Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Jannar 2012 - Région Poitou-Charentes vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-31/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Région Poitou-Charentes (Poitiers, Franza) (rappreżentant: J. Capiaux, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-18 ta' Novembru 2011, li tirrifjuta l-waqfien tal-programm ta' inizjattiva Komunitarja INTERREG III B "Żona tal-Atlantiku" 2000/2006 (referenza CCI Nru 2001 RG 16 0 PC 006).

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn il-persuna firmatarja tal-att ma hijiex intitolata li tibbenefika minn delega tas-setgħa ta' firma.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali, meta l-Kummissjoni ma osservatx it-termini imperattivi imposti mill-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nruº1260/1999  sabiex tindika b'mod motivat ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra r-rapport finali tar-rikorrent insuffiċjenti.

It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji ta' liġi:

peress li l-Kummissjoni kkritikat lir-rikorrenti li ma osservatx ir-regoli dwar l-approvazzjoni tar-rapport finali, filwaqt li r-regoli tal-Kumitat ta' Sorveljanza jipprovdu għal sistema ta' approvazzjoni impliċita tal-imsemmi rapport wara l-għeluq tat-terminu ta' għaxart ijiem u

peress li l-Kummissjoni indikat li r-rapport tar-rikorrent kellu jiġi mfassal bl-Ingliż filwaqt li l-ebda regola ma timponi li rapport għandu jiġi mfassal b'lingwa oħra għajr dik tal-awtorità amministrattiva (f'dan il-każ il-Franċiż) sabiex ikun validu.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Il-ħames motiv ibbażat fuq użu ħażin ta' poter, peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni raġuni li min-natura tagħha ma tirrigwardax l-interess Ewropew sabiex jiġi rrifjutat il-waqfien tal-programm ta' inizjattiva inkwistjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999, tal-21 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p 1).