Language of document : ECLI:EU:T:2014:237

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

30 ta’ April 2014 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni għall-Malti – Regoli dwar il-modalitajiet ta’ trażmissjoni tal-offerti – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-preżentazzjoni maħsuba sabiex tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tal-kontenut tal-offerti qabel jinfetħu – Eċċezzjoni ta’ inapplikabbiltà – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 98(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 – Artikolu 143 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002”

Fil-Kawża T‑637/11,

Euris Consult Ltd, stabbilita l-Furjana (Malta), irrappreżentata minn F. Moyse, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Darie u F. Poilvache, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u F. Dintilhac, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tat-18 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti fil-kuntest tal‑proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku interistituzzjonali għal servizzi MT/2011/EU, dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni għall-Malti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Marzu 2011, il-Parlament Ewropew ippubblika l-avviż ta’ kuntratt MT/2011/EU (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kuntratt”), li kien jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni għall-Malti lill-Parlament, lill-Qorti tal-Awdituri Ewropea, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea.

2        Il-punt 2(2) tal-avviż ta’ kuntratt kien jipprovdi li l-offerti tal-offerenti setgħu, fuq għażla tagħhom, jintbagħtu bil-posta jew permezz ta’ kumpannija tat-trasport li tipprovdi servizzi ta’ kurjer [punt 2(2)(a)], jew inkella setgħu jiġu ppreżentati direttament lis-servizz tal-posta tal-Parlament [punt 2(2)(b)].

3        Il-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt kien jindika dan li ġej:

“Sabiex jitħarsu l-kunfidenzjalità u l-integrità tal-offerti, dawn għandhom jintbagħtu f’żewġ envelops, wieħed ġol-ieħor. Iż-żewġ envelops għandhom ikunu ssiġillati u għandu jkollhom dan li ġej fuqhom:

–        l-indirizz tas-servizz destinatarju [...];

–        ir-referenza tal-istedina għall-preżentazzjoni ta’ offerti [...];

–        u l-frażi li ġejja:

‘Not to be opened by the mail service or by any unauthorised person

À ne pas ouvrir par le service du courrier ou par toute personne non autorisée.’

F’kull każ, u irrispettivament mill-ippakkjar li jintuża, l-offerenti għandhom jaraw li l-envelop u l-ippakkjar li fihom jibagħtu l-offerta tagħhom ikunu ta’ kwalità, sabiex jiżguraw li ma jaslux imqattgħa u b’hekk ma jibqgħu jiżguraw la l-kunfidenzjalità u lanqas l-integrità tal-kontenut.

Jekk jintużaw envelops li jeħlu minnhom infushom, dawn għandhom jingħalqu bit-tejp li fuqu għandu jkun hemm il-firma ta’ min ikun qed jibgħat. Il-firma ta’ min qed jibgħat jew inkella l-firma u t-timbru tal-kumpanija tiegħu jitqiesu bħala l-firma.

Kwalunkwe offerta li tonqos milli żżomm il-kontenut tagħha kunfidenzjali sal-ftuħ tal-offerti kollha tiġi rifjutata awtomatikament.

Fuq l-envelop ta’ barra għandu jkun hemm ukoll l-isem tal-offerent jew l-isem tan-negozju tiegħu, kif ukoll l-indirizz eżatt fejn ikun jista’ jiġi infurmat dwar id-deċiżjoni meħuda dwar l-offerta tiegħu.

Minbarra fuq iż-żewġ envelops issiġillati, ir-referenza tal-offerta MT/2011/EU trid tkun indikata wkoll fuq il-pakkett ta’ barra.”

4        Fit-12 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti, Euris Consult Ltd, kumpannija ta’ traduzzjoni li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Malta, ippreżentat offerta (iktar ’il quddiem l-“offerta” jew l-“offerta tar-rikorrenti”). Hija użat is-servizzi ta’ kumpannija tat-trasport sabiex din l-offerta titwassal fl-indirizz indikat fl-avviż ta’ kuntratt.

5        L-offerta kienet ikkostitwita minn oriġinal u minn żewġ kopji. Kull wieħed minn dawn id-dokumenti tqiegħed f’envelop magħmul minn karta kraft bi strixxa adeżiva integrata fil-parti li biha jingħalaq l-envelop. Il-partijiet li bihom jingħalqu l-envelops ġew issiġillati bil-firma tad-direttur tar-rikorrenti, u mbagħad bit-tqegħid ta’ tejp adeżiv fuq il-firma. Dawn l-envelops sussegwentement tqiegħdu f’envelop estern ipprovdut mill-kumpannija tat-trasport. Dan l-envelop, magħmul minn materjal tal-plastik, kellu sistema ta’ għeluq permezz ta’ strixxa adeżiva integrata. Id-direttur tar-rikorrenti ma ffirmax fuq it-tul ta’ tejp adeżiv fuq l-envelop estern.

6        Fit-13 ta’ Mejju 2011, l-offerta waslet għand il-Parlament, li ħareġ dikjarazzjoni ta’ rċevuta. L-offerta tar-rikorrenti kif ukoll dawk tal-offerenti l-oħra nżammu fil-bini tal-Parlament, f’kamra msakkra li l-aċċess għaliha kien limitat għall-persuni awtorizzati biss.

7        Fis-16 ta’ Ġunju 2011, fis-14:30, il-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti, kompost minn tliet membri tal-persunal tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tat-Traduzzjoni tal-Parlament u minn membru tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri, ipproċeda bil-ftuħ simultanju tas-sitt offerti ppreżentati fit-termini stabbiliti, fosthom dik tar-rikorrenti. L-offerti nfetħu fil-preżenza tar-rappreżentanti ta’ tnejn mill-offerenti. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti ma kinux preżenti għal din il-laqgħa.

8        Il-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti aċċetta ħames offerti. Min-naħa l-oħra, l-offerta tar-rikorrenti ġiet miċħuda mal-ftuħ. Fil-proċess verbal tal-ftuħ tal-offerti, il-kumitat indika dan li ġej fir-rigward tal-offerta tar-rikorrenti:

“L-envelop postali estern tal-kumpannija tat-trasport li tipprovdi servizzi ta’ kurjer kien magħluq iżda mhux issiġillat. L-envelops li kienu jinsabu f’dan l-envelop, li kienu jikkostitwixxu l-uniku ppakkjar ipprovdut mill-offerent, kienu fil-parti l-kbira tagħhom imqatta’, tant li kienu kompletament miftuħa. Il-Kumitat qies li l-kunfidenzjalità ma kinitx iggarantita u, għaldaqstant, ċaħad l-offerta.”

