Language of document : ECLI:EU:C:2019:758

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-18 ta’ Settembru 2019 (1)

Kawża C176/18

Club de Variedades Vegetales Protegidas

vs

Adolfo Juan Martínez Sanchís

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità – Regolament (KE) Nru 2100/94 – Artikolu 13(2) u (3) – Effetti tad-drittijiet – Sistema ta’ drittijiet kumulattiva – Żergħa tal-kostitwenti tal-varjetajiet u ħsad tal-frott tagħhom – Distinzjoni bejn l-atti mwettqa fuq il-kostitwenti tal-varjetajiet u dawk imwettqa fuq il-materjal maħsud – Kunċett ta’ “użu mhux awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet” – Artikolu 95 – Drittijiet provviżorji”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (2).

2.        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn Club de Variedades Vegetala Protegidas (iktar ’il quddiem “CVVP”), entità awtorizzata sabiex tinvoka d-drittijiet ta’ detentur ta’ dritt Komunitarju fir-rigward ta’ varjetà ta’ siġar tal-mandolin, fil-konfront ta’ proprjetarju ta’ impriża agrikola. CVVP jikkritika lil dan tal-aħħar talli żera’ s-siġar ta’ din il-varjetà protetta, kif ukoll li ħasad u qiegħed fis-suq il-frott tagħhom mingħajr ma kiseb l-awtorizzazzjoni tad-detentur u mingħajr ma ħallas remunerazzjoni xierqa.

3.        Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk, meta l-pjanti ta’ varjetà protetta jkunu nxtraw minn bidwi minn mixtla matul il-perijodu ta’ bejn il-pubblikazzjoni tat-talba għall-protezzjoni u l-għoti ta’ din il-protezzjoni, iż-żergħa ta’ dawn il-pjanti kif ukoll il-ħsad u t-tqegħid fis-suq sussegwenti tal-frott tagħhom jeħtiġux, minn naħa, il-pagament ta’ remunerazzjoni xierqa lil dak li jkabbar sa fejn dawn l-atti jsiru matul dan il-perijodu, u, min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni ta’ dan tal-aħħar sa fejn dawn jibqgħu jeżistu wara l-għoti tad-dritt tal-Komunità.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Nru 2100/94

4.        L-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi:

“2.      Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘varjetajiet’ għandha tittieħed li tiftiehem grupp ta’ pjanti fi ħdan klassifika botanika unika ta’ l-aktar speċi baxxa magħrufa, liema grupp, irrispettivament jekk il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt tal-varjetajiet ta’ pjanti jkunux milħuqa kollha kemm huma, jistgħu jkunu:

–        definiti bl-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip stabbilit jew taħlita ta’ ġenotipi,

–        distinti minn gruppi oħra ta’ pjanti bl-espressjoni ta’ għall-anqas wieħed mill-imsemmija karatteristiċi,

u

–        ikkunsidrati bħala waħda f’dak li jirrigwarda l-kapaċità tagħha li tiġi propagata mingħajr tibdil.

3.      Grupp ta’ pjanti jkun jikkonsisti fi pjanti sħaħ jew parti ta’ pjanti sakemm dawk il-partijiet ikunu jistgħu jipproduċu pjanti sħaħ, it-tnejn li huma hawnhekk iżjed il-quddiem imsejħa ‘kostitwenti tal-varjetajiet’.”

5.        Konformement mal-Artikolu 13(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament:

“1.      Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘id-detentur’, ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘il-materjal’, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur:

a)      produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);

b)      kondizzjonar għall-għan ta’ propagazzjoni;

c)      toffri għall-bejgħ;

d)      bejgħ jew tqegħid tal-prodott fis-suq;

e)      esportazzjoni mill-Komunità;

f)      importazzjoni lejn il-Komunità;

g)      ħażna għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija fi a) sa f).

Id-detentur jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom japplikaw dwar materjal maħsud biss jekk dan kien akkwistat permezz ta’ l-użu [mhux] awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet protetti, u sakemm id-detentur kellu opportunità raġonevoli li jeżerċita id-dritt tiegħu dwar l-imsemmija kostitwenti tal-varjetajiet.”

6.        L-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ksur tal-liġi”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull min:

(a)      jafftwa [iwettaq] xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti;

[…]

jista’ jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli [remunerazzjoni xierqa] jew it-tnejn.”

7.        L-Artikolu 95 tal-istess regolament, intitolat “Atti qabel l-għoti tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”, jipprovdi li “[i]d-detentur jista’ jenħtieġ kumpens raġonevoli [remunerazzjoni xierqa] minn kull persuna li tkun, fiż-żmien ta’ bejn il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u l-għoti tiegħu, effettwat xi att li kienet tkun ipprojbita li tagħmel sussegwentement għalih”.

B.      Il-Konvenzjoni tal-UPOV

8.        L-Unjoni Ewropea hija parti fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (3), li l-Artikolu 13 tagħha, intitolat “Protezzjoni Provviżorja”, huwa fformulat kif ġej:

“Kull Parti Kontraenti għandha tipprovdi miżuri maħsuba sabiex jipproteġu l-interessi ta’ min ikabbar matul il-perijodu bejn is-sottomissjoni jew il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għall-għotja ta’ dritt ta’ min ikabbar u l-għotja ta’ dak id-dritt. Miżuri bħal dawn għandhom ikollhom l-effett li l-persuna li għandha d-dritt ta’ min ikabbar tkun intitolata għallinqas għal ħlas ġust [remunerazzjoni xierqa] minn kull persuna li, matul il-perijodu msemmi, wettqet atti li, ladarba d-dritt ikun mogħti, jirrekjedu l-awtorizzazzjoni ta’ min ikabbar prevista fl-Artikolu 14. Parti Kontraenti tista’ tipprevedi li l-miżuri msemmija jkollhom effett biss fejn jidħlu persuni li jkunu ġew notifikati dwar is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni minn min ikabbar.”

9.        Skont l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni tal-UPOV:

“1)      [Atti fil-konfront ta’ materjal għat-tkabbir]a) Soġġetti għall-Artikoli 15 u 16, l-atti li gejjin dwar il-materjal għat-tkabbir tal-varjetà protetta għandhom jinħtieġu l-awtorizzazzjoni ta’ min ikabbar:

i)      produzzjoni jew riproduzzjoni (multiplikazzjoni),

ii)      kondizzjonament għall-għan ta’ tkabbir,

iii)      offerti għall-bejgħ,

iv)      bejgħ jew marketing ieħor,

v)      esportazzjoni,

vi)      importazzjoni,

vii)      taħżin għal kull fini imsemmija f’(i) sa (vi), hawn fuq.

b) Min ikabbar jista’ jagħmel l-awtorizzazzjoni tiegħu soġġetta għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.

