Language of document : ECLI:EU:C:2024:218

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fis‑7 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawżi magħquda C771/22 u C45/23

Bundesarbeitskammer

vs

HDI Global SE

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija))

u

A,

B,

C,

D

vs

MS Amlin Insurance SE

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige Ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Vjaġġi kollox kompriż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta — Direttiva (UE) 2015/2302 — Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji — Pandemija tal-COVID‑19 — Insolvenza tal-organizzatur — Artikolu 17(1) — Xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż qabel l-insolvenza — Sigurtà għar-rimbors tal-pagamenti kollha magħmula mill-vjaġġaturi jew f’isimhom — Portata tal-protezzjoni kontra l-insolvenza”






 I. Introduzzjoni

1.        Is-settur tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu kien wieħed mis-setturi l-iktar milquta mill-pandemija tal-COVID‑19, peress li l-impatt fuq l-industrija tal-ivvjaġġar kollha kien bla preċedent (2). It-tifqigħa tal-pandemija wasslet għal għadd kbir ta’ kanċellazzjonijiet ta’ vaganzi kollox kompriż, filwaqt li ma saru ebda prenotazzjonijiet ġodda. Dan ħoloq problemi serji ta’ likwidità għall-organizzaturi tal-vjaġġi kollox kompriż li ġew affaċċjati b’għadd kbir ta’ talbiet għal rimbors. F’dan il-kuntest, il-kawża ineżami tqajjem il-kwistjoni tal-portata tal-protezzjoni tal-vjaġġaturi fil-każ ta’ insolvenza tal-organizzaturi tal-vjaġġi koperti mill-Artikolu 17(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 (3).

 II. Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

2.        Skont il-premessi 39 u 40 tad-Direttiva 2015/2302:

“(39)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li vjaġġaturi li jixtru pakkett huma protetti totalment kontra l-insolvenza tal-organizzatur. L-Istati Membri li l-organizzaturi huma stabbiliti fihom għandhom jiżguraw li huma jipprovdu s-sigurtà għar-rifużjoni tal-pagamenti kollha mwettqa minn jew f’isem il-vjaġġaturi u, sa fejn pakkett jinkludi t-trasport tal-passiġġieri, għar-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi fil-każ tal-insolvenza tal-organizzatur. Madankollu, għandu jkun possibbli li l-vjaġġaturi jiġu offruti l-kontinwazzjoni tal-pakkett. Filwaqt li tinżamm diskrezzjoni dwar il-mod li bih il-protezzjoni mill-insolvenza għandha tiġi organizzata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-protezzjoni tkun effettiva. L-effettività timplika li l-protezzjoni għandha tkun disponibbli hekk kif, bħala konsegwenza tal-problemi ta’ likwidità tal-organizzatur, is-servizzi tal-ivvjaġġar mhumiex qed jitwettqu, mhux ser jitwettqu jew ser jitwettqu parzjalment biss jew fejn il-fornituri tas-servizzi jirrikjedu lill-vjaġġaturi jħallsu għalihom. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu li l-organizzaturi jipprovdu ċertifikat lill-vjaġġaturi li jiddokumenta intitolament dirett kontra l-fornitur tal-protezzjoni mill-insolvenza.

(40)      Sabiex il-protezzjoni mill-insolvenza tkun effettiva, hija għandha tkopri l-ammonti prevedibbli ta’ ħlasijiet affettwati mill-insolvenza tal-organizzatur u, fejn applikabbli, l-ispiża prevedibbli għar-ripatrijazzjonijiet. Dan ifisser li l-protezzjoni għandha tkun suffiċjenti biex tkopri l-ħlasijiet kollha previsti magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi fir-rigward ta’ pakketti fl-aqwa tal-istaġun, b’kont meħud tal- perjodu bejn ir-riċevuta ta’ ħlasijiet bħal dawn u t-twettiq tal-vjaġġ jew tal-btala, kif ukoll, fejn applikabbli, l-ispiża prevedibbli għar-ripatrijazzjonijiet [...] Madankollu, protezzjoni effettiva mill-insolvenza m’għandhiex tqis riskji remoti ħafna, pereżempju l-insolvenza simultanja ta’ diversi mill-akbar organizzaturi, fejn jekk dan isir se jaffettwa b’mod sproporzjonat l-ispiża tal-protezzjoni, u b’hekk tiddgħajjef l-effettività tagħha. F’każijiet bħal dawn il-garanzija għar-rifużjonijiet tista’ tkun limitata.”

3.        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u d-dritt ta’ rtirar qabel il-bidu tal-pakkett”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur. […]

2.      Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali.

3.      L-organizzatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u jagħti lill-vjaġġatur rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li jkun sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun responsabbli għal kumpens addizzjonali, jekk:

[…]

(b)      l-organizzatur ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u jinnotifika lill-vjaġġatur dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr dewmien żejjed qabel il-bidu tal-pakkett.

4.      L-organizzatur għandu jagħti kwalunkwe rifużjoni meħtieġa skont il-paragrafi 2 u 3 jew, fir-rigward tal-paragrafu 1, irodd lura kwalunkwe pagamenti li jkunu saru minn jew f’isem il-vjaġġatur għall-pakkett bit-tariffa adatta ta’ terminazzjoni mnaqqsa. Dawn ir-rifużjonijiet jew rimborżi għandhom isiru lill-vjaġġatur mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 14‑il jum wara li l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikun ġie tterminat.

[…]”

4.        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Effikaċja u kamp ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni mill-insolvenza”, jipprevedi:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom jipprovdu sigurtà għar-rifużjoni tal-pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi sa fejn is-servizzi rilevanti ma jitwettqux bħala konsegwenza tal-insolvenza ta’ tali organizzatur. Jekk it-trasport tal-passiġġieri huwa inkluż fil- kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, l-organizzaturi għandhom jipprovdu wkoll is-sigurtà għar-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi. Tista’ tiġi offruta il-kontinwazzjoni tal-pakkett.

[...]

2. Is-sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun effettiva u għandha tkopri l-ispejjeż li huma raġonevolment prevedibbli. Din għandha tkopri l-ammonti ta’ pagamenti li jsiru minn jew f’isem il-vjaġġaturi fir-rigward tal-pakketti, filwaqt li jitqies it-tul tal-perjodu bejn il-pagamenti parzjali u l-pagamenti finali u t-tlestija tal-pakketti, kif ukoll l-ispiża stmata għar-ripatrijazzjonijiet fil-każ tal-insolvenza tal-organizzatur.

[…]

5. Għal servizzi tal-ivvjaġġar li għadhom ma ġewx eżegwiti, ir-rifużjonijiet għandhom jingħataw mingħajr dewmien bla bżonn wara t-talba tal-vjaġġatur.”

 Iddritt nazzjonali

 Iddritt Awstrijak

5.        L-Artikolu 3 tal-Verordnung der Bundesministerin für Digitalisierung und Wirtschaftsstandort über Pauschalreisen und verbundene Reiseleistungen (Id-Digriet tal-Ministru Federali għall-Affarijiet Diġitali u Ekonomiċi dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż u Servizzi tal-Ivvjaġġar Marbuta), huwa fformulat kif ġej:

“(1) Il-persuni intitolati li jorganizzaw servizzi tal-ivvjaġġar għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jiġi kkumpensat għal:

1.      pagamenti li diġà saru (pagamenti bil-quddiem u l-bilanċ) sa fejn, minħabba l-insolvenza tal-persuna intitolata li torganizza servizzi tal-ivvjaġġar, is-servizzi tal-ivvjaġġar ma jiġux ipprovduti totalment jew parzjalment jew jekk il-fornitur jitlob lill-vjaġġatur iħallas għal dawn is-servizzi;

[…]”

 Iddritt Belġjan

6.        Fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 54 tal-Loi relative à la vente de voyages à forfait, de prestations de voyage liées et de services de voyage (il-Liġi Belġjana dwar il-Bejgħ ta’ Vjaġġi Kollox Kompriż, Arranġamenti tal-Ivvjaġġar u Servizzi tal-Ivvjaġġar Marbuta), tal‑21 ta’ Novembru 2017 (Moniteur belge Nru 2017014061 tal‑1 ta’ Diċembru 2017, p. 106673) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż”) tistabbilixxi:

“L-organizzaturi u l-bejjiegħa bl-imnut stabbiliti fil-Belġju jipprovdu sigurtà għar-rimbors tal-pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi, sa fejn is-servizzi rilevanti ma jitwettqux bħala konsegwenza tal-insolvenza tal-organizzatur”.

7.        L-Arrêté Royal relatif à la protection contre l’insolvabilité lors de la vente de voyages à forfait, de prestations de voyage liées et de services de voyage (id-Digriet Irjali dwar il-Protezzjoni mill-Insolvenza fir-rigward tal-Bejgħ ta’ Vjaġġi Kollox Kompriż, Arranġamenti tal-Ivvjaġġar u Servizzi tal-Ivvjaġġar Marbuta) tad‑29 ta’ Mejju 2018 (Moniteur belge Nru 2018012508 tal‑11 ta’ Ġunju 2018, p. 48434, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”) jiddefinixxi l-mod kif is-sigurtà prevista fl-Artikolu 54 tal-Liġi dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż għandha tiġi pprovduta.

8.        Skont l-Artikolu 12(1) tad-Digriet Irjali:

“Fil-każ ta’ insolvenza tal-organizzatur, il-kuntratt ta’ assigurazzjoni jipprovdi s-sigurtà li ġejja:

1.      Il-kontinwazzjoni tal-pakkett, jekk dan ikun possibbli;

2.      ir-rimbors tal-pagamenti kollha li saru meta ġie konkluż il-kuntratt mal-kummerċjant;

3.      ir-rimbors tal-ħlasijiet magħmula għal servizzi kollox kompriż li ma jistgħux jitwettqu minħabba l-insolvenza tal-kummerċjant;

4.      ir-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi, meta l-eżekuzzjoni tal-kuntratt mal-kummerċjant tkun diġà nbdiet [...]”

