Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-19 ta’ Novembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Hannover - Il-Ġermanja) – EZ vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-238/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Rifjut li jitwettaq is-servizz militari – Artikolu 9(2)(e) – Dritt tal-pajjiż ta’ oriġini li ma jipprevedix id-dritt għall-oġġezzjoni ta’ kuxjenza – Protezzjoni tal-persuni li ħarbu l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom wara li skada t-terminu ta’ sospensjoni tas-servizz militari – Artikolu 9(3) – Rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tal-imsemmija direttiva – Prova)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Hannover

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EZ

Konvenut: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Dispożittiv

1)    L-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, meta d-dritt tal-Istat ta’ oriġini ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġi rrifjutat it-twettiq tas-servizz militari, li dan ir-rifjut jiġi kkonstatat fil-każ li l-persuna kkonċernata ma tkunx ifformalizzat ir-rifjut tagħha skont proċedura partikolari u ħarbet mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha mingħajr ma ppreżentat ruħha quddiem l-awtoritajiet militari.

2)    L-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għal persuna li tissejjaħ li tirrifjuta li twettaq is-servizz militari tagħha f’każ ta’ kunflitt iżda li tinjora s-settur futur ta’ intervent militari tagħha, f’kuntest ta’ gwerra ċivili ġġeneralizzata kkaratterizzat mill-kummissjoni ripetuta u sistematika ta’ delitti jew ta’ atti msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva mill-armata billi tħalli jintervjenu dawk imsejħa, it-twettiq tas-servizz militari jippreżupponi li jipparteċipa, direttament jew indirettament, fit-twettiq ta’ tali delitti jew atti, irrispettivament minn dak li huwa s-settur ta’ intervent.

3)    L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tal-imsemmija direttiva.

4)    Id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 9(2)(e) u tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(d) kif ukoll fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet għal rifjut li jitwettaq is-servizz militari msemmija fl-Artikolu 9(2)(e) tal-imsemmija direttiva ma tistax titqies bħala stabbilita minħabba s-sempliċi fatt li dawn il-prosekuzzjonijiet u sanzjonijiet huma marbuta ma’ dan ir-rifjut. Madankollu, teżisti preżunzjoni qawwija li r-rifjut li jitwettaq is-servizz militari fil-kundizzjonijiet ippreċiżati fl-Artikolu 9(2)(e) tal-istess direttiva jkun marbut ma’ waħda mill-ħames raġunijiet imfakkra fl-Artikolu 10 tagħha. Huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jivverifikaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni, in-natura plawżibbli ta’ din ir-rabta.

____________

1     ĠU C 206, 17.6.2019.