Language of document : ECLI:EU:F:2010:114

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

30 ta’ Settembru 2010

Kawża F-29/05

Jean-François Vivier

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Klassifikazzjoni fi grad — Gradi stabbiliti fis-sejħa għall-kandidaturi — Emenda tar-regoli ta’ klassifikazzjoni tal-membri tal-persunal — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Applikazzjoni b’analoġija”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. Vivier jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Lulju 2004, li tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad A*6.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni tal-Kummissjoni, kif annessa mal-ftehim addizzjonali tal-21 ta’ Lulju 2004 għall-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju ffirmat mir-rikorrent fl-10 ta’ Ġunju 2004, hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tar-rikorrent.

Sommarju

1.      Proċedura — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 44(1)(c) u 48(2))

2.      Dritt tal-Unjoni — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Interpretazzjoni stretta

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 5(1) sa (4); Anness XIII, Artikolu 12(3); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.      Mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 44(1)(c) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li, ir-rikors promotur għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati, u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-proċedura, sa kemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa fil-mori tal-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv invokat preċedentement, direttament jew b’mod impliċitu, fir-rikors promotur, u li għandu rabta stretta miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

(ara l-punt 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il‑Kunsill, T‑495/04, Ġabra p. II‑781, punt 87

2.      Bħala prinċipju, dispożizzjoni tranżitorja għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, li a priori hija inkompatibbli ma’ applikazzjoni per analoġija. In-natura stretta tal-interpretazzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li d-dispożizzjonijiet tranżitorji jidderogaw mir-regoli u mill-prinċipji ta’ valur permanenti li japplikaw b’mod immedjat għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fin-nuqqas tal-imsemmija Kondizzjonijiet.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ valur permanenti, l-amministrazzjoni tista’, min-naħa l-oħra, tapplika per analoġija l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tranżitorja tiegħu.

(ara l-punti 67 sa 70)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Marzu 1983, Peskeloglou, 77/82, Ġabra p. 1085, punti 11 sa 15; 5 ta’ Diċembru 1996, Merck u Beecham, C‑267/95 u C‑268/95, Ġabra p. I‑6285, punti 23 u 24; 7 ta’ Diċembru 2006, Eurodental, C‑240/05, Ġabra p. I‑11479, punti 52 sa 54; 12 ta’ Ġunju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑462/05, Ġabra p. I‑4183, punti 53 u 54; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Settembru 2000, Dürbeck vs Il‑Kummissjoni, T-252/97, Ġabra p. II‑3031, punti 66 u 70

3.      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tranżitorja fir-Regolament Nru 723/2004, li temenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni fi grad ta’ membri tal-persunal temporanju rreklutati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament fl-1 ta’ Mejju 2004, abbażi ta’ sejħiet għal applikazzjonijiet ippubblikati qabel din id-data, kif ukoll fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet interni applikabbli għal dan il-għan, huwa biss it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tal-imsemmija Kondizzjonijiet li jista’ jservi bħala bażi għal din il-klassifikazzjoni.

Mill-Artikolu 10 tal-Kondizzjonijiet imsemmija jirriżulta li l-amministrazzjoni tiddisponi minn setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex tistabbilixxi l-grad tal-membri tal-persunal temporanju. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni interna f’dan ir-rigward, din is-setgħa hija limitata biss mill-obbligu li l-membri tal-persunal imsemmija jiġu rreklutati fil-grad imħabbar fis-sejħa għal applikazzjonijiet u mill-ħtieġa li tiġi osservata l-istruttura tal-kategoriji jew tal-gruppi ta’ funzjoni stabbiliti mill-Artikolu 5(1) sa (4) tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fil-każ fejn il-grad imħabbar fis-sejħa għal applikazzjonijiet ikun tħassar, istituzzjoni tista’ b’mod validu tispira ruħha mis-soluzzjoni adottata mil-leġiżlatur fl-adozzjoni tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tapplika per analoġija l-Artikolu 12(3) ta’ dan l-anness, artikolu dwar il-klassifikazzjoni tal-uffiċjali mniżżla f’lista ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u rreklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006.

(ara l-punti 60, 64, 65, 69, 70 u 72)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2007, Da Silva vs Il‑Kummissjoni, F‑21/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑179 u II‑A‑1‑981, punti 64, 68 u 79