Language of document : ECLI:EU:T:2021:700

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

13 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta vleġġa b’ġewnaħ – Trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta vleġġa b’ġewnaħ – Raġuni relattiva għal rifjut – Ċaħda parzjali tal-oppożizzjoni – Limitazzjoni tal-portata tal-oppożizzjoni fil-kuntest tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell – Irtirar parzjali tal-oppożizzjoni – Raġuni mqajma ex officio mill-Bord tal-Appell – Projbizzjoni li jiddeċiedi ultra petita”

Fil-Kawża T‑712/20,

Škoda Investment a.s., stabbilita f’Plzeň (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn L. Lorenc, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Škoda Auto a.s., stabbilita f’Mladá Boleslav (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn J. Fesenmair, avocat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tas‑6 ta’ Ottubru 2020 (Każ R 284/2020‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Škoda Investment u Škoda Auto,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, G. Hesse u D. Petrlík (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Diċembru 2020,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Frar 2021,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑26 ta’ Novembru 2018, l-intervenjenti, Škoda Auto a.s., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), flimkien ma’ invokazzjoni ta’ prijorità ta’ applikazzjoni għal trade mark Libaniża Nru 88468, li hija stess ġiet ippreżentata fit‑30 ta’ Mejju 2018 (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni għal trade mark Libaniża”).

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej.

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 12 u 36 sa 39 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għal firxa wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Libaniża tirrigwarda sinjal figurattiv identiku għal dak li jinsab fil-punt 2 iktar ’il fuq u tkopri prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 12 u 36 sa 39.

5        L-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea Nru 2019/031 tal‑14 ta’ Frar 2019.

6        Fit‑13 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti, Škoda Investment a.s., ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-firxa wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

7        Din l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ppreżentata fis‑27 ta’ Awwissu 2018 u akkumpanjata minn invokazzjoni ta’ prijorità ta’ applikazzjoni għal trade mark Ċeka Nru 550086, li hija stess ġiet ippreżentata fl‑24 ta’ Awwissu 2018, u l-imsemmija applikazzjonijiet ikopru prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 12 u 36 sa 39 u jirrigwardaw is-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

8        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001.

9        Fl‑14 ta’ Ġunju 2019, l-EUIPO indika lir-rikorrenti li mill-eżami tal-oppożizzjoni tagħha kien jirriżulta li din kienet inammissibbli, skont l-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1).

10      Wara li rċeviet l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2019, ċaħdet l-oppożizzjoni bħala inammissibbli. Minn naħa, hija osservat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ibbażata fuq l-invokazzjoni ta’ prijorità tal-applikazzjoni għal trade mark Libaniża, li kienet preċedenti għall-invokazzjoni ta’ prijorità ppreżentata mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 2017/1001 għal invokazzjoni ta’ prijorità tal-applikazzjoni għal trade mark Libaniża kienu ssodisfatti.

11      Fis‑6 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12      Fis‑27 ta’ April 2020, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-EUIPO nota li tesponi r-raġunijiet tal-appell, li fiha hija sostniet li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet żbaljata, peress li, bi ksur tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament 2017/1001, l-imsemmija diviżjoni ma kinitx osservat ir-rekwiżit ta’ identiċità tal-prodotti u tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ma’ dawk koperti mit-trade mark li fuqha huwa bbażat id-dritt ta’ prijorità. Hija ammettiet li numru kbir ta’ prodotti u ta’ servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu jew identiċi jew inkella inklużi fil-prodotti u servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Libaniża. Min-naħa l-oħra, hija qieset li ċerti prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 38 u 39, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri t-“tagħmir ta’ informazzjoni; tagħmir ta’ navigazzjoni, ta’ kontroll, ta’ monitoraġġ, ta’ gwida u ta’ kartografija; softwer ta’ navigazzjoni”, li jaqgħu fil-klassi 9, it-“trażmissjoni elettronika tad-data; provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika”, li jaqgħu fil-klassi 38, u l-“organizzazzjoni tal-ivvjaġġar; l-organizzazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport”, li jaqgħu fil-klassi 39, la kienu identiċi għall-prodotti u għas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Libaniża u lanqas huma inklużi f’dawn. Għaldaqstant, hija qieset li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma setgħetx tibbenefika mill-invokazzjoni ta’ prijorità għal dawn il-prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 38 u 39. Konsegwentement, fl-istess nota, hija talbet l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sa fejn din kienet tikkonċerna biss dawn il-prodotti u servizzi.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ottubru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sa fejn din tal-aħħar kienet ċaħdet l-oppożizzjoni bħala inammissibbli għall-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 38 u 39, imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, u bagħat il-każ lura lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sabiex jitkompla l-eżami għal dawn il-prodotti u servizzi. Huwa kkonstata li l-avviż ta’ oppożizzjoni kien jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ ammissibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat 2018/625, b’tali mod li l-oppożizzjoni kienet ammissibbli.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni;