9.        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 13 tad-Digriet Irjali tistabbilixxi:

“Ir-rimbors jikkonċerna l-pagamenti kollha li l-benefiċjarju jkun għamel lill-organizzatur fir-rigward tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż sakemm il-kuntratt ma jkunx twettaq bħala riżultat tal-insolvenza tal-organizzatur jew il-pagamenti kollha li jkunu magħmula għal servizzi tal-ivvjaġġar li ma jkunux twettqu bħala konsegwenza tal-insolvenza tal-organizzatur”.

 III. Ilkawżi prinċipali u ttalbiet għal deċiżjoni preliminari

 Kawża C771/22

10.      Fit‑3 ta’ Marzu 2020, konsumatur Awstrijak ikkonkluda kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mal-organizzatriċi tal-vjaġġi Flamenco Sprachreisen GmbH (iktar ’il quddiem “Flamenco”) għal vjaġġ lejn Spanja. Il-vjaġġ kellu jsir mit‑3 ta’ Mejju 2020 sat‑2 ta’ Ġunju 2020. Il-konsumatur ħallas il-prezz totali għall-vjaġġ fid‑9 ta’ Marzu 2020.

11.      Fis‑16 ta’ Marzu 2020, il-konsumatur xolja l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji marbuta mat-tifqigħa tal-COVID‑19. Id-dritt li jiġi xolt il-kuntratt ma ġiex ikkontestat fil-kawża prinċipali.

12.      Fl‑20 ta’ Mejju 2020, infetħet il-proċedura ta’ insolvenza ta’ Flamenco quddiem il-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz, l-Awstrija). Flamenco waqqfet l-attivitajiet tagħha. Wara t-tqassim finali tal-assi tal-impriża, l-insolvenza ngħalqet b’digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2022, li sar definittiv.

13.      Il-likwidatur formalment xolja l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż fit‑8 ta’ Ġunju 2020.

14.      Il-konsumatur ittrasferixxa t-talba tiegħu għal rimbors tal-pagamenti mħallsa għall-pakkett kontra Flamenco lill-Bundesarbeitskammer (il-Kamra Federali tal-Ħaddiema, l-Awstrija) li hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

15.      Ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra l-assiguratriċi ta’ Flamenco, HDI Global SE. HDI Global oġġezzjonat li hija ma kinitx responsabbli għar-rimbors lill-konsumatur peress li l-insolvenza ma kinitx l-oriġini tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Ir-rikorrenti sostniet li l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali ma hijiex meħtieġa skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302.

16.      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 u d-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni jindikaw li għandu jkun hemm rabta kawżali bejn l-insolvenza u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni twettiq tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Dan ikun ifisser li l-protezzjoni mill-insolvenza ma tkoprix it-talbiet għal rimbors meta jintemm il-pakkett qabel ma organizzatur isir insolventi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-premessa 39 tad-Direttiva 2015/2302 tindika mod ieħor peress li tobbliga lill-Istati Membri jipprovdu sigurtà għar-rimbors tal-“pagamenti kollha mwettqa minn jew f’isem il-vjaġġaturi”. Interpretazzjoni li l-Artikolu 17(1) ikopri r-rimbors tal-pagamenti kollha hija appoġġjata mill-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi skont l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 169 TFUE, kif ukoll skont l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

17.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-fatt li l-organizzatur sar insolventi meta kien skedat il-vjaġġ jew il-fatt li r-raġuni tax-xoljiment tal-kuntratt u, indirettament, tal-insolvenza hija l-istess ċirkustanza eċċezzjonali, jiġifieri l-pandemija tal-COVID‑19, humiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302.

18.      Peress li qieset li s-soluzzjoni tat-tilwima quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2015/2302, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu  7 tad-[Direttiva 2015/2302] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pagamenti magħmula mill-vjaġġatur lill-organizzatur qabel il-bidu tal-vjaġġ huma ggarantiti biss meta l-vjaġġ ma jsirx minħabba l-insolvenza tal-imsemmi organizzatur, jew inkella fis-sens li huma wkoll ggarantiti pagamenti magħmula mill-vjaġġatur lill-organizzatur qabel ftuħ il-proċedura ta’ insolvenza, jekk il-vjaġġatur ixolji l-kuntratt qabel is-seħħ tal-insolvenza u minħabba ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302?

2)      L-Artikolu 17 tad-[Direttiva 2015/2302] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pagamenti magħmula mill-vjaġġatur lill-organizzatur qabel il-bidu tal-vjaġġ huma ggarantiti meta, jerġa’ qabel is-seħħ tal-insolvenza, il-vjaġġatur ixolji l-kuntratt ta’ vjaġġ minħabba ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, minkejja li l-insolvenza tkun seħħet matul il-perijodu li matulu l-vjaġġ irriżervat kellu jseħħ?

3)      L-Artikolu 17 tad-[Direttiva 2015/2302] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pagamenti magħmula mill-vjaġġatur lill-organizzatur qabel il-bidu tal-vjaġġ huma ggarantiti meta, jerġa’ qabel is-seħħ tal-insolvenza, il-vjaġġatur ixolji l-kuntratt ta’ vjaġġ minħabba ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva u meta l-insolvenza tal-organizzatur tkun seħħet minħabba dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji?”

19.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Elleniku u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet ressqu argumenti orali fis-seduta li nżammet fis‑7 ta’ Diċembru 2023.

 Kawża C45/23

20.      Ir-rikorrenti huma konsumaturi, filwaqt li l-konvenuta, MS Amlin Insurance SE, hija l-assiguratriċi tal-insolvenza ta’ Exclusive Destinations NV, l-organizzatriċi tal-vjaġġi.

21.      Fit‑13 ta’ Novembru 2019, l-ewwel rikorrent ikkonkluda, permezz ta’ bejjiegħ mill-ġdid, kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ma’ Exclusive Destinations. Il-vjaġġ kollox kompriż kien skedat għal Marzu 2020.

22.      Il-vjaġġ ġie pprenotat mill-ġdid għal Novembru 2020, minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, u għal prezz ogħla. Il-prezz oriġinali kien diġà tħallas lill-organizzatriċi.

23.      F’Ottubru 2020, il-bejjiegħ mill-ġdid, fuq talba tal-konsumaturi, innotifika lill-organizzatriċi bid-deċiżjoni tal-konsumaturi li jxolju l-kuntratt u li jirċievu rimbors sħiħ. L-organizzatriċi kkonfermat li kienet ser tieħu l-passi meħtieġa sabiex tagħmel dan.

24.      Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, l-Ondernemingsrechtbank Gent (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Gent, il-Belġju) iddikjarat lill-organizzatriċi insolventi.

25.      Fid‑9 ta’ Diċembru 2020, il-bejjiegħ mill-ġdid irrimborsa lill-konsumaturi parti mill-prezz tal-pakkett li kienet għadha ma tħallsitx lill-organizzatriċi.

26.      Fit‑22 ta’ Jannar 2021, MS Amlin Insurance ġiet formalment innotifikata sabiex tirrimborsa l-ammont kollu tal-prezz tal-vjaġġ. Din l-entità rrifjutat it-talba peress li x-xoljiment tal-kuntratt ma kienx minħabba l-insolvenza tal-organizzatriċi tal-vjaġġi Exclusive Destinations.

27.      Il-konsumaturi talbu r-rimbors tal-prezz imħallas quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tat-talba tagħhom, huma sostnew li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt tal-assigurazzjoni bejn MS Amlin Insurance u Exclusive Destinations b’mod ċar ikopru r-rimbors lill-vjaġġatur(i) tas-somom imħallsa lill-organizzatriċi assigurata fil-konklużjoni tal-kuntratt jew wara din id-data.

28.      MS Amlin Insurance tikkontesta li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija koperta mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni, minħabba li l-garanzija ta’ assigurazzjoni tapplika biss għar-rimborsi relatati ma’ vjaġġ li ma seħħx minħabba l-insolvenza tal-organizzatur.

29.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-sigurtà stabbilita fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 hija obbligatorja biss sa fejn is-servizzi rilevanti ma jitwettqux bħala konsegwenza tal-insolvenza tal-organizzatur. Fil-fehma tagħha, id-Direttiva 2015/2302 ma tipprevedix sigurtà obbligatorja meta s-servizzi ma jiġux eżegwiti għal raġuni oħra għajr l-insolvenza tal-organizzatur, bħal meta l-vjaġġ kollox kompriż jiġi xolt mill-vjaġġatur minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2015/2302.

30.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-formulazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Liġi dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż, li tittrasponi d-Direttiva 2015/2302, tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tal-Artikolu 17(1) tagħha, mingħajr ma tipprevedi protezzjoni iktar wiesgħa.

31.      Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-Direttiva 2015/2302 u tat-traspożizzjoni nazzjonali tagħha, il-qorti tar-rinviju tqis li t-talba tal-konsumaturi fil-kawża prinċipali ma hijiex assigurata u li normalment għandha tiġi miċħuda.

32.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali riżultat mal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-possibbiltà li din twassal għal trattament mhux ugwali.

33.      B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tirrileva, l-ewwel, li, skont id-Direttiva 90/314/KEE (4), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tas-sigurtà għar-rimbors tal-flus imħallsa mill-konsumaturi huwa li tipproteġihom mir-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-insolvenza jew mill-falliment tal-organizzatur tal-vjaġġi (5).

