Language of document : ECLI:EU:C:2019:47

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ Jannar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumatur – Direttiva 2011/83/UE – Kuntratti mill-bogħod – Artikolu 6(1)(h) – Obbligu ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar – Artikolu 8(4) – Kuntratt konkluż b’mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni – Il-kunċett ta’ ‘limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni’ – Prospett inkluż f’rivista – Karta postali li fiha hyperlink li twassal għall-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar”

Fil-Kawża C‑430/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Walbusch Walter Busch GmbH & Co. KG

vs

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Walbusch Walter Busch GmbH & Co. KG, minn R. Becker, Rechtsanwalt,

–        għal Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV, minn C. Rohnke, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann, E. Lankenau u J. Techert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-Artikolu 6(1)(h) u tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Walbusch Walter Busch GmbH & Co. KG, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, u Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main e.V., assoċjazzjoni għall-ġlieda kontra l-prattiċi kummerċjali żleali (iktar ’il quddiem iz-“Zentrale”), dwar l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur li tinsab fil-pubbliċità magħmula minn din il-kumpannija fil-forma ta’ prospett pubbliċitarju anness ma’ diversi ġurnali u rivisti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

3        L-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Il-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-informazzjoni”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.”

4        Skont l-Artikolu 16 tal-Karta, intitolat “Il-libertà ta’ intrapriża”:

“Il-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.”

5        L-Artikolu 38 tal-Karta, intitolat “Protezzjoni tal-konsumatur” jipprovdi:

“Il-politika ta’ l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

 Id-Direttiva 2011/83

6        Il-premessi 3 sa 5, 7, 34, 36 u 44 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdu:

“(3)      L-Artikolu 169(1) u [l-Artikolu 169(2)(a) TFUE] jipprevedu li l-Unjoni tikkontribwixxi biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur permezz tal-miżuri li tadotta skont l-Artikolu 114 [TFUE].

(4)      […] L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsumatur mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju hija meħtieġa għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li jiżgura r-rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

(5)      […] [A]rmonizzazzjoni sħiħa tal-informazzjoni tal-konsumatur u d-dritt ta’ reċess f’kuntratt mill-bogħod u dawk li jseħħu lil hinn mill-post tan-negozju se jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għat-tħaddim aħjar tas-suq intern […]

[…]

(7)      L-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. […] Barra dan il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha.

[…]

(34)      Il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur informazzjoni ċara u komprensibbli qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, kuntratt li ma jkunx kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew kwalunkwe offerta korrispondenti. […]

[…]

(36)      Fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għandhom jiġu adattati biex jieħdu inkonsiderazzjoni l-limiti tekniċi ta’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni, bħar-restrizzjonijiet tal-għadd ta’ karattri fuq ċerti skrins tat-telefons ċellulari jew il-limitu ta’ żmien fuq ir-riklami tal-bejgħ ta’ fuq it-televiżjoni. F’tali każijiet il-kummerċjant għandu jikkonforma ma’ sett minimu ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni u jirreferi l-konsumatur għal sors ieħor ta’ informazzjoni, pereżempju billi jipprovdi numru tat-telefon bla ħlas jew hypertext link għal paġna tal-web tal-kummerċjant fejn hija direttament u faċilment disponibbli l-informazzjoni relevanti. […]

[…]

(44)      Id-differenzi fil-modi kif huwa eżerċitat id-dritt ta’ reċess fl-Istati Membri kkawżaw spejjeż għal kummerċjanti li jbiegħu b’mod transkonfinali. L-introduzzjoni ta’ formola standard armonizzata ta’ reċess li tista’ tintuża mill-konsumatur għandha tissemplifika l-proċess ta’ reċess u ġġib ċertezza legali. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jżidu kwalunkwe rekwiżit ta’ preżentazzjoni lill-formola standard tal-Unjoni kollha pereżempju d-daqs tat-tipa. Madankollu, il-konsumatur għandu jibqa’ liberu li jirreċedi bi kliemu stess, sakemm id-dikjarazzjoni tiegħu lill-kummerċjant li tistabbilixxi d-deċiżjoni tiegħu li jirreċedi mill-kuntratt tkun inekwivokabbli. Ittra, telefonata jew ir-ritorn tal-oġġetti b’dikjarazzjoni ċara jistgħu jissodisfaw dan ir-rekwiżit, iżda l-oneru tal-prova tar-reċess fi żmien it-termini stabbiliti fid-Direttiva għandu jkun fuq il-konsumatur. […]”

