Language of document : ECLI:EU:T:2014:768

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

11 ta’ Settembru 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Każinojiet Griegi — Skema li tipprovdi għal piż ta’ 80 % fuq biljetti tal-ammissjoni ta’ ammonti differenti — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Vantaġġ”

Fil-Kawża T‑425/11,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn P. Mylonopoulos u K. Boskovits, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, H. van Vliet u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/716/UE, tal-24 ta’ Mejju 2011, dwar Għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Greċja lil ċerti każinojiet Griegi (Il-miżura ta’ Għajnuna mill-Istat C 16/10 (ex NN 22/10, ex CP 318/09)) (ĠU L 285, p. 25),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Qabel l-1994, tliet każinojiet kienu joperaw fil-Greċja, jiġifieri dak ta’ Mont Parnès, dak ta’ Korfù u dak ta’ Rodi. Il-prezz ta’ biljett ta’ ammissjoni kien iffissat mill-Ellinikos Organismos Tourismou (l-Uffiċċju ta’ Turiżmu Elleniku, iktar ’il quddiem l-“EOT”) li jappartjeni lill-Istat. Dan il-prezz, li kien stabbilit rispettivament għal 2 000 drakma Griega (GRD) (ċirka EUR 6) għall-każinò ta’ Mont Parnès u għal GRD 1 500 għal każinojiet ta’ Korfù u ta’ Rodi, ġie stabbilit għal GRD 2 000 għall-każinò ta’ Korfù fl-1997. In-Nomos n° 2160/1993 (liġi Nru 2160/1993, FEK A’ 118/19.7.1993) kienet tipprovdi li dawn it-tliet każinojiet ikomplu joperaw bħala klabbs tal-EOT sakemm l-awtorità kompetenti tathom liċenzja sabiex joperaw.

2        In-Nomos n° 2206/1994 (liġi Nru 2206/1994, FEK A’ 62/20.4.1994) ipprovdiet għal għoti ta’ numru partikolari ta’ liċenzji għall-operat. L-Artikolu 2(10) ta’ din il-liġi jistipula li l-prezz tal-ammissjoni għall-każinojiet f’ċerti oqsma jiġi stabbilit permezz ta’ deċiżjoni ministerjali u li l-istess deċiżjoni tiddetermina wkoll il-perċentwal tal-prezz li jikkostitwixxi dħul għall-Istat.

3        F’dan ir-rigward, skont il-paragrafu 1 tal-apofasi tou Ypourgou Oikonomikon (deċiżjoni tal-Ministeru tal-Finanzi) n° 1128269/1226/0015/POL.1292, tas-16 ta’ Novembru 1995, FEK B’ 982/29.11.1995, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ministerjali tal-1995”), l-operaturi tal-każinojiet huma meħtieġa mill-15 ta’ Diċembru 1995 li joħorġu biljett ta’ ammissjoni għal kull persuna skont id-dispożizzjonijiet tal-istess deċiżjoni. F’dan ir-rigward, skont il-paragrafu 5 tal-istess artikolu, il-prezz tal-biljett ta’ ammissjoni ġie stabbilit għal GRD 5 000, konvertit għal EUR 15 bis-saħħa tal-Artikolu 31(13) tan-Nomos n° 2873/2000 (liġi Nru 2873/2000, FEK A’ 285/28.12.2000). Skont il-paragrafu 6 tad-deċiżjoni ministerjali tal-1995, fil-każ fejn persuni li mingħandhom, għal raġunijiet ta’ promozzjoni jew obbligu soċjali, l-ebda ammont ma huwa riċevut sabiex jidħlu fis-swali tal-logħob, fil-każ tagħhom jinħareġ biljett ta’ serje speċjali. Id-deċiżjoni ministerjali tal-1995 tipprovdi wkoll, fil-paragrafu 7 tagħha, li l-operaturi tal-każinojiet iżommu 20 % tal-valur tal-biljett ta’ ammissjoni bħala “ħlas għall-ħruġ tal-biljett u biex ikopri l-ispejjeż”, inkluż il-VAT korrispondenti, b’mod li l-kumplament jammonta għal “taxxa tal-Istat”. Skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7 tal-imsemmija deċiżjoni ministerjali, f’każ ta’ ħruġ ta’ biljetti mingħajr ħlas, it-taxxa tal-Istat għandha titħallas lura b’kunsiderazzjoni tal-prezz tal-biljett ta’ ammissjoni stabbilit skont il-paragrafu 5 tal-istess artikolu.

4        Wara l-1995, il-każinò ta’ Mont Parnès, il-każinò ta’ Korfù u l-każinò ta’ Rodi komplew joperaw bħala klabbs tal-EOT. L-EOT barra minn hekk ġie sostitwit bħala operatur tal-każinò ta’ Korfù u tal-każinò ta’ Mont Parnès mill-Elliniki Etaireia Touristikis Anaptyxis (Kumpannija Griega għall-Iżvilupp tat-Turiżmu, ETA), kumpannija li tappartjeni 100 % lill-Istat Grieg. Il-każinò ta’ Korfù kompla japplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 sal-privatizzazzjoni tiegħu fit-30 ta’ Awwissu 2010 u, b’applikazzjoni tad-deċiżjoni ministerjali tal-1995, ħallas lura lill-Istat 80 % tal-ammonti korrispondenti. Barra minn hekk, fl-1996 inħarġet il-liċenzja sabiex il-każinò ta’ Rodi jopera fejn ġiet applikata t-taxxa fuq l-ammissjoni ta’ GRD 5 000 (EUR 15) wara l-privatizzazzjoni tiegħu f’April 1999. Mit-tmiem tal-2000 sal-2003, il-każinò ta’ Mont Parnès applika t-taxxa fuq l-ammissjoni ta’ GRD 1 500, li sar EUR 6 sa mill-1 ta’ Jannar 2002 u, mit-tmiem tas-sena 2000, 80 % ta’ din it-taxxa tħallset lill-Istat Grieg.

5        Fost is-sitt każinojiet ġodda kkreati wara l-1995 fuq il-bażi tal-liġi Nru 2206/1994, jiġifieri l-każinojiet ta’ Chalcidique, ta’ Loutraki, ta’ Tessaloniki, ta’ Rio (Achaïe), ta’ Xanthe (Thrace) u ta’ Syros, ġiet applikata fir-rigward tagħhom kollha t-taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 15, bl-eċċezzjoni ta’ każinò ta’ Tessaloniki.