2.      [Atti fil-konfront ta’ materjal maħsud] Suġġett għall-Artikoli 15 u 16, l-atti msemmija fil-punti (i) sa (vii) ta’ paragrafu (1)(a) fil-konfront tal-materjal maħsud, inkluż il-pjanti kollha u l-partijiet tal-pjanti, miksuba mill-użu mhux awtorizzat ta’ materjal ta’ tkabbir tal-varjetà protetta għandhom bżonn l-awtorizzazzjoni ta’ min ikabbar, sakemm dan ma kellux opportunità raġonevoli biex jeżerċita d-dritt tiegħu fir-rigward ta’ l-imsemmi materjal ta’ tkabbir.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Fit‑22 ta’ Awwissu 1995, Nadorcott Protection S.A.R.L. ressqet applikazzjoni għal dritt tal-Komunità fir-rigward ta’ varjetà ta’ siġar tal-mandolin, imsejħa Nadorcott, lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO). L-applikazzjoni ġiet ippublikata fil-Bullettin Uffiċjali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti tat-22 ta’ Frar 1996.

11.      Iċ-CPVO ta d-dritt tal-Komunità mitlub permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2004, ippubblikata fil-Bullettin Uffiċjali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti tal‑15 ta’ Diċembru 2004.

12.      Il-Federación de Cooperativas Agrícolas Valencianas (il-Federazzjoni tal-Kooperattivi Agrikoli ta’ Valencia, Spanja) ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO. Dan ir-rikors ipproduċa effett sospensiv fuq l-għoti tad-dritt tal-Komunità saċ-ċaħda tiegħu b’deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2005, ippubblikata fil-Bullettin Uffiċjali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti tal‑15 ta’ Frar 2006.

13.      Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-rikors ma kellux effett sospensiv fuq l-għoti tad-dritt u ġie miċħud (4).

14.      Nadorcott Protection tat lil Carpa Dorada SA liċenzja esklużiva fuq id-drittijiet relatati mal-varjetà ta’ pjanta Nadorcott. Din tal-aħħar fdat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, CVVP, l-eżerċizzju tal-proċedimenti ta’ ksur kontra l-konvenut fil-kawża prinċipali, Adolfo Juan Martínez Sanchís.

15.      A J. Martínez Sanchís huwa l-proprjetarju ta’ żewġ għelieqi li fihom kienu nżergħu, rispettivament, 506 siġra tal-varjetà ta’ pjanta Nadorcott fir-rebbiegħa tal-2005 u 998 siġra ta’ din il-varjetà fir-rebbiegħa tal-2006. Dawn il-pjanti kienu nxtraw minn mixtla, fi stabbiliment miftuħ għall-pubbliku, matul il-perijodu ta’ bejn il-pubblikazzjoni tat-talba għal dritt tal-Komunità fir-rigward ta’ din il-varjetà u l-għoti tad-dritt fil‑15 ta’ Frar 2006. Minn dakinhar seħħew, b’kollox, 100 sostituzzjoni f’dawn l-għelieqi.

16.      CVVP ħarrek lil A. J. Martínez Sanchís għar-raġuni li huwa kiser id-drittijiet tal-proprjetarju tad-dritt tal-Komunità fir-rigward tal-varjetà ta’ pjanta Nadorcott u tal-persuna liċenzjata tagħha billi żera’, laqqam u sfrutta siġar ta’ din il-varjetà b’mod kummerċjali. B’mod iktar preċiż, CVVP ippreżenta, minn naħa, azzjoni fuq il-bażi tal-protezzjoni provviżorja dwar l-allegati atti ta’ ksur preċedenti għad-data tal-għoti tad-dritt tal-Komunità fir-rigward tal-imsemmija varjetà, u, min-naħa l-oħra, proċedimenti ta’ ksur għall-atti sussegwenti għal din id-data. Minbarra dikjarazzjoni ta’ ksur, CVVP talab il-waqfien tal-atti kollha ċċitati iktar ’il fuq, inkluż it-tqegħid fis-suq tal-frott tas-siġar tal-varjetà protetta. Dan tal-aħħar talab, barra minn hekk, il-kumpens għad-dannu li huwa kien jallega li ġarrab minħabba l-atti kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti għall‑15 ta’ Frar 2006, kif ukoll il-pubblikazzjoni tas-sentenza li għandha tingħata.

17.      Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors minħabba li l-azzjonijiet kienu preskritti konformement mal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 (5). Barra minn hekk, din il-qorti qieset, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(3) ta’ dak ir-regolament ma kinux issodisfatti u għalhekk id-detentur tal-protezzjoni ma kellux id-dritt li jopponi t-twettiq ta’ atti li jirrigwardaw il-materjal maħsud tal-varjetà protetta. B’hekk, skont l-imsemmija qorti, il-proprjetarju la kien stabbilixxa li r-riproduzzjoni tas-siġar tal-mandolin fil-mixtla kienet seħħet mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu u lanqas li huwa ma setax jeżerċita d-drittijiet tiegħu matul il-fażi ta’ riproduzzjoni ta’ dawn il-kostitwenti ta’ varjetajiet.

18.      Adita b’appell minn din is-sentenza, l-Audiencia (il-Qorti Provinċjali, Spanja), wara li kkonkludiet li l-preskrizzjoni kienet assenti, ċaħdet l-appell fuq il-mertu minħabba li A. J. Martínez Sanchís kien xtara l-pjanti inkwistjoni minn stabbiliment miftuħ għall-pubbliku, qabel l-għoti tad-dritt tal-Komunità fir-rigward tal-varjetà ta’ pjanti, taħt id-dehra legali ta’ akkwist leġittimu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont din il-qorti, dan tal-aħħar kien protett mill-Artikolu 85 tal-Kodiċi Kummerċjali Spanjol.

19.      CVVP ippreżenta appell fil-kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kontra s-sentenza mogħtija fl-appell. Permezz tad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2018, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2018, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Meta bidwi jixtri pjanti ta’ varjetà ta’ pjanti minn mixtla (stabbiliment li jappartjeni lil terzi) u jħawwilhom qabel ma’ jkunu daħlu fis-seħħ l-effetti tal-għoti tal-protezzjoni ta’ din il-varjetà, sabiex l-attività mwettqa sussegwentement mill-bidwi, konsistenti fil-ħsad suċċessiv tas-siġar, tkun koperta mill-ius prohibendi previst fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, għandhom jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu sa fejn dan jitqies li huwa ‘materjal maħsud’? Jew inkella din l-attività tal-ħsad tikkostitwixxi att ta’ produzzjoni jew ta’ riproduzzjoni tal-varjetà li jagħti lok għall-‘materjal maħsud’, li l-projbizzjoni tagħha mill-proprjetarju tal-varjetà ta’ pjanti ma tirrikjedix l-osservanza tar-rekwiżiti tal-paragrafu 3 [tal-artikolu msemmi]?