7        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

8        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(7)      ‘kuntratt mill-bogħod’ tfisser kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess;

[…]”

9        L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju” jipprovdi:

“1.      Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[…]

(h)      f’każ li jeżisti dritt ta’ reċess, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ tali dritt skont l-Artikolu 11(1), kif ukoll il-formola standard ta’ reċess stabbilita fl-Anness I(B);

[…]

4.      L-informazzjoni msemmija fil-[paragrafu 1(h)], tista’ tkun ipprovduta permezz tal-formola tal-istruzzjonijiet dwar ir-reċess stabbilita fl-Anness I(A). Il-kummerċjant ikun issodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni fil-[paragrafu 1(h)] jekk ikun ippreżenta dawn l-istruzzjonijiet lill-konsumatur mimlija kif suppost.

5.      L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tifforma parti integrali tal-kuntratti mill-bogħod jew dawk lil hinn mill-post tan-negozju u ma għandhiex tkun modifikata għajr jekk mhux bil-ftehim espliċitu tal-partijiet kuntrattwali.

[…]”

10      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Rekwiżiti formali għal kuntratti mill-bogħod”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod, il-kummerċjant għandu jagħti l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) lill-konsumatur jew jagħmel dik l-informazzjoni disponibblif’mod adegwat għall-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użat b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem. Sakemm dik l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq mezz li jservi għal żmien twil, hija għandha tkun leġġibbli.

[…]

4.      Jekk il-kuntratt jiġi konkluż permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju jew ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni, il-kummerċjant għandu jipprovdi, fuq dak il-mezz partikolari qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt bħal dan, tal-anqas l-informazzjoni prekuntrattwali dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew tas-servizzi, l-identità tal-kummerċjant, il-prezz totali, id-dritt ta’ reċess, it-tul ta’ żmien tal-kuntratt u, fil-każ ta’ kuntratti għal żmien indeterminat, il-kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratt, konformement mal-Artikolu 6(1), punti (a), (b), (e), (h) u (o). L-informazzjoni l-oħra msemmija fl-Artikolu 6(1) għandha tingħata mill-kummerċjant lill-konsumatur f’mod xieraq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

7.      Il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur bil-konferma tal-kuntratt konkluż f’mezz li jservi għal żmien twil, fi żmien raġonevoli wara l-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u mhux iktar tard mill-kunsinna tal-oġġetti jew qabel ma tibda l-eżekuzzjoni tas-servizz. Dik il-konferma għandha tinkludi:

(a)      l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1) ħlief jekk il-kummerċjant diġà ta dik l-informazzjoni lill-konsumatur f’mezz li jservi fit-tul qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, […]

[…]”

11      L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ reċess”, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdi:

“1.      Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14-il jum biex jirreċedi minn kuntratt mill-bogħod jewlil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14.

2.      Bla ħsara għall-Artikolu 10, il-perjodu ta’ reċess imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiskadi wara 14-il jum […]

[…]”

12      Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess”:

“1.      Qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess, il-konsumatur għandu jinforma lill-kummerċjant bid-deċiżjoni ta’ reċess mill-kuntratt. Għal dan il-għan, il-konsumatur jista’:

(a)      juża formola standard ta’ reċess kif stipulata fl-Anness I(B); jew

(b)      jagħmel kwalunkwe dikjarazzjoni espliċita oħra tad-deċiżjoni tiegħu li jirreċedi mill-kuntratt.

L-Istati Membri ma għandhomx jipprovdu l-ebda rekwiżit formali applikabbli għall-formola standard ta’ reċess differenti minn dawk stabbiliti fl-Anness I(B).