6        Ġiet applikata t-taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 fuq il-każinò ta’ Tessaloniki (operat mill-kumpannija Regency Entertainment Psychagogiki kai Touristiki AE) skont in-nomothetiko diatagma 2687/1953 peri ependyseos kai prostasias kefalaion exoterikou (digriet leġiżlattiv Nru 2687/1953, dwar l-investiment u l-protezzjoni tal-fondi barranin, FEK A’ 317/10.11.1953), li jipprovdi li l-impriżi kkreati mill-investiment ta’ kapitali barranin jibbenefikaw minn trattament għall-inqas favorevoli daqs dak applikat għall-impriżi oħra simili nazzjonali. Fil-fatt, it-talba għall-operat ta’ każinò li għandha l-għan li l-prezz tal-biljett ta’ ammissjoni tal-każinò ta’ Tessaloniki jkun stabbilit fl-istess livell bħal dak tal-każinò ta’ Mont Parnès, jiġifieri EUR 6, ġie aċċettat wara l-Gnomodotisi 631/1997 tou Nomikou Symvouliou tou Kratous (opinjoni mill-Kunsill Legali tal-Istat Grieg Nru 631/1997) tas-16 ta’ Ottubru 1997. Il-paragrafu 7 tad-deċiżjoni ministerjali tal-1995 li jikkonċerna t-taxxa tal-Istat fuq il-biljetti ta’ ammissjoni ġie applikat għall-każinò ta’ Tessaloniki.

7        Fit-8 ta’ Lulju 2009, Koinopraxia Touristiki Loutrakiou AE OTA (operatriċi tal-każinò ta’ Loutraki) ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-leġiżlazzjoni Griega dwar is-sistema tat-taxxi fuq l-ammissjoni fil-każinojiet, fejn sostniet li tali sistema kienet ekwivalenti għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil tliet operaturi ekonomiċi, jiġifieri lill-każinò ta’ Mont Parnès, il-każinò ta’ Korfù u l-każinò ta’ Tessaloniki.

8        Wara skambji ta’ osservazzjonijiet, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2010.

9        Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Griegi u tal-partijiet ikkonċernati.

10      Fl-24 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/716/UE dwar l-għajnuna mill-Istat C 16/10 (ex NN 22/10, ex CP 318/09) implementata mill-Greċja favur ċerti każinojiet Griegi (ĠU L 285, p. 25, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

11      Il-miżura inkwistjoni ġiet iddefinita, fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala t-trattament fiskali diskriminatorju li l-awtoritajiet Griegi implementaw favur ċerti każinojiet fejn twaqqfet, minn naħa, taxxa uniformi ta’ 80 % fuq il-prezz tal-biljetti ta’ ammissjoni fil-każinojiet u, min-naħa l-oħra, żewġ prezzijiet legali differenti għall-biljett ta’ ammissjoni. B’hekk, il-biljett ta’ ammissjoni kien stabbilit għal EUR 6 għal ċerti każinojiet li l-Kummissjoni kklassifikat bħala “pubbliċi” u għal EUR 15 għall-każinojiet l-oħra li hija kklassifikat bħala “privati”. Skont il-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, il-każinò ta’ Mont Parnès, il-każinò ta’ Korfù, il-każinò ta’ Tessaloniki u l-każinò ta’ Rodi kienu previsti bħala benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni.

12      Il-Kummissjoni barra minn hekk ikkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, fil-premessi 65 u 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni kellha effetti simili għal dawk ta’ miżura fiskali u li hija kienet teżenta l-każinojiet li għalihom kienet tapplika prezz tal-ammissjoni iktar baxx minn piż li kien ikollhom iħallsu kieku t-tassazzjoni kienet mhux diskriminatorja. Il-miżura inkwistjoni b’hekk tagħti lill-każinojiet inkwistjoni vantaġġ, peress li kellhom iħallsu, fuq id-dħul globali tagħhom korrispondenti, piż fiskali eħfef għal kull persuna. Skont il-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-klijent jieħu vantaġġ ukoll mit-taxxa iktar baxxa fuq l-ammissjoni ma jipprekludix li l-miżura tagħti vantaġġ lill-każinojiet ikkonċernati. Skont il-premessi 73 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prattika kummerċjali tikkonsisti f’li toffri biljetti ta’ ammissjoni mingħajr ħlas li fuqhom il-każinojiet kellhom madankollu jħallsu lill-Istat 80 % tal-prezz legali tagħhom li jsaħħaħ il-vantaġġ inkwistjoni. Il-Kummissjoni bbażata ruħha fuq provi differenti sabiex tindika li din il-prattika ta’ ammissjoni mingħajr ħlas ma kinitx tidher eċċezzjonali fost il-każinojiet benefiċjarji tal-għajnuna. Barra minn hekk, fil-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument li, skont dan, il-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ogħla jkunu vvantaġġati. Fil-fatt, dan l-argument jinjora l-fatt li l-każinojiet li għalihom kienet tapplika taxxa fuq l-ammissjoni iktar baxxa kienu iktar attraenti għall-klijenti u l-fatt li d-dħul ibbażat fuq ammissjoni kien jammonta biss għal parti limitata tad-dħul globali tal-każinojiet. Il-każinò ta’ Tessaloniki jkun min-naħa l-oħra huwa stess suġġett għall-iskema tal-biljett ta’ ammissjoni iktar baxx b’applikazzjoni tad-digriet leġiżlattiv Nru 2687/1953 li jagħti lill-impriżi stabbiliti b’kapital barrani l-aktar trattament favorevoli mogħti lill-impriżi nazzjonali (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni min-naħa l-oħra ċaħdet, fil-premessi 79 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ miżuri fiskali u regolatorji li jikkumpensaw il-vantaġġi li jirriżultaw mill-biljett ta’ ammissjoni iktar baxx u kkonkludiet l-eżistenza ta’ vantaġġ.

13      Il-Kummissjoni b’hekk ikkunsidrat li peress li l-Istat kien jirrinunzja għad-dħul, dan il-vantaġġ kien iffinanzjat minn riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument ibbażat fuq li t-taxxa fuq l-ammissjoni iktar baxxa setgħet tiġbed iktar klijenti u li ma kienx żgur li l-Istat kien jitlef dħul peress li b’mod partikolari ż-żieda fid-domanda kienet dovuta għall-inugwaljanza stess (premessi 81 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura kienet tidderoga mis-sistema ġenerali stabbilita mil-liġi Nru 2206/1994 u bid-deċiżjoni ministerjali tal-1995 u li hija b’hekk kienet selettiva. Hija b’hekk ċaħdet l-argument li skont dan, il-livell ta’ prezz tal-ammissjoni jkun iffissat abbażi tal-kundizzjonijiet partikolari, differenti għal kull każinò, u hekk kif jirriżulta mill-għan li jiġu disważi l-persuni bi dħul baxx milli jipparteċipaw fil-logħob tal-ażżard. Il-Kummissjoni min-naħa l-oħra kkunsidrat li l-miżura ma kinitx ġustifikata min-natura jew mil-loġika tas-sistema ġenerali (premessi 91 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri kienet issodisfatta f’din il-kawża, indipendentement minn natura lokali jew reġjonali tas-servizzi fornuti (premessi 103 sa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni ma kienet taqa’ taħt ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 106 TFUE u 107 TFUE u kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma kienet ressqet ebda argument ta’ natura li jiġġustifika l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni.