2)      Hija konformi mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, interpretazzjoni li s-sistema ta’ protezzjoni kumulattiva tikkonċerna l-atti kollha previsti fil-paragrafu 2 [tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament] li jikkonċerna l-‘materjal maħsud’, inkluż il-ħsad innifsu, jew inkella unikament l-atti sussegwenti għall-produzzjoni ta’ dan il-materjal maħsud, bħal fil-każ tad-detenzjoni jew tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha?

3)      Fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-‘materjal maħsud’ tas-sistema ta’ estensjoni tal-protezzjoni kumulattiva prevista fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, huwa neċessarju, sabiex jiġi ssodisfatt l-ewwel rekwiżit, li x-xiri tal-pjanti jkun twettaq wara li l-proprjetarju jkun kiseb il-protezzjoni Komunitarja tal-varjetà ta’ pjanti, jew huwa suffiċjenti li dan ikun ibbenefika, sa dakinhar, minn protezzjoni provviżorja, minkejja l-xiri jkun twettaq matul il-perijodu ta’ bejn il-pubblikazzjoni tat-talba għall-protezzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-effetti tal-għoti tal-protezzjoni tal-varjetà ta’ pjanti?”

20.      CVVP, A. J. Martínez Sanchís, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni Ewropea ressqu osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. CVVP, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-sottomissjonijiet orali tas‑16 ta’ Mejju 2019. A. J. Martínez Sanchís wieġeb bil-miktub fil‑15 ta’ Mejju 2019 għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tas-seduta.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

21.      L-ewwel żewġ domandi preliminari, li ser neżamina flimkien, jirrigwardaw id-delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2100/94.

22.      Dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu l-effetti tad-dritt tal-Komunità fir-rigward ta’ varjetà ta’ pjanti billi jistabbilixxu sistema ta’ “protezzjoni kumulattiva”, komposta minn sistema ta’ “protezzjoni primarja” li tkopri l-kostitwenti tal-varjetajiet u sistema ta’ “protezzjoni sekondarja” li tkopri l-materjal maħsud (6).

23.      Bis-saħħa ta’ din is-sistema, l-atti kollha msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jirrikjedu, minn naħa, l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-Komunità meta l-għan tagħhom ikun il-kostitwenti tal-varjetajiet infushom (7). Il-kunċett ta’ “kostitwent tal-varjetajiet”, ifisser, skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, il-“pjanti sħaħ” kif ukoll “parti ta’ pjanti sakemm dawk il-partijiet ikunu jistgħu jipproduċu pjanti sħaħ”.

24.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi li meta l-atti elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jikkonċernaw il-materjal maħsud, l-awtorizzazzjoni tad-detentur hija meħtieġa biss sakemm jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-materjal maħsud irid ikun inkiseb permezz tal-użu mhux awtorizzat tal-kostitwenti tal-varjetajiet (8). It-tieni nett, dak li jkabbar irid ikun ġie miċħud l-opportunità raġonevoli li jeżerċita d-dritt tiegħu dwar l-imsemmija kostitwenti tal-varjetajiet.

25.      Is-sistemi ta’ protezzjoni primarja u ta’ protezzjoni sekondarja hekk deskritti jikkorrispondu, rispettivament, għas-sistemi ta’ protezzjoni tal-“materjal tar-riproduzzjoni u tal-multiplikazzjoni” u tal-“materjal maħsud” stabbiliti fl-Artikolu 14(1) u (2) tal-Konvenzjoni tal-UPOV, li l-parti l-kbira tal-formulazzjoni tagħha hija repetuta mir-Regolament Nru 2100/94. Kif jidher mill-ħidma preparatorja għal dan ir-regolament u mit-test ta’ dan tal-aħħar, is-sistema li jistabbilixxi hija bbażata fuq dik stabbilita mill-Konvenzjoni tal-UPOV (9). L-elementi ta’ interpretazzjoni relatati ma’ din il-konvenzjoni huma, għalhekk, rilevanti wkoll għall-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament.

26.      Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, jekk l-atti li jikkonsistu fiż-żergħa tas-siġar ta’ varjetà protetta u fil-ħsad tal-frott tagħhom jaqgħux taħt is-sistema ta’ protezzjoni primarja stabbilita fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 (10), b’mod li jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-Komunità irrispettivament mill-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu (11).

27.      L-isfida ta’ dawn id-domandi għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tikkonsisti, barra minn hekk, f’li jiġi ddeterminat jekk l-atti ta’ tqegħid fis-suq tal-frott maħsud humiex koperti mis-sistema ta’ protezzjoni sekondarja stabbilita fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94, għalkemm il-bejgħ tal-pjanti lil A. J. Martínez Sanchís seħħ qabel l-għoti tad-dritt. Din l-aħħar problema għandha rabta mat-tielet domanda preliminari u għalhekk ser nindirizzaha fit-tieni parti tal-analiżi tiegħi (12).

28.      Skont CVVP, iż-żergħa tal-kostitwenti tal-varjetajiet protetti u l-ħsad tal-frott tagħhom jikkostitwixxu atti ta’ “produzzjoni” ta’ dawn il-kostitwenti koperti mill-protezzjoni primarja prevista fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 2100/94. Min-naħa l-oħra, A. J. Martínez Sanchís, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni jqisu li la ż-żergħa u lanqas il-ħsad tal-frott tal-kostitwenti tal-varjetajiet protetti ma huma paragunabbli ma’ atti mwettqa fuq dawn il-kostitwenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni primarja stabbilita fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament.

29.      Jiena naqbel mal-aħħar opinjoni.

30.      F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 2100/94, sa fejn tirreferi għall-atti ta’ produzzjoni jew ta’ riproduzzjoni f’dak li jirrigwarda l-kostitwenti tal-varjetajiet – b’kuntrast mal-materjal maħsud imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu –, tindika, skont l-użu komuni ta’ dak il-kliem, l-atti li permezz tagħhom jiġi ġġenerat mhux il-frott, iżda kostitwenti ġodda tal-varjetajiet.

31.      Minn din il-perspettiva, l-argument imressaq minn CVVP li l-kunċett ta’ “produzzjoni” jinkludi neċessarjament l-atti ta’ żergħa u ta’ ħsad tal-frott jista’ jintlaqa’ biss sabiex dan il-kunċett jiġi mċaħħad minn kontenut proprju u distint minn dak tal-kunċett ta’ “riproduzzjoni” użat fl-istess dispożizzjoni. Fil-fehma tiegħi, l-użu konġunt ta’ dawn iż-żewġ kelmiet huwa sempliċement intiż sabiex juri li l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 2100/94 ikopru kemm il-propagazzjoni tal-kostitwenti tal-pjanti b’mod veġetattiv (b’mod partikolari, permezz tat-tilqim (13)) kif ukoll il-multiplikazzjoni tagħhom bil-ġenerazzjoni ta’ materjal ġenetiku ġdid (14).