9        Il-Parlament ipproċeda bil-fażijiet ulterjuri tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni bejn Ġunju u Settembru 2011. Ir-riżultati tal-proċedura ġew ikkomunikati lill-offerenti kollha fit-18 ta’ Ottubru 2011.

10      B’hekk, permezz tal-ittra rreġistrata EP/ETU/MHH/pm/D/2011/52280, tat-18 ta’ Ottubru 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kap tal-Unità tat-traduzzjoni esterna tad-Direzzjoni A tal-appoġġ u tas-servizzi teknoloġiċi għat-traduzzjoni tad-DĠ tat-Traduzzjoni tal-Parlament informa lir-rikorrenti biċ-ċaħda tal-offerta tagħhom mal-ftuħ, minħabba l-fatt li l-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti qies li l-kunfidenzjalità tal-offerta tar-rikorrenti ma setgħetx tiġi ggarantita.

11      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament irriproduċa l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-proċess verbal stabbilit mill-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti u li huma ċċitati fil-punt 8 iktar ’il fuq.

12      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata kien indikat li r-rikorrenti setgħet tikseb spjegazzjonijiet supplimentari dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha u kienet ukoll informata dwar it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontenzjuż.

13      Fis-27 ta’ Ottubru u fl-10 ta’ Novembru 2011, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti ntlaqgħu fid-DĠ tat-Traduzzjoni tal-Parlament. Huma setgħu jeżaminaw il-post fejn kienu nżammu l-offerti kif ukoll l-envelops fl-istat li fihom sabhom il-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti. Barra minn hekk, saru diversi skambji ta’ ittri elettroniċi bejn ir-rappreżentanti tar-rikorrenti u l-membri tal-persunal tal-Parlament.

14      Il-kuntratt qafas ġie konkluż mal-offerent li ngħata l-kuntratt fil-21 ta’ Diċembru 2011.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat l-azzjoni preżenti.

16      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-azzjoni preżenti. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2012.

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-Parlament. Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Settembru 2012, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa̕ dan l-intervent. Peress li t-talba għal intervent tressqet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura orali, skont l-Artikolu 116(6) ta’ dawn ir-Regoli.

18      Wara bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha għaldaqstant ġiet assenjata l-kawża ineżami.

19      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddikjara li r-rikorrenti żżomm kull dritt li titlob kumpens għad-dannu mġarrab b’konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

21      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Novembru 2013.

23      Matul is-seduta, il-Kummissjoni talbet li r-rikors jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni”).

24      Matul is-seduta, ir-rikorrenti rtirat it-tieni talba tagħha, u l-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dan.

 Id-dritt

25      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, minn naħa, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), tal-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni kif ukoll tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt u, min-naħa l-oħra, b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni tal-inapplikabbiltà tal-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni kif ukoll tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament naqas milli josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Permezz tal-ħames motiv tagħha, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti.

A –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

1.     L-argumenti tal-partijiet

26      Fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti. Hija tqis li, billi ma indikax ir-raġunijiet għalfejn l-envelops interni nstabu mqatta’ meta nfetħu l-offerti, il-Parlament ma ppermettilhiex tevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-Parlament ma pprovdielha ebda informazzjoni oħra, ir-rikorrenti tqis li hija għalhekk kienet imġiegħla tippreżenta r-rikors ineżami sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

27      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Parlament ma kkooperax kompletament u ma ssodisfax l-obbligu tiegħu li jipprovdi informazzjoni komplementari. F’dan is-sens, l-attitudni tal-membri tal-persunal tal-Parlament li ltaqgħu mar-rappreżentanti tar-rikorrenti matul żewġ laqgħat kienet ta’ natura ostili. Barra minn hekk, il-Parlament ipprovda tweġibiet parzjali għall-mistoqsijiet li sarulu diversi drabi permezz ta’ ittri elettroniċi. B’hekk, il-Parlament ipprekluda lir-rikorrenti milli tipprepara b’mod effettiv ir-rikors tagħha.

28      B’dan il-mod, il-Parlament, skont ir-rikorrenti, naqas milli josserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 149(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

29      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

30      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li jippermetti lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-qafas ta’ dispożizzjonijiet legali li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-portata ta’ dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni hija speċifikata, fir-rigward tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 149(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

33      B’hekk, fil-każ tal-offerenti li l-offerta tagħhom tiġi miċħuda qabel il-fażi fejn jitqabblu l-offerti, mill-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju jirriżulta li l-awtorità kontraenti hija meħtieġa tinformahom bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 149(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi li dawn l-istess offerenti jistgħu jiksbu, fuq talba bil-miktub, b’ittra, b’faks jew b’ittra elettronika, informazzjoni komplementari dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda.

34      Fil-kawża ineżami, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament informa lir-rikorrenti bir-raġuni għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha, jiġifieri l-fatt li għall-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti kien impossibbli li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità ta’ din l-offerta minħabba, minn naħa, il-fatt li livell wieħed biss ta’ envelops kien ġie ssiġillat inkonformità mar-rekwiżiti tal-avviż ta’ kuntratt u, min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn l-envelops kienu nstabu tant imqatta’ li kienu kompletament miftuħa (ara l-punti 8, 10 u 11 iktar ’il fuq).

35      Din l-informazzjoni kienet kompletament suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha u tikkontestahom fuq il-mertu, kif għamlet fil-kuntest tal-ewwel erba’ motivi ta’ dan ir-rikors.

36      Barra minn hekk, minn qari tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Parlament b’ebda mod ma bbaża ċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti fuq ir-raġunijiet għalfejn l-envelops li kienu fl-envelop estern ipprovdut mill-kumpannija tat-trasport kienu nstabu mqattgħa mill-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Parlament ma kienx meħtieġ jindikalha dawn ir-raġunijiet, raġunijiet li fir-rigward tagħhom barra minn hekk ma ġiex stabbilit li kienu magħrufa mill-Parlament.

37      Bl-istess mod, billi d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata suffiċjentement, il-Parlament lanqas ma kien meħtieġ, sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni, jipprovdi tweġibiet iddettaljati għad-diversi mistoqsijiet li sarulu permezz ta’ ittri elettroniċi jew meta nżammu ż-żewġ laqgħat organizzati minnu fuq talba tar-rikorrenti (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

38      Fl-aħħar nett, l-ostilità li, skont ir-rikorrenti, intweriet mill-membri tal-persunal tal-Parlament b’ebda mod ma ġiet stabbilita u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-Parlament ikkomunikalhiex b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha.

