. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi ma jaffettwawx l-influwenza li l‑BMI għandu, direttament jew indirettament, fuq il-persunal tar‑rikorrenti.

126    Fit-tieni lok, il-fatt li r-rikorrenti u l-persunal tagħha osservaw il-miżuri restrittivi, is-sistemi ta’ sanzjonijiet u leġiżlazzjonijiet oħra fis-seħħ u ma kinux suġġetti għal miżuri dixxiplinari jew leġiżlattivi fil-passat huwa, anki dan, mingħajr rilevanza, għar-raġunijiet spjegati fil-punt 105 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, il-Qorti tal‑Prim’Istanza tikkunsidra li n-natura dissważiva tas-sanzjonijiet li għalihom huma esposti l-membri tal-persunal tar-rikorrenti mhijiex suffiċjenti, b’mod partikolari, peress li jistgħu jittieħdu miżuri sabiex tinħeba n-natura illegali tat‑tranżazzjonijiet ikkonċernati, b’mod partikolari billi jintużaw intermedjarji li l‑assoċjazzjoni tagħhom mal-BMI mhijiex magħrufa.

127    Fit-tielet lok, b’analoġija għal dak li ġie spjegat fil-punt 71 iktar ’il fuq, is‑sempliċi eżistenza ta’ ċerti obbligi ta’ diretturi skont id-dritt Ingliż ma jiggarantixxix li dawn l-istess obbligi jkunu rrispettati. Issa, peress li ksur eventwali jista’ jkun magħruf biss a posteriori, l-eżistenza tal‑obbligi inkwistjoni ma tistax tiżigura effett preventiv ekwivalenti għal dak tal-miżuri restrittivi. Sa fejn ir-rikorrenti tipproponi f’dan il-kuntest li tissuġġetta l-ħatra tad-diretturi futuri tagħha għall-ftehim mal-awtoritajiet kompetenti, għandu jiġi osservat li, minn naħa, mhuwiex stabbilit li din il-proċedura tista’ titwettaq u li hija skont id-dritt Ingliż u, min-naħa l-oħra, hija ma ssolvix, fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjoni tad-diretturi attwali tar-rikorrenti, li kienu ġew maħtura mill-BMI.

128    Fl-aħħar u fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat li l-għan essenzjali tas-sorveljanza tal‑banek li ssir mill-FSA mhuwiex l-osservanza tal-miżuri restrittivi kontra ċerti entitajiet, iżda ż-żamma ta’ sistema finanzjarja stabbli, effikaċi u ġusta. Jekk dan l-għan jinkludi ċerti aspetti marbuta mal‑kriminalità finanzjarja, dawn jikkonċentraw fuq il-ħasil tal-flus, il-frodi u l-insider trading. Għall-kuntrarju, it‑tħaddim tal-miżuri effettivi u s-sorveljanza tal-osservanza tagħhom, inkluż dak li jikkonċerna l-miżuri introdotti mir-Regolament Nru 423/2007, jaqa’ direttament fil-kompetenza tal-HM Treasury (Ministeru tal-Finanzi Brittaniku), li waqqaf unità speċjali għal dan il-għan u li huwa wkoll kompetenti sabiex jagħti awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 432/2007. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sorveljanza li ssir mill-FSA fuq ir-rikorrenti f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet tagħha mal-BMI u l-ħatra tad-diretturi tagħha u ta’ ċerti membri oħra tal‑persunal tagħha ma tistax tikkontrobilanċja l-influwenza li hemm fuq ir-rikorrenti mill-entità parent tagħha.

129    Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l‑Kunsill ġustament ikkunsidra li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 kien applikabbli għar-rikorrenti. Għalhekk dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-“prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

–       L-argumenti tal-partijiet

130    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-“prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni” peress li, minn naħa, hija tittratta lir-rikorrenti b’mod differenti minn banek li jinsabu f’sitwazzjoni materjalment identika u li, min-naħa l-oħra, hija tittratta lir-rikorrenti b’mod ugwali għal dawk li jinsabu f’sitwazzjoni materjalment differenti.

131    B’hekk, ir-rikorrenti hija f’sitwazzjoni li tista’ titqabbel ma’ dik ta’ banek oħra tar-Renju Unit, u b’mod partikolari l-Persia International Bank plc u l-Bank Saderat plc (iktar ’il quddiem il-“Bank Saderat”), li huma wkoll kumpanniji sussidjarji fir-Renju Unit ta’ banek Iranjani li jappartjenu lil-Istat Iranjan. It-tliet banek għandhom ikunu suġġetti għal viġilanza mill-Istati skont ir-Riżoluzzjoni 1803 (2008), peress li, barra minn hekk, il-Bank Saderat ġie msemmi espressament fiha, bħalma ġiet msemmija r‑rikorrenti. Bl‑istess mod, huma jinsabu lkoll indikati fil-lista tal-United States Department of the Treasury (Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti) li jelenka l-banek suspettati li jagħmlu tranżazzjonijiet bi ksur ta’ miżuri restrittivi u ta’ sistemi ta’ sanzjonijiet fis-seħħ. Issa, ir-rikorrenti hija l-uniku waħda li l-fondi tagħha ġew iffriżati.