34.      It-tieni, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-każ ta’ insolvenza, jeżistu b’mod ġenerali żewġ kategoriji ta’ vjaġġaturi li jġorru riskju finanzjarju marbut mal-prezz imħallas. L-ewwel kategorija tinkludi vjaġġaturi li l-vjaġġ tagħhom ma jistax iseħħ minħabba l-insolvenza tal-organizzatur. Dawn il-vjaġġaturi jbatu minn telf finanzjarju, peress li jitilfu l-prezz tal-vjaġġ imħallas. It-tieni kategorija tinkludi l-vjaġġaturi li għandhom dritt għal rimbors sħiħ tal-prezz tal-vjaġġ imħallas minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tagħhom minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji. Dawn il-vjaġġaturi jsofru telf finanzjarju wkoll meta l-organizzatur isir insolventi wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, iżda qabel ma jiġi rrimborsat lilhom il-prezz tal-vjaġġ.

35.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li ż-żewġ kategoriji ta’ vjaġġaturi jġorru l-istess riskju finanzjarju. Hija tirrikonoxxi li s-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ vjaġġaturi hija differenti f’aspetti oħra. Pereżempju, l-insolvenza ta’ organizzatur tagħmilha permanentement impossibbli li jiġi eżegwit kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, filwaqt li ċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji ġeneralment ikunu ta’ natura temporanja. Barra minn hekk, l-ewwel kategorija ta’ vjaġġaturi għandha kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż meta l-organizzatur isir insolventi, filwaqt li t-tieni kategorija ta’ vjaġġaturi tkun xoljiet il-kuntratt tagħha qabel l-organizzatur isir insolventi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sa fejn dawn il-fatturi jistgħu jiġġustifikaw differenza fit-trattament.

36.      Peress li qieset li s-soluzzjoni tat-tilwima quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2015/2302, in-Nederlandstalige Ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 17(1) tad-[Direttiva 2015/2302] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sigurtà obbligatorja prevista minn din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għar-rimbors tal-pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi meta l-vjaġġaturi jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fis-sens tal-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva u l-organizzatur jiġi ddikjarat f’falliment wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar għal din ir-raġuni, iżda qabel ma dawn il-pagamenti jiġu effettivament irrimborsati lill-vjaġġaturi, b’mod li dawn il-vjaġġaturi jbatu telf finanzjarju u għalhekk isostnu riskju ekonomiku fil-każ ta’ falliment tal-organizzatur tal-vjaġġ?”

37.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Belġjan, Daniż u Grieg, mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Daniż, dawn il-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta li nżammet fis‑7 ta’ Diċembru 2023.

38.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Ottubru 2023, il-Kawżi C‑771/22 u C‑45/23 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll tas-sentenza.

 IV. Evalwazzjoni ġuridika

 Fuq lewwel domanda magħmula filKawża C771/22 u ddomanda unika magħmula filKawża C45/23

39.      Permezz tad-domandi tagħhom, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qrati tar-rinviju jfittxu li jaċċertaw, essenzjalment, il-portata tal-protezzjoni mill-insolvenza għar-rimbors tal-pagamenti kollha magħmula mill-vjaġġaturi previsti fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302.

40.      B’mod iktar speċifiku, permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑771/22 u permezz tad-domanda unika fil-Kawża C‑45/23, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk is-sigurtà għal rimbors tkoprix biss dawk il-pagamenti magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi meta l-vjaġġ jew il-vaganza ma jkunx seħħ minħabba l-insolvenza tal-organizzatur, jew jekk din tkoprix ukoll il-pagamenti magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi li jkunu xoljew il-kuntratt minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, qabel l-insolvenza tal-organizzatur.

41.      Bħala punt preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha u, skont il-każ, l-oriġini tagħha (6).

42.      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill‑formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (7).

43.      Finalment, sa fejn il-qorti tar-rinviju, fil-Kawża C‑45/23 tistaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, għandu jitfakkar li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqegħidx inkwistjoni l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. B’dan il-mod, meta l-kliem tad-dritt idderivat tal-Unjoni jista’ jkun suġġett għal iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà tagħha miegħu (8).

44.      Għaldaqstant, għandu jiġi aċċertat, preliminarjament, jekk il-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) hijiex suġġetta għal iktar minn interpretazzjoni waħda.

 (a) Ilformulazzjoni talArtikolu 17(1) tadDirettiva 2015/2302 hija suġġetta għal iktar minn interpretazzjoni waħda?

45.      L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 jistabbilixxi li l-organizzaturi għandhom jipprovdu sigurtà għar-rimbors tal-pagamenti kollha li jsiru mill-vjaġġaturi jew f’isimhom, “sa fejn is-servizzi rilevanti ma jitwettqux bħala konsegwenza tal-insolvenza ta’ tali organizzatur”.

46.      Il-qrati tar-rinviju fiż-żewġ kawżi jikkunsidraw li l-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) teħtieġ rabta kawżali bejn l-insolvenza u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi li tikkundizzjona l-kopertura tat-talbiet għar-rimbors għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni minħabba l-insolvenza. L-effett ta’ din ir-rabta kawżali jew ta’ din il-kundizzjonalità jidher li jeskludi mill-garanzija l-krediti mhux imħallsa (mhux ikkontestati) għal rimbors li rriżultaw mix-xoljiment tal-kuntratt qabel l-insolvenza.

47.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom il-partijiet għandhom perspettivi diverġenti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 17(1) jeskludix b’mod ċar krediti pendenti jew jekk jistax ikun suġġett għal iktar minn interpretazzjoni waħda. Skematikament, HDI Global, MS Amlin Insurance, il-Gvern Belġjan u dak Daniż kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li l-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) teħtieġ rabta kawżali ċara bejn l-insolvenza u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt (jew in-nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-kuntratt). Il-Bundesarbeitskammer, A u l-Gvern Elleniku huma tal-fehma kuntrarja. Il-Parlament issottometta li huwa possibbli li l-Artikolu 17(1) jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fis-sens li dan ikopri l-krediti tal-vjaġġaturi kollha, b’tali mod li l-kwistjoni ta’ validità ma tqumx fl-ewwel lok. Il-Kunsill ma ħax pożizzjoni dwar dan l-aspett.

48.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-frażi “sa fejn is-servizzi rilevanti ma jitwettqux bħala konsegwenza tal-insolvenza ta’ tali organizzatur”, u b’mod iktar partikolari l-formulazzjoni “bħala konsegwenza [ta’]”, jistgħu jinqraw, prima facie, fis-sens li l-garanzija tar-rimbors teżiġi rabta kawżali bejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u l-insolvenza. Il-verżjoni Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni (9), kif ukoll verżjonijiet lingwistiċi oħra (10), jistgħu wkoll jiġu interpretati bl-istess mod, sa fejn huma kollha jenfasizzaw li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt għandu jkun konsegwenza diretta tal-insolvenza.

49.      Il-kwistjoni tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi riżolta jekk jiġi segwit l-argument tal-Bundesarbeitskammer, sostnut ukoll mill-Gvern Elleniku waqt is-seduta, fir-rigward tat-tifsira tat-terminu “servizzi rilevanti”. Fl-osservazzjonijiet tal-Bundesarbeitskammer u tal-Gvern Elleniku, it-terminu “servizzi rilevanti” għandu jinftiehem b’mod wiesa’ bħala li jinkludi kwalunkwe obbligu tal-organizzatur relatat mal-kuntratt tal-ivvjaġġar, inkluż ir-rimbors.

50.      M’iniex konvint li t-terminu “servizzi” għandu jinftiehem bħala li jkopri t-talba għal rimbors. L-ewwel, in-natura legali tar-rimbors hija kreditu li l-vjaġġatur għandu kontra l-organizzatur. It-talba għal rimbors tal-vjaġġatur ma tistax tiġi kklassifikata bħala “servizz” li għandu jiġi eżegwit.

51.      It-tieni, isegwi b’mod ċar mill-kuntest li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 jifforma parti minnu, li s-“servizzi rilevanti” għandhom jinftiehmu bħala “servizzi tal-ivvjaġġar”. “Servizzi tal-ivvjaġġar” huma ddefiniti mill-Artikolu 3(1) bħala li jfissru l-ġarr ta’ passiġġieri, l-akkomodazzjoni, il-kiri ta’ karozzi u kwalunkwe servizz ieħor għat-turisti li ma huwiex intrinsikament parti minn servizz tal-ivvjaġġar. L-Artikolu 17(5) jistabbilixxi li għal “servizzi tal-ivvjaġġar” li ma twettqux, ir-rimborsi għandhom jingħataw mingħajr dewmien żejjed. Il-premessa 39 tirreferi wkoll għal “servizzi tal-ivvjaġġar [li] mhumiex qed jitwettqu [...]”. L-Artikolu 19(1) li jirregola l-protezzjoni mill-insolvenza għal arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, jagħmel riferiment għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ “servizz tal-ivvjaġġar”. B’mod iktar wiesa’, l-Artikolu 13(1), li jirregola r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-pakkett, jagħmel riferiment għall-eżekuzzjoni tas-“servizzi tal-ivvjaġġar” inklużi fil-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż. Minn dan isegwi li, fil-kuntest tad-Direttiva 2015/2302, il-kunċett ta’ “servizzi” għandu jinftiehem fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż li jkopri servizzi tal-ivvjaġġar.