17      Il-Kummissjoni sostniet ukoll li t-trattament fiskali diskriminatorju stabbilit fl-1995 kien seħħ mingħajr ma kien ġie kkomunikat lilha u mingħajr ma kienet approvatu. Hekk kif jirriżulta mit-terminu ta’ preskrizzjoni previst mill-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108] tat-Trattat [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), il-Kummissjoni indikat li kwalunkwe għajnuna mogħtija taħt din il-miżura fil-21 ta’ Ottubru 1999 jew wara, li huwa għaxar snin qabel il-ġurnata li fiha l-Kummissjoni bagħtet l-ilment lir-Repubblika Ellenika fejn talbet informazzjoni, hija għajnuna ġdida u illegali.

18      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-għajnuna u tal-irkupru tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li r-Repubblika Ellenika subiet telf ta’ dħul ta’ taxxa provenjenti mill-każinojiet benefiċjarji tal-għajnuna ekwivalenti għal EUR 7.20 għal kull biljett ta’ ammissjoni, jiġifieri d-differenza bejn it-taxxa ta’ EUR 12 għal kull biljett ta’ ammissjoni mħallas lill-Istat mill-każinojiet li joħorġu biljetti ta’ ammissjoni għal EUR 15 u dak ta’ EUR 4.80 għal kull biljett ta’ ammissjoni mħallas lill-Istat mill-każinojiet li joħorġu biljetti ta’ ammissjoni għal EUR 6. Il-Kummissjoni indikat ukoll li għandha tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull każinò u, b’mod partikolari għall-każinò ta’ Mont Parnès u l-każinò ta’ Korfù, peress li, mill-21 ta’ Ottubru 1999 sal-aħħar tal-2000, it-taxxi fuq l-ammissjoni ma jidhrux, suġġett għal osservazzjonijiet ulterjuri tal-awtoritajiet Elleniċi, li taw lok għall-ħlas lill-Istat. Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tinġabar, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija ma kellhiex elementi suffiċjenti sabiex tforni evalwazzjoni eżatta tal-ammonti tagħhom u li hija tillimita ruħha b’hekk li tikkonstata l-obbligu li tirkupra l-għajnuna inkwistjoni, u tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali biex jikkalkolaw l-ammonti eżatti skont l-istruzzjonijiet kontenuti fid-deċiżjoni tagħha. F’dan ir-rigward, mill-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-somom li kellhom jiġu rkuprati jikkonsistu prinċipalment fid-differenza bejn EUR 4.80 għal kull biljett ta’ ammissjoni li jħallsu l-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6, minn naħa, u EUR 12 għal kull biljett ta’ ammissjoni li jħallsu l-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 15, min-naħa l-oħra, jiġifieri fis-somma ta’ EUR 7.20 għal kull biljett ta’ ammissjoni maħruġ.

19      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jistipula kif ġej:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li tikkonsisti f’diskriminazzjoni fiskali favur ċerti każinojiet li l-Greċja daħħlet fis-seħħ billi applikat numru ta’ dispożizzjonijiet fl-istess ħin, parzjalment obbligatorji, li:

–        [...] jistabbilixxu imposta uniformi ta’ 80 % fuq il-prezz tal-biljetti tal-ammissjoni, u

–        jistabbilixxu prezzijiet differenti regolati għall-każinojiet li huma proprjetà pubblika u dawk li huma proprjetà privata, ta’ EUR 6 u EUR 15 rispettivament, ġiet imdaħħla fis-seħħ illegalment, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u hija inkompatibbli mas-suq intern, peress li poġġiet lill-każinojiet benefiċjarji Regency Każinò Mont Parnès, Regency Każinò Thessaloniki u Corfu każinò (bil-ftehim li l-każinò ta’ Rodi ma baqax ikun benefiċjarju f’April 1999) f’vantaġġ kompetittiv mhux dovut.

Artikolu 2

1. Il-Greċja għandha tirkupra l-għajnuna inkumpatibbli msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-każinojiet benefiċjarji li ngħatat mill-21 ta’ Ottubru 1999.

2. Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom interessi mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru effettiv tagħhom.

3. L-interess għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.

4. Il-Greċja għandha tħassar kull diskriminazzjoni fiskali pendenti li tirriżulta mill-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2. Il-Greċja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1. Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

a)      il-lista tal-benefiċjarji li rċevew għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali ta’ għajnuna rċevuta minn kull wieħed minnhom skont il-miżura kkontestata, ikkalkolat skont il-gwida li tinsab f’din id-Deċiżjoni;

b)      l-ammont totali (interessi prinċiali u ta’ rkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju;

c)      deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma’ Din id-Deċiżjoni;

d)      dokumenti li juru li l-benefiċjarju kien ordnat li jħallas lura l-għajnuna.

2. Il-Greċja għandha żżomm lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sa meta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 jkun tlesta. Fuq talba tal-Kummissjoni l-Greċja għandha immedjatament tissottometti informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-interessi tal-irkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.”

 Il-Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Awwissu 2011, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat dan ir-rikors.

21      Id-deċiżjoni kkontestata wkoll kienet is-suġġett ta’ erba’ rikorsi oħra ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Lulju 2011 minn Etaireia Akiniton Dimosiou AE (ETAD, preċedentement Ellinika Touristika Akinita AE, ETA), fid-9 ta’ Diċembru 2011 minn Regency Entertainment Psychagogiki kai Touristiki, fl-10 ta’ Jannar 2012 minn Elliniko Kazino Parnithas AE, operatriċi tal-każinò ta’ Mont Parnès mill-2003, u l-20 ta’ Jannar 2012 minn Athens Resort Casino Holding SA, azzjonista ta’ 51 % tal-ishma tal-każinò ta’ Mont Parnès sa mill-2010. Dawn ir-rikorsi, irreġistrati rispettivament taħt ir-referenzi T‑419/11, T‑635/11, T‑14/12 u T‑36/12, huma konnessi mar-rikors preżenti. Min-naħa l-oħra, Koinopraxia Touristiki Loutrakiou, impriża kwerelanta fil-proċeduri amministrattivi, ġiet ammessa tintervjeni insostenn tal-Kummissjoni f’dawn il-kawżi permezz ta’ digrieti tal-President tat-Tieni Bord tal-Appell tal-4 ta’ Mejju u tat-12 ta’ Diċembru 2012.

22      B’ittra tas-7 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti fil-kawżi T‑635/11, T‑14/12 u T‑36/12 talbu li jingħaqdu l-kawżi T‑419/11, T‑425/11, T‑635/11, T‑14/12 u T‑36/12 għall-finijiet tal-proċedura orali u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

23      B’ittra tat-3 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni, billi tindika li bħala prinċipju ma għandhiex oġġezzjoni għal dan it-tagħqid, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. Hija indikat ukoll li ma ppreżentatx talba għal kunfidenzjalità.

