Language of document : ECLI:EU:F:2011:45

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

14 ta’ April 2011

Kawża F-82/08

Nicole Clarke et

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Klawżola li ttemm il-kuntratt fil-każ fejn il-membru tal-persunal ma jkunx inkluż fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni — Kompetizzjonijiet ġenerali OHIM/AD/02/07 u OHIM/AST/02/07 — Att li jikkawża preġudizzju — Prinċipju ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti in bona fide — Dmir ta’ premura — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Eżiġenzi lingwistiċi — Nuqqas ta’ kompetenza tal-EPSO — Direttiva 1999/70/KE — Xogħol għal żmien determinat”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu N. Clarke, E. Papathanasiou u M. Periañez-González, membri tal-persunal temporanju tal-UASI, jitolbu, b’mod partikolari, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-UASI, tas-7 ta’ Marzu 2008, li jiċħdu t-talbiet tagħhom intiżi, essenzjalment, għat-tneħħija tal-klawżola ta’ rexissjoni inkluża fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, li tinkludi r-rekwiżit li jipparteċipaw, b’suċċess, f’kompetizzjoni ġenerali, u għall-kisba ta’ dikjarazzjoni mill-UASI li ser jinżamm il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom għal żmien indeterminat u, min-naħa l-oħra, li l-UASI jiġi kkundannat għall-ħlas tad-danni.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tad-Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-UASI, tad-19 ta’ Diċembru 2007, u d-deċiżjonijiet tal-UASI, tas-7 ta’ Marzu 2008, sa fejn dawn l-aħħar deċiżjonijiet ċaħdu t-talbiet rispettivi tar-rikorrenti intiżi sabiex il-klawżola ta’ rexissjoni inkluża fil-kuntratt tagħhom ta’ membru tal-persunal temporanju ma tkunx applikata fir-rigward tal-kompetizzjonijiet OHIM/AD/02/07 u OHIM/AST/02/07, huma annullati. L-UASI huwa kkundannat iħallas lil kull waħda mir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 2 000 bħala danni. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk tar-rikorrenti.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ kompetizzjoni — Possibbiltà li tiġi invokata l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Eżami fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fir-Regolamenti tal-Persunal

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Klawżola ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju li tissuġġetta ż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol għall-inklużjoni tal-membru tal-persunal fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

4.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Attribuzzjoni tal-istess funzjonijiet għall-pożizzjonijiet permanenti u għall-pożizzjonijiet temporanji — Ammissibbiltà

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(a) u (b))

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Trasformazzjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat u inklużjoni ta’ klawżola ta’ rexissjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tal-membru tal-persunal fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali — Trasformazzjoni interpretata bħala t-tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat

(Direttiva 1999/70, Anness, Klawżola 3(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8)

6.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Kuntratti għal żmien indeterminat li jinkludu klawżola ta’ rexissjoni applikabbli biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ inklużjoni f’lista ta’ riżerva stabbilita fit-tmiem ta’ kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni li jipprevedi numru ferm inqas ta’ pożizzjonijiet li għandhom jimtlew min-numru tal-imsemmija kuntratti — Inapplikabbiltà tal-klawżola

7.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Rekwiżit ta’ konoxxenzi lingwistiċi speċifiċi — Ammissibbiltà

8.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Organizzazzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni u modalitajiet — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27)

9.      L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) — Żvolġiment tal-kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ ta’ uffiċjali — Rwol tal-EPSO — Assistenza lill-Bord tal-Għażla — Rwol sussidjarju meta mqabbel ma’ dak tal-Bord tal-Għażla — Funzjonijiet ta’ selezzjoni tal-persunal — Assenza

1.      Kemm l-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel kif ukoll ir-rikors ġudizzjarju għandhom, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikunu intiżi kontra att li jikkawża preġudizzju li jipproduċi effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu.

Fir-rigward tal-avviżi ta’ kompetizzjoni, fid-dawl tan-natura partikolari tal-proċedura ta’ reklutaġġ, li hija eżerċizzju amministrattiv kumpless magħmul minn serje ta’ deċiżjonijiet marbuta b’mod strett, ir-rikorrent għandu dritt jinvoka irregolaritajiet li jkunu seħħew waqt l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni, inkluż dawk li joriġinaw mit-test innifsu tal-avviż ta’ kompetizzjoni, fil-każ ta’ rikors intiż kontra deċiżjoni individwali sussegwenti, bħal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet. Avviż ta’ kompetizzjoni jista’ wkoll, eċċezzjonalment, ikun suġġett għal rikors għal annullament fil-każ fejn, billi jimponi kundizzjonijiet li jeskludu l-kandidatura tar-rikorrent, jikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lir-rikorrent skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 74 u 79)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il‑Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, punt 15; 11 ta’ Awwissu 1995, Il‑Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, punti 17 sa 19; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Settembru 1993, Noonan vs Il‑Kummissjoni, T‑60/92, punt 21; 13 ta’ Lulju 2000, Hendrickx vs Cedefop, T‑87/99, punt 37; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 2 ta’ Lulju 2009, Bennett et vs UASI, F‑19/08, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 66