52.      Madankollu, anki jekk it-talba legali għal rimbors ma tistax tinftiehem bħala “servizz rilevanti”, għandu jiġi kkonstatat li din għandha rabta intrinsika mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tal-ivvjaġġar. Dan jista’ jindika li l-konsegwenzi għall-kopertura tal-assigurazzjoni tat-talba għal rimbors ma jistgħux jiġu ddifferenzjati skont jekk il-kreditu inkwistjoni jkunx irriżulta mix-xoljiment tal-kuntratt tal-ivvjaġġar jew min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar.

53.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 jista’ jinftiehem, kif sostniet essenzjalment il-Bundesarbeitskammer, li dan ifisser sempliċement li l-prezz imħallas għas-servizzi tal-ivvjaġġar li diġà ġew parzjalment ipprovduti ma jiġix irrimborsat f’każ ta’ insolvenza.

54.      L-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva jista’ jinftiehem ukoll bħala li jipprevedi kopertura ta’ assigurazzjoni fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom, minħabba l-insolvenza tal-organizzatur, il-vjaġġaturi ħallsu l-prezz mingħajr ma rċevew servizzi mill-organizzatur.

55.      Mifhum b’dan l-aħħar mod, l-Artikolu 17(1) huwa dispożizzjoni li ssaħħaħ l-effettività tal-protezzjoni mill-insolvenza billi tinkludi s-sitwazzjonijiet kollha ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar bħala konsegwenza tal-insolvenza tal-organizzatur, mingħajr madankollu ma għandha l-intenzjoni li teskludi talbiet għal rimbors mhux imħallsa (mhux ikkontestati).

56.      Il-premessa 39 tad-Direttiva ssaħħaħ dan l-aħħar qari tal-Artikolu 17(1) tagħha. Skont din il-premessa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġaturi li jixtru pakkett ikunu “protetti totalment” mill-insolvenza tal-organizzatur u li għandhom jipprovdu sigurtà għar-rimbors tal-“pagamenti kollha” magħmula mill-vjaġġaturi jew f’isimhom. Din il-premessa tistabbilixxi wkoll li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-protezzjoni tkun “effettiva”.

57.      Huwa importanti wkoll li jiġi rrilevat li l-kliem li bihom huwa espress l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 jixbhu l-kliem użati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-“predeċessur” tiegħu, jiġifieri l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314. B’mod iktar partikolari, is-sentenza Verein für Konsumenteninformation (11) kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk din l-aħħar dispożizzjoni kellhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri sitwazzjoni li fiha lukandier iġiegħel lil vjaġġatur fuq vaganza jħallas għall-akkomodazzjoni pprovduta, billi jsostni li l-organizzatur tal-vjaġġi attwalment insolventi qatt ma kien ser iħallsu din is-somma. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 kien ikopri tali sitwazzjoni fid-dawl tal-għan tiegħu li huwa l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra r-riskji li jirriżultaw mill-insolvenza tal-organizzatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-somom imħallsa mill-vjaġġatur lill-organizzatur tal-vjaġġi kellhom jiġu rrimborsati peress li “minħabba l-insolvenza ta’ dan tal-aħħar, is-servizzi miftiehma ma ġewx ipprovduti lilu mill-operatur tal-vjaġġi” (12). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li s-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 għandhom jinftiehmu b’mod wiesa’.

58.      Il-frażi “bħala konsegwenza tal-insolvenza ta’ tali organizzatur” attwalment użata fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, tista’ tinftiehem li tirrifletti s-sentenza Verein für Konsumenteninformation.  Minflok ma għandha l-intenzjoni teskludi t-talbiet għar-rimbors mhux imħallsa mis-sigurtà kontra l-insolvenza, il-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tista’ tinftiehem li tfisser li tinkludi s-sitwazzjonijiet kollha ta’ riskju li jirriżultaw mill-insolvenza tal-organizzatur tat-tours.

59.      Il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja esprimew fehmiet diverġenti dwar it-tifsira tal-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1). Filwaqt li l-Gvern Belġjan ikkunsidra li din id-dispożizzjoni ma tkoprix it-talbiet għal rimbors mhux imħallsa, il-Gvern Elleniku (13) adotta l-fehma kuntrarja. Il-Gvern Daniż sostna li d-dritt tal-Unjoni ma huwiex armonizzat f’dan ir-rigward u li l-Istati Membri (kif inhu l-każ fid-Danimarka) għandhom ikunu jistgħu jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni (14). Tali fehmiet diverġenti mill-gvernijiet nazzjonali juru, mill-inqas, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) hija tali li ma għandhiex titqies bħala li teskludi b’mod inekwivoku talbiet għal rimbors pendenti (15).

60.      Irrispettivament mill-formulazzjoni dwar ir-rabta kawżali, hemm espressjoni oħra fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 li tista’ tirriżulta f’interpretazzjonijiet varji. Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“insolvenza tal-organizzatur”. Madankollu, il-premessa 39 tagħha tirreferi b’mod iktar wiesa’ għal “problemi ta’ likwidità”. Kif enfasizzat il-Bundesarbeitskammer, kieku t-terminu ta’ “insolvenza tal-organizzatur” kellu jinftiehem b’mod strett bħala l-ftuħ formali tal-proċedura ta’ insolvenza, dan jimplika li t-talbiet għal rimbors għal servizzi li ma ġewx ipprovduti u li oriġinaw ftit qabel id-data tal-insolvenza minħabba problemi ta’ likwidità ma humiex koperti mill-garanzija.

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li ma huwiex kompletament ċar mill-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 17(1) li t-talbiet tal-vjaġġaturi għal rimbors, li oriġinaw qabel l-insolvenza, huma esklużi mill-portata tal-protezzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (16).

 (b) Listorja leġiżlattiva talArtikolu 17(1) tadDirettiva 2015/2302: jekk kienx hemm intenzjoni leġiżlattiva li titnaqqas ilprotezzjoni għallkonsumaturi

62.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-oriġini ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tixħet dawl fuq elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (17).

63.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll fit-trattazzjoni, il-Kummissjoni ressqet argumenti dwar l-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, li fil-fehma tagħha jwasslu għall-konklużjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeskludi mill-garanzija talbiet għal rimbors li joriġinaw qabel l-organizzatur isir insolventi. Sabiex tiġi eżaminata b’mod korrett il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, huwa utli li tiġi rrintraċċata fil-qosor l-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 17(1) billi nibdew bil-predeċessur tiegħu.

64.      Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314, l-organizzatur kien obbligat jipprovdi “xiehda biżżejjed ta’ sigurtà għar-rifużjoni tal-flus li jkunu tħallsu u għar-ripatrijazzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ xi falliment”. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja minn Dillenkofer (18), din id-dispożizzjoni kellha l-għan li “tissalvagwardja d-drittijiet kollha tal-konsumaturi msemmija f’din id-dispożizzjoni u b’hekk tipproteġi lill-konsumaturi kontra r-riskji kollha li huma ddefiniti fiha u li jirriżultaw mill-insolvenza tal-organizzaturi tal-vjaġġi” (19). Dawn ir-riskji huma “inerenti fil-kuntratt konkluż bejn ix-xerrej u l-organizzatur ta’ vaganzi kollox kompriż” u “jirriżultaw mill-pagament bil-quddiem tal-prezz tal-pakkett” (20).

65.      Il-Kummissjoni indikat li l-għan ġenerali tal-proposta tagħha għat-tħassir tad-Direttiva 90/314 (21) kien li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilit fl-Artikolu 169 TFUE. Fir-rigward tal-protezzjoni mill-insolvenza, din l-istituzzjoni spjegat li l-proposta kellha l-għan li żżomm l-istess livell ta’ protezzjoni. B’hekk, il-premessa 34 u l-Artikolu 15 tal-proposta tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq il-livell ta’ protezzjoni eżistenti (22).

66.      Madankollu, il-Kummissjoni spjegat li matul il-proċess leġiżlattiv, kien hemm bidla fil-portata tal-protezzjoni mill-insolvenza.

67.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għad-Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-proposta leġislattiva (23). Fil-punt 15 ta’ dan id-dokument, il-Kunsill indika li t-test (tad-direttiva li jirregola l-protezzjoni mill-insolvenza) jistipula li “l-protezzjoni mill-insolvenza għandha tipprovdi kopertura adegwata f’kull ċirkostanza li tista' tirriżulta u tirrifletti l-livell ta’ riskju finanzjarju rappreżentat mill-attivitajiet tan-negozjant, iżda li din ir-responsabbiltà ma għandhiex tkun bla limitu”. Fl-istess punt, huwa stabbilit li “[r]-responsabbiltà tal-iskema ta’ protezzjoni mill-insolvenza għandha tiġi estiża biss għal ċirkostanzi li jirriflettu l-valutazzjoni normali tar-riskju” u li “protezzjoni effettiva mill-insolvenza m’għandhiex tieħu kont ta’ riskji ferm remoti [...]”.

68.      Skont il-Kummissjoni, il-kliem tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, kif finalment adottat mil-leġiżlatur, “jiddevja b’mod kunsiderevoli” mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 u mill-Artikolu 15 tal-proposta tal-Kummissjoni.

69.      Dawn il-fatturi jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva jeħtieġ rabta kawżali bejn l-insolvenza u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ servizzi tal-ivvjaġġar li teskludi talbiet għal rimbors mhux imħallsa.

70.      Il-fehma restrittiva tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) hija l-bażi tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/648 (24). Skont il-preambolu ta’ din ir-rakkomandazzjoni, “[jekk] l-organizzaturi [...] jsiru insolventi, hemm riskju li ħafna mill-vjaġġaturi [...] ma jirċievu l-ebda rifużjoni, peress li t-talbiet tagħhom kontra l-organizzaturi [...] ma jkunux protetti”(25). Sabiex il-vjaġġaturi jiġu protetti minn dan ir-riskju, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-vawċers ikunu koperti mill-protezzjoni kontra l-insolvenza (26).