39      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Finanzjarju, tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni u tal-avviż ta’ kuntratt

1.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti tar-rikorrenti

40      L-ewwel motiv tar-rikors huwa bbażat fuq l-argument li, sa fejn l-offerta ġiet miċħuda mal-ftuħ, minħabba li ma kienx issodisfat l-obbligu ta’ kunfidenzjalità, id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-leġiżlazzjoni rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni u l-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt. Dan il-motiv huwa essenzjalment maqsum fi tliet partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-kunfidenzjalità tal-offerta kienet żgurata sal-mument tal-ftuħ tal-offerti mill-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet osservat l-obbligu li tissottometti l-offerta f’żewġ envelops, wieħed ġol-ieħor. Fil-kuntest tat-tielet parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-ilmenti li fuqhom il-Parlament ibbaża ruħu fid-deċiżjoni kkontestata li bihom qieset li l-kunfidenzjalità tal-offerta ma setgħetx tiġi ggarantita. Sussidjarjament, fil-kuntest ta’ din it-tielet parti, ir-rikorrenti tqajjem l-eċċezzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni kif ukoll tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, fl-eventwalità li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li għandhom il-portata mogħtija lilhom mill-Parlament fid-deċiżjoni kkontestata.

 Fir-rigward tal-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-offerta

41      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju, li jeżiġu li l-offerti tal-offerenti għandhom ikunu s-suġġett ta’ kompetizzjoni ġenwina u li l-kontenut tagħhom għandu jibqa’ sigriet sal-ftuħ simultanju tagħhom, kienu ġew osservati kompletament fil-każ ineżami. Kien għalhekk bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-offerta ġiet miċħuda fid-deċiżjoni kkontestata.

42      Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Parlament żbalja meta qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kunfidenzjalità tal-offerta ma kinitx iggarantita.

43      L-ewwel nett, il-kunfidenzjalità tal-offerta kienet iggarantita sal-mument li l-envelop estern infetaħ mill-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti, peress li huwa paċifiku li dan l-envelop kien perfettament magħluq sal-mument li nfetaħ mill-kumitat imsemmi.

44      It-tieni nett, bejn li kien riċevut il-pakkett imwassal mill-kumpannija tat-trasport u l-ftuħ tal-envelop estern mill-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti, l-offerta kienet dejjem fil-kustodja tal-Parlament. F’dan ir-rigward, mid-dikjarazzjonijiet tal-Parlament stess jirriżulta li l-offerta kienet tqiegħdet f’kamra msakkra li l-aċċess għaliha kien ipprojbit għal kull persuna mhux awtorizzata u li l-offerta nżammet taħt sorveljanza kontinwa.

45      It-tielet nett, huwa paċifiku li l-envelop estern tal-kumpannija tat-trasport wasal intatt fil-Parlament billi s-servizz tal-posta ta’ din l-istituzzjoni ma jaċċettax il-pakketti li jkollhom ħsara.

46      Ir-raba’ nett, l-unika informazzjoni verament kunfidenzjali li tkun tinsab fl-offerti tikkonċerna l-prezz. Issa, dan l-element ma kienx magħruf mill-Parlament qabel il-ftuħ tal-offerta.

47      Skont ir-rikorrenti, meħuda flimkien, dawn iċ-ċirkustanzi juru li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament żbalja meta qies li l-kunfidenzjalità tal-offerta ma kinitx iggarantita u, għalhekk, ċaħadha mingħajr eżami.

 Fir-rigward tal-obbligu li l-offerta tiġi ttrażmessa f’żewġ envelops, wieħed ġol-ieħor, u l-portata tal-obbligu li l-envelop estern jiġi ssiġillat

48      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li hija kkonformat ruħha mal-obbligu li tissottometti l-offerta f’żewġ envelops, wieħed ġol-ieħor, kif dan l-obbligu jirriżulta mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

49      Fil-fatt, hija tqis li osservat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni u tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, peress li l-offerta u ż-żewġ kopji tagħha tqiegħdu f’envelops issiġillati inkonformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u peress li dawn l-envelops kollha tqiegħdu f’envelop estern ipprovdut mill-kumpannija tat-trasport.

50      Għall-kuntrarju ta’ dak li jindika l-Parlament fir-risposta tiegħu, l-obbligi li għandhom l-offerenti fir-rigward tal-issiġillar tal-envelops ma jirriżultawx b’mod ċar mill-avviż ta’ kuntratt peress li dan il-kunċett ma huwiex iddefinit b’mod suffiċjentement preċiż f’dan l-avviż.

51      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika li matul is-sena 2011 hija pparteċipat fi tliet sejħiet għal offerti oħra, li fil-kuntest tagħhom bagħtet l-offerti tagħha f’kundizzjonijiet identiċi. Issa, ebda waħda minn dawn l-offerti ma ġiet miċħuda minħabba nuqqas ta’ kunfidenzjalità. Dan jikkorrobora l-assenza ta’ preċiżjoni tal-kliem “envelop issiġillat” u ċ-ċaħda tal-offerta tagħha fil-każ ineżami tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

52      B’mod partikolari, mill-avviż ta’ kuntratt ma jirriżultax b’mod ċar li, meta l-offerent jiddeċiedi li juża s-servizzi ta’ kumpannija tat-trasport privata, l-envelop estern ipprovdut minn din il-kumpannija tat-trasport għandu jitqies li huwa envelop li jista’ jingħalaq minnu nnifsu u għandu jiġi ssiġillat b’firma taħt tejp adeżiv.

 Fir-rigward tal-fondatezza tar-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata

53      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tat-tliet ilmenti li fuqhom il-Parlament jibbaża d-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 8 u 11 iktar ’il fuq).

–       Fuq l-issiġillar tal-envelop estern

54      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament żbalja meta osserva li l-“envelop postali estern tal-kumpannija tat-trasport kien magħluq iżda mhux issiġillat”.

55      Fl-ewwel lok, huwa paċifiku li l-envelop estern ipprovdut mill-kumpannija tat-trasport kien issodisfa r-rwol tiegħu li jipproteġi l-kunfidenzjalità tal-offerta peress li kien baqa’ intatt sakemm infetaħ mill-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti. Għaldaqstant, l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju ma kinux ġew kompromessi.

56      Fit-tieni lok, l-envelops esterni pprovduti mill-kumpannija tat-trasport huma ta’ materjal tal-plastik u jiġu ssiġillati b’sistema ta’ għeluq li tiggarantixxi li dawn l-envelops ma jkunux jistgħu jinfetħu mingħajr ma ssirilhom ħsara. Dawn għalhekk ma humiex envelops li jistgħu jingħalqu minnhom infushom fis-sens tal-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni u tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt u, għaldaqstant, ir-rekwiżiti dwar, minn naħa, l-iffirmar tul l-għeluq u, min-naħa l-oħra, it-tqegħid ta’ tejp adeżiv supplimentari, previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ tal-envelops li jistgħu jingħalqu minnhom infushom, ma japplikawx għall-envelop ipprovdut mill-kumpannija tat-trasport fil-każ ineżami.

