Language of document : ECLI:EU:T:2014:897

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

16 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Elettriku — Tariffa preferenzjali — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-ħlas lura tagħha — Benefiċċju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ammont tal-għajnuna — Għajnuna ġdida”

Fil-Kawża T‑177/10,

Alcoa Trasformazioni Srl, stabbilita f’Portoscuso (l-Italja), irrappreżentata minn M. Siragusa, T. Müller-Ibold, F. Salerno, G. Scassellati Sforzolini u G. Rizza, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u É. Gippini Fournier, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/460/KE, tad-19 ta’ Novembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/A/04 (ex NN 58/04) u C 36/B/06 (ex NN 38/06), implementata mill-Italja favur Alcoa Trasformazioni (ĠU 2010, L 227, p. 62),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Alcoa Trasformazioni Srl, hija kumpannija rregolata mid-dritt Taljan, proprjetarja ta’ żewġ fabbriki li jipproduċu l-aluminju primarju, stabbiliti f’Portovesme, Sardegna (l-Italja) u f’Fusina, Veneto (l-Italja). Dawn il-fabbriki ġew ittrasferiti lir-rikorrenti minn Alumix SpA, fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ din tal-aħħar.

2        Bil-komunikazzjoni tagħha indirizzata lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati l-oħra, b’mod konformi mal-Artikolu [88](2) [KE], dwar l-għajnuna mill-Istat mill-Gvern Taljan favur Alumix, innotifikata lir-Repubblika Taljana u ppubblikata fl-1 ta’ Ottubru 1996 (ĠU C 288, p. 4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Alumix”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, wara li eżaminat diversi miżuri mogħtija lil Alumix matul il-privatizzazzjoni tagħha, fosthom l-għoti ta’ tariffa tal-elettriku preferenzjali mill-Ente nazionale per l’energia elettrica (ENEL), il-fornitur storiku tal-elettriku fl-Italja, lill-fabbriki akkwistati mir-rikorrenti, ikkunsidrat, fir-rigward tat-tariffa msemmija, li kienet applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2005, li din ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari li, “meta talbet il-ħlas ta’ tariffa għall-produzzjoni tal-aluminju primarju [lill-fabbriki akkwistati mir-rikorrenti] li [kienet] tkopri l-ispejjeż varjabbli tagħha u li [kienet] tikkontribwixxi għall-ispejjeż fissi tagħha, ENEL [kienet] aġixxiet [bħal operatur f’kundizzjonijiet normali tas-suq] peress li dawn it-tariffi kienu jippermettu l-provvista tal-elettriku lill-iktar klijenti industrijali importanti tagħha f’reġjuni fejn [kienet] teżisti kapaċità żejda sinjifikattiva f’termini ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku”.

3        Bid-Deċiżjoni Nru 204/99, tad-29 ta’ Diċembru 1999, l-Autorità per l’energia elettrica e il gas (Awtorità Taljana għall-enerġija elettrika u l-gass, iktar ’il quddiem l-“AEEG”) ittrasferixxiet lid-distributuri tal-elettriku lokali l-ġestjoni tat-tariffa tagħha. Il-provvista tal-elettriku lir-rikorrenti ġiet għalhekk iffatturata minn ENEL, id-distributur tal-elettriku lokali tagħha, bit-tariffa normali u mhux iktar bit-tariffa msemmija fl-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 1995 (GURI Nru 39, tas-16 ta’ Frar 1996, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-1995”), li kien japplika, hekk kif ġie indikat fil-punt preċedenti, sal-31 ta’ Diċembru 2005. Sabiex tikkumpensa din id-differenza tariffarja, ENEL kienet tagħti ħlas lura lir-rikorrenti, imsemmi fil-kont tal-elettriku tagħha, iffinanzjat permezz ta’ tnaqqis parafiskali impost fuq il-konsumaturi tal-elettriku kollha fl-Italja.

4        Bid-Deċiżjoni Nru 148/04, tad-9 ta’ Awwissu 2004, l-AEEG inkarigat lill-entità pubblika Cassa Conguaglio per il Settore Elettrico (il-Fond ta’ Aġġustament għas-Settur tal-Elettriku, iktar ’il quddiem il-“Fond ta’ Aġġustament”) bil-ġestjoni tat-tariffa tal-elettriku minflok id-distributuri lokali. Għal dan il-għan, il-Fond ta’ Aġġustament irrimborsa direttament lir-rikorrenti bis-somma li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont tat-tariffa li ntalbet tħallas minn ENEL u t-tariffa stabbilita mid-Digriet Legali tal-1995, permezz tal-istess kontribuzzjoni parafiskali.

5        Wara, ġew adottati, inizjalment, id-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tas-6 ta’ Frar 2004 (GURI Nru 93, tal-21 ta’ April 2004, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2004”) u, sussegwentement, id-Digriet Liġi Nru 35, tal-14 ta’ Marzu 2005 (GURI Nru 111, tal-14 ta’ Mejju 2005, p. 4), li nqaleb f’liġi, wara emenda, bil-Liġi Nru 80, tal-14 ta’ Mejju 2005 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 91, tal-14 ta’ Mejju 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2005”). L-Artikolu 1 tad-Digriet tal-2004 kien intiż biex jestendi l-benefiċċju ta’ tariffi tal-elettriku preferenzjali favur, b’mod partikolari, Portovesme Srl u Eurallumina SpA. Għalkemm seta’ wkoll jinftiehem bħala intiż biex jestendi, sa’ Ġunju 2007, it-tariffa preferenzjali li kienet tibbenefika minnha r-rikorrenti, effettivament, dan ma ġiex applikat għal din tal-aħħar, li baqgħet irregolata bid-Digriet tal-1995 sad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 11(11) tal-Liġi tal-2005, li estenda, sal-31 ta’ Diċembru 2010, it-tariffa preferenzjali applikata liż-żewġ fabbriki tar-rikorrenti.

6        It-tariffa msemmija kellha tkun is-suġġett ta’ reviżjoni annwali mill-AEEG, li adottat, fit-13 ta’ Ottubru 2005, id-Deċiżjoni Nru 217/05, li abbażi tagħha, mill-1 ta’ Jannar 2006, iż-żieda fit-tariffa preferenzjali tiġi kkalkolata skont iż-żiediet eventwali fil-prezzijiet irreġistrati mill-Boroż ta’ Frankfurt am Main (il-Ġermanja) u ta’ Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), fil-limitu ta’ 4 % fis-sena.

7        La d-Digriet tal-2004 u lanqas l-Artikolu 11(11) tal-Liġi tal-2005 ma ġew innotifikati lill-Kummissjoni.

8        B’deċiżjoni nnotifikata lir-Repubblika Taljana b’ittra tad-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, dwar l-għajnuna mill-Istat C 36/06 (ex NN 38/06) – Tariffa tal-elettriku preferenzjali mogħtija lil ċerti industriji ta’ konsum kbir tal-enerġija fl-Italja (sommarju fil-ĠU C 214, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2006”).

9        Fid-29 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż, prinċipalment, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din kienet tikkonċerna t-tariffa għall-provvista tal-elettriku mogħtija liż-żewġ fabbriki ta’ aluminju primarju tagħha jew, sussidjarjament, għall-annullament tagħha sa fejn fiha l-Kummissjoni kkwalifikat it-tariffa msemmija bħala għajnuna ġdida illegali.

10      Bis-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (T‑332/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors. Is-sentenza msemmija ġiet ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (C‑194/09 P, Ġabra p. I‑6311).

