Language of document : ECLI:EU:F:2014:42

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

20 ta’ Marzu 2014

Kawża F‑83/10 DEP

Konstantinos Giannakouris

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura, imressqa mill-Kummissjoni Ewropea, wara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-5 ta’ Ġunju 2012 Giannakouris vs Il‑Kummissjoni (F‑83/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012”).

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li K. Giannakouris għandu jirrimborsa lill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F‑83/10 huwa stabbilit għal EUR 2 555.50, fuq liema somma jiddekorru l-interessi moratorji mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet sad-data tal-ħlas, bir-rata kkalkolata fuq il-bażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, applikabbli matul il-perijodu hawn fuq imsemmi, b’żieda ta’ żewġ punti.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Kunċett – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Spejjeż esterni ta’ traduzzjoni relatati ma’ traduzzjonijiet ta’ atti proċedurali ppreżentati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 1; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha – Inklużjoni – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-intaxxar

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19, u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 144(b) u 145(1))

1.      Mill-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet.

F’dan ir-rigward, l-ispejjeż esterni ta’ traduzzjoni relatati ma’ traduzzjonijiet ta’ atti proċedurali ppreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jitqiesu bħala spejjeż indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura u għalhekk bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. L-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jipprovdu t-traduzzjoni ta’ kull att proċedurali tagħhom. Dan l-obbligu impost mir-Regoli tal-Proċedura fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni joriġina mill-fatt li l-imsemmija istituzzjonijiet joperaw f’ambjent ta’ multilingwiżmu u għandhom ir-riżorsi umani kollha meħtieġa sabiex jipprovdu t-traduzzjonijiet ta’ atti proċedurali bil-lingwi kollha msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea. Dawn l-ispejjeż ma jistgħux ikunu r-responsabbiltà tal-uffiċjal li għandu d-dritt li jagħżel il-lingwa tal-kawża u li, għalhekk, ikun suġġett għal diskriminazzjoni li kieku huwa kellu jħallas tali spejjeż. Barra minn hekk, ma huwiex meħtieġ li avukat jittraduċi dokumenti, iżda l-onorarji tiegħu għandhom jirriflettu x-xogħol tiegħu ta’ avukat sabiex jassisti u jirrappreżenta lill-klijent tiegħu.

(ara l-punti 20 u 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Novembru 2004, BEI vs De Nicola, C‑198/02 P (R)‑DEP, punt 21

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ April 2010, Schönberger vs Il‑Parlament, F‑7/08, punt 23

2.      Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma liberi li jużaw l-assistenza ta’ avukat. Ir-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar taqa’ għalhekk taħt il-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni għandha l-obbligu li turi li tali assistenza kienet iġġustifikata oġġettivament.

Għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-onorarji ta’ avukat li jista’ jinġabar, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, iżda tista’ tiddetermina l-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni li jista’ jinġabar mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-Qorti tal-Unjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

F’dan ir-rigward, fin-nuqqas taʼ dispożizzjonijiet taʼ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti li għandha tevalwa liberament il-fatti tal-kawża, billi tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont taʼ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew tal-konsulenti li intervjenew u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima rrappreżentat għall-partijiet.

Bl-istess mod, l-ammont tal-onorarji tal-avukat tal-istituzzjoni kkonċernata li jista’ jinġabar ma jistax jiġi evalwat mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni x-xogħol imwettaq mis-servizzi tagħha, anki qabel it-tressiq tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, peress li l-ammissibbiltà taʼ rikors hija suġġetta għat-tressiq taʼ lment u għaċ-ċaħda tiegħu mill-Awtorità tal-Ħatra, is-servizzi tal-istituzzjoni huma, bħala prinċipju, involuti fit-trattament tat-tilwim, qabel dawn ma jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Għal dak li jirrigwarda l-ammont ta’ xogħol marbut mal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li jistgħu jidhru bħala indispensabbli oġġettivament għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

(ara l-punti 21 sa 24 u 29)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 23 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑498/09 P‑DEP, punt 20; 28 ta’ Mejju 2013, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑278/07 P‑DEP, punt 14

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 10 ta’ Novembru 2009, X vs Il‑Parlament, F‑14/08 DEP, punt 22; Schönberger vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 29; 27 ta’ Settembru 2011, De Nicola vs BEI, F‑55/08 DEP, punti 41 u 42