24      B’ittra tal-4 ta’ Settembru 2012, ir-Repubblika Ellenika indikat li topponi t-tagħqid tal-imsemmija kawżi. Hija indikat ukoll li, f’każ ta’ tagħqid, ċerti elementi tal-fajl għandhom jiġu kkunsidrati kunfidenzjali.

25      Permezz ta’ ittra separata tal-4 ta’ Settembru 2012, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerti partijiet tal-fajl li hija elenkat fir-rigward tat-terzi kollha intervenjenti jew li jixtiequ jintervjenu fil-kawżi inkwistjoni. Hija annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali tan-noti tagħha.

26      Fis-16 ta’ Settembru 2013, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tgħaqqadx il-kawża preżenti mal-kawżi T‑419/11, T‑635/11, T‑14/12 u T‑36/12.

27      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ottubru 2013, il-kumpannija Elliniko Każinò Kerkyras AE ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża T‑419/11, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

28      Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2013.

29      Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-interess ġuridiku

31      Il-Kummissjoni tqajjem in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-Repubblika Ellenika. Skont din, fis-sitwazzjoni preżenti, id-deċiżjoni kkontestata tippermetti lir-Repubblika Ellenika titlob dħul kważi-fiskali lill-każinojiet inkwistjoni u pjuttost tagħtiha vantaġġ milli żvantaġġ. Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li r-Repubblika Ellenika tkun parti privileġġata teżentaha milli turi li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernaha direttament u individwalment, iżda ma tagħtihiex interess ġuridiku.

32      Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta dan l-argument.

33      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, fir-rigward tal-kunċett ta’ interess ġuridiku mqajjem mill-Kummissjoni, li t-trattat jagħmel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, id-dritt tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jippreżentaw rikors għal annullament, u min-naħa l-oħra, dak tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi. Fil-fatt, id-dritt li jikkontesta permezz ta’ rikors għal annullament il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni huwa miftuħ għal kull Stat Membru, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun ikkundizzjonat mill-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku. Stat Membru b’hekk ma għandux bżonn juri li att tal-Kummissjoni li huwa jikkontesta jipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward tiegħu sabiex ir-rikors tiegħu jkun ammissibbli (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑208/99, Ġabra p. I‑9183, punti 22 u 23, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II‑2935, punt 63).

34      F’din il-kawża, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-trattat u fid-dawl tal-ġurisprudenza, ir-Repubblika Ellenika, fil-kwalità unika tagħha ta’ Stat Membru, hija ammessa li tippreżenta rikors għal annullament mingħajr ma jkollha tiġġustifika interess ġuridiku f’dan ir-rigward.

35      Konsegwentement, it-talba ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

36      Ir-Repubblika Ellenika tqajjem erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. It-tieni motiv huwa bbażat fuq karattru inadattat, insuffiċjenti u kontradittorju tal-motivazzjoni. Permezz tat-tielet u r-raba’ motivi tagħha, imqajma sussidjarjament, ir-Repubblika Ellenika tallega l-ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 dwar l-irkupru tal-għajnuna, peress li l-għajnuna ma hijiex imfittxija mingħand il-benefiċjarji reali u li l-irkupru jikser il-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u tal-proporzjonalità (it-tielet motiv) u li l-kalkolu tal-ammonti li għandu jinġabar ikun żbaljat (ir-raba’ motiv).

37      Fir-rigward tal-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprovdi li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

38      Skont il-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti. B’hekk, sabiex miżura nazzjonali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, l-ewwel nett, għandu jkun każ ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, hija għandha tagħti vantaġġ lil benefiċjarju tagħha u, ir-raba’ nett, hija għandha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, Ġabra p. I‑7831, punti 38 u 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-kunċett ta’ għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, f’forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment itaqqlu l-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 13, u tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 15).

40      Ġie deċiż li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, għalkemm ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenzi Banco Exterior de España, punt 39 iktar ’il fuq, punt 14, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 16; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et, T‑230/01 sa T‑232/01 u T‑267/01 sa T‑269/01, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 135, ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑474/09 P sa C‑476/09 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra).

41      Barra minn hekk, in-natura tal-għanijiet imħaddna minn miżuri statali u l-ġustifikazzjoni tagħhom huma bla effett fuq il-klassifikazzjoni tagħhom ta’ għajnuna. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-fatt, l-Artikolu 107 TFUE ma jagħmilx distinzjoni bejn l-interventi mill-Istati iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni għandha turi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑239/04 u T‑323/04, Ġabra p. II‑3265, punt 119).

43      Il-Qorti tal-Ġustizzja min-naħa l-oħra ppreċiżat li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fit-trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti għandha, bħala regola u fid-dawl tal-elementi konkreti tal-kawża mressqa quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) KE (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 25, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 111).

44      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikatx korrettament il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

45      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta li s-sistema tat-taxxi fuq l-ammissjoni li qed jiġu eżaminati timplika l-għoti ta’ vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat.

46      Għandhom jiġu ppreżentati mill-bidu l-karatteristiċi tas-sistema inkwistjoni, bħal dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni eżaminata mill-Kummissjoni. Din il-preżentazzjoni hija indispensabbli, peress li tippermetti li jinftiehem il-funzjonament ekonomiku tas-sistema inkwistjoni u, konsegwentement, li jiġu evalwati l-effetti fuq l-impriżi li għalihom tapplika.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(10) tal-liġi Nru 2206/1994 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), id-deċiżjoni tal-Ministru tal-Finanzi kienet stabbilixxiet il-prezzijiet tal-biljetti ta’ ammissjoni tal-każinojiet “kif ukoll il-persentaġġ li għandu jitħallas lill-Istat”. F’dan il-kuntest, il-paragrafu 7 tad-deċiżjoni ministerjali tal-1995 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) jipprovdi li kull każinò jkollu 20 % tal-prezz tal-ammissjoni bħala taxxa fuq ħruġ tal-biljett u biex ikopri l-ispejjeż, il-kumplament jammonta għal taxxa tal-Istat, li għandu, skont il-paragrafu 10 tal-istess deċiżjoni, jitħallas lilu kull xahar.

48      B’hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, hekk kif sostniet ir-Repubblika Ellenika, fil-kuntest tas-sistema tat-taxxi fuq l-ammissjoni li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, il-każinojiet huma marbuta jipproċedu bil-ġbir tat-taxxi inkwistjoni mill-klijenti tagħhom li jidħlu fis-swali tal-logħob u li jħallsu kollox lill-Istat kull xahar u jżommu persentaġġ tat-taxxi inkwistjoni bħala korrispettiv li jkopri din l-attività.