32.      Barra minn hekk, il-ġenesi tal-Konvenzjoni tal-UPOV, fil-verżjoni riveduta tagħha fl-1991, turi r-rieda tal-awturi tagħha li ma jinkludux l-użu tal-materjal tar-riproduzzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ ħsad fost l-atti li t-twettiq tagħhom huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ min ikabbar. Din l-inklużjoni kienet madankollu s-suġġett ta’ indikazzjoni speċifika f’dan is-sens fl-Artikolu 14(1)(a) ta’ dik il-konvenzjoni hekk kif inizjalment proposta mill-UPOV (15) – indikazzjoni li, wara kollox, kienet tkun inutli li kieku l-kunċett ta’ “produzzjoni”, li jinsab ukoll fih, kien diġà jinkludi tali użu (16).

33.      F’dan ir-rigward, diversi proposti ta’ emendi intiżi li jappoġġjaw l-inklużjoni tal-użu tal-materjal ta’ riproduzzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ fjuri maqtugħa jew frott man-numru ta’ atti msemmija fl-Artikolu 14(1)(a) tal-Konvenzjoni tal-UPOV kienu immotivaw, matul il-konferenza diplomatika li wasslu għall-adozzjoni tagħha, il-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma b’mandat li jeżamina din il-kwistjoni (17). Kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan il-grupp ta’ ħidma u, sussegwentement, l-awturi tal-Konvenzjoni tal-UPOV ċaħdu dawn il-proposti.

34.      Bħala korrispettiv ġie deċiż ir-rikonoxximent, fl-Artikolu 14(1)(b) tal-Konvenzjoni tal-UPOV (li tiegħu l-aħħar sentenza tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 tirrepeti l-kontenut), ta’ possibbiltà għal min ikabbar li jżid ċerti kundizzjonijiet u limitazzjonijiet kuntrattwali mal-awtorizzazzjoni tal-atti li għalihom jeħtieġ il-kunsens tiegħu (18). Dawn jistgħu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-modalitajiet taż-żergħa u l-ħsad tal-frott tal-kostitwenti tal-varjetajiet, li l-multiplikazzjoni tagħhom hija s-suġġett tal-awtorizzazzjoni ta’ min ikabbar (19).

35.      Konsegwentement, l-Artikolu 14(1)(a) tal-Konvenzjoni tal-UPOV u l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 ma jikkonferixxu lid-detentur tad-drittijiet ebda dritt li jipprojbixxi, bħala tali, l-użu tal-kostitwenti tal-varjetajiet għall-produzzjoni ta’ ħsad. Bħalma kkonstatat il-Komunità Internazzjonali ta’ Min ikabbar il-Pjanti Ornamentali u tal-Frott ta’ Riproduzzjoni Asesswali (CIOPORA) “b’dispjaċir u għadab” b’reazzjoni għad-deċiżjoni adottata matul il-Konferenza Diplomatika, il-Konvenzjoni tal-UPOV, permezz tal-Artikolu 14(2) tagħha (li għalih jikkorrispondi, infakkar, l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94), “ma tagħmel xejn ħlief li tagħti lil dak li jkabbar mezz indirett – permezz tal-fjura maqtugħa jew il-frotta – li jikkontrolla a posteriori l-materjal ta’ multiplikazzjoni li kien ħarab mill-kontroll tiegħu bis-saħħa l-Artikolu [14 (1)(a) ta’ dik il-konvenzjoni]” (20).

36.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq inqis li l-atti ta’ żergħa tal-kostitwenti tal-varjetajiet protetti u ta’ ħsad tal-frott tagħhom ma jaqgħux taħt il-kategoriji ta’ atti li jikkonċernaw kostitwenti tal-varjetajiet previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94. Konsegwentement, id-detentur ma għandux dritt jinvoka l-protezzjoni primarja stabbilita minn din id-dispożizzjoni kontra l-bidwi li jkun wettaq tali atti. Madankollu, id-detentur jista’ jinvoka d-dritt sekondarju prevista fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament sabiex jopponi t-twettiq tal-atti elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu (bħat-tqegħid fis-suq tal-frott) fir-rigward tal-prodott tal-ħsad sakemm iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jiġu ssodisfatti (21).

B.      Fuq it-tielet domanda

37.      It-tielet domanda preliminari tirrigwarda r-relazzjoni bejn is-sistema ta’ dritt sekondarju prevista fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u s-sistema ta’ protezzjoni provviżorja stabbilita fl-Artikolu 95 ta’ dan ir-regolament. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tiġi ssodisfatta l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(3) tal-imsemmi regolament – li tipprovdi li l-prodott tal-ħsad għandu jinkiseb permezz tal-“użu [mhux] awtorizzat” ta’ kostitwenti tal-varjetajiet protetti –, ix-xiri tal-pjanti għandux ikun twettaq wara l-għoti tal-protezzjoni.

38.      Preliminarjament, nemmen li huwa utli li tiġi enfasizzata d-distinzjoni li jistabbilixxi r-Regolament Nru 2100/94 bejn is-sistemi ta’ “protezzjoni provviżorja” u ta’ “protezzjoni definittiva” tal-varjetajiet ta’ pjanti.

39.      Dawn is-sistemi jirrigwardaw ir-rimedji li min ikabbar għandu f’każ ta’ twettiq minn terz ta’ att imsemmi fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94. Skont l-Artikolu 94(1)(a) ta’ dan ir-regolament, dak li jkabbar jista’ jressaq azzjoni għall-waqfien tal-ksur u/jew għall-ħlas ta’ remunerazzjoni raġonevoli kontra kull persuna li tkun wettqet att bħal dan mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu wara l-għoti tad-dritt tal-Komunità fir-rigward tal-varjetà ta’ pjanti inkwistjoni. L-Artikolu 95 tal-imsemmi regolament jipprovdi li meta matul il-perijodu ta’ bejn il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni u l-għoti tad-dritt tal-Komunità (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ protezzjoni provviżorja”), persuna twettaq att “li kienet tkun ipprojbita li tagħmel sussegwentement għalih”, mingħandha jkun jista’ jintalab biss il-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa (22).

40.      F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94, ebda waħda mill-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkontesta, fl-ewwel lok, li l-kunċett ta’ “użu” li jissemma fih jagħmel riferiment għat-twettiq ta’ att imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu (23). Din il-konklużjoni tinftiehem faċilment fid-dawl tal-għan u tal-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ protezzjoni kumulattiva stabbilita minn dawn id-dispożizzjonijiet. Din is-sistema hija intiża, fil-fatt, sabiex tippermetti lil min ikabbar jasserixxi d-drittijiet tiegħu fuq il-frott iġġenerati mill-kostitwenti tal-varjetajiet protetti meta dan tal-aħħar ma setax jaġixxi kontra l-persuna li tkun wettqet att elenkat fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu fir-rigward tal-kostitwenti tal-varjetajiet infushom (24).

