Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Frar 2009 - Provincie Groningen u Provincie Drenthe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-69/09)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Provincie Groningen (Groningen, l-Olanda) u Provincie Drenthe (Assen, l-Olanda) (rappreżentanti: C. Dekker u E. Belhadj, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 8355, tal-11 ta' Diċembru 2008, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali mogħtija fil-kuntest tad-Dokument ta' programmar individwali għar-reġjun ta' Groninge-Drenthe, li jaqa' taħt l-Obbjettiv Nru 2 - Nru 97.07.13.003 - skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (1997) 1362, tas-26 ta' Mejju 1997, sa fejn id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel lok tirrigwarda l-korrezzjoni b'rata fissa applikata fl-ammont ta' EUR 1 139 346,24 u n-nefqa li mhijiex suġġetta għal sussidju li tammonta fit-total għal NLG 8 441 804 u sa fejn hija tirrigwarda l-korrezzjoni estrapolattiva ta' 5.76 % u l-korrezzjoni fl-ammont ta' NLG 1 160 456 inkonnessjoni man-nuqqas ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi b'valur inqas mill-valur limitu indikat fid-direttivi dwar il-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 1, sa fejn il-Kummissjoni applikat korrezzjoni estrapolattiva ta' 5.76 % għal irregolaritajiet stabbiliti u korrezzjoni b'rata fissa ta' 2 % għan-nuqqas ta' osservanza ta' kundizzjonijiet speċifiċi għal proġett u għal programm u dan minkejja li dawn il-korrezzjonijiet ma jistgħux ikunu bbażati fuq l-artikolu msemmi.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-Artikoli 28 KE u 49 KE sa fejn il-Kummissjoni żbaljat meta injorat il-fatt li kuntratti li l-valur tagħhom ikun inqas mill-valur limitu indikat fid-Direttivi 93/37/KEE 2, 93/38/KEE 3 u 92/50/KEE 4 dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, għandhom jingħataw skont id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta' merkanzija u ta' servizzi fil-każ biss li jkun hemm aspett transkonfinali.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li kuntratti li l-valur tagħhom ikun inqas mill-valuri limitu indikati fid-Direttivi dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi għandhom jingħataw biss skont id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta' merkanzija u ta' servizzi minkejja li dan ma kienx ċar fil-mument tal-implementazzjoni tad-Dokument ta' programmar individwali għar-reġjun ta' Groninge-Drenthe, li jaqa' taħt l-Obbjettiv Nru 2.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tat-Trattat KE, b'mod partikolari tal-Artikolu 211 KE, sa fejn il-Kummissjoni applikat tnaqqis b'rata fissa ta' 2 % għall-allegat nuqqas ta' osservanza tal-kundizzjonijiet nazzjonali għal proġetti minkejja li ma kellhiex l-awtorità li tagħmel dan.

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tar-Regolamenti Nri 4253/88 u 2064/97 5 sa fejn, għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Kummissjoni, huma ssodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tas-sistema ta' amministrazzjoni u ta' kontroll.

Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sa fejn il-Kummissjoni ħolqitilhom l-aspettattiva leġittima li s-sistema ta' amministrazzjoni u ta' kontroll eżistenti u tipi oħra ta' sorveljanza kienu biżżejjed sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

Fis-seba' lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tar-Regolament Nru 4253/88, sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra, b'mod żbaljat, li l-proġett "Noord-Zuidroute" ma ġiex konkluż fil-ħin u li jeżistu nuqqasijiet fis-sistemi ta' amministrazzjoni u ta' kontroll u, għalhekk, ġie applikat tnaqqis b'rata fissa ta' 2 %.

Fit-tmien lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tad-Direttiva 93/36/KEE 6 sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra, b'mod żbaljat, li fil-kuntest tal-proġett "Waterfabriek Noorder Dierenpark Emmen" ġew konklużi kuntratti dwar il-provvista ta' membrani u ta' sistema li tikkontrolla l-proċessi li, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/36/KEE, ingħataw mingħajr sejħa għal offerti u dan minkejja li din id-direttiva tawtorizza l-għoti ta' tali kuntratti mingħajr sejħa għal offerti f'dan il-każ.

Fid-disa' lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tad-Direttivi 92/50/KEE u 93/37/KEE sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra, b'mod żbaljat, li fil-kuntest tal-proġett "Waterfabriek Noorder Dierenpark Emmen" ġie konkluż kuntratt dwar l-amministrazzjoni tal-proġett u tal-qafas li, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50/KEE, ingħata mingħajr sejħa għal offerti u dan minkejja li dan il-kuntratt jagħmel parti mill-attwazzjoni ta' xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 93/37/KE u għalhekk ma jistax jingħata separatament.

Fl-għaxar lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tad-Direttiva 93/38/KEE sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra, b'mod żbaljat, li fil-kuntest tal-proġett "Centraal Station Groningen" ġie konkluż kuntratt dwar dwar il-kera ta' unitajiet ta' akkomodazzjoni temporanja bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38/KEE u dan minkejja li l-attwazzjoni ta' din l-akkomodazzjoni temporanja għandha tiġi kkunsidrata bħala "xogħlijiet" fis-sens tad-Direttiva 93/38/KEE.

Fil-ħdax-il lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tar-Regolament Nru 4253/88 sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra, b'mod żbaljat, li s-sussidju mogħti liċ-ċentru ta' teknoloġija "Noord-Niederland" mhuwiex konformi mad-Dokument ta' programmar individwali.

Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tat-Trattat KE u tar-Regolament Nru 4253/88 sa fejn il-Kummissjoni, fil-kalkolu tal-perċentwali totali ta' żbalji, tieħu inkunsiderazzjoni, b'mod żbaljat, id-dikjarazzjonijiet marbuta mal-"Verbouwplan Martinihal Groningen".

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta' Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tad-diversi Fondi Strutturali, minn naħa, u bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħra li jeżistu, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1).

2 - Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta' Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU L 199, p. 54).

3 - Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwist pubbliku għal [proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi minn] entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 199, p. 84).

4 - Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU L 209, p. 1).

5 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2064/97, tal-15 ta' Ottubru 1997, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 fir-rigward tal-kontroll finanzjarju mill-Istati Membri ta' operazzjonijiet ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU L 290, p. 1).

6 - Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista [kuntratti pubbliċi għal provvisti] (ĠU L 199, p. 1).