49      Mill-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddeskriviet il-miżura inkwistjoni bħala l-applikazzjoni simultanja tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonsistu, minn naħa, fl-iffissar ta’ taxxa uniformi ta’ 80 % fuq il-prezz tal-biljetti ta’ ammissjoni tal-każinojiet u, min-naħa l-oħra, fl-iffissar ta’ żewġ prezzijiet legali differenti għall-biljett ta’ ammissjoni tal-każinojiet. Din il-miżura jkollha bħala effett li l-każinojiet meħtieġa li jiġbru taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 15 iħallsu lill-Istat EUR 12 għal kull ammissjoni (80 % × EUR 15), dment li l-każinojiet l-oħra jħallsuh biss EUR 4.80 għal kull ammissjoni (80 % × EUR 6), li tammonta għal differenza ta’ EUR 7.20 għal kull ammissjoni. Għandu madankollu jingħad li, hekk kif jirriżulta mill-punti 47 u 48 iktar ’il fuq, din id-deskrizzjoni ma tikkunsidrax il-karatteristiċi tas-sistema li qegħda tiġi eżaminata sa fejn, anki jekk il-każinojiet huma marbuta jirċievu t-taxxi fuq l-ammissjoni fl-intier tagħhom, huma biss 20 % ta’ dawn it-taxxi li jammontaw għal dħul tal-baġit tagħhom, it-80 % rimanenti jammontaw mill-bidu għal taxxa tal-Istat li għandha titħallas lilu mil-każinojiet kull xahar. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din id-deskrizzjoni żbaljata tas-sistema ma twassalx awtomatikament għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, leġiżlazzjoni nazzjonali tali bħal dik inkwistjoni jista’ jkollha bħala effett li tagħti vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod li hemm lok li jiġi eżaminat jekk tali vantaġġ bħal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata huwa mogħti f’din il-kawża.

50      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-premessi 66, 69 u 70 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li l-miżura ineżami tagħti vantaġġ lill-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 peress li huma eżenti minn piż li altrimenti jkollhom iġorru. Skont din, dawn il-każinojiet ibbenefikaw minn vantaġġ simili għal tnaqqis tal-bażi tat-taxxa, peress li t-taxxa li huma għandhom iħallsu għal kull ammissjoni ġiet stabbilita f’livell iktar baxx minn dak impost fuq każinojiet oħra. Fid-deċiżjoni kkontestata, ġie ppreċiżat li l-miżura inkwistjoni tammonta għal vantaġġ għall-impriżi li huma benefiċjarji, peress li huma għandhom iħallsu ammont iktar baxx bħala piż fiskali għal kull klijent li huma jirċievu.

51      Permezz tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-fondatezza ta’ dan ir-raġunament.

52      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6.

53      Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-miżura inkwistjoni jirriżulta li l-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 huma marbuta jħallsu lill-Istat EUR 4.80 għal kull ammissjoni (80 % × EUR 6), dment li dawk li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 15 għandhom iħallsuh EUR 12 għal kull ammissjoni (80 % × EUR 15). B’hekk, huwa preċiż li, hekk kif il-Kummissjoni ssostni, il-każinojiet li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija għandhom iħallsu lill-Istat ammont ta’ EUR 4.80, li huwa darbtejn u nofs ikbar għal kull biljett ta’ ammissjoni mill-ammont ta’ EUR 12 li għandhom iħallsu l-każinojiet rilevanti tat-tieni kategorija.

54      Madankollu, għandu jingħad li din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-fatt li l-istess ratio jorbot il-prezzijiet tal-biljetti ta’ ammissjoni li jaqgħu taħt kull waħda minn dawn il-kategoriji. B’mod partikolari, qabel ma jħallsu lill-Istat, it-taxxa titla’ għal 80 % tal-valur tal-biljetti ta’ ammissjoni mibjugħa, il-każinojiet li l-Kummissjoni qieset li kienu l-benefiċjarji tal-miżura kontenzjuża jirċievu mill-klijenti tagħhom prezz darbtejn u nofs inqas għoli għal kull ammissjoni kkomparat mal-prezz tal-ammissjoni applikabbli għall-każinojiet l-oħra (EUR 6 minflok EUR 15). Barra minn hekk, it-taxxi għall-ħruġ tal-biljett u biex ikopri l-ispejjeż miżmuma mill-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 (EUR 6 – EUR 4.80 = EUR 1.20) huma wkoll darbtejn u nofs iktar baxxi minn dawk riċevuti mill-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 15 (EUR 15 – EUR 12 = EUR 3).

55      Għalhekk, hekk kif sostniet ir-Repubblika Ellenika, mill-miżura inkwistjoni jirriżulta li l-ammonti mħallsa lill-Istat mill-każinojiet bħala taxxa ta’ din tal-aħħar fuq il-biljetti ta’ ammissjoni huma biss il-prorata ta’ dak li kull każinò jirċievi bħala taxxi fuq l-ammissjoni. B’hekk, kuntrarjament għal dak li tindika l-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżura ineżami ma tikkorrispondix għal tnaqqis tal-bażi tat-taxxa, peress li s-somom li għandhom jitħallsu għal kull każinò huma ekwivalenti għal prorata ta’ 80 % tat-taxxi kollha fuq l-ammissjoni li huwa effettivament ġabar. Jekk, fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tirreferi, bħala difiża, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, f’dawn il-kawżi, il-miżura inkwistjoni kienet differenti minn dik inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, f’dawn il-kawżi, il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni tikkonsisti f’li jiġi applikat, fuq il-bażi taxxabbli pożittiv li jirriżulta mill-eżerċizzju tal-attività ekonomika tal-impriżi benefiċjarji, tnaqqis ta’ 99, 75, 50 jew 25 %. B’hekk, l-impriżi benefiċjarji jħallsu taxxa iktar baxxa minn dik li kien ikollhom iħallsu kieku din it-taxxa kienet ġiet ikkalkolata prorata mid-dħul tagħhom li jirriżulta mill-eżerċizzju tal-attività ekonomika tagħhom. F’din il-kawża, min-naħa l-oħra u hekk kif diġà ntqal, is-sitwazzjoni hija differenti, sa fejn il-piż ta’ 80 % mħallas lill-Istat mill-każinojiet kollha huwa kkalkolat prorata minn dak li huma effettivament irċevew bħala taxxi fuq l-ammissjoni fuq il-biljetti mibjugħa.

56      L-argument tal-Kummissjoni li, skont dan, id-differenza bejn id-dħul riċevut għal ammissjoni mill-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 15 u dik riċevuta għal ammissjoni minn każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6, li hija ta’ EUR 1.80 (EUR 3 – EUR 1.20), hija erba’ darbiet inqas mid-differenza bejn it-taxxi li għandhom jitħallsu lill-Istat għal ammissjoni mill-każinojiet rilevanti tal-ewwel kategorija u dawk li għandhom jitħallsu lill-Istat mill-każinojiet rilevanti tat-tieni kategorija li hija ta’ EUR 7.20 (EUR 12 – EUR 4.80), ma jipprekludix din il-konklużjoni. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni tirriżulta direttament mill-applikazzjoni tar-rata ta’ 80 % u mir-rapport ta’ erbgħa eżistenti bejn din ir-rata ta’ 80 %, minn naħa, u r-rata ta’ 20 % tad-dħul abbażi tat-taxxi għall-ħruġ tal-biljett u biex ikopri l-ispejjeż, min-naħa l-oħra.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li, bl-effett tal-miżura eżaminata, l-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 jħallsu lill-Istat somom iżgħar minn dak imħallas lil dan tal-aħħar mill-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 15 ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ fir-rigward tal-każinojiet li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija.