71.      Il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 tqajjem ċerti dubji dwar it-tifsira tiegħu. Madankollu, din il-preżentazzjoni, waħedha, ma twassalx għall-konklużjoni li kien hemm intenzjoni ċara tal-leġiżlatur li jitbiegħed mil-livell ta’ protezzjoni preċedenti u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li jeskludi t-talbiet għal rimbors tal-vjaġġaturi li kienu jeżistu qabel l-insolvenza.

72.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Parlament sostna li l-formulazzjoni tad-Direttiva 2015/2302 hija intiża sabiex tissalvagwardja l-“kontinwità” bejn l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha l-għan li tkompli tiżgura livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni tal-vjaġġaturi, fis-sens li “twessa’ u ssaħħaħ” din il-protezzjoni.

73.      B’mod iktar partikolari, il-Parlament ifakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314, din id-dispożizzjoni ġiet interpretata bħala li timponi “obbligu ta’ riżultat, jiġifieri li jiġi żgurat lill-vjaġġaturi kollox kompriż ir-rimbors tal-fondi mħallsa u r-ripatrijazzjoni tagħhom fil-każ ta’ falliment tal-organizzatur tal-vjaġġ” (27). Dan l-obbligu ta’ riżultat kien diġà ċar fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 2015/2302, mingħajr ma kien hemm ambigwitajiet li kellhom jitneħħew jew lakuni li kellhom jiġu magħluqa f’dan ir-rigward (28).

74.      Il-Parlament josserva wkoll li “ebda dispożizzjoni jew preambolu” ta’ din id-direttiva ma fih indikazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jaffettwa dan l-obbligu ta’ riżultat għall-protezzjoni tal-vjaġġaturi. Huwa jsostni li jkun kuntrarju għal-loġika u l-ġurisprudenza stabbilita li jitqies li l-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 ma tapplikax jekk il-vjaġġatur jeżerċita d-drittijiet tiegħu li jxolji l-kuntratt stabbiliti fl-Artikolu 12(2) tagħha.

75.      Fit-trattazzjoni tiegħu, il-Parlament adotta wkoll pożizzjoni dwar ir-rilevanza tad-Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet tal-Kunsill. Il-Parlament sostna li minn din id-dikjarazzjoni seta’ jiġi dedott biss li l-adattamenti għall-proposta tal-Kummissjoni kienu intiżi sabiex jiċċaraw il-mod kif l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ insolvenza. Dawn l-adattamenti kienu jikkonċernaw prinċipalment il-kalkolu tar-riskju fuq il-bażi ta’ fatturi bħalma huma d-dħul mill-bejgħ, il-pagamenti bil-quddiem jew il-varjazzjonijiet staġjonali. Il-Parlament sostna, barra minn hekk, li l-intenzjoni tal-leġiżlatur, riflessa fl-aħħar parti tal-premessa 40 tad-Direttiva 2015/2302, li jiġi żgurat li protezzjoni effikaċi kontra l-insolvenza ma jkollhiex tieħu inkunsiderazzjoni riskji remoti ħafna, ma hija marbuta ma’ ebda dispożizzjoni li tillimita l-protezzjoni tal-vjaġġatur fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt qabel l-insolvenza.

76.      Sa fejn huwa kkonċernat il-Kunsill, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, dan ma adottax pożizzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) u lanqas, b’mod iktar speċifiku, dwar il-kwistjoni jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellux l-intenzjoni li jeskludi ċerti krediti tal-vjaġġaturi mill-protezzjoni kontra l-insolvenza.

77.      Waqt is-seduta, kien hemm mistoqsija mill-imħallef lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex tiġi esplorata r-raġuni possibbli għall-bidla fil-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 matul il-proċess leġiżlattiv. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-Artikolu 12(2) tagħha introduċa dritt ġdid għall-vjaġġatur li jxolji l-kuntratt fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, filwaqt li d-dritt korrispondenti għar-rimbors ma kienx inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni protettiv tal-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva. Skont il-Kummissjoni, il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ma tnaqqasx meta pparagunat mal-livell ta’ protezzjoni mogħti mid-direttiva preċedenti, minħabba li l-esklużjoni mill-protezzjoni kontra l-insolvenza tikkonċerna l-kreditu li jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ dritt li ma kienx jeżisti qabel.

78.      Bħala tweġiba għall-istess mistoqsija, il-Kunsill sostna li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi mill-protezzjoni kontra l-insolvenza t-talbiet għal rimbors ta’ vjaġġaturi li jirriżultaw qabel mal-organizzatur isir insolventi, il-leġiżlatur jista’ jitqies li ħa deċiżjoni politika li tistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni speċifika. Madankollu, il-Kunsill ma kkonfermax b’mod espliċitu l-eżistenza ta’ intenzjoni leġiżlattiva li jiġu esklużi ċerti kategoriji ta’ krediti.

79.      Skont kif nifhem il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni, jeżisti tip ta’ loġika ta’ “kontrapiż” li tispjega għaliex, fil-fehma tagħha, l-Artikolu 17(1) jeskludi talbiet għal rimbors pendenti. Il-kontropiż għad-dritt il-ġdid irrikonoxxut lill-vjaġġaturi li jxolju l-kuntratt huwa l-limitazzjoni tal-protezzjoni kontra l-insolvenza ta’ dan id-dritt. Peress li d-dritt li jiġi xolt il-kuntratt huwa ġdid, skont l-argument tal-Kummissjoni, dan ma jitnaqqasx meta pparagunat mal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilit mid-dritt tal-Unjoni.

80.      Il-problema ta’ din il-pożizzjoni hija li din tibbaża ruħha fuq ipoteżijiet. Il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta li dan huwa dak li hija “taħseb” li jiġġustifika formulazzjoni differenti bejn il-proposta tagħha u t-test tad-direttiva kif finalment ġie adottat.

81.      Barra minn hekk, l-idea li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li joħloq tip ta’ “nofs dritt”, jiġifieri d-dritt għal rimbors wara x-xoljiment tal-kuntratt skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 iżda mingħajr ebda protezzjoni korrispondenti kontra l-insolvenza, ma hija riflessa mkien fil-premessi jew fid-dokumenti li invokat il-Kummissjoni. Bħalma rrileva essenzjalment il-Parlament, id-Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet tal-Kunsill li għaliha rreferiet il-Kummissjoni tikkonċerna l-kwistjoni tal-limitazzjoni tal-garanzija f’każ ta’ riskji remoti ħafna li hija s-suġġett ta’ dispożizzjoni oħra, jiġifieri l-Artikolu 17(2).

82.      Fil-fehma tiegħi, teżisti wkoll inkoerenza fir-rigward tal-argument dwar il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Huwa minnu li d-dritt tal-vjaġġatur li jxolji l-kuntratt fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji ma kienx jeżisti skont id-Direttiva 90/314. Madankollu, jekk l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 kellu jiġi interpretat bħala li jeskludi l-krediti tal-vjaġġaturi li oriġinaw qabel l-insolvenza, din l-esklużjoni ma għandhiex tkun relatata biss ma’ krediti li jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-dritt li jiġi xolt il-kuntratt f’każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, iżda hija għandha tirrigwarda wkoll it-talbiet għal rimbors li jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ xoljiment tal-kuntratt mill-organizzatur jew mill-vjaġġatur f’ċirkustanzi oħra previsti mid-Direttiva 2015/2302. Pereżempju, il-vjaġġatur għandu d-dritt għal rimbors fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt mill-organizzatur skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2015/2302 jew fil-każ tat-terminazzjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 11(5) tagħha. Dan id-dritt għar-rimbors kien diġà jeżisti taħt id-Direttiva 90/314 (29). F’tali sitwazzjonijiet, il-protezzjoni tal-konsumaturi titnaqqas meta pparagunata mas-sistema l-qadima kieku kellu jitqies li t-talbiet għal rimbors rilevanti ma jkunux iktar koperti mill-protezzjoni kontra l-insolvenza.

83.      Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-fatt li wieħed mill-koleġiżlaturi, jiġifieri l-Parlament, ħa pożizzjoni soda li l-leġiżlatur ma kellu ebda intenzjoni li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mill-insolvenza skont l-Artikolu 17(1), ma huwiex possibbli li tiġi identifikata intenzjoni leġiżlattiva ċara fis-sens kuntrarju (30).

84.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, sussegwentement, il-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni u l-għanijiet imfittxija mir-regoli li minnha tagħmel parti qabel ma tingħata interpretazzjoni konformi mad-dritt primarju kollu tal-Unjoni.

 (c) Ilkuntest u lgħanijiet tarregoli li lArtikolu 17(1) tadDirettiva 2015/2302 jifforma parti minnhom

85.      Fir-rigward tal-kuntest li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 jifforma parti minnu, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel parti tal-ewwel sentenza tippreċiża li s-sigurtà tikkonċerna r-rimbors tal-“pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi”. L-Artikolu 17(5) jistabbilixxi li “[għal] servizzi tal-ivvjaġġar li għadhom ma ġewx eżegwiti, ir-rifużjonijiet għandhom jingħataw mingħajr dewmien bla bżonn wara t-talba tal-vjaġġatur”. Il-premessa 39, li tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tiddikjara li l-vjaġġaturi huma “protetti totalment kontra l-insolvenza tal-organizzatur” u li l-organizzaturi għandhom jiżguraw li jipprovdu sigurtà għar-rimbors tal-“pagamenti kollha mwettqa ”. Skont l-istess premessa, “[l]-effettività timplika li l-protezzjoni għandha tkun disponibbli hekk kif, bħala konsegwenza tal-problemi ta’ likwidità tal-organizzatur, is-servizzi tal-ivvjaġġar mhumiex qed jitwettqu, mhux ser jitwettqu [...]”.