57      Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat – ipoteżi din li r-rikorrenti ma taqbilx magħha – li l-envelop ipprovdut mill-kumpannija tat-trasport għandu jitqies li huwa envelop li jista’ jingħalaq minnu nnifsu fis-sens tal-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni u tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, ikollu jiġi rrikonoxxut li s-sistema ta’ għeluq ta’ dan l-envelop tippreżenta, f’termini ta’ kunfidenzjalità tal-kontenut tiegħu, garanziji li minn tal-inqas huma ekwivalenti għal dawk żgurati mit-tqegħid tul l-għeluq ta’ firma u ta’ tejp adeżiv supplimentari fuq envelop ordinarju li jista’ jingħalaq minnu nnifsu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tqegħid tal-firma ta’ rappreżentant tar-rikorrenti taħt tejp adeżiv ma kien ser jipprovdi ebda benefiċċju supplimentari f’termini ta’ kunfidenzjalità tal-offerta.

58      Fl-aħħar lok, sussidjarjament, fuq il-bażi tal-Artikolu 277 TFUE, ir-rikorrenti tqajjem l-eċċezzjoni tal-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, irriprodotti fil-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, fl-eventwalità li dawn jiġu interpretati fis-sens li ma kinux ġew osservati fil-każ ineżami minħabba l-assenza, fuq l-envelop ipprovdut mill-kumpannija tat-trasport, tal-firma tar-rappreżentant tar-rikorrenti taħt tejp adeżiv supplimentari.

59      Insostenn ta’ din l-eċċezzjoni, ir-rikorrenti ssostni li tali rekwiżiti jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessaru sabiex tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tal-offerti. B’hekk, dawn ir-rekwiżiti jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mill-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju u jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

60      Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali għandha tikkonstata li l-offerta kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju u għandha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq l-obbligu ta’ trażmissjoni f’żewġ envelops, wieħed ġol-ieħor

61      It-tieni nett, il-Parlament, li, fid-deċiżjoni kkontestata, osserva li l-“envelops li kienu jinsabu f’dan l-envelop [...] kienu jikkostitwixxu l-uniku ppakkjar ipprovdut mill-offerent” (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), ma għandux raġun meta jilmenta li r-rikorrenti kienet ipprovdiet biss l-envelops interni li fihom kienu jinsabu l-oriġinal u l-kopji tal-offerta. Fil-fatt, minkejja li l-envelop estern kien ipprovdut lir-rikorrenti minn kumpannija tat-trasport, kien xorta waħda fuq l-inizjattiva tar‑rikorrenti li l-pakkett fl-intier tiegħu, kompost mill-envelop estern, mill-envelops interni u mid-dokumenti bl-offerta, intbagħat lill-Parlament. Għaldaqstant, l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-pakkett għandhom jitqiesu li oriġinaw mir-rikorrenti.

–       Fuq l-istat tal-envelops interni

62      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkontesta li l-ilment li, peress li l-“envelops li kienu jinsabu f’dan l-envelop [...] kienu fil-parti l-kbira tagħhom imqatta’, tant li kienu kompletament miftuħa, [...] il-Parlament qies li l-kunfidenzjalità ma kinitx iggarantita u, għaldaqstant, ċaħad l-offerta” (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), jiġġustifika ċ-ċaħda tal-offerta ineżami.

63      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li din l-affermazzjoni hija bbażata biss fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Parlament u tħalli l-kwistjoni tal-istabbiliment tal-fatti għall-ġudizzju tal-Qorti Ġenerali.

64      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-envelops interni nstabu mqatta’ meta nfetħu l-offerti, ma kien hemm ebda dubju dwar il-kunfidenzjalità jew l-integrità tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-offerta għaliex sa dak il-mument dawn kienu protetti mill-envelop estern li kien baqa’ intatt sal-intervent tal-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-envelops interni nstabu mqatta’ filwaqt li ma kienx hemm dubju dwar l-integrità tal-envelop estern ma jippermettix lill-Parlament jeskludi l-offerta ineżami.

b)     L-argumenti tal-Parlament u tal-Kummissjoni

65      Il-Parlament u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

66      Fil-kuntest tal-ewwel motiv ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta, minn naħa, l-eżistenza materjali tal-fatti li fuqhom il-Parlament jibbaża d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni fis-sens li dawn il-fatti, jekk jitqiesu li huma stabbiliti, jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-offerta tagħha skont l-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju, skont l-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni kif ukoll skont il-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt. Hija ssostni, għaldaqstant, li fil-każ ineżami kien hemm ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

a)     Fir-rigward tar-realtà tal-fatti kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata

67      Fid-dawl tal-portata ta’ din il-kontestazzjoni, għandha fl-ewwel lok tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi li l-Parlament ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq fatti materjalment ineżatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, C‑390/05 P, Ġabra p. I‑769, punt 29, u tas-27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, Ġabra p. I‑10707, punti 57 u 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan ir-rigward, kif ikkonfermat ukoll ir-rikorrenti matul is-seduta, huwa paċifiku li l-offerta tar-rikorrenti kienet ikkostitwita minn oriġinal u minn żewġ kopji, li kull wieħed minn dawn id-dokumenti tqiegħed f’envelop magħmul minn karta kraft li jista’ jingħalaq minnu nnifsu, u li l-parti li tingħalaq ta’ dan l-envelop kienet issiġillata bit-tqegħid, tul din il-parti, tal-firma tad-direttur tar-rikorrenti u, fuq din il-firma, ta’ tejp adeżiv supplimentari. Huwa wkoll paċifiku li dawn it-tliet envelops, issiġillati b’dan il-mod, tqiegħu f’envelop estern wieħed, ipprovdut minn kumpannija tat-trasport li tipprovdi servizzi ta’ kurjer. Barra minn hekk, huwa paċifiku li dan l-envelop estern wasal intatt għand id-dipartimenti tal-Parlament u li dan l-envelop, magħluq b’sistema ta’ għeluq integrata fih, ma kienx issiġillat bit-tqegħid tal-firma tad-direttur tar-rikorrenti tul tejp adeżiv supplimentari. Dawn il-fatti kollha, li la huma kkontestati mir-rikorrenti u li lanqas ma huma kontradetti minn xi wieħed mill-elementi li jinsabu fil-proċess, għandhom jitqiesu li huma stabbiliti.