58      L-eżistenza ta’ vantaġġ finanzjarju favur il-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 b’hekk ma ġietx murija.

59      Barra minn hekk, mill-elementi fil-fajl jirriżulta, hekk kif iċċarat fis-seduta, li l-vantaġġ imressaq mill-Kummissjoni f’din il-kawża jikkonsisti biss f’din id-differenza fil-kontijiet li bis-saħħa tagħha l-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 jħallsu lill-Istat ammont iktar baxx minn dak imħallas mill-każinojiet l-oħra.

60      B’mod partikolari, l-ewwel nett, fil-punt 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-każinojiet kienu ġew iffavoriti billi tibbaża ruħha fuq il-fatt li huma “kellhom jassumu, fuq id-dħul globali tagħhom korrispondenti, piż fiskali eħfef għal kull persuna”. Fl-aħħar frażi tal-imsemmi punt, hija min-naħa l-oħra indikat li dan id-dħul globali kien jinkludi “mhux biss id-dħul ibbażat fuq l-ammissjonijiet (dħul li jirriżulta biss mill-prezz tal-biljetti ta’ ammissjoni), iżda wkoll id-dħul minn sorsi oħra ta’ dħul, bħal-logħob tal-ażżard, l-akkomodazzjoni, servizzi tal-bar u r-restorant, wirjiet eċċ. (dħul globali)”.

61      Madankollu, mistoqsija f’dan ir-rigward fis-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-kunċett ta’ dħul global tal-każinò ma kellux jitqies li huwa element ta’ definizzjoni tal-vantaġġ eżistenti f’din il-kawża. Fil-fatt, hija indikat li l-aħħar sentenza tal-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata li tirreferi għad-dħul globali tfisser sempliċement li d-dħul provenjenti mill-biljetti ta’ ammissjoni kienu biss parti żgħira mid-dħul tal-każinojiet u ma kienx jikkonċerna l-vantaġġ fih innifsu. Konsegwentement, skont din, din is-sentenza ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tfisser li, b’baġit ekwivalenti, il-klijenti ta’ każinò li għalih tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 jkollhom baġit ikbar x’jonfqu fis-servizzi l-oħra. Hija b’hekk ippreċiżat li l-vantaġġ f’din il-kawża kien ġie esklussivament ibbażat fuq id-differenza fil-kontijiet bejn il-biljett ta’ ammissjoni ta’ EUR 6 u dak ta’ EUR 15, fejn 80 % għandhom jitħallsu lill-Istat.

62      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv f’din il-kawża ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun motivat b’referenza għal rabta vaga bejn l-obbligu li jitħallas 80 % tat-taxxi fuq l-ammissjoni lill-Istat, minn naħa, u l-attivitajiet mhux ikkonċernati mill-imsemmi obbligu, li jiġġenera d-“dħul globali” tal-każinojiet, min-naħa l-oħra. B’mod partikolari, l-ewwel nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali vantaġġ, l-Artikolu 107(1) TFUE jeżiġi li jkun iddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Gvern ta’ Ġibiltà u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, Ġabra p. I‑11113, punt 75). Konsegwentement, l-ewwel nett, il-kunċett ta’ “dħul globali” ma huwiex rilevanti f’din il-kawża, sa fejn dan jinkludi dħul li ma humiex is-suġġett tal-obbligu li jitħallas 80 % tat-taxxi fuq l-ammissjoni lill-Istat. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett, li jidher li għandu rwol ta’ denominatur, u ta’ indikazzjoni numerika li jirreferi għalih, huwa materjalment impossibbli li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ kwalunkwe. Fl-aħħar nett, mill-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-somom li l-Kummissjoni ordnat ir-rimbors tagħhom li jikkonsistu fid-differenza bejn EUR 4.80 għal kull biljett ta’ ammissjoni li jitħallsu lill-Istat il-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6, minn naħa, u EUR 12 għal kull biljett ta’ ammissjoni li jħallsu lill-Istat il-każinojiet l-oħra, min-naħa l-oħra. B’hekk, il-kunċett ta’ “piż fiskali eħfef għal kull persuna fuq id-dħul globali”, f’kull każ, huwa irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

63      It-tieni nett, bħala risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali dwar il-kunċett ta’ attrazzjoni tal-klijentela msemmija fil-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fis-seduta, li dan il-kunċett ma kellux jitqies iktar li huwa element ta’ definizzjoni tal-vantaġġ.

64      Il-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

“[i]l-Greċja argumentat ukoll li peress li l-każinojiet iżommu 20 % tal-prezz tal-ammissjoni mhux ugwali, il-vantaġġ jingħata lill-każinojiet li jimponu prezz ogħla, li jiżguraw dħul nett ta’ EUR 3, meta mqabbel mal-EUR 1.20 miksuba mill-każinojiet pubbliċi. Dan l-argument huwa qarrieqi, peress li jinjora żewġ fatti essenzjali għal ftehim xieraq tal-effetti antikompetittivi reali tal-miżura. Min-naħa waħda, il-fatt li l-awtoritajiet iffissaw il-prezzijiet tal-biljetti, inkluża t-taxxa tal-ammissjoni, fuq livell aktar baxx għal ċerti każinojiet, jagħmel lil dawk il-każinojiet aktar attraenti għall-klijenti, u din […] tnaqqas id-domanda mill-mudell li jipprevali kieku l-każinojiet kellhom jikkompetu biss fuq il-merti tagħhom stess, fuq il-bażi tal-ambitu individwali u l-kwalità tas-servizzi offruti, u […] jekk il-punti l-oħra jkunu l-istess, iżid b’mod artifiċjali n-numru ta’ ammissjonijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, kif spjegat qabel, id-dħul mill-ammissjonijiet huwa biss proporzjon limitat tad-dħul totali li klijent attirat minn każinò jiġġenera għall-impriża, u li l-każinojiet ikollhom iħallsu t-taxxa tal-ammissjoni minnu.”

65      B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni indikat fis-seduta li l-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata kienet twieġeb għall-argumenti tal-awtoritajiet Elleniċi, iżda li, fl-assenza ta’ analiżi ekonomika, l-elementi li jirrigwardaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-attrazzjoni tal-prezz imnaqqas ma jammontax għal element ta’ vantaġġ f’din il-kawża.