86.      Kif ġie indikat iktar ’il fuq (31), l-“attivazzjoni” tal-protezzjoni kontra l-insolvenza sa fejn is-servizzi rilevanti ma jiġux eżegwiti bħala konsegwenza tal-insolvenza tal-organizzatur għandha tkun assoċjata mal-effettività tal-protezzjoni mill-insolvenza.  L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 ma jistax, għaldaqstant, jiġi interpretat b’mod li jeskludi ċerti kategoriji ta’ talbiet għal rimbors mill-portata tal-protezzjoni mill-insolvenza.

87.      Għandu jiġi indikat ukoll li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandu kamp ta’ applikazzjoni differenti mill-Artikolu 17(1) tagħha, li jirregola l-limitazzjoni tal-garanzija tar-rimborsi. Il-limitazzjoni rilevanti tikkonċerna l-kopertura ta’ “spejjeż li huma raġonevolment prevedibbli”. Il-premessa 40 tispjega li “protezzjoni effettiva mill-insolvenza m’għandhiex tqis riskji remoti ħafna, pereżempju l-insolvenza simultanja ta’ diversi mill-akbar organizzaturi, fejn jekk dan isir se jaffettwa b’mod sproporzjonat l-ispiża tal-protezzjoni, u b’hekk tiddgħajjef l-effettività tagħha”.

88.      Madankollu, l-eżerċizzju, minn vjaġġaturi, biss tad-dritt tagħhom li jxolju l-kuntratt previst skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u l-obbligu relatat tal-organizzatur li jipprovdi rimbors sħiħ skont l-Artikolu 12(4) ma jistgħux jitqiesu li huma “riskju remot ħafna” li jeskludi pagamenti bil-quddiem mis-sigurtà.

89.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(2) jirrikonoxxi d-dritt ta’ xoljiment ta’ kuntratt fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji. Il-vjaġġaturi għandhom id-dritt korrispondenti għal rimbors sħiħ. Dan id-dritt, kif isegwi mill-Artikolu 23(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302, huwa imperattiv (32). L-Artikolu 17(1) għandu jiġi interpretat b’mod li jiżgura l-effettività sħiħa tad-dritt ta’ xoljiment tal-kuntratt u li jiġi rċevut rimbors sħiħ skont l-Artikolu 12(2) u mhux b’mod li jillimita l-effettività ta’ dan id-dritt. Jekk vjaġġatur kellu jitlef il-benefiċċju tal-protezzjoni kontra l-insolvenza minħabba s-sempliċi fatt li jkun xolja l-kuntratt qabel l-insolvenza, dan jista’ jiskoraġġixxi lill-vjaġġaturi milli, fl-ewwel lok, jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Bħalma essenzjalment irrileva l-Parlament, l-Artikolu 12(2) jiġi mċaħħad mill-effet utile tiegħu jekk jiġi aċċettat li l-protezzjoni kontra l-insolvenza ma tapplikax għall-vjaġġaturi li eżerċitaw dritt mogħti mid-Direttiva.

90.      B’mod iktar ġenerali, interpretazzjoni differenti tkun tqiegħed lill-vjaġġaturi li jiddeċiedu jxolju l-kuntratt qabel il-bidu tal-pakkett, fuq il-bażi tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2015/2302, malli jipperċepixxu l-eżistenza ta’ problemi ta’ likwidità, f’sitwazzjoni inqas favorevoli mill-vjaġġaturi li jiddeċiedu li ma jagħmlux dan. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din jista’ jkun hemm vjaġġaturi li jippreferu jħallsu miżata ta’ xoljiment u jirċievu rimbors tal-ammont rimanenti, skont l-Artikolu 12(4), minflok ma jieħdu r-riskju ta’ eventwali ripatrijazzjoni minħabba insolvenza li sseħħ matul l-ivvjaġġar tagħhom.

91.      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2015/2302, is-sigurtà tkopri “l-ammonti ta’ pagamenti li jsiru minn jew f’isem il-vjaġġaturi fir-rigward tal-pakketti”. Il-parametri għall-kalkolu tal-kopertura jinkludu “t-tul tal-perjodu bejn il-pagamenti parzjali u l-pagamenti finali u t-tlestija tal-pakketti”. Il-premessa 40 tippreċiża li “l-protezzjoni għandha tkun suffiċjenti biex tkopri l-ħlasijiet kollha previsti magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi fir-rigward ta’ pakketti fl-aqwa tal-istaġun” (33). Skont l-istess premessa, dan ġeneralment ifisser li s-sigurtà għandha tkopri “perċentwal għoli biżżejjed tal-fatturat tal-organizzatur fir-rigward tal-pakketti”. Isegwi mill-Artikolu 17(2) u mill-premessa 40 li l-pagamenti kollha magħmula fir-rigward ta’ pakketti huma inklużi fil-kalkolu tal-protezzjoni mill-insolvenza li huwa bbażat fuq data relatata mad-dħul mill-bejgħ (34). B’kuntrast ma’ dan, il-bażi legali tat-talba għar-rimbors ta’ dawn il-pagamenti ma tidhirx li hija rilevanti għall-kalkolu tal-kopertura neċessarja.

92.      Finalment, l-esklużjoni mill-protezzjoni kontra l-insolvenza ta’ krediti mhux imħallsa toħloq inkonsistenza serja bejn l-Artikolu 17(1) u l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi permezz tal-formoli rilevanti stabbiliti fil-Parti A jew fil-Parti B tal-Anness I. Il-kontenut ta’ din l-informazzjoni standard jistabbilixxi li “[jekk] l-organizzatur jew, f’xi Stati Membri, il-bejjiegħ bl-imnut jisfa insolventi, il-pagamenti jintraddu lura” (35). Ta’ min jinnota li ma hemm l-ebda kwalifika fil-kontenut tal-informazzjoni kkomunikata lill-vjaġġatur li l-protezzjoni kontra l-insolvenza hija eskluża. Ma jistax jiġi aċċettat, kif irrilevat, essenzjalment, il-Bundesarbeitskammer, li l-leġiżlatur inkoraġġixxa lill-vjaġġatur jifhem ħażin id-dokumentazzjoni billi ta, fil-formola ta’ informazzjoni standard, l-impressjoni żbaljata li l-vjaġġaturi kollha huma protetti mill-insolvenza, jekk, fil-fatt, ċerti vjaġġaturi biss huma protetti.

93.      Fir-rigward tal-għan speċifiku tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li l-vjaġġaturi jiġu protett mir-riskji li jirriżultaw mill-insolvenza tal-organizzatur. Skont id-Direttiva 90/314 preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Verein für Konsumenteninformation, li r-riskji li jirriżultaw mill-insolvenza, inerenti fil-kuntratt konkluż bejn il-vjaġġatur u l-organizzatur, jirriżultaw mill-ħlas bil-quddiem tal-prezz tal-pakkett (36). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-riżultat previst mill-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jimplika li vjaġġaturi kollox kompriż jingħataw drittijiet li jiżguraw ir-rimbors ta’ flus imħallsa minnhom. Ir-riskju li jirriżulta mill-insolvenza ma nbidilx skont id-direttiva attwali. Għaldaqstant, ir-riżultat tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jkun ukoll li l-vjaġġaturi kollox kompriż jingħataw drittijiet li jiżguraw ir-rimbors ta’ flus imħallsa minnhom, inklużi dawk il-krediti li kienu jeżistu qabel l-insolvenza.

94.      L-interpretazzjoni li skontha l-vjaġġaturi kollha għandhom ikunu protetti b’mod sħiħ mill-insolvenza, inklużi dawk li xoljew il-kuntratt qabel l-insolvenza tal-organizzatur, hija kkorroborata wkoll mill-għan tad-Direttiva 2015/2302 li huwa, kif stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha, li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. L-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi huwa stabbilit ukoll fid-dritt primarju (Artikolu 169 TFUE u Artikolu 38 tal-Karta). Interpretazzjoni differenti, kif enfasizza l-Gvern Elleniku, tkun timplika li vjaġġatur jassumi r-riskju ekonomiku assoċjat mal-insolvenza sussegwenti tal-organizzatur tal-vjaġġ.

95.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 u l-għanijiet imfittxija mir-regoli li minnu jagħmlu parti jappoġġjaw il-konklużjoni li l-protezzjoni kontra l-insolvenza tkopri wkoll it-talbiet għal rimbors ta’ vjaġġaturi li oriġinaw qabel l-organizzatur sar insolventi.

 (d) Interpretazzjoni talArtikolu 17(1) tadDirettiva 2015/2302 fiddawl talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

96.      Kif diġà ġie indikat iktar ’il fuq (37), skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, b’tali mod li ma tiġix ikkontestata l-validità tiegħu. Bl-istess mod, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkollha iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata prijorità lil dik li għandha n-natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (38).

97.      F’dan ir-rigward, kull att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt primarju kollu, inkluż il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (39).

98.      Fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi – stabbilit fid-dritt primarju (40) – u l-għan iktar speċifiku tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302, li huwa li l-vjaġġaturi jiġu protetti mir-riskju li jirriżulta mill-insolvenza (41), is-sitwazzjonijiet koperti minn din id-dispożizzjoni għandhom jiġu pparagunati b’mod partikolari b’riferiment għar-riskju ekonomiku sostnut mill-vjaġġaturi.