11      Il-proċedura ta’ evalwazzjoni formali wasslet għall-adozzjoni, fid-19 ta’ Novembru 2009, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/460/KE, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/A/04 (ex NN 58/04) u C 36/B/06 (ex NN 38/06), implementati mill-Italja favur Alcoa Trasformazioni (ĠU 2010, L 227, p. 62, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li l-Artikolu 1 tagħha jiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Taljana ikkonċediet illegalment lir-rikorrenti mill-1 ta’ Jannar 2006.

12      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala irrilevanti kemm l-evalwazzjoni li hija kienet wettqet fid-deċiżjoni Alumix kif ukoll il-kalkoli pprovduti mill-awtoritajiet Taljani u mir-rikorrenti intiżi biex juru li t-tariffa preferenzjali mogħtija lilha kienet għadha konformi mal-kriterji adottati fid-deċiżjoni Alumix. Hija indikat li l-ammont tal-għajnuna li kellha titħallas lura kienet tikkorrispondi għas-somma tal-ħlasijiet kumpensatorji kollha mħallsa lir-rikorrenti mill-Fond ta’ Aġġustament.

13      Fir-rigward tal-fabbrika li tinsab fil-Veneto, il-Kummissjoni indikat, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ħlas lura tal-għajnuna jirrigwarda l-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u d-19 ta’ Novembru 2009, id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-fabbrika li tinsab f’Sardegna, il-Kummissjoni imponiet biss irkupru parzjali, fejn il-ħlas lura li kellu jsir kien jirrigwarda l-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u t-18 ta’ Jannar 2007.

14      Mill-Anness 1 A tar-rikors jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-12 ta’ Frar 2010.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

16      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, sabiex tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna l-għajnuna C 36/B/2006 (ex NN 38/2006), u fil-kuntest ta’ din it-talba hija kienet titlob ukoll għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Lulju 2010, ir-Repubblika Taljana talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

18      B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2010, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (T‑177/10 R, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), it-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

19      Fl-4 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

20      B’digriet tat-13 ta’ Settembru 2010, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tar-Repubblika Taljana.

21      Fis-26 ta’ Novembru 2010, ir-Repubblika Taljana ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

22      Ir-replika, fil-verżjoni regolarizzata tagħha, ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2010.

23      Fl-1 ta’ Frar 2011, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rċieva l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq in-nota ta’ intervent.

24      Il-kontroreplika u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq in-nota ta’ intervent ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2011.

25      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni [C‑446/10 P(R), li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra], ġie miċħud l-appell ippreżentat kontra d-digriet tad-9 ta’ Lulju 2010, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq.

26      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla. Sussegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid sedenti fl-istess Awla.

27      Wara t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lil din l-Awla.

28      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

29      It-trattazzjoni tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013. Għalkemm ma kinitx avżat lill-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Taljana, debitament imsejħa fil-kwalità tagħha bħala intervenjenti, ma dehritx għas-seduta msemmija.

30      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna l-għajnuna C 36/B/06 (ex NN 38/06);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

32      Ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tilqa’ r-rikors.

 Id-dritt

33      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi.

34      Dawn huma bbażati, essenzjalment, l-ewwel, fuq il-kwalifika illegali bħala għajnuna mill-Istat fl-assenza ta’ vantaġġ mogħti lir-rikorrenti, it-tieni, fuq l-illegalità li tirriżulta mid-determinazzjoni skorretta tal-ammont tal-għajnuna, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkonferma l-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat, it-tielet, dejjem jekk il-kwalifika msemmija tiġi stabbilita, fuq in-natura żbaljata tagħha bħala għajnuna operazzjonali, peress li din hija għajnuna reġjonali kompatibbli mas-suq komuni, u, anki jekk jiġi ammess li din kienet għajnuna operazzjonali, minħabba l-eliġibbiltà ta’ tali għajnuna abbażi tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali (ĠU 1998, C 74, p. 9), ir-raba’, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għall-għajnuna reġjonali kompatibbli mas-suq komuni, il-ħames, fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, is-sitt, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

35      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li qabel kollox teżamina s-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

36      Fl-ewwel lok, għandha tiġi deċiża l-ammissibbiltà tas-sitt motiv, ikkontestat mill-Kummissjoni.

37      Skont il-Kummissjoni, il-motiv imsemmi tant ma huwiex żviluppat li ma jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, mill-eżami tar-rikors u tar-replika jirriżulta li, għalkemm l-iżviluppi tiegħu huma fil-qosor ħafna, ir-rikorrenti tippreżenta motiv li jinqasam f’żewġ partijiet, kjarament identifikabbli, waħda relattiva għall-konsegwenzi tal-allegata assenza ta’ validità tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2006 fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (punt 271 tar-rikors), l-oħra relattiva għan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni msemmija (punt 272 tar-rikors u punti 73 u 74 tar-replika). Dan il-motiv huwa għalhekk ammissibbli.

38      Konsegwentement, fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati wieħed wieħed iż-żewġ partijiet tas-sitt motiv.

 F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti tas-sitt motiv, relattiva għad-difett proċedurali minħabba l-assenza ta’ validità tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2006

39      Ir-rikorrenti sostniet li “deċiżjoni finali adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE [setgħet] tiġi legalment adottata biss jekk id-deċiżjoni ta’ bidu ta’ investigazzjoni formali kontradittorja kienet valida” u li, “fil-każ li d-deċiżjoni ta’ bidu tiġi annullata, dan l-annullament jipproduċi wkoll effetti fuq id-deċiżjoni kkontestata, li għaliha ma tkunx sodisfatta kundizzjoni forma proċedurali sostanzjali”.

40      Madankollu, mistiedna sabiex tesprimi ruħha fuq il-konsegwenzi li għandhom jiġi misluta, skontha, mis-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 10 iktar ’il fuq, ikkonfermata bis-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 10 iktar ’il fuq, li tirrikonoxxi l-legalità sħiħa tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ddikjarat, waqt is-seduta, li hija kienet qegħda tirrinunzja għall-ewwel parti tas-sitt motiv tagħha, liema ħaġa tniżżlet fil-minuti tas-seduta.

 F’dak li jikkonċerna t-tieni parti tas-sitt motiv, relattiva għall-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

41      Bit-tieni parti tas-sitt motiv, ir-rikorrenti tallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tafferma li “d-deċiżjoni [kkontestata] hija vvizzjata difetti gravi u diversi fil-motivazzjoni fuq punti essenzjali” (punt 272 tar-rikors), u tirreferi għall-“iżviluppi tal-ewwel erba’ motivi” (l-istess punt tar-rikors).

42      Inizjalment, għandha tiġi injorata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni relattiva għat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-argumenti tar-rikorrenti jirrigwardaw biss ir-rilevanza tal-motivi, u mhux in-natura suffiċjenti jew le tal-motivazzjoni. Qabel kollox, il-kwistjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija kkunsidrata fil-punti 69 sa 74 kif ukoll 78 u 79 tar-rikors, dwar in-nuqqas ta’ evalwazzjoni ekonomika li tippermetti li tintwera l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lir-rikorrenti.