2.      Sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ uffiċjal, il-qorti la tista’ tapplika u lanqas tiggwida ruħha mill-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (li sar, wara emenda, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE) u, b’mod partikolari, mir-rekwiżit li persuna tkun individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat, peress li dawn il-kundizzjonijiet essenzjalment jiddelimitaw l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi kontra atti ta’ portata ġenerali, u jieħdu inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi ta’ natura li jindividwalizzaw lir-rikorrent. Għandu jsir riferiment, skont l-awtonomija tal-proċeduri tas-servizz pubbliku tal-Unjoni meta mqabbla mal-proċeduri tad-dritt komuni dwar l-annullament u l-kumpens, għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 75)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Ottubru 1975, Meyer-Burckhardt vs Il‑Kummissjoni, 9/75, punt 7; 17 ta’ Frar 1977, Reinarz vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, 48/76, punt 10; 7 ta’ Ottubru 1987, Schina vs Il‑Kummissjoni, 401/85, punt 9

3.      L-inklużjoni, f’kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, ta’ klawżola ta’ rexissjoni li tissuġġetta ż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol għall-inklużjoni ta’ isem il-membru tal-persunal temporanju fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali organizzata mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal hija ta’ natura li tikkawża preġudizzju lil dan il-membru tal-persunal b’kunsiderazzjoni, minn tal-inqas, tal-inċertezza dwar jekk ismu jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva stabbilita fi tmiem l-imsemmija kompetizzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni tal-istituzzjoni li tiċħad it-talba tal-membru tal-persunal temporanju kkonċernat intiża sabiex il-klawżola ta’ rexissjoni inkluża fil-kuntratt tiegħu titqies bħala nulla jew, fi kwalunkwe każ, li ma tapplikax għalih fir-rigward ta’ kompetizzjoni partikolari b’mod li ma jkunx marbut jipparteċipa fil-kompetizzjoni, huwa att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 76)

4.      Bħala prinċipju, xejn ma jipprekludi lill-amministrazzjoni milli tattribwixxi l-istess funzjonijiet lil impjieg permanenti jew lil impjieg temporanju inkluż fit-tabella tal-persunal.

Għalhekk, l-amministrazzjoni ma tistax tiġi akkużata li kkonkludiet kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, u sussegwentement, li rrexindietu bi ftehim komuni u li ssostitwixxietu b’kuntratt fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija kondizzjonijiet sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tokkupa impjieg inkluż fit-tabella tal-persunal u li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet tal-baġit attribwixxew natura temporanja.

(ara l-punti 113 u 115)

5.      Istituzzjoni ma teċċedix il-limiti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra meta tibdel kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija kondizzjonijiet, sabiex tneħħi ż-żmien determinat tal-kuntratt u tissostitwixxieh b’allegat żmien indeterminat, kif ukoll sabiex tinkorpora f’tali kuntratt klawżola ta’ rexissjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ ammissjoni tal-membru tal-persunal fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, peress li l-inklużjoni tal-klawżola ma tippermettix li l-imsemmi kuntratt jiġi kklassifikat bħala kuntratt għal żmien indeterminat, indipendentement mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt, tali bidla għandha tiġi interpretata bħala l-ewwel tiġdid għal żmien determinat ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija kondizzjonijiet.

Barra minn hekk, iż-żmien ta’ kuntratt, kif jirriżulta mill-Klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] li jinsab fl-anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, jista’ jiġi ddeterminat mhux biss bl-iskadenza ta’ data preċiża, iżda wkoll meta jitlesta kompitu jew meta jseħħ avveniment partikolari, bħall-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni partikolari.

(ara l-punti 113, 116, 117 u 126)

6.      Billi tipproponi lil diversi membri tal-persunal, li jkunu pparteċipaw b’suċċess fi proċeduri interni ta’ selezzjoni, kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, li jinkludi klawżola ta’ rexissjoni applikabbli biss fil-każ fejn il-persuni kkonċernati ma jkunux inklużi f’lista ta’ riżerva stabbilita fi tmiem kompetizzjoni ġenerali, u għalhekk tinkariga ruħha b’mod ċar li żżomm lill-persuni kkonċernati fuq bażi permanenti fi ħdanha bil-kundizzjoni li isimhom ikun inkluż f’tali lista ta’ riżerva, u sussegwentement billi tillimita n-numru ta’ kandidati li għaddew inklużi fil-listi ta’ kandidati xierqa stabbiliti fi tmiem żewġ kompetizzjonijiet, li barra minn hekk huma kompetizzjonijiet ġenerali, għan-numru eżatt ta’ pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, l-istituzzjoni tnaqqas radikalment u oġġettivament iċ-ċansijiet tal-persuni kkonċernati, kollha kemm huma, li jevitaw l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ rexissjoni u għalhekk, tiżvojta minn parti sostanzjali tagħha l-portata tal-impenji kuntrattwali tagħha meħuda fir-rigward tal-persunal temporanju tagħha.