–        tibgħat lura l-każ quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, b’rabta mal-prodotti u mas-servizzi kollha li għalihom ġiet ippreżentata t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

15      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        - tiċħad ir-rikors

–        - tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

16      Fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, fin-nota li tesponi r-raġunijiet tal-appell, ir-rikorrenti kienet illimitat il-portata tiegħu billi talbet, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sa fejn din kienet ċaħdet l-oppożizzjoni għall-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 38 u 39, imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, li jitkomplew il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni dwar dawn il-prodotti u servizzi. Minn dan huwa ddeduċa li r-rikorrenti kienet irtirat dan ir-rikors fir-rigward tal-prodotti u servizzi l-oħra koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-punt 16 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa qies li dan l-irtirar parzjali kellu bħala effett li l-prodotti u s-servizzi mhux imsemmija fin-nota li tesponi r-raġunijiet tal-appell ma baqgħux jifformaw parti mill-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u li, fir-rigward tagħhom, iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni kienet saret definittiva.

17      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-effetti legali tal-illegalità ta’ natura proċedurali li hija vvizzjata bihom id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, jiġifieri l-konstatazzjoni tal-inammissibbiltà tal-oppożizzjoni. Tali illegalità tikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, li għandu jiġi rrilevat ex officio, li kellu jwassal ex officio għall-annullament totali ta’ din id-deċiżjoni, sabiex l-effetti kollha li hija pproduċiet fuq il-partijiet jitneħħew kompletament mill-ordinament ġuridiku.

18      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li, meta hija ddelimitat il-portata tal-appell quddiem l-EUIPO, hija kellha fiduċja sħiħa fir-regolarità formali tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Hija tqis għalhekk li hija intitolata tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-kompetenza ta’ din id-diviżjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kwistjoni tal-validità tal-invokazzjoni ta’ prijorità tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fl-istadju inizjali tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Hija ssostni li l-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ħolqot l-impressjoni li din id-deċiżjoni kienet korretta fuq il-livell proċedurali, peress li l-illegalità rrilevata mill-Bord tal-Appell ma kinitx manifesta fis-sens tal-ġurisprudenza. Hija żżid li din hija r-raġuni għalfejn hija kkonċentrat esklużivament fuq il-mertu u, għaldaqstant, fuq il-prodotti u s-servizzi koperti mill-imsemmija applikazzjoni għal trade mark li la kienu identiċi u lanqas inklużi fil-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Libaniża.

19      L-EUIPO u l-intervenjenti jqisu li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

20      F’dan ir-rigward, huwa qabel kollox paċifiku li r-rikorrenti talbet biss, fin-nota li tesponi r-raġunijiet tal-appell, annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sa fejn din ċaħdet l-oppożizzjoni għall-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 38 u 39, imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, biss.

21      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, l-eżami tal-mertu tal-appell mill-Bord tal-Appell huwa limitat għar-raġunijiet invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet. B’mod simili, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(5) ta’ dan ir-regolament tipprevedi li, jekk mill-eżami tal-oppożizzjoni jirriżulta li t-trade mark ma tistax tiġi rreġistrata fir-rigward ta’ wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jew fir-rigward ta’ kollha, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1)(e) tar-Regolament Delegat 2018/625 jispeċifika li l-att tal-appell ippreżentat skont l-Artikolu 68(1) tal-imsemmi regolament għandu jinkludi, meta d-deċiżjoni appellata tkun ikkontestata parzjalment biss, indikazzjoni ċara u inekwivoka tal-prodotti u servizzi li għalihom id-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell hija kkontestata.

22      Minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li l-Bord tal-Appell, fil-kuntest ta’ appell dwar raġuni rigward għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark u ppreżentat kontra deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ma jistax jiddeċiedi lil hinn mis-suġġett tal-appell ippreżentat quddiemu. B’dan il-mod, dan il-bord jista’ jannulla tali deċiżjoni biss fil-limiti tat-talbiet li rikorrent ikun għamel fl-appell kontra din id-deċiżjoni msemmija l-aħħar jew, jekk ikun il-każ, li l-konvenut ikun ifformula fl-osservazzjonijiet tiegħu bħala risposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Gagliardi vs UASI – Norma Lebensmittelfilialbetrieb (MANŪ MANU MANU), T‑392/04, mhux ippubblikata, EU:T:2006:400, punt 45, u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Eddy’s Snack Company vs EUIPO – Chocoladefabriken Lindt Ungeriżi Sprüngli (Eddy’s Snackcompany), T‑652/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:564, punt 20).