43      Sussegwentement u fuq kollox, ir-replika hija iktar preċiża, li ssemmi, abbażi tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-assenza ta’ evalwazzjoni ekonomika li tippermetti li tintwera l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lir-rikorrenti, ta’ prezz tas-suq, ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp reġjonali u tar-raġunijiet li wasslu biex jiġi kkanċellat il-Virtual Power Plant (iktar ’il quddiem il-“programm VPP”). Qabel kollox, fid-dawl tal-fatt li motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa wieħed ta’ ordni pubbliku (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 1986, Usinor vs Il-Kummissjoni, 185/85, Ġabra p. 2079, punt 19, u tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67), dan ikun ammissibbli anki jew jiġi invokat għall-ewwel darba fir-replika [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, Ġabra p. I‑983, punti 21 u 25, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2011, i-content vs L-UASI (BETWIN), T‑258/09, Ġabra p. II‑3797, punt 47]. Dan huwa iktar il-każ meta l-motiv, preżenti fir-rikors iżda mingħajr preċiżazzjonijiet suffiċjenti, jiġi msaħħaħ fl-istadju tar-replika.

44      Wara, minn naħa, ir-rikors għandu jinqara fid-dawl tar-replika u, min-naħa l-oħra, għandu jitqies li r-rikorrenti ma tilmentax li l-Kummissjoni, fil-kuntest tas-sitt motiv, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija iktar ’il fuq, iżda tilmenta dwar in-nuqqas li ssemmi lil dawn tal-aħħar fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, l-ammissibbiltà tat-tieni parti tas-sitt motiv hija, bħala tali, stabbilita.

45      Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat is-sempliċi riferiment għal motivi fil-mertu li jsir fir-rigward tat-tieni u tar-raba’ motivi u, sussegwentement, l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti fir-rikors (fil-kuntest tal-ewwel motiv, li jirreferi għalih is-sitt motiv) u kompletata fir-replika.

46      Fir-rigward tal-ewwel każ, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE, li kien japplika dak iż-żmien, li jirrigwarda nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, jifforma parti mill-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 230 KE (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 43 iktar ’il fuq, punt 67, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, T‑158/99, Ġabra p. II‑1, punt 97). Dan ma japplikax għall-ilmenti li ma jirrigwardawx, proprjament, nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, iżda huma relatati, fir-realtà, mal-kritika tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk mal-legalità fil-mertu ta’ dan l-att (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97, u tal-14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il-Kummissjoni, T‑162/06, Ġabra p. II‑1, punt 23). Dan jistgħu biss jiġu miċħuda fil-kuntest ta’ tali motiv (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 97 u 98, u tas-27 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑257/10, punt 53).

47      Fir-rigward tat-tieni każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

48      Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tad-diċitura tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tal-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni interessati jressqu quddiemha, iżda biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 16; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra p. II‑2717, punti 59 u 60, u tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, punt 178).

49      Huwa fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward, l-ewwel nett, tal-evalwazzjoni ekonomika li wasslitha biex tikkonkludi li jeżisti vantaġġ mogħti lir-rikorrenti, it-tieni nett, ta’ x’kellu jkun il-prezz tas-suq, it-tielet nett, tal-fatt li hija kienet eżaminat jekk l-għajnuna setgħetx tiġi awtorizzata abbażi tal-iżvilupp reġjonali u, ir-raba’ nett, tar-raġunijiet li wasluha biex tikkanċella l-programm VPP.

50      B’hekk, f’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni ekonomika li wasslet lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li kien jeżisti vantaġġ mogħti lir-rikorrenti, mill-eżami tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qabel kollox fakkret il-kuntest ekonomiku li kienet ġiet deċiża fih id-deċiżjoni Alumix (premessi 33 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata), qabel ma enfasizzat l-evoluzzjoni kbira li sussegwentement ikkaratterizzat is-suq tal-elettriku Taljan (premessi 39 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata), biex finalment tiddedika taqsima sħiħa (punt 6.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Preżenza ta’ vantaġġ”) għall-analiżi tas-suq li fih kienet topera r-rikorrenti (premessi 145 sa 158 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara li fakkret b’mod partikolari li d-deċiżjoni Alumix, adottata f’kuntest monopolistiku, ma setgħetx tiġi trasposta għal suq tal-elettriku liberalizzat (premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni enfasizzat, b’mod konformi mas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 10 iktar ’il fuq (punt 71), li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“kundizzjonijiet prevalenti fis-swieq attwali” (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija speċifikat ukoll x’kienu l-partikolaritajiet tas-suq ta’ Sardegna (premessi 155 u 226 sa 231 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-prezz tas-suq, il-Kummissjoni indikat li l-prezz miksub mir-rikorrenti kien inqas minn dak li kienet tibbenefika minnu bil-kundizzjonijiet reali tas-suq minħabba l-intervent tal-Istat Taljan, għaliex, kieku din setgħet tiksbu direttament mingħand wieħed mill-fornituri tal-elettriku tar-reġjuni kkonċernati, dan l-intervent ma kienx ikun neċessarju (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessi 146 sa 152 tad-deċiżjoni kkontestata hija esponiet ir-raġunijiet għalfejn kienet tqis li kellha tinjora l-kalkolu tal-prezz tas-suq magħmul mir-rikorrenti, billi ppreċiżat, barra minn hekk, fil-premessi 153 u 154 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kalkolu msemmi kien żbaljat, peress li kien jikkorrispondi għall-prezzijiet ta’ produzzjoni marġinali taċ-ċentralijiet li jipprovdu għall-konsum bażiku, jiġifieri l-iktar ekonomiċi. Issa, il-Kummissjoni enfasizzat li tali prezzijiet setgħu jinkisbu fis-suq biss matul is-sigħat tal-iktar konsum, filwaqt li r-rikorrenti ma kinitx tikkonsma elettriku matul dawn is-sigħat biss, iżda 24 siegħa fuq 24. Finalment, hija għamlet preċiżazzjonijiet dwar il-prezz tas-suq f’Sardegna (premessa 230 tad-deċiżjoni kkontestata), fejn indikat li t-tariffa li kienet tibbenefika minnha r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kriterji adottati fid-deċiżjoni Alumix, anki jekk jitqies li dawn tal-aħħar kienu applikabbli f’dan il-każ (premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna l-eliġibbiltà għall-għajnuna abbażi tal-iżvilupp reġjonali, il-qari tal-premessi 60 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata juri li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni eżaminat din il-possibbiltà fir-rigward tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali (premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata), fejn irrilevat li l-Veneto ma kienx jinsab fost ir-reġjuni eliġibbli (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata), liema ħaġa teskludi lil waħda mill-fabbriki tar-rikorrenti. Fir-rigward tat-tieni fabbrika, stabbilita f’Sardegna, il-Kummissjoni rrilevat li dan ir-reġjun kien eliġibbli sal-31 ta’ Diċembru 2006 (premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda ma għadux eliġibbli abbażi tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali għall-perijodu 2007-2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13), ħlief, għar-rikorrenti, biex tibbenefika mill-perijodu tranżitorju ta’ sentejn previst “għall-eliminazzjoni lineari tas-sistemi ta’ għajnuna operazzjonali eżistenti” (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata). Din għalhekk irriċerkat jekk l-għajnuna kinitx neċessarja (premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata) u proporzjonali għan-nuqqasijiet reġjonali (premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata), u waslet għal konklużjoni negattiva. Hija rrilevat ukoll li l-għajnuna ma kinitx degressiva f’termini reali (premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata), u qieset, finalment, mhux xierqa “li jitħallew jiġu introdotti għajnuniet ġodda operazzjonali għal ftit xhur” u li jiġi previst it-“tnaqqis gradwali” tagħha, fuq kollox “fid-dawl tal-fatt tad-dubji li tqajmu u tan-natura tal-għajnuna […] tikkawża distorsjoni” (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, hija “esprimiet dubji” fir-rigward tal-possibbiltà li tingħata t-tariffa mogħtija lir-rikorrenti, “kemm bħala għajnuna reġjonali jew abbażi ta’ xi raġuni oħra” (premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi fiha taqsima sħiħa [punt 6.5.1, intitolat “Kompatibbiltà mal-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali mill-Istat (Sardegna)”] li tiġbor f’xi għoxrin premessa l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett (premessi 220 sa 240 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod partikolari dwar il-kwistjoni tal-“[k]ontribut għall-iżvilupp reġjonali” (punt 6.5.1.2 u l-premessi 232 sa 237 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Ir-raba’ nett, f’dak li jikkonċerna l-programm VPP, id-deċiżjoni kkontestata ssemmieh diversi drabi wkoll. Il-Kummissjoni ssemmieh fil-kronoloġija tal-kawża, u tindika li kkunsidrat “[i]l-possibbiltà [li tadotta]” l-programm imsemmi (premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata) u skambjat korrispondenza mar-Repubblika Taljana f’dan ir-rigward (premessi 18 sa 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Jissemmew ukoll laqgħat li nżammu ma’ dan l-Istat Membru (l-istess premessi tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi fuq kollox taqsima ddedikata għal din il-kwistjoni [punt 6.5.3, intitolata “Il-proposta ta’ Impjant tal-Enerġija Virtwali (Sardegna)”], maqsuma f’żewġ partijiet, iddedikati għad-“[d]eskrizzjoni tal-VPP Taljan” (punt 6.5.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata) u għall-“[k]umpatibbiltà tat-tariffa abbażi tal-VPP” (punt 6.5.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata). Din it-taqsima (premessi 246 sa 259 tad-deċiżjoni kkontestata) tippreżenta b’mod dettaljat il-programm VPP u r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni “waslet għall-konklużjoni li, f’dan il-każ, il-VPP ma tistax tikkostitwixxi bażi biżżejjed għall-kumpatibbiltà tal-għajnuna, la għal perjodu tranżitorju suċċessiv għall-implimentazzjoni tal-VPP u lanqas [a fortiori] għall-perjodu ta’ qabel l-implimentazzjoni tal-VPP” (premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Konsegwentement, fuq l-erba’ punti speċjalment indikati mir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata, minflok ma tibqa’ siekta, tippreżenta motivazzjoni dettaljata u argumentata, li tippermetti tajjeb lir-rikorrenti li tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata mill-Qorti tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha.