[…]

3.      Il-kummerċjant jista’, flimkien mal-possibilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, jagħti lill-konsumatur l-għażla li jimla elettronikament u jressaq il-formola standard ta’ reċess stabbilita fl-Anness I(B) jew kwalunkwe dikjarazzjoni espliċita oħra fis-sit tal-kummerċjant. F’dawk il-każijiet il-kummerċjant għandu jikkomunika lill-konsumatur avviż ta’ riċeviment ta’ tali reċess fuq mezz li jservi għal żmien twil mingħajr dewmien.

[…]”

13      L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat, “Effetti tar-reċess”, jipprovdi:

“L-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess għandu jittermina l-obbligi tal-partijiet:

(a)      li jwettqu l-kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju; jew

(b)      li jikkonkludu l-kuntratt mill-bogħod jewlil hinn mill-post tan-negozju, f’każijiet fejn l-offerta saret mill-konsumatur.”

14      L-Anness I tad-Direttiva 2011/83, li jirrigwarda l-“Informazzjoni dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess”, jinkludi Parti A, intitolata “Mudell ta’ istruzzjonijiet dwar ir-reċess”, u Parti B, intitolat “Formola standard ta’ reċess”.

 Id-dritt Ġermaniż

15      L-Artikolu 355 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Id-Dritt ta’ rtirar fil-kuntratti konklużi mal-konsumatur”, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

“Jekk il-konsumatur jingħata, bil-liġi, id-dritt ta’ rtirar skont din id-dispożizzjoni, il-konsumatur u l-kummerċjant ma jibqgħux marbuta bid-dikjarazzjonijiet tal-intenzjoni tagħhom li jikkonkludu l-kuntratt jekk il-konsumatur jirtira d-dikjarazzjoni tal-intenzjoni tiegħu fiż-żmien speċifikat. L-irtirar jitwettaq b’dikjarazzjoni li ssir lill-kummerċjant. Id-dikjarazzjoni għandha tirrifletti b’mod ċar id-deċiżjoni tal-konsumatur li jirtira mill-kuntratt. L-irtirar ma jeħtieġx xi motiv. Huwa suffiċjenti li l-irtirar jintbagħat fil-ħin biex jiġi osservat it-terminu”.

16      L-Artikolu 312g tal-BGB, intitolat “Id-Dritt ta’ rtirar”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u kuntratti mill-bogħod, il-konsumatur għandu d-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 355 tal-[BGB].”

17      L-Artikolu 246a tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi Introduttorja għall-Kodiċi Ċivili), intitolat “Ir-Rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u kuntratti mill-bogħod minbarra l-kuntratti ta’ servizzi finanzjarji”, fil-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi:

“[…]

2)      jekk il-konsumatur huwa intitolat għad-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 312g(1) tal-BGB, il-kummerċjant huwa obbligat li jinforma lill-konsumatur:

1.      dwar il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċedura biex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 355(1) tal-BGB kif ukoll il-formola standard ta’ rtirar stabbilita fl-Anness 2,

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Matul is-sena 2014, Walbusch Walter Busch qassmet prospett pubbliċitarju ta’ sitt paġni, fil-format 19 x 23.7 cm, inserit f’diversi gazzetti u rivisti. Dan il-prospett kien jinkludi formola sabiex isiru l-ordnijiet, fil-forma ta’ karta postali li tinqala’. Id-dritt ta’ rtirar kien indikat kemm fuq quddiem kif ukoll fuq wara ta’ dik il-karta postali, li kienet turi wkoll in-numru tat-telefon, in-numru tal-faks, l-indirizz tal-internet u l-indirizz postali ta’ Walbusch Walter Busch. Fuq is-sit internet indikat, jiġifieri www.klepper.net, taħt it-tab “AGB” (Allgemeine Geschäftsbedingungen, Kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ), kienu jidhru l-istruzzjonijiet dwar l-irtirar u l-formola standard ta’ rtirar.

19      Iz-Zentrale qieset li l-prospett ikkonċernat kien inġust minħabba li ma kellux informazzjoni xierqa fir-rigward tad-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur, u dan peress li l-formola standard ta’ rtirar ma kinitx mehmuża ma’ dan il-prospett.