23      Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sistema tal-kontenzjuż tal-legalità quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, huma l-partijiet li jibdew il-proċeduri u li jiddefinixxu s-suġġett tat-tilwima, b’mod partikolari billi jidentifikaw fit-talbiet tagħhom l-att, jew il-parti tal-att, li huma għandhom l-intenzjoni li jissottomettu għal dan l-istħarriġ ġudizzjarju (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punt 87). Il-Qorti Ġenerali tqis li dawn il-prinċipji japplikaw, mutatis mutandis, f’dak li jirrigwarda l-appelli ppreżentati quddiem il-Bordijiet tal-Appell fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 21 iktar ’il fuq u mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 22 iktar ’il fuq, bħall-kompetenzi tal-qorti tal-Unjoni fis-sistema tal-kontenzjuż tal-legalità, l-imsemmija bordijiet jistgħu, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jannullaw id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni biss fil-limiti tat-talbiet li rikorrent ikun għamel fl-appell kontra din id-deċiżjoni msemmija l-aħħar.

24      Fl-aħħar nett, huwa minnu li, fil-proċedimenti inter partes, il-Bord tal-Appell għandu, skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Delegat 2018/625, jeżamina ex officio r-raġunijiet dwar il-kwistjonijiet ta’ liġi li ma tqajmux mill-partijiet, iżda li jikkonċernaw rekwiżiti proċedurali essenzjali, peress li, fost tali rekwiżiti, hemm, b’mod partikolari, ir-regoli ta’ ammissibbiltà ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

25      Madankollu, tali kompetenza tal-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma timplika li dan huwa kompetenti sabiex ibiddel ex officio t-talbiet li rikorrent ikun għamel fl-appell quddiemu, peress li tali approċċ imur kontra d-distinzjoni bejn ir-raġunijiet u t-talbiet ta’ appell. Fil-fatt, minkejja li r-raġunijiet jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tat-talbiet li jinsabu f’appell, huma madankollu neċessarjament differenti minn dawn, li jiddefinixxu l-limiti ta’ tali appell (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punt 89).

26      Għalhekk, minkejja li, meta jeżamina ex officio raġuni dwar ir-rekwiżiti proċedurali essenzjali, li, bħala prinċipju, ma ġietx invokata mill-partijiet, il-Bord tal-Appell ma joħroġx mill-kuntest tat-tilwima li tressqet quddiemu u bl-ebda mod ma jikser ir-regoli proċedurali dwar il-preżentazzjoni tas-suġġett tat-tilwima, ikun mod ieħor jekk, wara l-eżami tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell, dan il-bord jiddikjara, fuq il-bażi ta’ tali eżami ex officio, annullament li jmur lil hinn minn dak li kien intalab fit-talbiet mressqa b’mod regolari quddiemu, għar-raġuni li tali annullament ikun neċessarju sabiex tiġi kkoreġuta l-illegalità kkonstatata ex officio fil-kuntest tal-imsemmija analiżi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punt 90).

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-Bord tal-Appell kellu jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fl-intier tagħha, għaliex dan kien ikollu l-effett li dan jiddeċiedi lil hinn mis-suġġett tat-tilwima kif kien ġie ddefinit mir-rikorrenti nnifisha.

28      F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li d-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jestendi għal kull parti fil-kawża li fir-rigward tagħha awtorità amministrattiva tkun ħolqot aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li hija tkun tatha (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Kreuzmayr, C‑628/16, EU:C:2018:84, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, l-allegata konvinzjoni miksuba mir-rikorrenti li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet konformi mar-regoli proċedurali, minkejja d-difett proċedurali mwettaq minn din id-diviżjoni, ma tistax toħloq, għall-benefiċċju tagħha, aspettattivi bbażati fuq ir-regolarità formali ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, sakemm tali deċiżjoni ma tkunx saret definittiva, ir-regolarità tagħha tista’, fil-każ ta’ appell, tiġi eżaminata mill-Bord tal-Appell, li fil-fatt kien il-każ hawnhekk. Issa, ir-rwol ta’ dan il-bord huwa preċiżament li jikkoreġi tali difetti proċedurali u, konsegwentement, li eventwalment jiddikjara l-annullament ta’ deċiżjoni li tkun ivvizzjata bih.

30      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

31      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet u l-EUIPO kif ukoll l-intervenjenti talbu li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura. Konsegwentement, hemm lok li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż kollha sostnuti mill-EUIPO u mill-intervenjenti fir-rigward ta’ din il-proċedura.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Škoda Investment a.s. għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u Škoda Auto a.s. għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Kornezov

Hesse

Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Ottubru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.