132    Għall-kuntrarju, minħabba l-iffriżar tal-fondi tiegħu, ir-rikorrenti ġiet suġġetta għall‑istess trattament bħall-Bank Sepah International, li madankollu jinsab f’sitwazzjoni materjalment differenti. Fil-fatt, għalkemm il-Kunsill tas-Sigurtà indika b’mod speċifiku lil dan tal-aħħar fir-Riżoluzzjoni 1747 (2007) bħala entità involuta fil-proliferazzjoni nukleari, huwa sejjaħ lill-Istati biex jagħmlu viġilanza biss fir‑rigward tar-rikorrenti, skont ir-Riżoluzzjoni 1803 (2008).

133    Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, isostni li huwa ma indikax lir-rikorrenti peress li huwa kumpannija sussidjarja ta’ bank tal-Istat Iranjan jew peress li hija ġiet msemmija fir-Riżoluzzjoni 1803 (2008) jew ukoll peress li tissemma fil-lista stabbilita mill-United States Department of the Treasury. Fil-fatt, jgħid li bbaża ruħu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni indipendenti tiegħu, fuq il-fatt li l-BMI pprovda għajnuna finanzjarja lill-kumpanniji li huma involuti fil-proliferazzjoni nukleari. Għalhekk, it-tqabbil mal-Persia International Bank u l-Bank Saderat ma għandux rilevanza.

134    Il-Kunsill ikompli jallega li r-rikorrenti tinsab f’sitwazzjoni li titqabbel ma’ dik tal‑Bank Sepah International, peress li, kemm il-kumpannija parent ta’ dan tal‑aħħar, il-Bank Sepah, kif ukoll il-BMI, huma involuti fil-proliferazzjoni nukleari. Għalhekk, l-iffriżar tal-fondi tagħhom, kif ukoll dawk tal-kumpanniji sussidjarji u l-fergħat tagħhom, huwa ġġustifikat. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jenfasizza li huwa liberu li jadotta miżuri awtonomi ta’ ffriżar ta’ fondi li jmorru lil hinn mill-miżuri imposti mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u li b’hekk jimplementa l-politika tiegħu fil-qasam tan-nonproliferazzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

135    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt, jipprojbixxi li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il-Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, Ġabra p. II‑2823, punt 150).

136    Jirriżulta mill-eżami tal-motivi preċedenti li l-kriterju determinanti għall‑implementazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, u għalhekk il-kriterju ta’ tqabbil applikabbli sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza eventwali ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, huwa dak dwar jekk l-entità inkwistjoni hijiex proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn entità identifikata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tal-istess regolament.

137    F’dan il-każ, il-BMI ġie identifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala entità involuta fil-proliferazzjoni nukleari, u ġie konkluż fil-punt 30 iktar ’il fuq li l‑fondatezza ta’ din il-konstatazzjoni ma tagħmilx parti mis-suġġett tal-preżenti kawżi. Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 119 sa 129 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti hija entità “proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn” skont l‑Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk wieħed jassumi li l-Kunsill effettivament naqas li jadotta miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fir‑rigward ta’ ċerti entitajiet miżmuma fi proprjetà jew ikkontrollati minn entitajiet identifikati bħala li huma involuti fil-proliferazzjoni nukleari, bħalma huwa l‑Persia International Bank jew il-Bank Saderat, dan il-fatt ma jistax jiġi invokat validament mir-rikorrenti għar-raġunijiet spjegati fil-punt 75 iktar ’il fuq. Għalhekk l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

138    F’dak li jikkonċerna t-tieni lment, għandu jiġi osservat li, b’mod differenti mir-rikorrenti, li l-fondi tagħha ġew iffriżati skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, il-miżura intiża għall-Bank Sepah International ġiet adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-istess regolament. Dan il-fatt jimplika li dan l-ilment ma għandu ebda effett peress li jirrigwarda allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 432/2007, peress li d-dispożizzjoni inkwistjoni ġiet implementata biss f’waħda miż-żewġ każijiet imressqa mir-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma allegat li l-entità parent tal-Bank Sepah International ma kinitx involuta fil-proliferazzjoni nukleari. Għalhekk ma ġiex stabbilit li hija jinsab, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni fattwali differenti minn dik tal-Bank Sepah International.