41.      F’dan il-każ, l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 relatati mal-kostitwenti tal-varjetajiet, li d-data tagħhom hija rilevanti sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-ewwel kundizzjoni prevista fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jikkonsistu fil-multiplikazzjoni u fit-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-pjanti mill-mixtla (li tikkorrispondi max-“xiri ta’ pjanti” imsemmija fil-formulazzjoni tat-tielet domanda preliminari). Min-naħa l-oħra, mir-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel u għat-tieni domandi preliminari jirriżulta li ż-żergħa tas-siġar u l-ħsad tal-frott tagħhom ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ atti li jirrigwardaw il-kostitwenti tal-varjetajiet fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94.

42.      Hawnhekk tidher ir-rabta bejn dawn iż-żewġ domandi, minn naħa, u t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, permezz tal-argument tiegħu żviluppat b’risposta għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari, CVVP għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi li l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 hija f’dan il-każ issodisfatta, f’dak li jirrigwarda l-atti ta’ tqegħid fis-suq tal-frott wara l-għoti tad-dritt tal-Komunità, tkun xi tkun ir-risposta li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda preliminari.

43.      L-approċċ ta’ CVVP huwa spjegat fid-dawl tal-fatt li, filwaqt li l-multiplikazzjoni u l-bejgħ tas-siġar tal-mandolin mill-mixtla seħħew matul il-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja, l-atti ta’ żergħa ta’ dawn is-siġar u ta’ ħsad tal-frott tagħhom mill-bidwi baqgħu għaddejjin wara li ngħata d-dritt tal-Komunità. Billi jipparaguna dawn l-aħħar atti ma’ atti ta’ “produzzjoni” tal-kostitwenti tal-varjetajiet koperti mid-dritt primarju previst fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 2100/94, CVVP isostni li ż-żergħa tas-siġar tal-mandolin u l-ħsad tal-frott tagħhom kienu jikkostitwixxu “użu mhux awtorizzat” tal-kostitwenti tal-varjetajiet protetti, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, minkejja li dan il-kunċett ikopri biss l-atti mwettqa fuq dawn il-kostitwenti wara l-għoti tad-dritt tal-Komunità.

44.      Dan l-argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fl-analiżi tiegħi tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari.

45.      Fit-tieni lok, il-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jaqblux, min-naħa l-oħra, dwar it-tifsira tal-espressjoni “mhux awtorizzat” użata fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94.

46.      Minn naħa, skont CVVP, użu mhux awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet iseħħ kull darba li att imsemmi fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jitwettaq mingħajr ma min ikabbar ikun ta l-kunsens tiegħu għalih. CVVP josserva li, matul il-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja, min ikabbar ma għandux dritt jipprojbixxi t-twettiq ta’ tali att – peress li dan tal-aħħar jista’ biss jitlob remunerazzjoni xierqa skont l-Artikolu 95 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, kull att ta’ dan it-tip imwettaq matul dan il-perijodu jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat, anki meta jkun tħallas remunerazzjoni xierqa lil dak li jkabbar, peress li dan tal-aħħar ma setax jagħti l-kunsens tiegħu għat-twettiq tiegħu (25).

47.      Min-naħa l-oħra, A. J. Martínez Sanchís u l-Kummissjoni jsostnu, essenzjalment, li, peress li l-atti elenkati fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 ma jirrikjedux l-awtorizzazzjoni ta’ min ikabbar matul il-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja, dawn l-atti ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “użu mhux awtorizzat” ta’ kostitwenti tal-varjetajiet meta jitwettqu matul dan il-perijodu. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni, kif jagħmel essenzjalment il-Gvern Grieg, li l-imsemmija atti għandhom, jekk jitwettqu matul il-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja, jitqiesu li ma jkunux awtorizzati jekk ma jkunux taw lok għall-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa (26).

48.      Il-pożizzjoni sostnuta minn A. J. Martínez Sanchís u mill-Kummissjoni b’mod prinċipali tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mingħajr ambigwità mill-istruttura ġenerali tal-iskemi ta’ protezzjoni provviżorja u ta’ dritt sekondarju.

49.      Infakkar, f’dan ir-rigward, li d-drittijiet li l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jagħti lid-detentur fuq il-materjal maħsud għandhom natura sussidjarja, fis-sens li jistgħu jiġu invokati biss f’sitwazzjonijiet fejn min ikabbar ma setax jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu kontra l-persuna (f’dan il-każ, il-mixtla) li wettqet att wieħed jew iktar imsemmija f’dik id-dispożizzjoni (f’dan il-każ, il-propagazzjoni u t-tqegħid fis-suq) fir-rigward tal-kostitwenti tal-varjetajiet protetti (27).

50.      Minn din il-perspettiva, il-kunċett ta’ “użu mhux awtorizzat” jidhirli li jagħmel sens biss sa fejn wieħed mill-atti elenkati fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 twettaq fuq il-kostitwenti tal-varjetajiet mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min ikabbar anki jekk din l-awtorizzazzjoni kienet meħtieġa. B’hekk huwa biss meta l-obbligu li jinkiseb il-kunsens ta’ min ikabbar ikun inkiser li dan tal-aħħar jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu fuq il-prodott tal-ħsad.

51.      Madankollu, l-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 2100/94 ma jistabbilixxix sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, iżda biss sistema ta’ kumpens lil min ikabbar (28). Matul il-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja, min ikabbar ma jistax jipprojbixxi l-atti elenkati fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, it-twettiq tagħhom, anki meta ma jkunx akkumpanjat mill-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa, ma jistax jitqabbel ma’ użu mhux awtorizzat tal-kostitwent tal-varjetajiet protetti peress li dan ma seħħ bi ksur ta’ ebda obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

52.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi li min ikabbar “jista’ jenħtieġ” remunerazzjoni xierqa minn kull persuna li tkun wettqet “att li kienet tkun ipprojbita li tagħmel sussegwentement għalih (il-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja)”. Dan il-kliem juri li l-ebda att, li huwa relatat mal-kostitwenti tal-varjetajiet jew mal-materjal maħsud, ma jeħtieġ l-awtorizzazzjoni ta’ dak li jkabbar qabel l-għoti tal-protezzjoni definittiva. Dan juri wkoll li, matul il-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa lil min ikabbar ma jirrendix l-att inkwistjoni illegali bħala tali (29). L-effetti tal-protezzjoni provviżorja jikkontrastaw, għalhekk, ma’ dawk tal-protezzjoni definittiva prevista fl-Artikolu 94(1)(a) ta’ dan ir-regolament, li tista’ tiġi invokata kontra kull min jagħmel, “mingħajr ma jkun intitolat”, wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament.