69      Għall-kuntrarju, matul is-seduta r-rikorrenti fakkret li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonferma li, kif iddikjara l-Parlament fid-deċiżjoni kkontestata, it-tliet envelops interni “kienu fil-parti l-kbira tagħhom imqatta’, tant li kienu kompletament miftuħa”, meta l-envelop estern infetaħ mill-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti.

70      Din l-indikazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata tirriproduċi l-proċess verbal stabbilit mill-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti, li kien kompost minn membri tal-persunal tal-Parlament li jaqgħu taħt dipartimenti differenti kif ukoll minn membru tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri, wara t-tmiem tal-laqgħa li matulha, fil-preżenza ta’ żewġ offerenti, infetħu l-offerti kollha sottomessi fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża ineżami. Għandu jitfakkar ukoll li r-rikorrenti, li kellha l-possibbiltà tibgħat rappreżentant għall-ftuħ tal-offerti, ma kinitx preżenti għal din il-laqgħa.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda ħjiel ta’ prova ta’ natura li jixħet dubju fuq il-veraċità tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt imsemmija fil-proċess verbal stabbilit mill-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn il-konstatazzjonijiet, li ma huma kontradetti minn ebda wieħed mill-elementi li jinsabu fil-proċess, għandhom jitqiesu li huma stabbiliti.

72      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-fatti kif stabbiliti kinux ta’ natura li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorenti, verifika li teħtieġ, fit-tieni lok, li tiġi ppreċiżata l-portata tar-regoli applikabbli fil-kawża ineżami, li tagħhom ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta ċ-ċarezza u, parzjalment, il-legalità.

b)     Fuq ir-regoli applikabbli

 Fuq il-portata tar-regoli applikati fid-deċiżjoni kkontestata

73      Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-obbligi fir-rigward tat-trażmissjoni tal-offerta tagħhom imposti fuq l-offerenti li pparteċipaw fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża ineżami kienu jirriżultaw b’mod ċar mill-punti 2(2) u 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, li d-dispożizzjonijiet tagħhom huma rriprodotti fil-punti 2 u 3 iktar ’il fuq.

74      B’hekk, l-ewwel nett, l-offerenti kellhom l-għażla li jew jippreżentaw l-offerta tagħhom huma stess direttament lis-servizz tal-posta tal-Parlament jew li jibagħtuha bil-posta jew permezz ta’ kumpannija tat-trasport [punt 2(2) tal-avviż ta’ kuntratt]. It-tieni nett, l-offerti kellhom jaslu għand il-Parlament f’żewġ envelops issiġillati, wieħed ġol-ieħor, u kull envelop kellu jindika d-dipartiment destinatarju, ir-referenza tas-sejħa għal offerti u l-indikazzjoni li ma kellux jinfetaħ [l-ewwel subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt]. It-tielet nett, fil-każ li jintużaw envelops li jistgħu jingħalqu minnhom infushom, dawn l-envelops kellhom jiġu ssiġillati, jiġifieri “għandhom jingħalqu bit-tejp li fuqu għandu jkun hemm il-firma ta’ min ikun qed jibgħat”, liema firma kellha tkun bl-idejn jew tkun akkumpanjata mit-timbru tal-impriża [it-tielet subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt]. Ir-raba’ nett, l-offerenti kienu bħala prinċipju miżmuma responsabbli għall-istat li fih jaslu l-envelops li jkun fihom l-offerta tagħhom u, għaldaqstant, kienu mistiedna jagħtu attenzjoni partikolari għall-kwalità tal-envelops użati [it-tieni subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt]. Il-ħames nett, ir-raba’ subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt kien jipprovdi espliċitament li “[k]walunkwe offerta li tonqos milli żżomm il-kontenut tagħha kunfidenzjali sal-ftuħ tal-offerti kollha [kellha] tiġi rifjutata awtomatikament”.

75      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mid-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kuntratt riprodotti fil-punt 74 iktar ’il fuq jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku li l-offerti kellhom jitqiegħdu f’żewġ envelops u li, fil-każ li dawn l-envelops ikunu jistgħu jingħalqu minnhom infushom, kull wieħed minnhom kellu jkun issiġillat. Fir-rigward tas-sens ta’ din l-aħħar espressjoni, mill-avviż ta’ kuntratt jirriżulta b’mod ċar ukoll li dan kien jimplika li ż-żewġ envelops kellhom ikunu magħluqa u l-firma ta’ rappreżentant ikkwalifikat tal-offerent kellha titqiegħed, fuq kull envelop, mat-tul tal-parti li tagħlaq l-envelop u ta’ tejp adeżiv supplimentari.

76      B’hekk, sabiex jissodisfa l-obbligi previsti fl-avviż ta’ kuntratt, offerent li jkun iddeċieda li juża s-servizzi ta’ kumpannija tat-trasport kellu l-għażla bejn jew, fil-każ li l-karatteristiċi tal-envelop tal-kumpannija tat-trasport kienu jippermettu dan, li juża dan l-envelop bħala t-tieni envelop estern, użu li kien jimplika li dan l-envelop jiġi ssiġillat bit-tqegħid ta’ firma fuq it-tul ta’ tejp adeżiv addizzjonali, li l-indikazzjonijiet meħtieġa kollha jsiru fuq l-envelop tal-kumpannija tat-trasport u li għalhekk jintuża biss envelop intern wieħed sabiex fih titqiegħed l-offerta, jew inkella li jqiegħed il-kontenut tal-offerta tiegħu f’żewġ envelops issiġillati bl-indikazzjonijiet meħtieġa fuqhom, sabiex imbagħad dawn iż-żewġ envelops, wieħed ġol-ieħor, jitqiegħdu fl-envelop estern tal-kumpannija tat-trasport li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, seta’ ma jkunx issiġillat u seta’ ma jkollux l-indikazzjonijiet kollha meħtieġa.

77      Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni tar-rikorrenti fis-sens li l-envelop estern tal-kumpannija tat-trasport, għalkemm ma kienx issiġillat fis-sens li għadu kemm ġie spjegat, kellu jitqies li huwa wieħed miż-żewġ envelops meħtieġa mill-avviż ta’ kuntratt u li josserva r-rekwiżiti tal-punt 2(4) tal-istess avviż ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, anki jekk jitqies, bħalma tagħmel ir-rikorrenti, li s-sistema ta’ għeluq tal-envelops ipprovduti minn kumpannija tat-trasport tippreżenta, f’termini ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-kontenut tagħhom, garanziji ekwivalenti għal dawk ipprovduti mill-issiġillar meħtieġ mill-avviż ta’ kuntratt, xorta jibqa’ l-fatt li, meta offerent ma jkunx osserva l-obbligu ċar, preċiż u inkundizzjonat li jirriżulta mill-avviż ta’ kuntratt li jibgħat l-offerta tiegħu f’żewġ envelops issiġillati, wieħed ġol-ieħor, dan l-offerent għandu jitqies li ma kkonformax ruħu mar-rekwiżiti imposti fuq l-offerenti kollha li jkunu ddeċidew li jippreżentaw offerta fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża ineżami.