56      Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda, liema ħaġa twassal, fid-dawl tar-rinunzja relatata mal-ewwel parti tiegħu, għaċ-ċħid tal-motiv imsemmi.

57      Issa, għandu jiġi eżaminat il-ħames motiv tar-rikorrenti, peress li dan l-eżami jwassal lill-Qorti Ġenerali biex tippreċiża l-portata eżatta tad-deċiżjoni Alumix.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

58      Ir-rikorrenti ssostni li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għandu jiġi enfasizzat, hekk kif wara kollox tammetti r-rikorrenti, li xi wħud mill-argumenti mressqa minnha fil-kuntest ta’ dan il-motiv “diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tar-rikors għal annullament tad-deċiżjoni [tad-19 ta’ Lulju 2006]” (punt 225 tar-rikors) u li “[din] ma laqgħathomx” (l-istess punt tar-rikors). Ir-rikorrenti titlob li dawn jiġu eżaminati mill-ġdid, b’mod partikolari minħabba l-portata iktar wiesgħa tal-argumenti msemmija u minħabba l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex tal-istess natura bħad-deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2006. Għalhekk, huwa fid-dawl tar-risposta ġudizzjarja mogħtija mill-Qorti Ġenerali u wara mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda mhux b’mod limitat għaliha, li għandha tingħata risposta għall-ħames partijiet tal-ħames motiv, li jirrigwardaw, l-ewwel nett, l-aspettattivi leġittimi li seta’ jkollhom ir-Repubblika Taljana u r-rikorrenti fin-natura eżistenti, u mhux ġdida, tal-għajnuna inkwistjoni, minħabba l-karattru kostanti tal-effetti tagħha fuq ir-rikorrenti, peress li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi, minħabba f’hekk, ksur tal-Artikolu 88 KE (l-Artikolu 108 TFUE, invokat mir-rikorrenti, ma japplikax ratione temporis), it-tieni nett, l-aspettattivi leġittimi li nħolqu mill-fatt li l-Kummissjoni, informata, skont ir-rikorrenti, bil-bidla li seħħet fl-istat tal-liġi wara t-terminu previst mid-Digriet tal-1995, ma kinitx irreaġixxiet għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tad-dritt Taljan, u b’hekk ħalliet lir-rikorrenti tippreżumi li l-għajnuna inkwistjoni kellha titqies bħala eżistenti, it-tielet nett, il-karattru illimitat ratione temporis tad-deċiżjoni Alumix, ir-raba’ nett, l-aspettattivi leġittimi partikolari li jirriżultaw mill-fatt li t-tariffa li tirriżulta mid-Digriet tal-1995 kienet ġiet meqjusa li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u, il-ħames nett, ir-rinfurzar tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti mill-attitudni tal-Kummissjoni matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, espressa, b’mod partikolari, f’ittra tad-19 ta’ Jannar 2007.

59      Qabel l-eżami tad-diversi partijiet ta’ dan il-motiv, għandha titfakkar il-firxa tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati biex dan ikun jista’ japplika.

60      Bħala prinċipju fundamentali tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, Ġabra p. I‑6983, punt 52), il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippermetti lil kull operatur ekonomiku jinvoka aspettattivi fondati li istituzzjoni tkun ħolqot fir-rigward tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Foods Products (Lopik) vs Il-KEE, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, C‑369/09 P, Ġabra p. I‑2011, punt 123 ; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Producteurs de légumes de France vs Il-Kummissjoni, T‑328/09, punt 18). Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 1978, Lührs, 78/77, Ġabra p. 169, punt 6, u s-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 10 iktar ’il fuq, punt 102). Id-dritt li jiġu invokati l-aspettattivi leġittimi jippresupponi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. It-tielet nett, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza Producteurs de légumes de France vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tar-rwol fundamentali li għandu l-obbligu ta’ notifika biex jippermetti l-effettività tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat min-naħa tal-Kummissjoni, li għandu karattru imperattiv, l-impriżi li jibbenefikaw minn għajnuna jista’ biss ikollhom, fil-prinċipju, aspettattiva leġittima fir-regolarità tal-għajnuna msemmija jekk din tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88 KE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura li l-proċedura msemmija ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tkun ġiet implementata mingħajr notifika bil-quddiem lill-Kummissjoni, b’tali mod li din tkun illegali b’mod konformi mal-Artikolu 88(3) KE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dan il-mument, aspettattiva leġittima fir-regolarità tal-għoti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Producteurs de légumes de France vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punti 20 u 21, u l-ġurisprudenza ċċitata), ħlief jekk ikunu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza u France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, Ġabra p. II‑4315, punt 263).

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament it-tielet, it-tieni, ir-raba’, l-ewwel u l-ħames parti ta’ dan il-motiv.