53.      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2100/94 (30), il-perijodu ta’ protezzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti jibda jiddekorri minn meta jingħata d-dritt. Din il-protezzjoni hija distint, minn din il-perspettiva, minn dik li tirriżulta mill-privattiva Ewropea, li t-tul tagħha huwa kkalkolat mit-tressiq tal-applikazzjoni (31). Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja tal-varjetajiet ta’ pjanti ma jiġix imnaqqas mill-perijodu ta’ protezzjoni definittiva, iżda miżjud ma’ din bħala protezzjoni distinta fl-interess ta’ min ikabbar, jikkontribwixxi sabiex jiġi ġġustifikat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni provviżorja jkun differenti minn dak tal-protezzjoni definittiva, peress li hija biss din tal-aħħar li tkopri l-atti mwettqa fuq materjal maħsud fid-dawl tal-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94.

54.      L-interpretazzjoni li nirrakkomanda hija, barra minn hekk, ikkorroborata minn ċerti dokumenti ta’ spjegazzjoni adottati mill-Kunsill tal-UPOV (32). Skont dawn id-dokumenti, il-kunċett ta’ “użu mhux awtorizzat”, fit-tifsira tal-Artikolu 14(2) tal-Konvenzjoni tal-UPOV, ifisser “l-atti fir-rigward tal-materjal ta’ riproduzzjoni jew ta’ propagazzjoni li jirrikjedu l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt ta’ min ikabbar […] iżda li jkunu twettqu mingħajr ma tkun inkisbet tali awtorizzazzjoni” (33). Il-Kunsill tal-UPOV jispeċifika li t-twettiq ta’ atti mhux awtorizzati jimplika li dan id-dritt “ingħata u huwa fis-seħħ”.

55.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jipproteġi lid-detentur biss sa fejn l-atti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jkunu saru fuq il-kostitwenti tal-varjetajiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu wara l-għoti tad-dritt tal-Komunità.

56.      Dan il-qari ma huwiex invalidat mill-fatt, enfasizzat minn CVVP, li l-valur ekonomiku tal-varjetajiet tal-frott bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsab prinċipalment fil-kapaċità tagħhom li jipproduċu frott. Fil-fatt, dan il-fatt ma jistax joħloq dubji dwar l-arkitettura tas-sistema ta’ protezzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti li tikkonsisti, prinċipalment, f’sistema ta’ protezzjoni primarja bbażata fuq il-kostitwenti tal-varjetajiet u, sussidjarjament, sa fejn min ikabbar ma setax jinvoka d-dritt tiegħu għall-protezzjoni primarja, f’sistema ta’ dritt sekondarju għall-materjal maħsud. Fil-kuntest ta’ din is-sistema ta’ protezzjoni kumulattiva, il-valur ekonomiku assoċjat mal-possibbiltà li jinġabru matul is-snin il-frott tal-kostitwenti tal-varjetajiet jista’ jiġi rifless fl-ammont tar-remunerazzjoni (“royalties”) stabbilita minn min ikabbar għall-atti, imsemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94, imwettqa fuq dawk il-kostitwenti stess.

57.      Lanqas l-argument magħmul ukoll minn CVVP, li din l-interpretazzjoni tkun tippermetti lil kull persuna kkonċernata tirriproduċi l-kostitwenti tal-varjetajiet fil-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja u, sussegwentement, tkompli l-isfruttar tagħhom mingħajr ma min ikabbar jingħata remunerazzjoni, ma jista’ jqiegħed inkwistjoni l-interpretazzjoni li qed tiġi proposta hawnhekk. Fil-fatt, l-impossibbiltà għal min ikabbar li jinvoka d-drittijiet tiegħu fuq il-prodott tal-ħsad skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 ma jipprekludihx milli jitlob remunerazzjoni xierqa mingħand il-mixtla li mmultiplikat u biegħet il-kostitwenti tal-varjetajiet.

58.      Din il-protezzjoni tista’, ċertament, tirriżulta irrilevanti f’każ ta’ impossibbiltà għal min ikabbar milli jinvoka d-drittijiet tiegħu fil-konfront ta’ din tal-aħħar. Madankollu tali konsegwenza tidhirli li hija inerenti għall-bilanċ li s-sistema ta’ protezzjoni provviżorja tistabbilixxi bejn l-interessi, minn naħa, ta’ min ikabbar u, min-naħa l-oħra, tal-akkwirent ta’ kostitwenti ta’ varjetajiet immultiplikati u mibjugħa matul il-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja. Kif irrilevat essenzjalment il-Kummissjoni, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li din is-sistema, għalkemm hija intiża sabiex tinkoraġġixxi lil min ikabbar iqiegħed il-komponenti tal-varjetajiet għad-disponibbiltà tal-partijiet terzi sa mill-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għad-dritt tal-Komunità u, jekk ikun il-każ, jagħmel profitt kummerċjali (34), għandha bħala pretensjoni li tiggarantixxi li dan tal-aħħar ma jkollu ebda riskju meta jagħżel li jipproċedi b’dan il-mod.

59.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 ma tistax tiġi ssodisfatta f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

60.      Fil-fatt, minn naħa, sa fejn l-atti ta’ multiplikazzjoni u ta’ tqegħid fis-suq tal-kostitwenti tal-varjetajiet ikunu twettqu mill-mixtla qabel l-għoti tad-dritt tal-Komunità, dawn l-atti ma jikkostitwixxux użu mhux awtorizzat ta’ dawn il-komponenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

61.      Min-naħa l-oħra, peress li, fid-dawl tar-risposta li nipproponi li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domandi preliminari, l-atti ta’ żergħa u ta’ ħsad tal-frott imwettqa mill-bidwi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94, dawn l-atti – anki jekk jitwettqu wara l-għoti tad-dritt tal-Komunità – lanqas ma jistgħu jagħtu lok għal użu mhux awtorizzat tal-kostitwenti tal-varjetajiet.

62.      Minn dan nikkonkludi li, meta l-pjanti ta’ varjetà jinxtraw mingħand mixtla matul il-perijodu ta’ bejn il-pubblikazzjoni tat-talba għad-dritt tal-Komunità ta’ din il-varjetà u l-għoti tiegħu, l-akkwirent jista’ – matul u wara dan il-perijodu – jiżra’ liberament dawn il-pjanti kif ukoll jiġbor u jbigħ il-frott tagħhom.

V.      Konklużjoni

63.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja):

1)      L-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-atti li jikkonsistu fiż-żergħa tal-kostitwenti tal-varjetajiet ta’ varjetà protetta u fil-ħsad tal-frott tagħhom ma jaqgħux taħt il-kategoriji ta’ atti, li t-twettiq tagħhom huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-Komunità, imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

2)      L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “użu mhux awtorizzat” ta’ kostitwenti tal-varjetajiet protetti ma jinkludix l-atti mwettqa fuq dawn il-komponenti, bħall-multiplikazzjoni jew it-tqegħid fis-suq tagħhom, matul il-perijodu bejn il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u l-għoti ta’ dan id-dritt.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Kunsill tas‑27 ta’ Lulju 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).