78      Issa, is-sempliċi ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti ċari tal-avviż ta’ kuntratt kien jippermetti lill-Parlament jiċħad kull offerta mhux konformi u, skont ir-raba’ subparagrafu tal-punt 2(4) tal-istess avviż ta’ kuntratt, kien saħansitra jobbligah jiċħadha fil-każ li jqis ukoll li l-kunfidenzjalità ta’ din l-offerta ma setgħetx tkun iggarantita sal-ftuħ simultanju tal-offerti kollha.

79      Minn dan isegwi li għandhom jiġu miċħuda l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv, li permezz tagħhom ir-rikorrenti ssostni, rispettivament, li, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet li fihom hija bagħtet l-offerta tagħha kienu jippreżentaw, f’termini ta’ kunfidenzjalità, garanziji ekwivalenti għal dawk li kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni stretta tal-obbligi previsti fl-avviż ta’ kuntratt u li, minħabba l-assenza ta’ ċarezza tad-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kuntratt, hija għandha titqies li bagħtet l-offerta tagħha f’żewġ envelops issiġillati, wieħed ġol-ieħor.

 Fuq l-applikabbiltà fil-kawża ineżami tal-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni u tat-tielet subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt

80      Madankollu, fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta l-legalità ta’ dan l-obbligu u, għaldaqstant, l-applikabbiltà għall-każ ineżami tad-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt u tal-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm it-tielet subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, meta jipprovdi li l-offerti għandhom jintbagħtu f’żewġ envelops issiġillati, wieħed ġol-ieħor, jirriproduċi, mingħajr ma jitbiegħed minnhom, ir-rekwiżiti dwar l-issiġillar tal-envelops li jkunu jistgħu jingħalqu minnhom infushom li jinsabu fl-Artikolu 143(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, kienet biss l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet li ġiet applikata direttament fil-każ ineżami. Madankollu, bi tweġiba għal mistoqsija li saritilha matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li l-eċċezzjoni ta’ inapplikabbiltà li hija ppreżentat insostenn tat-tielet parti tal-ewwel motiv kienet tirreferi kemm għat-tielet subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt u kemm għall-Artikolu 143(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

82      Mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti tistax effettivament tqajjem, fuq il-bażi tal-Artikolu 277 TFUE, l-eċċezzjoni tal-inapplikabbiltà tal-Artikolu 143(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, li kien applikat biss b’mod indirett fil-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, L-Italja vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, 32/65, Ġabra p. 563, p. 594, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il‑Kummissjoni, T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, Ġabra p. II-6255, punti 206 sa 210, u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-eċċezzjoni, ibbażata fuq l-allegata illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija kompletament infondata.

83      Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 143(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, sempliċement jippreċiżaw il-kundizzjonijiet li fihom ir-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità tal-offerti meħtieġ mill-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju jkun jista’ jitqies li huwa żgurat. Kif isostni l-Parlament, l-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jikkompleta l-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju mingħajr ma jikkontradixxih. Għall-kuntrarju, jekk tintlaqa’ t-teżi tar-rikorrenti fis-sens li l-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jikser l-Artikolu 98(1) tar-Regolament Finanzjarju minħabba li jistabbilixxi kundizzjonijiet li ma humiex previsti f’dan l-artikolu tal-aħħar, tkun qiegħda tiġi kkontestata fuq bażi ta’ prinċipju l-legalità tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni kollha sa fejn dawn għandhom preċiżament l-għan li jispeċifikaw u jikkompletaw ir-regoli bażiċi stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

84      It-tieni nett, l-Artikolu 143(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, lanqas ma jmorru kontra l-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità. Skont dan il-prinċipju, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx imorru lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tittieħed dik li tkun l-inqas oneruża, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II-3305, punt 411, u tad-9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, T‑75/06, Ġabra p. II-2081, punt 233, u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Issa, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 143(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, kif ukoll fit-tielet subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, jippermetti li tiġi preżunta bħala ggarantita l-kunfidenzjalità tal-offerti li l-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti jsib f’żewġ envelops li jkunu ssiġillati u intatti. B’hekk, din ir-regola tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali billi telimina kull riskju ta’ evalwazzjoni arbitrarja meta jinfetħu l-offerti, u dan permezz ta’ nefqa marġinali negliġibbli f’termini finanzjarji u tekniċi meta mqabbla mat-totalità tal-ispejjeż involuti fil-preparazzjoni ta’ offerta. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandha ebda bażi meta ssostni li tali obbligu jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

86      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inapplikabbiltà mqajma mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

c)     Fuq il-fondatezza tal-esklużjoni tal-offerta tar-rikorrenti

87      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Parlament, billi kkonstata ġustament li r-rikorenti ma kinitx ikkonformat ruħha mal-obbligu li tibgħat l-offerta tagħha f’żewġ envelops issiġillati, wieħed ġol-ieħor, kellu raġun jiċħad din l-offerta.

88      Ebda waħda mill-oġġezzjonijiet imqajma mir-rikorenti fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv ma hija ta’ natura li tikkontradixxi din l-evalwazzjoni.

89      L-ewwel nett, kif ikkonstatat fil-punt 68 iktar ’il fuq, huwa paċifiku li r-rikorrenti, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega, ma kkonformatx ruħha mal-obbligu li tibgħat l-offerta tagħha f’żewġ envelops issiġillati, wieħed ġol-ieħor, sa fejn, minn naħa, il-leġiżlazzjoni rilevanti kienet tippreċiża b’mod ċar il-formalitajiet li kellhom jitwettqu sabiex jiġu ssiġillati l-envelops u sa fejn, min-naħa l-oħra, l-envelop estern ipprovdut mill-kumpannija tat-trasport magħżula mir-rikorrenti, li, kif jirriżulta mir-ritratti annessi mir-rikorrenti mar-rikors tagħha, kien envelop li seta’ jingħalaq minnu nnifsu, ma kienx issiġillat.