20      Għaldaqstant iz-Zentrale adixxiet il-Landgericht Wuppertal (il-Qorti Reġjonali ta’ Wuppertal, il-Ġermanja) b’talba għal waqfien mill-pubblikazzjoni tal-prospett imsemmi u talba għar-rimbors tal-ispejjeż prekontenzjużi li hija kienet sostniet.

21      Din it-talba ntlaqgħet mil-Landgericht Wuppertal (il-Qorti Reġjonali ta’ Wuppertal), iżda d-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti nbidlet parzjalment mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja).

22      Walbusch Walter Busch ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra s-sentenza tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

23      Il-qorti tar-rinviju tesponi li, għalkemm il-karta postali li tagħmel parti mill-prospett ikkonċernat tirreferi, fuq quddiem u fuq wara tagħha, għall-eżistenza ta’ dritt legali ta’ rtirar, dan il-prospett huwa nieqes minn kull indikazzjoni dwar il-kundizzjonijiet, it-terminu u l-proċedura għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt u ma fihx il-formola standard ta’ rtirar.

24      F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, żewġ approċċi differenti jistgħu jittieħdu fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 f’dak li jikkonċerna l-portata tad-dmir ta’ informazzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ użu minn mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni.

25      Skont l-ewwel approċċ, din id-dispożizzjoni tapplika meta, b’mod astratt, il-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, min-natura tiegħu, jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin. B’hekk, il-katalogi u l-brochures għandhom dejjem jagħtu d-dettalji kollha dwar id-dritt ta’ rtirar, filwaqt li, għal avviż f’gazzetta jew flyer tad-daqs ta’ karta postali li biha tkun tista’ ssir ordni, sempliċi indikazzjoni tal-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar hija biżżejjed.

26      Skont it-tieni approċċ, hija kruċjali l-organizzazzjoni konkreta tal-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod mill-kummerċjant, b’mod partikolari d-deċiżjoni tiegħu dwar id-disinn, it-tqassim fuq il-paġna, il-grafika jew id-daqs tal-materjal pubbliċitarju. L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 tista’ tiġi applikata meta jkun hemm ir-riskju li l-preżentazzjoni tal-informazzjoni eżawrjenti dwar id-dritt u l-proċedura għall-irtirar tokkupa parti sinjifikanti tal-materjal pubbliċitarju, bħal per eżempju iktar minn 10 % tal-wiċċ tiegħu.

27      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2011/83 għandha tqis il-libertà ta’ intrapriża, kif irrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta. B’mod partikolari, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 67), din il-libertà tinkludi l-libertà li jsir reklamar, fejn l-għażla tal-kummerċjant tal-mezzi użati għal dan il-għan ma għandhiex tkun limitata b’mod sproporzjonat, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

28      Minn naħa, l-obbligu li f’reklam tintwera l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar id-dritt ta’ rtirar jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-utilità, għall-kummerċjant, ta’ ċerti tipi ta’ messaġġi pubbliċitarji, għaliex ikun hemm ir-riskju li din l-informazzjoni tiddomina fuq l-imsemmija messaġġi. Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni bħal din, il-konsumatur ikun espost għal għadd kbir ta’ informazzjoni li huwa ma jkunx jista’ jassimila b’mod tajjeb.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva [2011/83], il-kwistjoni ta’ jekk mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (f’dan il-każ prospett pubbliċitarju b’karta postali li biha jiġu ordnati l-prodotti) jippermettix spazju jew ħin limitati għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni, tiddependi minn jekk,

a)      il-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (b’mod astratt) jippermettix biss, min-natura tiegħu stess, spazju jew ħin limitati,

jew minn jekk,

b)      dan il-mezz (b’mod konkret), fil-forma tiegħu kif magħżula mill-kummerċjant, jipprovdi biss spazju jew ħin limitati?

2)      Huwa kompatibbli mal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva [2011/83] li, fil-każ ta’ possibbiltà limitata ta’ preżentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva [2011/83], l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tkun limitata għall-informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dan id-dritt?

3)      Skont l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva [2011/83] huwa dejjem meħtieġ, b’mod imperattiv, li, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod, inkluż fil-każ ta’ possibbiltà limitata ta’ preżentazzjoni, il-formola standard ta’ rtirar, prevista fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva [2011/83], tiġi annessa mal-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod?”