139    Għaldaqstant, hemm lok li l-motiv preżenti jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

140    Ir-rikorrenti tfakkar li l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 jimponi obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l‑iffriżar ta’ fondi għandha tissodisfa skont il‑ġurisprudenza. Hija tkompli ssostni li, f’dan il-każ, huwa biss fl‑osservazzjonijiet dwar it-talba għal miżuri provviżorji fil-Kawża T-246/08R li l‑Kunsill indika r-raġuni tal-iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti, jiġifieri l-fatt li hija kkontrollata mill-BMI, li hija involuta fil-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari, u li l-iffriżar ta’ fondi kien, għalhekk, neċessarju sabiex tiġi ggarantita l‑effikaċità tal-miżuri addottati kontra l-BMI. B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

141    Sabiex jirrispondi, f’dan il-kuntest, għall-argument tar-Repubblika Franċiża li mhuwiex neċessarju li jiġu identifikati, fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, l-entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati li għalihom huma applikabbli l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, ir-rikorrenti ssostni li dan il-metodu jimpedixxi lil terzi milli jivverifikaw jekk humiex qed “jitrattataw” ma’ dawn l‑entitajiet u għalhekk humiex qed jagħmlu tranżazzjonijiet ipprojbiti mill-istess regolament.

142    Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, isostni li, sa fejn l-iffriżar ta’ fondi ta’ entità japplika wkoll għall-kumpanniji sussidjarji proprjetà tagħha jew ikkontrollati minnha, mhuwiex neċessarju li jissemmew raġunijiet speċifiċi għall-iffriżar tal‑fondi ta’ kull kumpannija sussidjarja. Huwa jqis għalhekk li kien suffiċjenti li jingħataw, fid-deċiżjoni kkontestata, raġunijiet individwali u speċifiċi sa fejn jikkonċerna l-BMI. Ir-Repubblika Franċiża iżżid, f’dan ir-rigward, li lanqas ma huwa neċessarju li l-ismijiet tal-kumpanniji sussidjarji kollha jidhru fid-deċiżjoni li stabbilixxiet miżura ta’ ffriżar ta’ fondi adottata skont ir-Regolament Nru 423/2007, peress li d-deċiżjoni kkonċernata tapplika għalihom b’mod awtomatiku.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

143    L-obbligu li jiġi motivat att li jikkawża preġudizzju kif previst fl-Artikolu 253 KE u, b’mod iktar partikolari f’din il-kawża, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata b’informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat, jew jekk huwiex ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti Komunitarja u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni hekk stabbilit jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt Komunitajru li tista’ ssir deroga minnu biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess waqt tal-att li jikkawżalha preġudizzju, peress li n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rrimedjat bil-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf ir-raġunijiet tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti Komunitarja. Barra minn hekk, l‑osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar importanti fil-każ tal-ewwel deċiżjoni li biha l-fondi ta’ entità jiġu ffriżati, għaliex dan jikkostitwixxi l‑unika garanzija li tippermetti lill-parti kkonċernata li tagħmel użu effettiv tal-mezzi ta’ azzjoni għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni, ladarba ma għandhiex dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 138 sa 140 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

144    Għalhekk, sakemm ma jkunx hemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità jew tal-Istati Membri tagħha jew il-kondotta tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom li jipprekludu dan, il-Kunsill huwa obbligat, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, li jgħarraf lill-entità kkonċernata bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata. Għandu jsemmi wkoll l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l‑kunsiderazzjonijiet li wassluh għaliha. Sa fejn ikun possibbli, din il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata jew fl-istess ħin li l-miżura tiġi adottata, jew kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran, iċċitata iktar ’il fuq, punti 143 sa 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Madankollu, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih kien ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari, skont il-kontenut tal-att, in-natura tar-raġunijiet invokati u l-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex mitlub li l‑motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt inkwantu l‑kwistjoni dwar in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fir‑rigward mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tal‑ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju huwa suffiċjentement motivat meta jsir f’kuntest magħruf mill-parti kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal‑miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 141, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