90      It-tieni nett, l-ilment li r-rikorrenti tibbaża fuq l-argument li l-Parlament, meta osserva li l-“envelops li kienu jinsabu f’dan l-envelop [...] kienu jikkostitwixxu l-uniku ppakkjar ipprovdut mill-offerent”, ma kellux raġun meta kkritikaha talli pprovdiet biss l-envelops interni li fihom tqiegħdu l-oriġinal u l-kopji tal-offerta, huwa mislut minn qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

91      Fil-fatt, fis-silta kontenzjuża tad-deċiżjoni msemmija, il-Parlament indika sempliċement li huwa ma setax jieħu inkunsiderazzjoni l-envelop estern ipprovdut mill-kumpannija tat-trasport sabiex jevalwa jekk kienx osservat l-obbligu li l-offerti jintbagħtu f’żewġ envelops issiġillati, wieħed ġol-ieħor, u dan sa fejn dan l-envelop estern ma kienx issiġillat. Issa, kif tfakkar fil-punt 76 iktar ’il fuq, ir‑rikorrenti, billi ma ssiġillatx l-envelop ipprovdut mill-kumpannija tat-trasport, kien imissha, sabiex tosserva r-rekwiżit previst fit-tielet subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, qiegħdet l-offerta tagħha f’żewġ envelops issiġillati, wieħed ġol-ieħor, fl-envelop tal-kumpannija tat-trasport.

92      It-tielet nett, kif ġie kkonstatat fil-punt 71 iktar ’il fuq, irrispettivament mid-dubji tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li ġie stabbilit li l-envelops interni nstabu li kienu fil-parti l-kbira tagħhom imqatta’ meta nfetħu l-offerti.

93      L-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li dan il-fatt ma kienx jippermetti lill-Parlament jiċħad l-offerta tagħha għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi sa fejn mill-evalwazzjonijiet magħmula fil-punt 77 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ksur tar-rekwiżit marbut mat-trażmissjoni tal-offerti f’żewġ envelops issiġillati, wieħed ġol-ieħor, huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika din iċ-ċaħda.

94      Fi kwalunkwe każ, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Parlament li, għalkemm l-envelop estern deher li huwa intatt meta nfetħu l-offerti, is-sempliċi fatt li l-envelops interni nstabu li kienu fil-parti l-kbira tagħhom imqatta’ kien biżżejjed sabiex jinxteħet dubju fuq il-kunfidenzjalità tal-offerta tar-rikorrenti. Fil-fatt, fit-tieni subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt inġibdet l-attenzjoni tal-offerenti fir-rigward ta’ dan l-aspett partikolari, fejn kien indikat li l-integrità tal-envelops użati kienet ser titqies li hija garanzija kemm tal-kunfidenzjalità u kemm tal-integrità tal-kontenut tal-offerti.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhiex raġun meta ssostni li l-offerta tagħha ġiet miċħuda bi ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli u li, għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

1.     L-argumenti tal-partijiet

96      Ir-rikorrenti ssostni, insostenn tat-tieni motiv tagħha, li, billi ċaħad l-offerta tagħha minħabba nuqqas ta’ kunfidenzjalità, meta l-envelop estern kien intatt, u billi ma kkunsidra ebda miżura oħra inqas sfavorevoli għall-interessi tagħha, il-Parlament ma osservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

97      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

98      Skont il-ġurisprudenza, kif diġà tfakkar fil-punt 84 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx imorru lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tittieħed dik li tkun l-inqas oneruża, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti (ara s-sentenzi Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq, punt 411, u Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq, punt 223, u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 145 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprekludi l-ftuħ tal-offerti li ma josservawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 143 tal-istess regoli. Issa, kif tfakkar fil-punt 81 iktar ’il fuq, it-tielet subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, li fir-rigward tiegħu ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv, li r-rekwiżiti tiegħu ma kinux osservati fil-każ ineżami, jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. Minn dan isegwi li l-Parlament ma setax jiftaħ l-offerta tar-rikorrenti mingħajr ma jmur kontra l-Artikolu 145 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

100    Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 78 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ewwel motiv, il-Parlament seta’ jiċħad l-offerta tar-rikorrenti peress li kien ikkonstata li l-obbligu li l-offerti jintbagħtu f’żewġ envelops, wieħed ġol-ieħor, ma kienx ġie osservat, u kien saħansitra obbligat jiċħadha fil-każ li jidhirlu li kien hemm dubji dwar il-kunfidenzjalità tagħha. Issa, ġie kkonstatat ukoll, fil-punt 94 iktar ’il fuq, li l-Parlament kellu raġun jiddubita mill-kunfidenzjalità tal-offerta tar-rikorrenti minħabba l-istat li fihom instabu l-envelops interni.

101    Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, il-Parlament kellu għalhekk jiċħad l-offerta tar-rikorrenti. Issa, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-portata tiegħu tfakkret fil-punt 98 iktar ’il fuq, jista’ japplika biss fil-każijiet fejn l-awtur tal-att ikkontestat ikollu marġni ta’ diskrezzjoni. Peress li dan ma kienx il-każ fil-każ ineżami, minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, l-invokazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija ineffettiva.

102    Barra minn hekk, sa fejn, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-obbligi imposti fuqha fil-każ ineżami huma ta’ natura sproporzjonata, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-allegazzjonijiet ibbażati fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-obbligu li l-offerti jintbagħtu f’żewġ envelops issiġillati, wieħed ġol-ieħor, ġew miċħuda fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar il-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ inapplikabbiltà mqajma fir-rigward tat-tielet subparagrafu tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt u tal-Artikolu 143(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

103    Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

1.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti tar-rikorrenti

 Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

104    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li, sad-data tal-preżentata tar-rikors, hija kienet ipparteċipat f’erba’ sejħiet għal offerti – fosthom dik li tikkostitwixxi l-kuntest ta’ din it-tilwima – f’kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni identiċi u li ebda waħda mit-tliet offerti l-oħra ppreżentati minnha ma ġiet miċħuda mingħajr eżami minħabba nuqqas ta’ kunfidenzjalità. Ir-rikorrenti tqis li t-trattament differenti li ngħata lill-offerta fil-każ ineżami jikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn sitwazzjonijiet identiċi li ma hija ġġustifikata minn ebda raġuni oġġettiva. Għaldaqstant, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, fit-tliet proċeduri l-oħra li pparteċipat fihom, “ma sar ebda kumment fir-rigward tal-istat tal-envelops magħmula minn karta kraft fl-envelop estern tal-kumpannija tat-trasport” u lanqas fir-rigward tal-envelop estern ipprovdut mill-kumpannija tat-trasport.

 Talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

105    Sabiex tkun tista’ tistabbilixxi n-natura identika tas-sitwazzjonijiet bejn l-offerta inkwistjoni f’din il-kawża u t-tliet sejħiet għal offerti l-oħra li pparteċipat fihom, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Parlament, skont l-Artikolu 64(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, jipproduċi l-proċessi verbali redatti mill-Kumitati għall-ftuħ tal-offerti li għamlu intervent fis-sejħiet għal offerti GENAFF11, HR/2011/EU u TM11/MT.

b)     L-argumenti tal-Parlament

106    Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jopponi t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

107    Skont il-ġurisprudenza, id-dmir tal-awtoritajiet kontraenti li josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkorrispondi għall-essenza stess tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li hija intiża b’mod partikolari li tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva u li tistabbilixxi l-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti maħsuba sabiex tiġi ggarantita tali kompetizzjoni. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq, punt 236, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom, C‑21/03 u C‑34/03, Ġabra p. I‑1559, punti 26 u 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Ir-rikorrenti ssostni, permezz tat-tielet motiv tagħha, li l-Parlament ma setax jiċħad l-offerta tagħha mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn tallega li ssottomettiet offerti oħra f’kundizzjonijiet identiċi u ssostni li dawn l-offerti l-oħra ma kinux ġew miċħuda minħabba li ma kinux intbagħtu f’żewġ envelops, wieħed ġol-ieħor, li kull wieħed minnhom ikun issiġillat. Hija tqis, għalhekk, li, fil-każ ineżami, hija kienet is-suġġett ta’ trattament differenti f’sitwazzjoni komparabbli mingħajr ma din id-differenza ma tista’ tkun oġġettivament iġġustifikata.

109    Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, applikat, fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi, permezz tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju, huwa intiż li japplika bejn l-offerenti li jipparteċipaw fi proċedura partikolari għall-għoti ta’ kuntratt. Issa, kif isostni l-Parlament, jekk jintlaqgħu l-argumenti tar-rikorrenti, dan iwassal sabiex fil-kawża ineżami ma jiġix osservat dan il-prinċipju fir-rigward tal-offerenti l-oħra li ppreżentaw offerta fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni f’din il-kawża sa fejn ir-rikorrenti, li ma kinitx f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tagħhom fir-rigward tar-rekwiżit marbut mal-preżentazzjoni tal-offerta f’żewġ envelops, wieħed ġol-ieħor, li kull wieħed minnhom ikun issiġillat, tkun qiegħda tibbenefika mill-istess trattament bħal dak mogħti lilhom.

110    Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li tiġi ttrattata, fil-każ ineżami, b’mod komparabbli għall-mod kif ġiet ittrattata fi proċeduri oħra, għandu jiġi osservat li, anki jekk jitqies li hija kienet effettivament bagħtet offerti oħra f’kundizzjonijiet daqstant ieħor irregolari bħalma għamlet f’dan il-każ, hija ma tistax tinvoka, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, il-benefiċċju ta’ illegalità. Issa, mill-analiżi tal-ewwel żewġ motivi ta’ dan ir-rikors jirriżulta li, fil-każ li offerent ma jikkonformax ruħu mal-obbligu li jibgħat l-offerta tiegħu f’żewġ envelops, wieħed ġol-ieħor, li kull wieħed minnhom ikun issiġillat, inkonformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 143 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni kif ukoll tal-punt 2(4) tal-avviż ta’ kuntratt, l-awtorità kontraenti tkun obbligata li tiċħadha.

111    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti li r-riżultat tagħha, fi kwalunkwe każ, ma jista’ jkollu ebda impatt fuq l-evalwazzjoni ta’ dan il-motiv.

112    Minn dan isegwi li t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi miċħud.

E –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

1.     L-argumenti tal-partijiet

113    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura individwali li tolqotha negattivament. Hija għalhekk tqis li hija kien imissha nstemgħet, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Issa, skont ir-rikorrenti, li kieku l-Kumitat għall-ftuħ tal-offerti sema’ l-ispjegazzjonijiet tagħha, hija kien ikollha l-possibbiltà tikkonvinċih li l-kunfidenzjalità tal-offerta kienet imħarsa u d-deċiżjoni meħuda setgħet tkun differenti.

114    Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

115    Għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li r-rikorrenti, fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, tallega ksur tad-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni fil-fatt li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi miżura individwali li tolqotha negattivament meħuda fil-konfront tagħha fis-sens tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Minn dan l-aspett, l-argumenti tagħha għandhom jitqiesu wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

116    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ ineżami, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Fir-rigward tar-regoli applikabbli, għandu jitfakkar li r-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprevedu l-forom li għandhom jieħdu l-kuntatti bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-offerenti u li dawn id-dispożizzjonijiet huma maħsuba sabiex jiġi żgurat l-aċċess tal-parteċipanti għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati. Issa, ebda dispożizzjoni ma tipprovdi li l-awtorità kontraenti hija obbligata titlob l-opinjoni ta’ offerent qabel ma tiċħad l-offerta tiegħu minħabba nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti formali previsti fid-dokumentazzjoni dwar il-kuntratt li l-osservanza tagħhom tkun ta’ natura sostanzjali.

118    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata allegat mir-rikorrenti jistax jirriżulta mill-prinċipju ġenerali ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu jitfakkar li l-osservanza ta’ dan il‑prinċipju għandha tiġi żgurata anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika, iżda li, sabiex tali ksur iwassal għal annullament, huwa meħtieġ li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet wasslet għal riżultat differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1987, Franza vs Il-Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punti 12 u 13).

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni dwar offerta mibgħuta fuq inizjattiva tar-rikorrenti u li r-raġunijiet esklużivi tad-deċiżjoni msemmija jirriżultaw mill-eżami tal-preżentazzjoni formali tad-dokumenti mibgħuta mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura għal sejħa għal offerti, filwaqt li r-rekwżiti proċedurali li kellhom josservaw l-offerenti kienu stabbiliti b’mod preċiż fl-avviż ta’ kuntratt. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma hija bbażata fuq ebda kunsiderazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi li r-rikorrenti setgħet leġittimament ma tkunx taf biha. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun meta ssostni li l-Parlament kien obbligat jismagħha qabel adotta d-deċiżjoni kkontestata.

120    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll, fit-tieni lok, li, minħabba n-nuqqas tar-rikorrenti li tosserva r-rekwiżiti formali meħtieġa mill-avviż ta’ kuntratt, il-Parlament, kif ġie stabbilit fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel żewġ motivi tar-rikors, kien jinsab f’sitwazzjoni fejn kellu jiċħad l-offerta tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà għar-rikorrenti li tippreżenta osservazzjonijiet ma kinitx ta’ natura li setgħet teżerċita l-iċken influwenza fuq l-eżitu tad-deċiżjoni fir-rigward tal-offerta tagħha.

121    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-allegat dritt tar-rikorrenti li tinstema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud ukoll, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk ksur tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistax jiġi effettivament invokat fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku fil-konfront tal-awtorità kontraenti.

122    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

123    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Euris Consult Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ April 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.