Language of document : ECLI:EU:T:2024:267

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

24 ta’ April 2024 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Joyful by nature – Trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea JOY – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Dannu għar-reputazzjoni – Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Prova tar-reputazzjoni – Vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”

Fil-Kawża T‑157/23,

Kneipp GmbH, stabbilita f’Würzburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Pejman, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Markakis, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Jean Patou, stabbilit f’Pariġi (Franza),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, K. Kecsmár (Relatur) u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba għal seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Ittalbiet talpartijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tiċħad ir-rikors tagħha ppreżentat kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tat‑28 ta’ Frar 2022;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

12      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż fil-każ ta’ talba għal seduta.

 Iddritt

[omissis]

 Fuq leżistenza ta’ reputazzjoni tattrade mark preċedenti u loneru talprova talimsemmija reputazzjoni

[omissis]

22      Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li r-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti għandha tiġi stabbilita fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Laboratorios Ern vs EUIPO – SBS Bilimsel Bio Çözümler (apiheal), T‑51/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:468, punt 112). Id-dokumenti sussegwenti għal din id-data ma jistgħux jiġu mċaħħda minn valur probatorju jekk jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni kif kienet f’din l-istess data. Ma jistax jiġi eskluż a priori li dokument stabbilit ċertu żmien qabel jew wara din id-data jista’ jkun fih indikazzjonijiet utli fid-dawl tal-fatt li r-reputazzjoni ta’ trade mark tinkiseb, b’mod ġenerali, progressivament. Il-valur probatorju ta’ tali dokument jista’ jvarja skont il-prossimità ftit jew wisq għolja tal-perijodu kopert mad-data tal-preżentata (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2018, VF International vs EUIPO - Virmani (ANOKHI), T‑548/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:686, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, id-digriet tas‑27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology, C‑259/02, EU:C:2004:50, punt 31).

[omissis]

33      Dawn id-dokumenti, kif ukoll il-prezzijiet u l-premjijiet prestiġjużi miksuba mill-fwieħa Joy, jippermettu li jiġi stabbilit li t-trade mark preċedenti hija magħrufa sew mill-pubbliku ġenerali, għall-prodotti li hija tkopri, f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni, minkejja li dawn il-premjijiet huma ta’ diversi snin ilu u li ċ-ċifri tal-bejgħ naqsu bejn l‑2013 u l‑2018. F’dan ir-rigward tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, it-trade mark preċedenti kellha reputazzjoni għolja fil-passat, li, anki jekk jitqies li din setgħet tonqos matul is-snin, kienet għadha teżisti fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, fl‑2019, b’tali mod li seta’ jkun għad hemm ċerta reputazzjoni “residwa” f’din id-data tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Simca Europe vs UASI – PSA Peugeot Citroën (Simca), T‑327/12, EU:T:2014:240, punti 46, 49 u 52).

[omissis]

37      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka wkoll il-fatt li l-Bord tal-Appell ippreżuma r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u b’mod żbaljat ippreċiża li kienet ir-rikorrenti li kellha tipprova telf drastiku tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti bejn l‑2018 u d-data tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fid‑29 ta’ Novembru 2019.

38      Bħalma tfakkar fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 22 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi eskluż a priori li dokument stabbilit ċertu żmien qabel jew wara d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark inkwistjoni jista’ jkun fih indikazzjonijiet utli fid-dawl tal-fatt li r-reputazzjoni ta’ trade mark tinkiseb, b’mod ġenerali, progressivament. L-istess raġunament japplika fir-rigward tat-telf ta’ tali reputazzjoni, li ġeneralment tintilef ukoll progressivament. Il-valur probatorju ta’ tali dokument jista’ jvarja skont il-prossimità ftit jew wisq għolja tal-perijodu kopert mad-data tal-preżentata.

39      Għalhekk, provi li huma preċedenti għad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark ikkontestata ma jistgħux jiġu mċaħħda minn valur probatorju għas-sempliċi raġuni li għandhom data li tippreċedi b’ħames snin l-applikazzjoni għall-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark ikkontestata (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, apiheal, T‑51/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:468, punt 112).

40      Mill-ġurisprudenza jsegwi wkoll li, fir-rigward tal-oneru tal-prova tar-reputazzjoni, din taqa’ fuq il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2022, Puma vs EUIPO – CMS (CMS Italy), T‑711/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:604, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, wara li fakkar li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet ġiet ippreżentata fid‑29 ta’ Novembru 2019, enfasizza li l-parti l-kbira tal-provi prodotti kienu jikkonċernaw il-perijodu inkluż bejn l‑2013 u l‑2017 u li wħud minnhom kienu jmorru lura għall‑1990, 2000 jew 2006, iżda li l-provi kienu fil-fatt jinkludu indikazzjonijiet dwar l-isforzi kontinwi tal-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO sabiex iżżomm is-sehem tagħha mis-suq fl‑2018, qabel ma żied li “t-telf ta’ reputazzjoni rarament iseħħ f’daqqa, iżda pjuttost dan huwa proċess kontinwu fuq perijodu twil, għaliex ir-reputazzjoni tinbena b’mod ġenerali fuq diversi snin u ma tistax tiġi sempliċement attivata u diżattivata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[b]arra minn hekk, hija r-rikorrenti li għandha tipprova telf ta’ reputazzjoni daqstant drastiku fuq perijodu qasir ta’ żmien”.

42      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix inverżjoni tal-oneru tal-prova u hija konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq. Fil-fatt, fl-assenza ta’ provi konkreti li juru li r-reputazzjoni, miksuba progressivament mit-trade mark preċedenti matul diversi snin, kienet sparixxiet f’daqqa matul l-aħħar sena eżaminata, il-Bord tal-Appell seta’ jikkonkludi li t-trade mark preċedenti kienet għadha tgawdi minn reputazzjoni fid-data rilevanti tad‑29 ta’ Novembru 2019 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑213/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 79).

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Kornezov

Kecsmár

Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ April 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.