 Fuq id-domandi preliminari

30      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, skont liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk kuntratt jistax jitqies bħala konkluż permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, u, jekk ikun il-każ, liema hija l-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni fir-rigward tad-dritt ta’ rtirar, previst fl-Artikolu 6(1)(h) ta’ din id-direttiva.

31      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83, qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur, b’mod ċar u li jinftiehem, ċerta informazzjoni relatata ma’ dan il-kuntratt jew din l-offerta. B’mod partikolari, f’każ li jeżisti dritt ta’ rtirar, l-Artikolu 6(1)(h) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-kummerċjant jgħarraf lill-konsumatur bil-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt skont l-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, u jipprovdilu l-formola standard ta’ rtirar li tinsab fl-Anness I(B) tal-istess direttiva.

32      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/83 jipprovdi li l-konsumatur li biħsiebu jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu għandu jinforma lill-kummerċjant billi juża l-formola standard ta’ rtirar li tinsab fl-Anness I(B) ta’ din id-direttiva jew billi jagħmel kwalunkwe dikjarazzjoni inekwivokabbli oħra tad-deċiżjoni tiegħu li jirtira mill-kuntratt. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-kummerċjant jista’, flimkien mal-possibilitajiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 11(1), jagħti lill-konsumatur l-għażla li jimla u jibgħat elettronikament, fuq is-sit tal-internet tal-kummerċjant, il-formola standard ta’ rtirar li tinsab fl-Anness I(B) jew kwalunkwe dikjarazzjoni inekwivokabbli oħra.

33      Fil-każ li l-kuntratt jiġi konkluż bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 sempliċement jobbliga lill-kummerċjant jipprovdi lill-konsumatur, fuq il-mezz inkwistjoni u qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, parti mill-informazzjoni prekuntrattwali msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, fosthom l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar, kif stabbilita fl-Artikolu 6(1)(h) ta’ din id-direttiva. F’tali każ, l-informazzjoni prekuntrattwali l-oħra għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur f’mod li jixraq għall-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użat, b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem.

34      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83, moqri fid-dawl tal-premessi 4, 5 u 7 tagħha, din id-direttiva hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi tiggarantixxi li dan jiġi informat u li jkun sikur fi tranżazzjonijiet mal-kummerċjanti. Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-konsumatur fil-politiki tal-Unjoni hija stabbilita fl-Artikolu 169 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 38 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main, C‑568/15, EU:C:2017:154, punt 28).

35      Id-Direttiva 2011/83 hija intiża sabiex il-konsumaturi jibbenefikaw minn protezzjoni estiża, billi jingħataw ċertu drittijiet fil-qasam, b’mod partikolari, ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod. L-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa li jevita li l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod iwassal għal tnaqqis tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services, C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 36).

36      Madankollu, l-informazzjoni pprovduta qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għall-konsumatur, ta’ importanza fundamentali (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 46). Fil-fatt, huwa abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ kummerċjant.

37      Madankollu, kif tistabbilixxi l-premessa 36 tad-Direttiva 2011/83, għall-kuntratti mill-bogħod, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għandhom jiġu adattati biex jieħdu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet tekniċi ta’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni, bħar-restrizzjonijiet tal-għadd ta’ karattri fuq ċerti skrins tat-telefons ċellulari jew il-limitu ta’ ħin fir-riklami tal-bejgħ ta’ fuq it-televiżjoni. F’tali każijiet il-kummerċjant għandu jikkonforma ma’ sett minimu ta’ rekwiżiti fir-rigward tal-informazzjoni u jirreferi lill-konsumatur għal sors ieħor ta’ informazzjoni, pereżempju billi jipprovdi numru tat-telefon bla ħlas jew hypertext link għal paġna tal-internet tal-kummerċjant fejn l-informazzjoni utli hija disponibbli direttament u aċċessibbli faċilment.

