Language of document : ECLI:EU:F:2010:131

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

28 ta’ Ottubru 2010

Kawża F-85/05

Susanne Sørensen

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Uffiċjali li jaċċedu għal grupp ta’ funzjoni ogħla permezz ta’ kompetizzjoni ġenerali — Kandidati mniżżla f’lista ta’ riżerva qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Regoli tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad matul ir-reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad skont regoli ġodda inqas favorevoli — Artikolu 5(2) u Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu S. Sørensen titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Awwissu 2004, li taħtarha għal kariga ta’ assistent, sa fejn din id-deċiżjoni tikklassifikaha fil-grad B*3, skala 2, u min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni li tħassar il-punti ta’ promozzjoni kollha li hija kienet akkumulat.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 5(2) u 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.      L-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bir-Regolament Nru 723/2004 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, jirreferi għall-uffiċjali li tniżżlu, qabel l-1 ta’ Mejju 2006, “fuq il-lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra”, u li ġew effettivament ittrasferiti f’kategorija oħra wara l-1 ta’ Mejju 2004. L-imsemmi Artikolu 5(2), jikkonċerna biss l-uffiċjali li jbiddlu kategorija permezz ta’ kompetizzjoni interna. Konsegwentement, meta uffiċjal ikun għadda minn kompetizzjoni ġenerali u mhux kompetizzjoni interna, l-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax għalih.

Fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirreferi għal dak li għaddew minn kompetizzjonijiet ġenerali “reklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 t’April 2006”, il-kelma “reklutati” għandha sens preċiż u għandha tinftiehem li jirreferi għall-uffiċjali li daħlu fis-servizz bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006 f’impjieg li sar aċċessibbli wara l-inklużjoni tagħhom, qabel l-1 ta’ Mejju 2006, f’lista ta’ kandidati xierqa li tagħlaq kompetizzjoni ppubblikata taħt is-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni hija applikabbli għad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ persuna li kienet diġà uffiċjal meta dehret fost dawk li għaddew minn tali kompetizzjoni ġenerali.

(ara l-punti 56, 59, 60, 65 u 66)

2.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza ma jistax jostakola l-libertà tal-leġiżlatur li jintroduċi, fi kwalunkwe mument, fir-Regolamenti tal-Persunal, l-emendi li huwa jqis konformi mal-interess tas-servizz, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma inqas favorevoli minn dawk preċedenti għall-uffiċjali.

Dawk li għaddew minn kompetizzjoni jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk id-data tal-ħatra tagħhom hijiex wara d-dħul fis-seħħ ta’ riforma tar-Regolamenti tal-Persunal magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li tali differenza tkun iġġustifikata oġġettivament min-neċessità li tiġi mħarsa l-libertà tiegħu li jintroduċi, fi kwalunkwe mument, fir-Regolamenti tal-Persunal, l-emendi li huwa jqis konformi mal-interess tas-servizz. Madankollu, żewġ uffiċjali li ġew ikklassifikati mill-ġdid fi grad ogħla taħt Regolamenti tal-Persunal differenti, jinsabu, minħabba dan il-fatt stess, f’sitwazzjonijiet differenti.

(ara l-punti 91, 96 u 97)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, Ġabra p. I‑10945, punt 79; 4  ta’ Marzu 2010, Angé Serrano vs Il‑Parlament, C‑496/08 P, Ġabra p. I‑1793, punt 108; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, Ġabra p. II‑2523, punt 86