3      Iffirmata taħt il-patroċinju tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (UPOV) fit-2 ta’ Diċembru 1961 kif riveduta f’Ġinevra fl‑10 ta’ Novembru 1972, fit‑23 ta’ Ottubru 1978 kif ukoll fid‑19 ta’ Marzu 1991 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-UPOV”). L-Unjoni aderixxiet għal din il-konvenzjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/523/KE, tat-30 ta’ Mejju 2005, li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-[Konvenzjoni tal-UPOV] (ĠU 2006, L 164M, p. 288).


4      Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2008, Federación de Cooperativas Agrarias de la Comunidad Valenciana vs CPVO – Nador Cott Protection (Nadorcott) (T‑95/06, EU:T:2008:25).


5      Skont din id-dispożizzjoni, “[p]retensjonijiet bis-saħħa ta’ l-Artikoli 94 u 95 għandhom ikunu preskritti wara tliet snin miż-żmien li fih jiġi mogħti b’mod finali d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u d-detentur ikun konsapevoli bl-att u bl-identità tal-parti responsabbli jew, fin-nuqqas ta’ dik il-konsapevolezza, wara 30 sena mit-temma ta’ l-att ikkonċernat”.


6      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Greenstar‑Kanzi Europe (C‑140/10, EU:C:2011:677, punt 26). Barra minn hekk, l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 2100/94 jistabbilixxi sistema li tista’ tiġi kklassifikata bħala “protezzjoni terzjarja” li tkopri l-prodotti akkwistati direttament minn materjal tar-riproduzzjoni jew maħsud tal-varjetà protetta. Din is-sistema hija estranea għal din il-kawża.


7      Il-kunċett ta’ “detentur” ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, użat fl-Artikolu 13(1) sa (4) tar-Regolament Nru 2100/94, huwa differenti minn dak ta’ “dak li jkabbar”, li huwa ddefinit fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-regolament bħala l-“persuna li tkun kabbret, jew skopriet jew żviluppat il-varjetajiet, jew is-suċċessur tiegħu [tagħha]”. Il-persuna li tkun skopriet u żviluppat il-varjetà tissodisfa l-unika definizzjoni ta’ “dak li jkabbar” qabel l-għoti tad-dritt tal-Komunità, li warajh issir ukoll “detentur” tad-dritt tal-Komunità.


8      Kif sostnew CVVP u l-Kummissjoni, l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 tista’ titqies bħala espressjoni partikolari tar-regola ġenerali tat-tmiem tad-drittijiet stabbilita fl-Artikolu 16 tiegħu. Skont din id-dispożizzjoni, “[i]d-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti m’għandhomx ikunu jestendu għall-atti li jikkonċernaw kull materjal tal-varjetajiet protetti […] li jkun ġie mogħti lill-oħrajn mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu, f’kull parti tal-Komunità, jew kull materjal meħud mill-imsemmi materjal”, sakemm dawn l-atti ma jkunux jinvolvu jew aktar propagazzjoni (u mhux prevista meta sar it-trasferiment) tal-varjetajiet inkwistjoni, jew l-esportazzjoni, għal finijiet oħra minbarra l-konsum, ta’ dawn il-kostitwenti tal-varjetajiet lejn pajjiż terz fejn ma jkunux protetti.


9      Ara l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, proposta għal Regolament tal-Kunsill (KEE) dwar id-drittijiet ta’ varjetajiet tal-pjanti fil-Komunità, tat‑30 ta’ Awwissu 1990, COM(90) 347 finali, p. 2. Ara wkoll il-premessa 29 tar-Regolament Nru 2100/94.


10      Il-kunċett ta’ “żergħa” huwa użat, f’dan il-kuntest, sabiex jindika t-tħawwil ta’ kostitwent ta’ varjetà kif ukoll l-atti kollha ta’ manutenzjoni ta’ dak il-kostitwent li huma intiżi sabiex jimmassimizzaw il-produzzjoni ta’ fjuri jew ta’ frott tiegħu.


11      Sakemm, ovvjament, dan id-dritt ma jkunx intemm skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94. F’dan il-każ, CVVP isostni, mingħajr ma ġie kkontestat fuq dan il-punt minn partijiet interessati oħra, li d-dritt tad-detentur ma jintemmx ladarba huwa ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għall-multiplikazzjoni tal-mandolin tal-varjetà Nadorcott mill-mixtla.


12      Ara l-punti 42 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      B’hekk, fl-ipoteżi fejn A. J. Martínez Sanchís ippropaga s-siġar tal-varjetà Nadorcott permezz tat-tilqim – kif, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, allega CVVP fir-rikors tiegħu u suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju – CVVP jista’ jinvoka fir-rigward tiegħu l-protezzjoni primarja prevista fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 2100/94. Dwar dan is-suġġett ninnota li CVVP ma ressaq ebda allegazzjoni bħal din fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li A. J. Martínez Sanchís jikkontesta li kien għamel xi multiplikazzjoni ta’ dawn il-kostitwenti tal-varjetajiet.


14      Ara, f’dan is-sens, Würtenberger, G., van der Kooij, P., Kiewiet, B. u Ekvad, M. European Union Plant Variety Protection, it-2 edizzjoni, Oxford University Press, 2015, p. 128.


15      Ara l-Artikolu 14(1)(a)(viii) tal-Proposta bażi ppreparata mill-UPOV (atti tal-konferenza diplomatika ta’ reviżjoni tal-konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti, Genève, 1991 (iktar ’il quddiem l-“Atti tal-Konferenza Diplomatika tal-1991”), dokumenti bażiċi, p. 28 kif ukoll minuti analitiċi, punti 859 sa 876).


16      Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, l-Atti tal-Konferenza Diplomatika tal-1991, minuti analitiċi, punti 1024 u 1534.2.


17      Atti tal-Konferenza Diplomatika tal-1991, minuti analitiċi, punti 1005 sa 1030.


18      Atti tal-Konferenza Diplomatika tal-1991, minuti analitiċi, punti 1529.2, 1529.3 u 1543. Ara, ukoll, ir-Rapport tal-grupp ta’ ħidma li jinsab fost id-dokumenti tal-Konferenza (Atti tal-konferenza diplomatika tal-1991, p. 145 sa 148).