 F’dak li jikkonċerna t-tielet parti tal-ħames motiv, relattiva għall-karattru illimitat ratione temporis tad-deċiżjoni Alumix

63      Peress li bid-deċiżjoni Alumix, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar il-konformità mad-dritt Komunitarju tal-għajnuna stabbilita bid-Digriet tal-1995, li l-validità tiegħu kienet espressament tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2005, id-deċiżjoni tagħha ma setax ikollha effett ratione temporis superjuri għal dak tal-miżura li kienet is-suġġett tiegħu. Hekk kif ġustament fakkret il-Kummissjoni fir-risposta, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 10 iktar ’il fuq (punti 105 u 106), diġà ssemmi tali raġunament. Dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn din tal-aħħar iddeċidiet li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni Alumix ma setgħux iwasslu lir-rikorrenti sabiex taħseb b’mod leġittimu li l-konklużjonijiet ta’ din id-deċiżjoni kienu ser jestendu għat-tariffa eżaminata fid-deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2006 (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 10 iktar ’il fuq, punt 134) u li għalhekk kien ġustament li l-Qorti Ġenerali indikat li d-deċiżjoni Alumix ma kinitx nisslet aspettattiva leġittima fir-rikorrenti fir-rigward tal-perennità tal-konklużjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 10 iktar ’il fuq, punt 135).

64      Għal dawn ir-raġunijiet, it-tielet parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

 F’dak li jikkonċerna t-tieni parti tal-ħames motiv, li tirrigwarda l-aspettattivi leġittimi li jitnisslu mill-assenza ta’ reazzjoni tal-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad dispożizzjonijiet il-ġodda tal-liġi Taljana

65      Għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, minn naħa, id-deċiżjoni Alumix kienet tapplika biss sakemm kienet tapplika l-għajnuna stabbilita bid-Digriet tal-1995, min-naħa l-oħra, ma huwiex permess li l-assenza ta’ reazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tiġi interpretata fis-sens li setgħet tnissel aspettattiva leġittima għar-rikorrenti.

66      Fl-ewwel lok, għandu fil-fatt jiġi osservat li r-raġunament tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata, peress li din targumenta li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni kienu magħrufa mill-Kummissjoni, u għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk dawn ġewx innotifikati lil din l-istituzzjoni mir-Repubblika Taljana. Dwar id-Digriet tal-2004, mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 1 sa 3 tad-deċiżjoni msemmija) jirriżulta li kien fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li kienet mgħarrfa minn diversi artikli tal-istampa, li ġiet ipprovduta informazzjoni minn dan l-Istat Membru. Dwar il-Liġi tal-2005, kif ġie kkonfermat matul is-seduta, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta wkoll li l-Artikolu 11(11) tal-liġi msemmija, kuntrarjament għall-Artikolu 11(12) tagħha, ma kienx is-suġġett ta’ notifika lill-Kummissjoni, liema ħaġa kienet wara kollox diġà ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16). Għalhekk għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 61 iktar ’il fuq li tgħid li l-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu aspettattiva leġittima fir-regolarità tal-għoti tagħha meta din tkun ġiet implementata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni.

67      Ikun ugwalment inutli li jitqies li kien hemm nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, peress li l-informazzjoni inkwistjoni ġiet ipprovduta lilha fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija minnha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma setgħet titnissel ebda aspettattiva leġittima min-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni wara n-notifika, peress li la n-nuqqas ta’ azzjoni u lanqas in-notifika ma ġew stabbiliti.

68      Fit-tieni lok u f’kull każ, ma huwiex ikkontestat li l-eżistenza ta’ garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti hija nieqsa f’dan il-każ.

69      Għalhekk, it-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

 F’dak li jikkonċerna r-raba’ parti tal-ħames motiv, dwar l-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw mill-fatt li t-tariffa stabbilita mid-Digriet tal-1995 kienet tqieset li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat

70      Minn dak li ġie indikat fil-kuntest tal-eżami tat-tielet parti tal-ħames motiv jirriżulta li, peress li kien limitat ratione temporis, għaliex kien jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2005, id-Digriet tal-1995, li kien is-suġġett tad-deċiżjoni Alumix, ma setax jitqies li jikkostitwixxi biss għajnuna mill-Istat għall-perijodu kkunsidrat biss. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-evalwazzjoni mwettqa fuq dan il-punt mill-Qorti Ġenerali (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 10 iktar ’il fuq, punt 135), ir-rikorrenti ma setax ikollha aspettattiva leġittima fil-perennità tal-konklużjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni.

71      Konsegwentement, ir-raba’ parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

 F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti tal-ħames motiv, relattiva għall-aspettattivi leġittimi mnissla min-natura eżistenti tal-għajnuna inkwistjoni minħabba n-natura kostanti tal-effetti tagħha fir-rigward tar-rikorrenti

72      Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 60 u 61 iktar ’il fuq jirriżulta li operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi biss jekk kien raġonevolment prudenti, informat u diliġenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti kellha, minn naħa, tkun taf bil-fatt li t-tariffa preferenzjali li kienet tibbenefika minnha abbażi tad-Digriet tal-1995, li mid-definizzjoni tagħha stess kienet derogatorja fir-rigward tat-tariffa normali, kienet prevista għal tul ta’ għaxar snin u li hija ma kienet b’ebda mod ċerta mit-tiġdid tagħha. Min-naħa l-oħra, din ma setgħetx tinjora l-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni tat-tariffa preferenzjali li kienet tgawdi minnha inizjalment, u lanqas, sussegwentement, ma setgħet tinjora l-fatt li dan kien is-suġġett ta’ diversi bidliet li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kienet għadha ma ġietx mitluba tadotta pożizzjoni. Barra minn hekk, preċiżament fid-dawl ta’ dawn il-bidliet, huwa żbaljat li jissemmew effetti kostanti fit-tariffa preferenzjali stabbilita bid-Digriet tal-1995, peress li din kellha diversi varjazzjonijiet, b’mod partikolari dik relatata mal-aġġornament annwali, b’limitu massimu ta’ 4 %, tat-tariffa, stabbilit bil-Liġi tal-2005, kif interpretata mill-AEEG (ara l-punt 6 iktar ’il fuq u l-premessi 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

73      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-rikorrenti, bħala operatur ekonomiku raġonevolment prudenti, informata u diliġenti, ma setgħetx tibbaża aspettattiva leġittima fuq il-fatt li t-tariffa inizjali hija perenni u titqies bħala għajnuna eżistenti, fuq kollox meta din kienet inbidlet notevolment wara d-deċiżjoni Alumix, u dan anki meta hija kienet għadha tibbenefika minn tariffa preferenzjali.

74      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

 F’dak li jikkonċerna l-ħames parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq ir-rinfurzar tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti mill-attitudni tal-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, espressa, b’mod partikolari, fl-ittra tad-19 ta’ Jannar 2007

75      Il-fatt li l-Kummissjoni tat bidu, bl-ittra tad-19 ta’ Jannar 2007, għal diskussjonijiet mar-Repubblika Taljana (u mhux mar-rikorrenti) dwar il-programm VPP (premessi 18 sa 20 tad-deċiżjoni kkontestata), mhux biss ma setax ħlief ikun irrilevanti fuq in-natura ta’ għajnuna eżistenti li r-rikorrenti tixtieq li tiġi rrikonoxxuta lill-miżuri implementati mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan inkwistjoni u, għalhekk, fuq l-aspettattivi leġittimi li hija tqis, b’mod żbaljat, li għandha d-dritt li tibbaża fuq il-konklużjonijiet li kienet ifformulat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni Alumix, iżda fuq kollox, sa fejn l-ittra msemmija kienet tikkostitwixxi l-bidu tat-taħdidiet fir-rigward tal-eventwalità li jiġu adottati miżuri tranżitorji, ma setgħetx, mid-definizzjoni tagħha stess, tikkontjeni assigurazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti.