66      Fil-fatt, anki f’każ, fejn fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat li jeħtieġ l-involviment ta’ riżorsi ta’ Stat li permezz tagħha hija mogħtija vantaġġ, l-attrazzjoni ta’ tali taxxa mnaqqsa fuq l-ammissjoni tammonta għal element ta’ tali vantaġġ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkontjeni l-ebda analiżi ta’ statistika u, konsegwentement, ekonomika fir-rigward ta’ tali attrazzjoni għall-klijentela minn dan l-angolu. Barra minn hekk, mill-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ammonti li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħhom, ma jikkorrispondux, minħabba l-metodoloġija stess tal-kalkolu użat, għal tip ta’ vantaġġ bħal dan.

67      B’hekk jirriżulta li l-vantaġġ imqajjem mill-Kummissjoni f’din il-kawża huwa limitat bid-differenza bejn is-somom li l-każinojiet iħallsu lill-Istat għal kull biljett ta’ ammissjoni mibjugħ.

68      Issa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 52 sa 58 iktar ’il fuq, il-fatt li, b’effett tal-miżura eżaminata, il-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 jħallsu lill-Istat somom inqas minn dawk imħallsa lil din tal-aħħar mill-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 15, iżda direttament proporzjonali, ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ fir-rigward tal-każinojiet li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija.

69      L-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni ma jinvalidawx din il-konklużjoni.

70      L-ewwel nett, bħala difiża, il-Kummissjoni ssostni li l-miżura inkwistjoni tagħti vantaġġ monetarju lill-każinojiet li japplikaw taxxa fuq l-ammissjoni mnaqqsa.

71      Madankollu, il-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ monetarju, li għalih id-deċiżjoni kkontestata min-naħa l-oħra ma tirreferix għalih. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li s-somom ta’ EUR 6 u ta’ EUR 15 huma normalment riċevuti fuq l-ammissjoni tal-klijenti fis-swali tal-logħob tal-każinojiet u li 80 % ta’ dawn is-somom għandhom jitħallsu kull xahar lill-Istat. B’hekk, ipotetikament, fil-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6, l-ammonti miġbura għal kull biljett ta’ ammissjoni mibjugħa qabel il-ħlas tat-taxxi tal-Istat huma proporzjonalment iktar baxxi minn dawk miġbura għal kull biljett ta’ ammissjoni mibjugħ mill-każinojiet l-oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt għal każinò li jaqa’ taħt l-ewwel kategorija li jkollu jħallas biss lill-Istat EUR 4.80 meta l-prezz tal-biljett ta’ ammissjoni huwa ta’ EUR 6, minflok EUR 12 meta l-prezz tal-biljett ta’ ammissjoni huwa stabbilit għal EUR 15, ma jammontax għal vantaġġ monetarju, sa fejn l-ammonti li għandhom jitħallsu għall-biljetti ta’ ammissjoni mibjugħa huma ndaqs għal 80 % tat-taxxi fuq l-ammissjoni riċevuti u li dawn it-taxxi huma miġbura mill-każinojiet qabel ma’ jibda l-obbligu tagħhom li jħallsu 80 % lill-Istat. Barra minn hekk, il-fatt għall-każinojiet, li għalihom japplika prezz għal ammissjoni ta’ EUR 6 li minnhom jinżammu 20 % tal-prezz tal-biljett ta’ ammissjoni mibjugħ, jiġifieri EUR 1.20, għal ħlas għall-ħruġ u għall-ispejjeż, ma jammontax għal vantaġġ monetarju għal dawn il-każinojiet fir-rigward tal-każinojiet li għalihom japplika prezz għal ammissjoni ta’ EUR 15, min-naħa l-oħra.

72      Min-naħa l-oħra jirriżulta, mill-premessi 66 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kunċett ta’ vantaġġ li fuqu din ibbażat ruħha jikkonsisti fid-differenza ta’ EUR 7.20 mħallsa għal kull biljett ta’ ammissjoni li, skont din, il-każinò jirċievi taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 15 jew ta’ EUR 6. Issa, dan il-kunċett huwa kwalitattivament differenti minn vantaġġ monetarju, li jikkonsisti, essenzjalment, sabiex jiddistingwi, skont id-debitur, il-kundizzjonijiet li fihom obbligu għandu jitħallas, li ma huwiex ikkontestat f’din il-kawża.

73      B’hekk jirriżulta li l-argument ibbażat fuq il-vantaġġ fi flus għandu jiġi miċħud.

74      It-tieni nett, il-Kummissjoni tirreferi għall-każ tal-biljetti ta’ ammissjoni mingħajr ħlas u ssostni li l-element ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-ammissjoni jagħmel iktar evidenti n-nuqqas ta’ qliegħ għall-Istat. B’mod partikolari, fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssostni li din il-prattika kummerċjali tal-element ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-ammissjoni jsaħħaħ iktar il-vantaġġ, peress li l-ispiża tal-ammissjoni ta’ klijent hija kunsiderevolment ogħla għall-każinojiet li jħallsu EUR 12 milli għal dawk li għandhom iħallsu biss EUR 4.80 fuq id-dħul globali provenjenti mill-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tikkonstata l-argument tal-awtoritajiet Elleniċi li skont dan, din il-prattika ta’ ammissjoni mingħajr ħlas tkun l-eċċezzjoni. Hija tirreferi għal provi fil-forma ta’ informazzjoni disponibbli għall-pubbliku (pereżempju prospetti li joffru aċċess mingħajr ħlas u mqassma fil-gazzetti jew fuq l-internet) li juru li prattika abitwali tikkonsisti f’li tiġi offerta ammissjoni mingħajr ħlas lil kull klijent f’xi jiem ta’ kull ġimgħa. Hija kkonkludiet li l-prattika ta’ ammissjoni mingħajr ħlas ma tidhirx eċċezzjonali fost il-każinojiet benefiċjarji tal-għajnuna.

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-paragrafu 6 tad-deċiżjoni ministerjali tal-1995 jipprovdi għall-possibbiltà li jingħataw ammissjonijiet mingħajr ħlas għall-finijiet promozzjonali jew minħabba obbligu soċjali. F’dan il-każ, għalkemm ma jirċevux taxxa fuq l-ammissjoni, il-każinojiet huma marbuta jħallsu lill-Istat 80 % tal-valur legali tal-biljetti ta’ ammissjoni maħruġa. B’hekk, il-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 15 għandhom iħallsu lill-Istat EUR 12 għal kull ammissjoni mingħajr ħlas, b’mod li l-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 jħallsu biss EUR 4.80 għal kull ammissjoni.

76      B’hekk jirriżulta li, fis-sitwazzjoni ta’ biljetti mingħajr ħlas, il-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 huma vvantaġġati, sa fejn, fuq taxxa fuq l-ammissjoni identika riċevuta (ugwali għal żero), huma jħallsu lill-Istat taxxa iktar baxxa minn dak imħallas mill-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 15.