19      Pereżempju, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Greenstar-Kanzi Europe (C‑140/10, EU:C:2011:677, punt 10), il-ftehim bejn min ikabbar il-varjetà ta’ siġar tat-tuffieħ protetta u l-membri tan-netwerk ta’ tqegħid fis-suq tal-frott ta’ din il-varjetà jinkludi “speċifikazzjonijiet tal-kuntratt” li jipprevedu restrizzjonijiet li b’mod partikolari jirrigwardaw il-produzzjoni ta’ dan il-frott.


20      Atti tal-Konferenza Diplomatika tal-1991, minuti analitiċi, punt 1534.3.


21      Din il-konklużjoni topera bla ħsara għad-dritt tad-detentur, li għaliha għamlu riferiment CVVP, A. J. Martínez Sanchís u l-Kummissjoni, li jopponi l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 imwettqa fir-rigward tal-prodott tal-ħsad, anki meta l-kundizzjonijiet iddikjarati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu ma jiġux issodisfatti, sa fejn il-prodott tal-ħsad ikun jista’ jservi għall-finijiet ta’ riproduzzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Kunsill tal-UPOV, “Noti ta’ spjegazzjoni dwar l-atti fir-rigward tal-prodott tal-ħsad skont l-Att tal-1991 tal-Konvezjoni tal-UPOV”, 24 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ spjegazzjoni dwar l-atti fir-rigward tal-prodott tal-ħsad”), p. 4, punt 3). F’każ bħal dan, il-prodott tal-ħsad jikkostitwixxi, fir-realtà, ukoll “kostitwent tal-varjetà” kif iddefinit fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament. Id-drittijiet tad-detentur huma, madankollu, limitati mill-Artikolu 14(1) tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li “[m]inkejja l-Artikolu 13(2), u għall-għanijiet tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, il-bdiewa huma awtorizzati li jużaw għal għanijiet ta’ propagazzjoni fl-għalqa, fuq l-art tagħhom il-prodott tal-ħsad li jkunu akkwistaw permezz taż-żergħa, fuq l-art tagħhom, materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet minbarra varjetajiet mħallta jew sintetiċi, li jkunu skoperti minn dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”. F’dan il-każ, CVVP ippreċiża li l-frott tal-varjetà Nadorcott ma jistax iservi għall-ġenerazzjoni ta’ siġar ġodda ta’ din il-varjetà, peress li dawn jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ tekniki ta’ riproduzzjoni asesswali bħalma huwa t-tilqim.


22      Din id-dispożizzjoni timplimenta l-obbligu, li jaqa’ fuq il-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni tal-UPOV skont l-Artikolu 13 ta’ dik il-konvenzjoni, li jadottaw “miżuri maħsuba sabiex jipproteġu l-interessi ta’ min ikabbar matul il-perijodu bejn it-tfigħ jew il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għall-għotja ta’ dritt ta’ min ikabbar u l-għotja ta’ dak id-dritt”.


23      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-dispożizzjoni korrispondenti li tinsab fl-Artikolu 14(2) tal-Konvenzjoni tal-UPOV, Il-Kunsill tal-UPOV, “Linji gwida għall-abbozzar ta’ liġijiet ibbażati fuq l-att tal-1991 tal-Konvenzjoni tal-UPOV”, 6 ta’ April 2017 (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-Kunsill tal-UPOV”), p. 57.


24      Ara, ukoll, f’dan ir-rigward, Atti tal-Konferenza Diplomatika tal-1991, minuti analitiċi, punti 915 sa 934.


25      Fi kliem ieħor, CVVP jikkunsidra li l-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa għat-twettiq fuq il-kostitwenti tal-varjetajiet koperti mit-talba għal dritt tal-Komunità ta’ att imsemmi fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 ma jeżawrixxix id-drittijiet tad-detentur fuq dawk il-komponenti u lanqas fuq il-materjal maħsud idderivat minnhom (ara, f’dan ir-rigward, in-nota 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


26      Minkejja li l-Kummissjoni argumentat favur dan l-uniku approċċ fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, waqt is-seduta ppreċiżat li hija tirrakkomandah biss sussidjarjament.


27      Ara l-punti 35 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Din is-sistema hija ispirata minn dik prevista fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tal-UPOV. Fir-rigward tal-ġenesi ta’ din id-dispożizzjoni, nosserva li l-protezzjoni provviżorja, li qabel kollox kienet is-suġġett ta’ diskrezzjoni mħollija lill-Istati partijiet għall-Konvenzjoni tal-UPOV, tikkostitwixxi obbligu tagħhom biss wara r-reviżjoni tagħha fl-1991. Ix-xogħlijiet preparatorji li wasslu għal din ir-reviżjoni ma jitfgħux dawl fuq ir-relazzjoni bejn il-protezzjoni provviżorja, minn naħa, u d-dritt sekondarju, ukoll propost f’din l-okkażjoni, min-naħa l-oħra.


29      Ċerta approssimazzjoni tista’ ssir mas-sistema stabbilita fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230). Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur sabiex ikun jista’ jwettaq riproduzzjonijiet għal skopijiet privati bil-kundizzjoni li d-detentur jirċievi remunerazzjoni xierqa. Fis-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Austro‑Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 48), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta Stat Membru jimplimenta din il-fakultà, għalkemm il-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ riproduzzjonijiet għal użu privat, dan it-twettiq ikun jikkostitwixxi att awtorizzat skont id-dritt nazzjonali.


30      Din id-dispożizzjoni tirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 19(2) tal-Konvenzjoni tal-UPOV.


31      Ara l-Artikolu 63(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Ħruġ ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata f’München fil‑5 ta’ Ottubru 1973, kif irriveduta fis-sena 2000.


32      Noti ta’ Spjegazzjoni dwar l-atti fir-rigward tal-prodott tal-ħsad, p. 4, punt 4, kif ukoll il-Linji Gwida tal-Kunsill tal-UPOV, p. 57. Għalkemm dawn id-dokumenti ma humiex vinkolanti, huma jipprovdu indikazzjonijiet utli għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UPOV u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 2100/94.


33      Tali atti huma wkoll meqjusa mhux awtorizzati meta ma jkunux twettqu skont il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet eventwali ddefiniti mid-detentur fl-awtorizzazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 14(1)(b) tal-Konvenzjoni tal-UPOV. Ara l-Linji gwida tal-Kunsill tal-UPOV, p. 57. Madankollu, jidher li minn applikazzjoni b’analoġija tar-raġunament segwit fis-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Greenstar‑Kanzi Europe (C‑140/10, EU:C:2011:677, punti 41 sa 43) jirriżulta li huwa biss il-ksur ta’ kundizzjonijiet u limitazzjonijiet kuntrattwali li jirrigwardaw direttament elementi essenzjali tad-dritt tal-Komunità li jista’ jaffettwa l-kunsens tad-detentur tal-protezzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94.


34      Ara, f’dan is-sens, Würtenberger, G., van der Kooij, P., Kiewiet, B. u Ekvad, M. European Union Plant Variety Protection, op. cit., p. 198.