76      Isegwi li l-ħames parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud dan il-motiv kollu.

77      L-erba’ motivi l-oħra tar-rikors ser jiġu eżaminati fl-ordni li jirriżulta mill-kitbiet tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-kwalifika illegali bħala għajnuna mill-Istat fl-assenza ta’ vantaġġ mogħti lir-rikorrenti

78      L-ewwel motiv, li bih ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 107 TFUE (fir-realtà tal-Artikolu 87 KE, applikabbli ratione temporis), fih diversi partijiet, fejn l-ewwel waħda hija ddedikata għall-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u għall-obbligu ta’ motivazzjoni li jinsab, f’dan il-qasam, fuq il-Kummissjoni. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, ġie deċiż, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tas-sitt motiv, li d-deċiżjoni kkontestata kienet konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 253 KE. F’dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet ġenerali relattivi għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, dawn ma fihom ebda lment konkret li jirrigwarda l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

79      L-ewwel motiv jinġabar, fir-realtà, fi tliet punti: il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li japplikaw il-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni Alumix, liema ħaġa kienet twassalha għall-istess konklużjoni bħad-deċiżjoni msemmija, jiġifieri l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat (punti D u E tal-ewwel motiv); kellha twettaq evalwazzjoni ekonomika, biex tiddetermina l-eżistenza eventwali ta’ vantaġġ mogħti lir-rikorrenti (punt B tal-ewwel motiv); f’kull każ, dan implika li l-Kummissjoni kienet adottat funzjonament normali tas-suq bħala qafas ta’ raġunament (punt C tal-ewwel motiv).

80      Dawn it-tliet punti għandhom jiġu eżaminati b’mod suċċessiv.

81      Fir-rigward tal-kritika tal-fatt li l-Kummissjoni qieset li ma kinux japplikaw għal dan il-każ il-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni Alumix, għandu jiġi ppreċiżat li din ma hijiex kwistjoni ta’ kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din tal-aħħar, li ngħatat risposta għaliha fil-kuntest tal-eżami tal-ħames motiv, iżda kwistjoni tal-emendi ekonomiċi u legali li saru wara u li jirrendu impossibbli r-repetizzjoni ta’ deċiżjoni simili. Issa, kif esponiet ġustament il-Kummissjoni, “huwa diffiċli li wieħed jimmaġina tibdil iktar sostanzjali mill-passaġġ minn prezz prattikat minn fornitur għal tariffa sussidjata mill-Istat” (punt 54 tar-risposta).

82      Filwaqt li, fl-ewwel każ, it-tariffa kkonsentita lir-rikorrenti setgħet tekwivali għat-tnaqqis mogħti minn fornitur, anki f’sitwazzjoni ta’ monopolju (f’dan il-każ ENEL), lil wieħed mill-iktar klijenti importanti tagħha (ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata), il-miżuri li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jinvolvu tnaqqis fil-prezz iffissat mill-awtoritajiet Taljani, iffinanzjat minn tnaqqis parafiskali li jippermetti ħlas lura lir-rikorrenti tad-differenza bejn it-tariffa normalment iffatturata lill-impriżi u t-tariffa preferenzjali li kienet ġiet irrikonoxxuta lilha. Issa, hekk kif min-natura stess tat-tariffa preferenzjali stabbilita jirriżulta li r-rikorrenti kienet titħallas lura mill-Fond ta’ Aġġustament permezz ta’ riżorsi pubbliċi d-differenza eżistenti bejn it-tariffa tal-elettriku ffatturata lill-fabbriki minn ENEL u t-tariffa prevista bid-Digriet tal-1995, din il-konstatazzjoni waħedha hija biżżejjed biex tikkonferma l-konstatazzjoni li tgħid li l-fabbriki tar-rikorrenti ma kinux iħallsu t-totalità tal-ispejjeż li normalment kien ikollhom impatt fuq il-baġit tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68, u s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 10 iktar ’il fuq, punt 83).

83      Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni Alumix ma setgħux jiġu applikati għal dan il-każ.

84      Fir-rigward tat-tieni punt, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif ġie espost fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tas-sitt motiv, il-Kummissjoni pprovdiet diversi indikazzjonijiet ta’ natura ekonomika li jirrigwardaw kemm l-evoluzzjoni tas-suq (tmiem tal-monopolju) u l-karatteristiċi proprji għall-fabbriki tar-rikorrenti (evalwazzjoni tas-suq tal-elettriku ta’ Sardegna, pereżempju). Għalhekk din ikkonfermat ruħha mal-Artikolu 87 KE, li jeżiġi li l-Kummissjoni tistabbilixxi li ġie kkonferit vantaġġ ekonomiku lill-impriża li ġiet megħjuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punti 251 u 257, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, T‑163/05, Ġabra p. II‑387, punt 98). Min-naħa l-oħra, ma kienx neċessarju li l-Kummissjoni tesponi argumenti oħra, peress li l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lir-rikorrenti kienet tirriżulta mis-sempliċi deskrizzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit. L-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi meħtieġa, pereżempju, għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq ma seta’ jkollhom ebda utilità fil-preżenza ta’ mekkaniżmu kumpensatorju ffinanzjat minn taxxa parafiskali intiża biex teħles lil kumpannija mill-ħlas ta’ parti mill-ispejjeż tal-elettriku neċessarji għall-produzzjoni tal-prodotti li din tikkummerċjalizza fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li twettaq evalwazzjoni ekonomika iktar dettaljata minn dik li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

85      Fir-rigward tat-tielet argument tar-rikorrenti, li jirrigwarda l-fatt li l-Kummissjoni kellha tirraġuna fil-kuntest ta’ suq normali u mhux tas-suq eżistenti, biżżejjed li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata minnha nnifisha, u mhux fir-rigward ta’ għanijiet intiżi, pereżempju, biex jiġi rrimedjat il-karattru mhux perfettament kompetittiv ta’ suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra p. I‑3679, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità li tirriżulta mill-assenza ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna

87      F’dan il-punt għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni inkompatibbli mas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, tordna l-ħlas lura parzjali tagħha. Huwa fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett li tqum il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna.

88      Skont ġurisprudenza stabbilita, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna li tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, tistabbilixxi l-ammont eżatt li għandu jitħallas lura. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tagħha li jkun jista’ jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑480/98, Ġabra p. I‑8717, punt 25, u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑441/06, Ġabra p. I‑8887, punt 29; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il-Kummissjoni, T‑177/07, Ġabra p. II‑2341, punt 181).

89      Id-deċiżjoni kkontestata tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, peress li, hekk kif, wara kollox, jindika d-Digriet tad-9 ta’ Lulju 2010, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq (punt 11), mingħajr ma jippreċiża l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħallas lura, din tindika l-metodu li bih dan l-ammont għandu jiġi kkalkolat. Dan jekwivali għad-differenza bejn il-prezz kuntrattwali u l-prezz preferenzjali, li jikkorrispondi għall-ħlas kumpensatorju li rċeviet ir-rikorrenti matul il-perijodu kkonċernat (premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata). L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi espressament għal din il-premessa. L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni msemmija jippreċiża li dan l-ammont jinkludi l-interessi u jiddetermina l-metodu tal-kalkolu tagħhom. Finalment, mill-eżami tal-artikolu msemmi jirriżulta li l-Kummissjoni rrinunzjat, fir-rigward tal-fabbrika stabbilita f’Sardegna, għall-irkupru tal-għajnuna għall-perijodu bejn id-19 ta’ Jannar 2007 u d-19 ta’ Novembru 2009.