99.      Fil-kawża ineżami, is-sitwazzjoni tal-vjaġġaturi li jitolbu rimbors wara li jkunu xoljew il-kuntratt tal-ivvjaġġar tagħhom (minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji) għandha tiġi pparagunata ma’ dik ta’ vjaġġaturi li jitolbu rimbors minħabba li s-servizzi tal-ivvjaġġar ma jitwettqux minħabba l-insolvenza tal-organizzatur. Kif enfasizza l-Gvern Elleniku waqt is-seduta, iż-żewġ kategoriji ta’ vjaġġaturi huma esposti għall-istess riskju finanzjarju marbut mal-pagamenti bil-quddiem li huma ħallsu lill-organizzatur li sussegwentement isir insolventi.

100. Il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Gvern Belġjan, kif ukoll il-Parlament sussidjarjament, sostnew li ma hemmx nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kategoriji differenti ta’ vjaġġaturi peress li s-sitwazzjoni tagħhom ma hijiex paragunabbli. Minn naħa, il-vjaġġaturi li xoljew il-kuntratt tagħhom qabel l-insolvenza ma għandhomx talba kuntrattwali għall-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar; huma għandhom biss talba pekunjarja għal rimbors. Min-naħa l-oħra, il-vjaġġaturi li ma xoljewx il-kuntratt tagħhom fil-mument tal-insolvenza għandhom talba għall-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar.

101. Madankollu, id-differenza deskritta mill-Kummissjoni, mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Gvern Belġjan, fir-relazzjoni legali tal-partijiet kontraenti fil-mument tal-insolvenza, ma hijiex il-miżura xierqa ta’ paragun. Minkejja d-differenza fir-relazzjoni kuntrattwali, il-vjaġġaturi taż-żewġ kategoriji għandhom l-istess talba għal rimbors għall-pagamenti kollha li saru. Kif diġà indikajt, u kif irrilevat mill-Gvern Elleniku, il-punt ta’ riferiment għall-paragun huwa r-riskju finanzjarju sostnut mill-vjaġġaturi. Peress li r-riskju li effettivament jinkiseb ir-rimbors tal-pagamenti kollha li jsiru mill-vjaġġaturi li jkunu xoljew il-kuntratt tagħhom u dawk li jkunu għadhom ma xoljewx fil-mument tal-insolvenza huwa l-istess, dawn ir-riskji ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan huwa l-każ a fortiori fid-dawl tal-għan imfittex mid-Direttiva 2015/2302 li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi għall-vjaġġaturi kollha (42).

102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sigurtà għar-rimbors tinkludi t-talba għal rimbors tal-pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi, inklużi dawk li jxolju l-kuntratt qabel l-organizzatur isir insolventi.

 (e) Ilprinċipju ta’ ċertezza legali

103. Fis-sottomissjonijiet orali tagħha, HDI Global sostniet li, sabiex tiġi kkalkolata l-portata tar-riskju meħud fl-iffissar tal-kundizzjonijiet tal-assigurazzjoni (43) u tal-primjums li għandhom jitħallsu mill-organizzaturi, hija bbażat ruħha fuq it-testi legali rilevanti. Peress li t-test tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, fil-fehma ta’ HDI Global, jeżiġi b’mod ċar rabta kawżali bejn l-insolvenza u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar, tbegħid minn din l-interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

104. F’dan ir-rigward, kif ġie indikat iktar ’il fuq (44), kieku kien assolutament ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) li dan jeżiġi tali rabta kawżali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ titbiegħed minn din l-interpretazzjoni. Madankollu, kif intwera iktar ’il fuq (subtaqsima (a)), il-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) ma teskludix b’mod inekwivoku t-talbiet ta’ vjaġġaturi li xoljew il-kuntratt minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji. Għalhekk, hija miftuħa għall-interpretazzjoni. Skont l-approċċ meħud f’dawn il-konklużjonijiet li l-interpretazzjoni għandha twassal għall-konklużjoni li l-pagamenti kollha magħmula għandhom ikunu protetti f’każ ta’ insolvenza.

105. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola ta’ dritt tal-Unjoni tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti saħansitra għal relazzjonijiet legali mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni quddiem il-qrati kompetenti (45).

106. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali ħafna li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat bl-għan li tikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti f’bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (46).

107. Madankollu, fil-kawża ineżami, la l-kumpanniji tal-assigurazzjoni li huma partijiet fil-kawża prinċipali, lanqas il-Gvern Belġjan ma talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi limiti ratione temporis fuq l-effetti tas-sentenza li għandha tingħata għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. Anki li kieku ġiet imressqa tali talba, dawn il-partijiet ma invokawx riperkussjonijiet ekonomiċi serji ta’ natura li jiġġustifikaw it-tqegħid ta’ limitazzjoni ratione temporis fuq l-effetti tas-sentenza futura li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-interpretazzjoni proposta f’dawn il-konklużjonijiet (47).

108. Huwa wkoll rilevanti li jiġi rrilevat li l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreċedu r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2020/648, li jista’ jissuġġerixxi li l-krediti tal-vjaġġaturi li oriġinaw qabel l-insolvenza ma humiex protetti. Il-kumpanniji tal-assigurazzjoni li huma partijiet fil-kawża prinċipali ma setgħux jistabbilixxu l-polza ta’ assigurazzjoni tagħhom fuq il-bażi tal-interpretazzjoni segwita f’din ir-rakkomandazzjoni. Barra minn hekk, diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq (48), il-bażi għall-kalkolu tal-garanzija hija l-ammont tal-pagamenti kollha magħmula mill-vjaġġaturi jew f’isimhom għall-pakketti skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2015/2302. Din id-dispożizzjoni tagħti indikazzjoni ċara lill-kumpanniji tal-assigurazzjoni dwar il-bażi tal-kalkolu tal-kopertura neċessarja.

109. Inċidentalment, jista’ jiġi nnotat li, meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID‑19, ġew stabbiliti miżuri speċifiċi mid-dritt tal-Unjoni biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-flessibbiltà sħiħa prevista mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġjaw lill-organizzaturi tal-vjaġġi u lill-assiguraturi kif ukoll biex jipproteġu lill-vjaġġaturi mill-konsegwenzi tal-insolvenza tal-organizzaturi tal-vjaġġi (49).

110. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma tipprekludix interpretazzjoni li skontha l-garanzija għall-assigurazzjoni skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 tkopri l-pagamenti kollha magħmula mill-vjaġġaturi qabel l-insolvenza.

111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-kuntest u tal-għan tiegħu, kif ukoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sigurtà għar-rimbors tkopri mhux biss dawk il-pagamenti mħallsa mill-vjaġġaturi jew f’isimhom meta l-vjaġġ jew il-vaganza ma jkunx seħħ bħala riżultat tal-insolvenza tal-organizzatur, iżda wkoll il-pagamenti magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi li xoljew il-kuntratt minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, qabel l-insolvenza tal-organizzatur.

 Fuq ittieni u ttielet domanda filKawża C771/22

112. It-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑771/22 saru mill-qorti tar-rinviju fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda tagħha. Permezz ta’ dawn id-domandi, li tista’ tingħata risposta konġunta għalihom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat bħala li jkopri lil vjaġġaturi li xoljew il-kuntratt qabel l-insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġ minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji tal-inqas fiż-żewġ każijiet segwenti: l-ewwel, fejn il-proċeduri ta’ insolvenza nbdew matul il-perijodu meta l-ivvjaġġar kien skedat li jseħħ, u t-tieni, fejn ix-xoljiment tal-kuntratt u l-insolvenza kellhom l-oriġini tagħhom fl-istess ċirkustanza eċċezzjonali.

113. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ssegwi l-approċċ interpretattiv indikat f’dawn il-konklużjonijiet, ma jkunx hemm bżonn li tingħata risposta għal dawn id-domandi. Jekk dan ma jkunx il-każ, ir-risposta tiegħi għal dawn id-domandi tkun fin-negattiv. Jekk il-portata tal-garanzija skont l-Artikolu 17(1) ma tkoprix it-talbiet għal rimbors li oriġinaw qabel l-insolvenza, il-portata ta’ din il-garanzija ma tistax tkun differenti skont iċ-ċirkustanzi deskritti mill-qorti tar-rinviju. Kif indikat il-Kummissjoni, il-kamp tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni legali ma jistax ivarja skont id-dati li fihom il-vjaġġ kien mistenni li jseħħ jew skont jekk iċ-ċirkustanzi allegati sabiex jiġġustifikaw ix-xoljiment tal-kuntratt wasslux għall-insolvenza tal-organizzatur.

114. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, ma huwiex determinanti jekk il-vjaġġ kienx skedat biex iseħħ matul jew wara l-insolvenza jew jekk l-insolvenza hijiex dovuta għall-istess ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li ġew invokati mill-vjaġġatur sabiex ixolji l-kuntratt skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva.

 V. Konklużjoni

115. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija) u min-Nederlandstalige Ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju) kif ġej:

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-kuntest u tal-għan tiegħu, kif ukoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sigurtà għar-rimbors ma tkoprix biss dawk il-pagamenti magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi meta l-vjaġġ jew il-vaganza ma jkunx seħħ minħabba l-insolvenza tal-organizzatur, iżda wkoll dawk il-pagamenti magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi li xoljew il-kuntratt minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, qabel l-insolvenza tal-organizzatur.

Sussidjarjament, għall-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, ma huwiex determinanti jekk il-vjaġġ kienx skedat biex iseħħ matul jew wara l-insolvenza jew jekk l-insolvenza hijiex dovuta għall-istess ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li ġew invokati mill-vjaġġatur sabiex ixolji l-kuntratt skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara d-data rilevanti fis-Sommarju tal-Politika tat-Turiżmu tan-NU: https://www.unwto.org/tourism-and-covid-19-unprecedented-economic-impacts.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).