38      B’hekk, meta, sabiex jikkonkudi kuntratt mal-konsumatur il-kummerċjant juża ċertu mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, jista’ jkun impossibbli għalih li jipprovdi lill-konsumatur, fil-kuntest ta’ din il-kommunikazzjoni, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83. Tali sitwazzjoni tokkorri fil-każ fejn il-mezz magħżul mill-kummerċjant jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni, limitazzjonijiet li jirriżultaw jew mill-karatteristiċi inerenti għall-mezz ikkonċernat, jew inkella mil-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-għażla ekonomika tal-kummerċjant dwar, b’mod partikolari, it-tul u l-ispazju tal-kommunikazzjoni kummerċjali.

39      L-evalwazzjoni ta’ jekk, f’każ konkret, il-mezz ta’ komunikazzjoni jimponix limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, għandha ssir filwaqt li jittieħed kont tal-karatteristiċi tekniċi kollha tal-komunikazzjoni kummerċjali tal-kummerċjant. F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-ispazju u tal-ħin okkupati mill-komunikazzjoni u tad-daqs minimu ta’ karattru tipografiku li jkun xieraq għal konsumatur medju destinatarju ta’ din il-komunikazzjoni, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva tistax oġġettivament tiġi ppreżentata fil-kuntest tal-imsemmija komunikazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-għażliet magħmula mill-kummerċjant ikkonċernat dwar l-organizzazzjoni u dwar l-użu tal-ispazju u tal-ħin disponibbli skont il-mezz ta’ komunikazzjoni li jkun iddeċieda li juża ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

40      F’każ li jinstab li l-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni, ikun hemm għalhekk lok li jiġi vverifikat jekk il-kummerċjant, skont l-Artikolu 8(1) u (4) tad-Direttiva 2011/83, ipprovdiex lill-konsumatur l-informazzjoni l-oħra msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva permezz ta’ sors ieħor, f’lingwa ċara u li tinftiehem.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-soluzzjoni adottata fl-Artikolu 8(1) u (4) tad-Direttiva 2011/83, kif deskritta fil-punti 37 sa 40 ta’ din is-sentenza, hija intiża sabiex tassigura bilanċ tajjeb bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-intrapriżi, kif tiddikjara l-premessa 4 ta’ din id-direttiva.

42      Fil-fatt, l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 8(1) u (4) tad-Direttiva 2011/83 jagħti lill-konsumatur il-possibbiltà li jirċievi f’forma adattata, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, l-informazzjoni meħtieġa li tippermettilu jiddeċiedi jekk jikkonkudix il-kuntratt jew le, u b’hekk ikun issodisfatt l-għan leġittimu ta’ interess ġenerali tal-protezzjoni tal-konsumatur, skont l-Artikolu 169 TFUE, imfakkar fil-premessa 3 ta’ din id-direttiva, mingħajr madankollu ma jiġi affettwat il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, kif ukoll il-libertà ta’ intrapriża tal-imprenditur, kif sanċiti fl-Artikoli 11 u 16 tal-Karta.

43      F’dan ir-rigward, minn naħa, lil hinn milli jipprojbixxi l-użu ta’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni, kulma jagħmel l-Artikolu 8(1) u (4) tad-Direttiva 2011/83, f’qasam iddelimitat ferm, huwa li jirregola l-kontenut tal-komunikazzjoni kummerċjali intiża għall-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod mal-konsumatur. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li tiġi pprovduta, f’kull ċirkostanza, l-informazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva jikkonċerna biss parti mill-informazzjoni li l-komunikazzjoni tagħha lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod hija obbligatorja, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 8(4) tal-istess direttiva, l-informazzjoni l-oħra għandha tiġi pprovduta permezz ta’ sors ieħor, f’lingwa ċara u li tinftiehem.

44      Fost l-imsemmija informazzjoni li għandha tingħata lill-konsumatur f’kull każ hemm dik dwar id-dritt ta’ rtirar, kif stabbilita fl-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83.