90      Għalhekk it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat, prinċipalment, fuq il-kwalifika żbaljata bħala għajnuna operazzjonali u, sussidjarjament, fuq l-eliġibbiltà ta’ tali għajnuna abbażi tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali

91      Għandu jiġi ppreċiżat minn issa l-karattru limitat tat-tielet motiv tar-rikorrenti, peress li dan jikkonċerna biss il-fabbrika li tinsab f’Sardegna, peress li l-Veneto ma huwiex reġjun eliġibbli għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali abbażi tal-Artikolu 87(3)(a) KE. Il-Kummissjoni tippreċiża, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 240 tad-deċiżjoni msemmija) u fir-risposta, li s-Sardegna ma baqax reġjun eliġibbli fl-aħħar tal-2006. Minn dan jirriżulta li huwa biss sa fejn it-tielet motiv jirrigwarda l-illegalità tal-għajnuna relatata mal-perijodu qabel din id-data, għall-fabbrika f’Sardegna, li għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet.

 F’dak li jikkonċerna, prinċipalment, il-kwalifika żbaljata tal-għajnuna inkwistjoni bħala għajnuna operazzjonali

92      Ir-rikorrenti, fil-kuntest tal-kontestazzjoni tagħha tal-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-għajnuna inkwistjoni kienet inkompatibbli mas-suq komuni, issostni li din ma kinitx għajnuna operazzjonali, bħala tali eskluża, fil-prinċipju, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali (punti 4.15 sa 4.17 tal-imsemmija linji gwida). Hija tinvoka, b’mod partikolari, il-karattru temporanju tal-miżura kkonċernata u l-iskop essenzjalment reġjonali tagħha. Madankollu, din l-argumentazzjoni ma hijiex konvinċenti. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti bbenefikat minn tariffa preferenzjali matul ħmistax-il sena (mid-dħul fis-seħħ tad-Digriet tal-1995 san-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tagħha, li abbażi tiegħu r-Repubblika Taljana kellha tannulla l-ħlasijiet futuri kollha tal-għajnuna inkwistjoni). Min-naħa l-oħra, it-tariffa preferenzjali ma kinitx tikkonċerna biss lis-Sardegna, iżda anki lill-Veneto. F’kull każ, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, hija għajnuna operazzjonali l-għajnuna intiża biex teħles lil impriża mill-ispejjeż li din kien ikollha normalment tħallas fil-kuntest tat-tmexxija kurrenti tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 30, u tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, C‑459/10 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34; sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-punt 75). Għaldaqstant, l-għajnuna inkwistjoni, li kienet tippermetti lir-rikorrenti li tnaqqas l-ispejjeż relatati mal-konsum tal-elettriku tagħha, li mid-definizzjoni tagħha stess tidħol fil-kuntest tat-tmexxija kurrenti, kienet effettivament għajnuna operazzjonali. Dan japplika iktar fid-dawl tal-fatt li, peress li l-proċess ta’ produzzjoni tal-aluminju jikkonsma ħafna enerġija (premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata), ix-xiri tal-elettriku kellu importanza essenzjali għall-funzjonament tar-rikorrenti.

93      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 F’dak li jikkonċerna, sussidjarjament, l-eliġibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni abbażi tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali

94      Anki fir-rigward tal-għajnuna operazzjonali, kien possibbli, eċċezzjonalment, li tiġi awtorizzata l-għajnuna intiża għar-reġjuni eliġibbli abbażi tal-Artikolu 87(3)(a) KE, bil-kundizzjoni li jkunu ġġustifikati mill-kontribuzzjoni tagħhom għall-iżvilupp reġjonali u min-natura tagħhom u li l-livell tagħhom ikun proporzjonali għan-nuqqasijiet li din kienet intiża biex tikkumpensa. Din l-għajnuna kellha tkun limitata ratione temporis u degressiva. Ir-rikorrenti tqis, sussidjarjament, li l-Kummissjoni kellha tawtorizza, fir-rigward tal-fabbrika tagħha f’Sardegna, l-eliġibbiltà għall-għajnuna fuq din il-bażi. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

95      Qabel kollox, u dan il-punt waħdu kien biżżejjed biex il-Kummissjoni tirrifjuta li tikkunsidra l-għajnuna bħala eliġibbli abbażi tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali, l-għajnuna inkwistjoni ma kellhiex natura degressiva (premessi 65 u 239 tad-deċiżjoni kkontestata), minkejja l-fatt li ż-żieda fit-tariffa kellha limitu massimu ta’ 4 %. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li ż-żieda limitata tal-ammont nominali tat-tariffa preferenzjali ma jwassalx, ipso facto, għat-tnaqqis tal-ammont kumpensatorju mħallas lill-benefiċjarju tat-tariffa msemmija, peress li l-prezz reali tal-elettriku għall-operatur jista’ jibqa’ superjuri għal dak li jiffattura lill-imsemmi benefiċjarju abbażi tat-tariffa preferenzjali, anki miżjuda b’4 %. Konsegwentement, kif indikat ġustament il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta, it-tariffa preferenzjali kienet degressiva biss f’każ ta’ tnaqqis f’termini netti tal-prezzijiet medji fi ħdan l-Unjoni, u progressiva fil-każijiet l-oħra kollha.

96      Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat, b’mod għal kollox konvinċenti, ir-raġunijiet għalfejn l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx tikkontribwixxi b’mod sostenibbli għall-iżvilupp reġjonali. B’hekk, fil-premessi 235 u 236 tad-deċiżjoni kkontestata, hija fakkret li r-rikorrenti stess kienet irrikonoxxiet l-assenza ta’ vijabbiltà tas-sit f’Sardegna mingħajr il-benefiċċju tat-tariffa preferenzjali u weriet li, anki bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt futur fuq il-prezz tas-suq minħabba l-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida (pajp tal-gass u kejbil taħt l-ilma), il-prezz miksub huwa paragunabbli għal dak ipprattikat fil-bqija tal-Italja, iżda ma jista’ b’ebda mod jilħaq il-prezz ta’ EUR 30 għal kull megawatt/siegħa, “meħtieġ biex il-funderija tagħmel qligħ” (premessa 235 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, il-fabbrika tar-rikorrenti, minflok ma saret, grazzi għall-għajnuna inkwistjoni, il-mutur ta’ żvilupp futur tal-gżira, kienet hija stess tiddependi b’mod sħiħ mit-tariffa preferenzjali.

97      Finalment, peress li l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali jeħtieġu li l-għajnuna, biex tkun eliġibbli, tkun proporzjonali għan-nuqqasijiet li din tipprova tikkumpensa, il-Kummissjoni eżaminat jekk it-tariffa preferenzjali kinitx tikkorrispondi għad-differenza osservabbli għal klijenti bejn Sardegna u l-penisola Taljana. Issa, din irrilevat li r-rimbors mogħti lir-rikorrenti kien ħafna ogħla minn kull differenza osservata postijiet oħra (premessa 238 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-għajnuna inkwistjoni kienet proporzjonata u, konsegwentement, eliġibbli.

98      Peress li dawn il-kriterji ma ġewx issodisfatti, il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li dan kien jipprekludi l-eliġibbiltà tat-tariffa preferenzjali f’Sardegna abbażi tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali.

