Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Mejju 2020 – CWS Powder Coatings vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-279/20)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: CWS Powder Coatings GmbH (Düren, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. van der Hout, C. Wagner u V. Lemonnier, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/217 1 , sa fejn jikkonċerna l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar tad-dijossidu tat-titanju; u
tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.
L-ewwel motiv: Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 53c tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 billi adottat att wieħed għal diversi oqsma regolatorji.
It-tieni motiv: Il-klassifikazzjoni tad-dijossidu tat-titanju fir-regolament ikkontestat tikser il-kundizzjonijiet tal-klassifikazzjoni previsti fl-Artikoli 53a, 37(5) u 3(1) flimkien mal-punt 3.6.2.2 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008.
It-tielet motiv: L-emenda għall-Anness II tar-Regolament Nru 1272/2008 dwar taħlitiet likwidi li jkun fihom dijossidu tat-titanju ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 53(1) flimkien mal-Artikolu 53a ta’ dan ir-regolament.
Ir-raba’ motiv: L-emenda għall-Anness II tar-Regolament Nru 1272/2008 dwar taħlitiet solidi li jkun fihom dijossidu tat-titanju ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 53(1) flimkien mal-Artikolu 53a ta’ dan ir-regolament.
Il-ħames motiv: Il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li twettaq evalwazzjoni tal-impatt qabel ma tadotta r-regolament ikkontestat.
Is-sitt motiv: Ir-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi l-klassifikazzjoni ta’ ċerti partiċelli ta’ dijossidu tat-titanju u l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ ttikkettjar ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan (il-protezzjoni tas-saħħa) u hemm disponibbli mezzi oħra inqas restrittivi.
Is-seba’ motiv: Il-Kummissjoni wettqet bosta żbalji sinjifikattivi ta’ evalwazzjoni meta adottat ir-regolament ikkontestat.
It-tmien motiv: Meta adottat ir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha.
Id-disa’ motiv: Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni, meta adottat ir-regolament ikkontestat, setgħat tiddefinixxi hija stess il-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni jew is-suġġett tal-klassifikazzjoni jew ma kellhiex il-possibbiltà li twettaq evalwazzjoni tal-impatt jew applikazzjoni proporzjonata, l-Artikoli 37(5), 53(1) u 53a tar-Regolament Nru 1272/2008 jiksru l-Artikolu 290(1) u (2) TFUE. F’dan il-każ, ikun kuntrarju għall-Artikolu 290 TFUE li jintuża l-att bażiku (ir-Regolament Nru 1272/2008) għar-regolament ikkontestat.
____________
1 Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/217 tal-4 ta’ Ottubru 2019 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet u li jikkoreġi dak ir-Regolament (ĠU 2020, L 44, p. 1).
2 Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta‘ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8), kif l-aħħar emendat bir-Regolament (UE) 2019/1243 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jadatta għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, L 198, p. 241).