45      Fil-fatt, id-dritt ta’ rtirar huwa intiż li jipproteġi lill-konsumatur fis-sitwazzjoni partikolari ta’ bejgħ mill-bogħod fejn huwa ma għandux il-possibbiltà in concreto li jara l-prodott jew li jaċċerta ruħu mill-karatteristiċi tas-servizz qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Id-dritt ta’ rtirar għaldaqstant huwa intiż jikkumpensa l-iżvantaġġ tal-konsumatur meta jikkonkludi kuntratt mill-bogħod, u dan billi jagħtih perijodu ta’ riflessjoni adegwat li matulu jkun jista’ jeżamina u jipprova l-oġġett akkwistat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Messner, C‑489/07, EU:C:2009:502, punt 20).

46      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza tad-dritt ta’ rtirar għall-protezzjoni tal-konsumatur, l-informazzjoni prekuntrattwali dwar dan id-dritt hija, għal dan il-konsumatur, ta’ importanza fundamentali u tippermettilu jieħu, b’mod informat, id-deċiżjoni dwar jekk jikkonkludix jew le l-kuntratt mill-bogħod mal-kummerċjant. Sabiex ikun jista’ jibbenefika bis-sħiħ minn din l-informazzjoni, il-konsumatur jeħtieġ li jkun jaf, minn qabel, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar. Fejn il-kuntratt jiġi konkluż bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni, il-kummerċjant ma huwiex obbligat li jagħti lill-konsumatur, fl-istess ħin li jagħmel użu minn dan il-mezz, il-formola standard ta’ rtirar li tinsab fl-Anness I(B) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li, permezz ta’ dan il-mezz, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, din il-formola standard tkun disponibbli għall-konsumatur, ma huwiex ċirkustanza li tinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur li jikkonkludi kuntratt mill-bogħod jew le u, min-naħa l-oħra, obbligu, f’kull ċirkustanza, li lill-konsumatur tingħatalu din il-formola standard jista’ jitfa’ fuq il-kummerċjant piż sproporzjonat, jew saħansitra, f’ċerti każijiet, bħalma huma b’mod partikolari l-kuntratti konklużi bit-telefon, oneru insostenibbli. F’dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-imsemmija formola standard permezz ta’ sors ieħor, f’lingwa ċara u li tinftiehem, tkun biżżejjed.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li:

–        l-evalwazzjoni ta’ jekk, f’każ konkret, il-mezz ta’ komunikazzjoni jimponix limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni, skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, għandha ssir b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi kollha tal-komunikazzjoni kummerċjali tal-kummerċjant. F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-ispazju u tal-ħin okkupati mill-komunikazzjoni u tad-daqs minimu tal-karattru tipografiku li jkun xieraq għal konsumatur medju destinatarju ta’ din il-komunikazzjoni, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva tistax oġġettivament tiġi ppreżentata fil-kuntest tal-imsemmija komunikazzjoni;

–        l-Artikolu 6(1)(h) u l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn il-kuntratt jiġi konkluż bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni u f’każ li jkun jeżisti d-dritt ta’ rtirar, il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur, fuq il-mezz inkwistjoni u qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt. F’każ bħal dan, dak il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur il-formola standard ta’ rtirar li tinsab fl-Anness I(B) ta’ din id-direttiva permezz ta’ sors ieħor, f’lingwa ċara u li tinftiehem.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-evalwazzjoni ta’ jekk, f’każ konkret, il-mezz ta’ komunikazzjoni jimponix limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni, skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandha ssir b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi kollha tal-komunikazzjoni kummerċjali tal-kummerċjant. F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-ispazju u tal-ħin okkupati mill-komunikazzjoni u tad-daqs minimu tal-karattru tipografiku li jkun xieraq għal konsumatur medju destinatarju ta’ din il-komunikazzjoni, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva tistax oġġettivament tiġi ppreżentata fil-kuntest tal-imsemmija komunikazzjoni.

L-Artikolu 6(1)(h) u l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn il-kuntratt jiġi konkluż bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni u f’każ li jkun jeżisti d-dritt ta’ rtirar, il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur, fuq il-mezz inkwistjoni u qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt. F’każ bħal dan, dak il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur il-formola standard ta’ rtirar li tinsab fl-Anness I(B) ta’ din id-direttiva permezz ta’ sors ieħor, f’lingwa ċara u li tinftiehem.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.