Konsegwentement, il-klawżola ta’ rexissjoni ma tistax tapplika, fi tmiem kompetizzjoni ġenerali miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri, fil-każ ta’ lista ta’ kandidati xierqa limitata sal-punt li ċ-ċansijiet tal-membri tal-persunal ikkonċernati li jevitaw l-applikazzjoni tagħha kienu irraġonevolment żgħar, fid-dawl tal-impenn meħud mill-istituzzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju tagħha. Fi kliem ieħor, minbarra li tiżnatura l-impenn kuntrattwali tal-amministrazzjoni, tali lista ta’ kandidati xierqa ma hijiex inkluża fil-previżjonijiet tal-klawżola ta’ rexissjoni.

(ara l-punti 161 u 162)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Bennett et vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116

7.      L-interess tas-servizz jista’ jiġġustifika r-rekwiżit li kandidat f’kompetizzjoni jkollu konoxxenzi lingwistiċi speċifiċi f’ċerti lingwi tal-Unjoni, bil-livell ta’ konoxxenza lingwistika li jista’ jintalab fil-kuntest tal-proċedura ta’ reklutaġġ jkun dak li jirriżulta li huwa proporzjonat għall-bżonnijiet reali tas-servizz.

F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-funzjonament intern tal-istituzzjonijiet, sistema ta’ pluralità lingwistika integrali tqajjem diffikultajiet kbar ta’ ġestjoni u tkun ekonomikament insostenibbli. Il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, b’mod partikolari meta l-korp ikkonċernat għandu riżorsi limitati, tista’ għalhekk oġġettivament tiġġustifika l-għażla limitata ta’ lingwi ta’ komunikazzjoni interna.

(ara l-punti 172 u 173)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Ġunju 1975, Küster vs Il‑Parlament, 79/74, punti 16 u 20; 29 ta’ Ottubru 1975, Küster vs Il‑Parlament, 22/75, punti 13 u 17; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust, C‑160/03, punt 47; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il‑Kunsill, T‑376/03, punt 26; Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 13 ta’ Settembru 2010, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑156/07 u T‑232/07, punt 75; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Bennett et vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 137

8.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-kriterji ta’ kapaċitajiet meħtieġa għall-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u sabiex tiddetermina, skont dawn il-kriterji u, b’mod iktar ġenerali, fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni u dan, fid-dawl tal-finalità ta’ kull kompetizzjoni organizzata fi ħdan l-Unjoni, li, skont kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija li tiġi żgurata fir-rigward tal-istituzzjoni, bħal kull korp ieħor, kompetizzjoni ta’ uffiċjali li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza, ta’ effiċjenza u ta’ integrità. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ma jistax imur lil hinn mill-verifika tan-natura manifestament inadegwata jew sproporzjonata tal-organizzazzjoni tal-eżamijiet, fid-dawl tal-għan segwit, u minn dik tal-assenza ta’ żball ta’ liġi u ta’ użu ħażin ta’ poter.

Bl-istess mod, il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni jew il-Kumitat ta’ Selezzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura interna, għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-modalitajiet u tal-kontenut dettaljat tal-eżamijiet. Il-qorti tal-Unjoni tista’ biss tikkritika dan il-kontenut jekk dan ma jkunx jagħmel parti mill-qafas indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni jew ma jkunx jikkorrispondi għall-finalità tal-eżami tal-kompetizzjoni jew tal-proċedura ta’ selezzjoni.

(ara l-punti 181 u 182)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Frar 1997, Petit‑Laurent vs Il‑Kummissjoni, T‑211/95, punt 54; 12 ta’ Ġunju 1997, Carbajo Ferrero vs Il‑Parlament, T‑237/95, punti 47 u 48; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 15 ta’ April 2010, Matos Martins vs Il-Kummissjoni, F‑2/07, punt 161, u l-ġurisprudenza ċċitata

9.      Għalkemm il-kompiti assenjati lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) huma tali li jagħmlu lil dan il-korp interistituzzjonali parteċipant importanti fid-determinazzjoni u t-tmexxija tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-selezzjoni tal-persunal, fir-rigward min-naħa l-oħra, tal-iżvolġiment ta’ kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali, l-irwol tiegħu, li huwa tabilħaqq sinjifikattiv peress li jassisti lill-Bord tal-Għażla, jibqa’, fi kwalunkwe każ, sussidjarju meta mqabbel ma’ dak ta’ dan tal-aħħar, li barra minn hekk ma jistax jiġi ssostitwit mill-EPSO.

Għaldaqstant, kompetizzjoni li l-fażi preliminari tagħha seħħet mingħajr is-superviżjoni esklużiva tal-EPSO hija vvizzjata b’illegalità.

(ara l-punti 199 u 204)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 15 ta’ Ġunju 2010, Pachtitis vs Il‑Kummissjoni, F‑35/08, punt 58, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑361/10 P