146    Kif jirriżulta mill-punti 61 sa 67 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament 423/2007, li hija inkwistjoni f’din il-kawża, tirrikjedi li l-entità kkonċernata tkun proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn entità identifikata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tal-istess regolament, filwaqt li l-Kunsill jevalwa każ b’każ il-kwalità ta’ entità “proprjeta’ ta’ jew ikkontrollata minn” tal-entità kkonċernata. Għalhekk, barra l-indikazzjoni tal-bażi legali tal-miżura adottata, l-obbligu ta’ motivazzjoni li bih il-Kunsill huwa marbut jirrigwarda preċiżament dan il-fatt. F’dan il-kuntest għandha tiġi miċħuda t-teżi tar‑Repubblika Franċiża li ma hemmx għalfejn jissemmew, fid-deċiżjonijiet li japplikaw l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, l-ismijiet tal-entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati li għalihom japplikaw il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi. Fil-fatt, kieku kellha tiġi aċċettata din l-interpretazzjoni, l-entitajiet ikkonċernati ma jkunux jistgħu la jikkonstataw, b’mezzi uffiċjali, li miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi kienu applikabbli għalihom u lanqas li jsiru jafu r-raġunijiet għaliex il-Kunsill ikkunsidra li huma kellhom il-kwalità ta’ entità “proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn”. Bl‑istess mod, it-terzi ma jkunux jistgħu jivverifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżuri meħuda. Issa, din is-sitwazzjoni hija inkompatibbli kemm mal-obbligu ta’ motivazzjoni li bih il-Kunsill huwa marbut kif ukoll mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza.

147    Fil-każ ineżami, il-Kunsill indika, kemm fit-titlu tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-premessa 2 tagħha, li l-miżuri meħuda kienu bbażati fuq l-Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007. Huwa kkonstata, fil-punt 4 tat-Tabella B tal‑Anness tad-deċiżjoni kkontestata, li l-BMI kien involut fil-proliferazzjoni nukleari, billi bbaża ruħu fuq il-motivi spjegati fil-punt 11 iktar ’il fuq. Fl‑aħħar nett, fil-punt 4 tat-Tabella tal-Anness B tad-deċiżjoni kkontestata, huwa semma’ lir-rikorrenti fost il-“fergħat u l-kumpanniji sussidjarji” tal-BMI.

148    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, għalkemm partikolarment konċiża, hija suffiċjenti fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil‑punti 143 sa 145 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti setgħet tidentifika fid-deċiżjoni kkontestata l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 bħala l‑bażi legali tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi li tipprevedih, peress li, minn naħa, l‑Artikolu 7(2) tal-istess regolament kien issemma bħala li kien id-dispożizzjoni implementata, u min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kienet ġiet identifikata bħala waħda minn fost il-“fergħat u l-kumpanniji sussidjarji ” tal-BMI, u dan jimplika li l-Artikolu 7(2)(d) tar-regolament, applikabbli b’mod speċifiku għall-entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati, u għalhekk b’mod partikolari għall-kumpanniji sussidjarji, kien ġie implementat fir-rigward tagħha.

149    It-tieni nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jispjega r-raġunijiet li għalihom huwa kkunsidra li l‑BMI kien involut fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar‑Regolament Nru 423/2007.

150    It-tielet nett, il-fatt li rikorrenti ġiet identifikata bħala waħda mill-“fergħat u kumpannija sussidjarji” tal-BMI fid-deċiżjoni kkontestata jimplika li l-Kunsill ikkunsidra li, mill-fatt li l-kapital tagħha kien totalment proprjetà tal-BMI, ir-rikorrenti kienet “proprjetà” ta’ dan tal-aħħar fis-sens tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007.

151    Il-konklużjoni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti hija barra minn hekk ikkonfermata mill-kontenut tar-rikors fil-Kawża T‑246/08. Fil‑fatt, f’dan ir-rikors, ir-rikorrenti sostniet li hija legalment u funzjonalment distinta mill-BMI u li ma setgħatx tiġi attribwita lilha l-allegat involviment ta’ dan tal‑aħħar fil-proliferazzjoni nukleari. Hija ssostni wkoll li l-iffriżar tal‑fondi tagħha ma kienx ser ikollu impatt fuq il-proliferazzjoni nukleari, peress li b’mod partikolari hija, fi kwalunkwe każ, kienet tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kkontestata billi tiffriża l-fondi kollha tal-BMI fil-pussess tagħha u twaqqaf kull tranżazzjoni mal-BMI. Minn dan l-argument jirriżulta li, fil-mument tal-preżentata tal-ewwel rikors tiegħu, ir-rikorrenti kienet taf bir-rabta li kien hemm bejn l-iffriżar tal‑fondi tagħha u l-involviment fil-proliferazzjoni nukleari li bih kienet akkużata l-entità parent tagħha, il-BMI.

152    Fid-dawl tal-premess, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud u, għalhekk, għandhom jiġu miċħuda r-rikorsi fit-totalità tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

153    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Kunsill.

154    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, ir‑Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Melli Bank plc għandha tbati, barra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż tal‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir‑Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Lulju 2009.

Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon   I. Pelikánová

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-ammissibbiltà tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ involviment tal-BMI fil-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari

Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti

Fuq il-mertu

Fuq ir-rigorożitŕ tal-istħarriġ ġudizzjarju

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)( d) tar-Regolament Nru 423/2007

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-kwalità ta’ entità “proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn” tar‑rikorrenti, skont l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-“prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.