99      Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda wkoll u, konsegwentement, it-tielet motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 107(3) TFUE dwar il-programm VPP

100    Ir-rikorrenti tikkunsidra li, bl-ittra tad-19 ta’ Jannar 2007 u, iktar u iktar, bl-attitudni tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-programm VPP, il-Kummissjoni, b’mod serju u manifest, kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 107(3) TFUE (fir-realtà, fid-dawl tad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 87(3) KE).

101    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, hemm b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu jintrabat l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2009, L-Estonja vs Il-Kummissjoni, T‑263/07, Ġabra p. II‑3463, punt 99).

102    Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa 281 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tul tad-diskussjonijiet li nbdew fl-2007 u li kienu jirrigwardaw il-programm VPP, għalkemm dan kien fil-parti l-kbira dovut għar-reazzjoni tardiva tar-Repubblika Taljana, “ma kinux koerenti mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u [kienu] influwenzaw l-imġieba tal-benefiċjarju matul il-kors sussegwenti tal-investigazzjoni”.

103    Issa, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma hija bl-ebda mod marbuta mill-evalwazzjoni li l-Kummissjoni jista’ jkollha mill-aġir tagħha u għandha teżerċita l-istħarriġ tagħha stess tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra din hija hekk marbuta, fil-kuntest tal-imsemmi stħarriġ, kemm mill-petitum kif ukoll mis-suġġett eżatt tad-deċiżjoni kkontestata.

104    B’hekk, sa fejn il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jikkonsisti mill-eżitazzjonijiet tal-Kummissjoni u n-nuqqas ta’ għaġġla tagħha fl-istabbiliment tal-programm VPP, fir-rigward tal-fabbrika tar-rikorrenti li tinsab f’Sardegna, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni qieset li kien xieraq “li ma timponix irkupru tal-għajnuna għall-impjant f’Sardegna għall-perjodu bejn meta ntbagħtet l-ittra, id-19 ta’ Jannar 2007, u d-data ta[d]-Deċiżjoni kkontestata” (premessa 282 tad-deċiżjoni kkontestata). L-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata jirrifletti din l-evalwazzjoni. Konsegwentement, peress li ma jistax jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni u peress li ma għandux effett fuq l-ammont tal-għajnuna li ġie ordnat il-ħlas lura tagħha mill-Kummissjoni għall-perijodu wara t-18 ta’ Jannar 2007 fir-rigward tal-fabbrika f’Sardegna, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, ineffettiv.

105    Madankollu, il-qari tal-motiv imsemmi juri li r-rikorrenti tressqu f’perspettiva ikbar, taħt it-taqsima intitolata “Tmexxija tal-proċedura amministrattiva mill-Kummissjoni”, li b’mod partikolari hija bbażata fuq id-dewmien li jirriżulta, mir-rikonċiljazzjoni tal-elementi segwenti:

–        il-kontenut tad-deċiżjoni Alumix, li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat il-miżuri implementati mid-Digriet tal-1995 bħala li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat;

–        l-inerzja tal-Kummissjoni wara li ġiet informata bl-emendi tal-għajnuna inizjali;

–        il-fatt li, fir-rigward tad-Digriet tal-2004, hija bdiet investigazzjoni fil-konfront tal-benefiċjarji l-ġodda tat-tariffa preferenzjali, iżda mhux fil-konfront tagħha;

–        l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2006;

–        l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, wara l-abbandun tal-ipoteżi li kien jirrappreżenta l-programm VPP.

106    Dawn id-diversi elementi, kemm jekk jiġu kkunsidrati separatament jew globalment, ma jistgħux jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, l-ewwel nett, tfakkar li d-deċiżjoni Alumix ma setgħetx tippermetti lir-rikorrenti li tqis li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kien ser jeċċedi l-għaxar snin previsti bid-Digriet tal-1995 għall-għoti tat-tariffa preferenzjali li kienet ibbenefikat minnha. It-tieni nett, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jekk din l-istituzzjoni, minħabba l-aġir esklużivament imputabbli lil terz, ma tpoġġietx f’pożizzjoni li tamministra tajjeb. Issa, huwa stabbilit li, f’dan il-każ, huwa minħabba l-assenza ta’ notifika tad-Digriet tal-2004 u tal-Artikolu 11(11) tal-Liġi tal-2005 mir-Repubblika Taljana, aġir li jikkostitwixxi illegalità, li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta pożizzjoni hekk kif kellha tagħmel kieku l-proċedura ta’ notifika tal-għajnuna mill-Istat ġiet osservata. Barra minn hekk, hekk kif ġie indikat fil-punti 65 sa 67 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma werietx inerzja wara l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda mill-awtoritajiet Taljani, iżda talbet lil dawn tal-aħħar l-informazzjoni li hija kienet tqis neċessarja. It-tielet nett, id-deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2006 ġiet iddikjarata legali kemm mill-Qorti Ġenerali kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż sa fejn din kienet tinvolvi t-terminazzjoni tal-pożizzjoni li tirrigwarda lir-rikorrenti minn dik li tirrigwarda lill-benefiċjarji l-ġodda ta’ tariffa preferenzjali stabbilita bid-Digriet tal-2004. Ir-raba’ nett, fil-punt 104 iktar ’il fuq għadu kif tfakkar li, fir-rigward tad-dewmien ikkawżat bil-ftuħ ta’ diskussjonijiet li jikkonċernaw il-programm VPP, u wara l-abbandun ta’ din l-ipoteżi, il-Kummissjoni ħasset li kellha hija stess tieħu dan inkunsiderazzjoni billi tirrinunzja milli tirkupra l-ammont tal-għajnuna relatata, liema ħaġa assolutament ma tistax tikkostitwixxi att ta’ amministrazzjoni ħażina.

107    Finalment, f’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-Artikolu 87(3) KE li jirrigwarda l-ommissjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-programm VPP f’Sardegna, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-programm imsemmi ma kienx joffri bażi suffiċjenti biex jiġġustifika l-kompatibbiltà tal-għajnuna, kemm jekk għal perijodu tranżitorju wara l-implementazzjoni tiegħu jew a fortiori għall-perijodu qabel din l-implementazzjoni (premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, peress li s-Sardegna ma baqgħetx reġjun eliġibbli abbażi ta’ din id-dispożizzjoni fl-aħħar tal-2006 u peress li d-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana bdew fil-bidu tal-2007, l-Artikolu 87(3) KE ma setax jinkiser minħabba l-fatt li l-Kummissjoni irrinunzjat li tieħu inkunsiderazzjoni l-programm imsemmi, fuq kollox meta l-prinċipju ġenerali stabbilit mill-Artikolu 87(1) KE huwa dak tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat u li d-derogi minn dan il-prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra p. I‑3925, punt 20, u tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, Ġabra p. I‑1875, punt 79; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Diċembru 2008, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni, T‑362/05 u T‑363/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 80).

108    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

109    B’hekk, peress li ebda wieħed mis-sitt motivi ma ġie milqugħ, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

110    Peress li r-rikorrenti tilfet hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, abbażi tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kif mitlub mill-Kummissjoni, inklużi dawk relattivi għall-proċedura għal miżuri provviżorji. B’mod konformi mal-Artikolu 87(4) tar-regoli msemmija, ir-Repubblika Taljana, intervenjenti f’din il-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Alcoa Trasformazioni Srl għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk relattivi għall-proċedura għal miżuri provviżorji.

3)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ottubru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.