4      Direttiva tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132). Din id-direttiva tħassret bid-Direttiva 2015/2302.


5      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 1998, Verein für Konsumenteninformation (C‑364/96, EU:C:1998:226, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, FTI Touristik (Vjaġġi kollox kompriż għall-Islas Canarias) (C‑396/21, EU:C:2023:10, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND (C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 39).


8      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 77).


9      Il-frażi rilevanti tal-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 tistabbilixxi: “dans la mesure où les services concernés ne sont pas exécutés en raison de l’insolvabilité des organisateurs”.


10      Ara, pereżempju, il-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 (“sofern die betreffenden Leistungen infolge der Insolvenz des Reiseveranstalters nicht erbracht werden”), il-verżjoni Spanjola (“en que los servicios correspondientes no se hayan ejecutado por causa de la insolvencia del organizador”) u l-verżjoni Taljana (“in cui i servizi pertinenti non sono eseguiti a causa dello stato di insolvenza dell’organizzatore”).


11      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 1998 (C‑364/96, EU:C:1998:226, punt 20) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Verein für Konsumenteninformation ”).


12      Ibid, punt 22 (enfasi miżjuda minni).


13      Tal-inqas fir-rigward tat-talbiet għal rimbors li jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ xoljiment tal-kuntratt previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302.


14      Id-Danimarka sostniet li hija stabbilixxiet fond ta’ garanzija li jkopri kemm il-vawċers kif ukoll it-talbiet għal rimbors mhux imħallsa.


15      Huwa rilevanti li jissemma wkoll l-eżempju tat-traspożizzjoni Ġermaniża tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302. Skont l-Artikolu 651r(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (BGB), l-organizzatur għandu jiżgura li l-vjaġġaturi jiġu rrimborsati l-prezz imħallas għall-pakkett fejn, “fil-każ ta’” (“im Fall” bil-Ġermaniż), l-insolvenza tal-organizzatur, is-servizzi tal-ivvjaġġar ma jikkonkretizzawx ruħhom. L-Artikolu 651r(1) tal-BGB huwa redatt b’mod iktar wiesa’ mill-predeċessur tiegħu, l-Artikolu 651k(1)(1) tal-BGB. Din l-aħħar dispożizzjoni kienet tistabbilixxi li l-operatur tal-vjaġġi kellu jiżgura lil l-vjaġġaturi jiġu rrimborsati l-ammont imħallas għall-vjaġġ, fejn is-servizzi tal-ivvjaġġar ma jikkonkretizzawx ruħhom “minħabba” (“infolge”) l-insolvenza tal-operatur tal-vjaġġi. Din il-formulazzjoni tal-Artikolu 651k(1)(1) tal-BGB qajmet problemi ta’ konformità mad-Direttiva 90/314, kif tixhed is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Blödel-Pawlik (C‑134/11, EU:C:2012:98). Fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 2015/2302, ġie enfasizzat fid-duttrina Ġermaniża li “l-iżball ta’ filtru ġenerali bħal ‘minħabba’ (‘der Sündenfall eines allgemeinen Filters wie ‘infolge’”) ma għandux jiġi rrepetut fil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni (ara A. Staudinger, “Erste Überlegungen zur Umsetzung der reformierten Pauschalreiserichtlinie mit Bezug auf den Insolvenzschutz.” Reise-Recht aktuell (RRa), 2015 (6), p. 281 sa 287, p. 282).


16      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-kunsiderazzjonijiet tiegħi fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħi f’ UFC - Que choisir u CLCV (C‑407/21, EU:C:2022:690), li l-Kummissjoni rreferiet għalihom fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Dan il-punt ma kellux l-għan li janalizza fil-fond il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302, iżda pjuttost li jwieġeb għall-argumenti mressqa minn ċerti gvernijiet dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-dritt għal rimbors sħiħ fil-każ tal-pandemija tal-COVID‑19, kif ukoll li jirrifletti dwar l-impatt tal-pandemija fuq il-likwidità tal-organizzaturi li rriżultat minn ħafna talbiet għal kanċellazzjoni. Għall-istess raġunijiet, il-punt 55 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Ġunju 2023, IlKummissjoni vs IsSlovakkja (Dritt ta’ xoljiment mingħajr ħlas) (C‑540/21, EU:C:2023:450), ma għandux jinftiehem bħala li jirrifletti l-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-protezzjoni kontra l-insolvenza skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302.


17      Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast (C‑449/21, EU:C:2023:207, punt 31).


18      Sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et (C‑178/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C‑190/94, EU:C:1996:375, punt 42).


19      Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Rechberger et (C‑140/97, EU:C:1999:306, punt 61).


20      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 1998, Verein für Konsumenteninformation (C‑364/96, EU:C:1998:226, punt 18).


21      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel) u arranġamenti tal-ivvjaġġar assistiti, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, id-Direttiva 2011/83/UE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, (COM (2013) 512) final.


22      Il-premessa 34 tal-proposta tal-Kummissjoni kienet tiddikjara li “vjaġġaturi li jixtru pakkett [...] huma kompletament protetti kontra l-insolvenza tal-organizzatur” u li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-politiki tagħhom dwar l-iskemi tal-protezzjoni nazzjonali tal-insolvenza huma effettivi u jistgħu jiggarantixxu ripatrijazzjoni f’waqtha u r-rifużjoni lill-vjaġġaturi kollha affettwati mill-insolvenza”. L-Artikolu 15 tal-proposta tal-Kummissjoni, intitolat “L-effiċjenza u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni mill-insolvenza”, jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzaturi “jiksbu garanzija effettiva u rimborż immedjat tal-pagamenti kollha magħmula minn vjaġġaturi” (enfasi miżjuda minni).


23      Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet tal-Kunsill adottata mill-Kunsill fit‑18 ta’ Settembru 2015, Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjaġġi kollox inkluż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, 2013/0246 (COD), 22 ta’ Settembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet tal-Kunsill”).


24      Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Mejju 2020 dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID 19, ĠU 2020, L 151, p. 10.


25      Premessa 14 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2020/648.


26      Punt 2 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2020/648. Kif jirriżulta mill-punt 1, il-vawċers ikkonċernati huma dawk li l-organizzaturi jistgħu jipproponu lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimbors monetarju fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt għal raġunijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID 19 fil-kuntest tal-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2015/2302.


27      Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Rechberger et (C‑140/97, EU:C:1999:306, punt 74).


28      Il-Parlament jiċċita l-premessa 1 tad-Direttiva 2015/2302.


29      Ara l-Artikolu 4(6)(b) tad-Direttiva 90/314 li jirregola d-dritt tal-konsumatur għar-rimbors malajr kemm jista’ jkun tal-ammonti kollha mħallsa taħt il-kuntratt.


30      Inċidentalment, de lege ferenda, ikun mixtieq li l-leġiżlatur jiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302. Dan huwa wieħed mill-għanijiet tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/2302 biex il-protezzjoni tal-vjaġġaturi ssir aktar effettiva u biex jiġu ssimplifikati u ċċarati ċerti aspetti tad-Direttiva, COM/2023/905 final. Skont il-formulazzjoni l-ġdida proposta mill-Kummissjoni ta’ din id-dispożizzjoni, is-sigurtà għal rimbors tal-pagamenti kollha magħmula mill-vjaġġaturi “fil-każ tal-insolvenza tal-organizzatur” tinkludi l-protezzjoni tal-pagamenti magħmula “fejn vjaġġatur kien intitolat għal rifużjoni”.


31      Ara l-punt 55 iktar ’il fuq.


32      Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC - Que choisir u CLCV (C‑407/21, EU:C:2023:449, punt 60).


33      Enfasi miżjuda minni.


34      Ara Keiler, S., “Agens und Folge der Inslolvenz eineis Reiseveranstalter”, 2020 Zeitschrift für Insolvenzrecht und Kreditschutz - ZIK, Vol. 6, 2020, p. 229, f’p. 231.


35      Enfasi miżjuda minni.


36      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 1998, Verein für Konsumenteninformation(C‑364/96, EU:C:1998:226, punt 18).


37      Punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 47). F’din is-sentenza seminali, dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza ghal passiggieri fil-każ li ma jithallewx jitilghu u ta’ kancellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jhassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma li jġarrbu telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar u l-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.


39      Sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara l-punt 93 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Ara l-punt 91 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 60).


43      Jiġifieri il-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom titħallas il-kopertura tal-assigurazzjoni.


44      Punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 34, u tat‑23 ta’ April 2020, Herst (C‑401/18, EU:C:2020:295, punt 54). Dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw, pereżempju, ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tal-azzjoni rilevanti jew l-osservanza tat-termini ta’ preskrizzjoni rilevanti.


46      Sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Herst (C‑401/18, EU:C:2020:295, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, Schulz u Egbringhoff (C‑359/11 u C‑400/11, EU:C:2014:2317, punt 57 et seq.).


48      Punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19, C/2020/1863 (ĠU 2020, C 91I, p. 1), kif emendata. Kemm il-Gvern Awstrijak kif ukoll dak tal-Belġju għamlu użu mill-Qafas Temporanju għal għajnuna mill-Istat fil-kuntest tat-tifqigħa tal-coronavirus (ara fid-dettall l-Iskematika - Lista ta’ Miżuri tal-Istati Membri approvati skont l-Artikolu 107(2)b, 107(3)b u 107(3)c TFUE u taħt il-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, disponibbli f’https://competition-policy.ec.europa.eu/state-aid/coronavirus/temporary-framework_en?prefLang=mt). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC - Que choisir u CLCV (C‑407/21, EU:C:2023:449, punt 73).