77      Madankollu, għandu jingħad li l-konstatazzjoni tal-prattika kummerċjali tal-ammissjonijiet mingħajr ħlas hija użata mill-Kummissjoni sabiex tafferma li l-allegat vantaġġ deskritt lill-premessi 66 sa 69 tad-deċiżjoni kkontestata b’hekk sabet ruħha “msaħħa” (punt 73 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-deċiżjoni kkontestata, il-każ tal-biljetti mingħajr ħlas hija ppreżentata biss bħala element li jikkonferma l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 49 sa 68 iktar ’il fuq, is-sistema tat-taxxi fuq l-ammissjoni ineżami ma jagħtix tali vantaġġ lill-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6.

78      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, bħala prinċipju, ma tikkritikax l-possibbiltà għall-Istat Membru li jipprovdi li l-biljetti ta’ ammissjoni mingħajr ħlas jistgħu jinħarġu sa fejn tali azzjoni jkollha finijiet promozzjonali jew twieġeb għal obbligu soċjali, iżda tikkritika essenzjalment lill-awtoritajiet Elleniċi li ttoleraw li l-ħruġ tal-biljetti ta’ ammissjoni mingħajr ħlas jeċċedi l-eċċezzjoni prevista bid-deċiżjoni ministerjali tal-1995. F’dan ir-rigward, peress li s-sistema tat-taxxi fuq l-ammissjoni għall-każinojiet ma tagħtix vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE f’dak li jirrigwarda l-biljetti ta’ ammissjoni mibjugħa u li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jippermetti l-ħruġ ta’ biljetti mingħajr ħlas għal raġunijiet preċiżi u ġustifikati, bħal promozzjonijiet u l-obbligi soċjali, huwa raġonevoli għal dan l-Istat Membru li jpoġġi bħala kundizzjoni supplimentari li t-taxxi li kienu altrimenti jkunu tħallsu, fil-fatt jitħallsu fil-każ fejn jinħarġu biljetti mingħajr ħlas. F’tali kuntest, hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-każinojiet fir-realtà joħorġu numru ta’ biljetti mingħajr ħlas kbir wisq ikkomparat man-numru ta’ biljetti li jippermettu li jintlaħaq l-għan tad-deċiżjoni ministerjali tal-1995, b’mod li d-deċiżjoni tagħhom li tippermetti l-aċċess ħieles għas-swali tal-logħob tagħhom ma tirrispettax il-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

79      Madankollu, f’din il-kawża, l-elementi li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu għall-każinò li joffri ammissjonijiet mingħajr ħlas mill-Ħadd sal-Ħamis mis-7 ta’ filgħodu sat-tmienja ta’ filgħaxija, u dawn wara l-10 ta’ Jannar. Issa, fin-nuqqas ta’ iktar informazzjoni li tirrigwarda b’mod partikolari l-prattika ta’ każinojiet oħra u l-fluss tal-klijentela fil-jiem u s-sigħat ikkonċernati, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li l-offerta tal-biljetti mingħajr ħlas inkwistjoni turi ksur tal-kundizzjonijiet li saru mid-deċiżjoni ministerjali tal-1995.

80      B’hekk, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ distint u speċifiku li jirriżulta fil-każ tal-biljetti mingħajr ħlas għandu jiġi miċħud.

81      It-tielet nett, fil-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li “d-diskriminazzjoni fiskali tagħti vantaġġ huwa rikonoxxut mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti nfushom”. Hija tirreferi għall-każ tal-każinò ta’ Tessaloniki li ġie suġġett għat-taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6 taħt id-Digriet Leġiżlattiv Nru 2687/1953 (punt 6 iktar ’il fuq). Skont din, l-awtoritajiet Griegi applikaw dan id-digriet leġiżlattiv għall-imsemmi każinò, peress li huwa jammonta għat-trattament l-iktar favorevoli mogħti lill-impriżi nazzjonali.

82      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 2687/1953 jipprovdi li impriżi kkostitwiti b’investiment barrani għandhom jibbenefikaw minn trattament mill-inqas favorevoli daqs dak applikabbli għal impriżi simili oħra f’dak il-pajjiż. Fil-każ preżenti, t-talba tal-operatur tal-każinò bil-għan li l-prezz tal-ammissjoni għall-każinò ta’ Tessaloniki jiġi stabbilit fl-istess livell bħal dak ta’ Mont Parnès, jiġifieri ta’ EUR 6, ġiet aċċettata wara opinjoni mill-Kunsill Legali tal-Istat Grieg Nru 631/1997 tas-16 ta’ Ottubru 1997. Dan ikkunsidra b’mod partikolari li l-każinò ta’ Tessaloniki kien fl-istess sitwazzjoni bħall-każinò ta’ Mont Parnès, peress li t-tnejn jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-akbar żewġt ibliet tal-pajjiż.

83      Madankollu, il-fatt biss li, f’din il-kawża, il-każinò ta’ Tessaloniki talab u kiseb l-applikazzjoni tat-taxxa fuq l-ammissjoni mnaqqsa fuq il-bażi tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 2687/1953 ma jipprekludix ir-raġunament li, skont dan, l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma huwiex stabbilit f’din il-kawża (punti 52 sa 68 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni li skont dan, il-vantaġġ inkwistjoni jkun rikonoxxut mid-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati stess, għandu jiġi miċħud.

84      L-argumenti tal-Kummissjoni għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

85      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx li l-miżura inkwistjoni tagħti vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE lill-każinojiet li għalihom tapplika taxxa fuq l-ammissjoni ta’ EUR 6.

86      B’hekk, għandha tintlaqa’ l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ vantaġġ mogħti permezz tal-miżura inkwistjoni.

87      Fl-aħħar lok, f’dak li jirrigwarda l-eventwali nuqqas ta’ ħlas tat-taxxi fuq l-ammissjoni (80 % ta’ EUR 6, jiġifieri EUR 4.80) mill-każinò ta’ Korfù u l-każinò ta’ Mont Parnès għall-perijodu mill-21 ta’ Ottubru 1999 sal-aħħar tas-sena 2000, li għalih jirreferu l-premessi 85 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ħadet l-ebda pożizzjoni definittiva fir-rigward tar-realtà ta’ nuqqas ta’ ħlas, u b’hekk tħalli f’idejn l-awtoritajiet Griegi sabiex jikkonfermaw jew li jinnegaw dan tal-aħħar fil-kuntest ta’ irkupru previst minn din id-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-Kummissjoni ma eżaminatx, fl-imsemmija deċiżjoni, jekk u b’liema mod tali nuqqas ta’ ħlas, ikkunsidrat waħdu, jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 107(1) TFUE, jirriżulta li, flimkien ma tlaqqigħ tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fl-intier tagħha.

88      Skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), b’hekk hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiddeċiedi fuq il-partijiet l-oħra tal-ewwel motiv, u lanqas fuq il-motivi l-oħra.

89      B’hekk jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

91      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika Ellenika.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/716/UE, tal-24 ta’ Mejju 2011, dwar Għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Greċja lil ċerti każinojiet Griegi (Il-miżura ta’ Għajnuna mill-Istat C 16/10 (ex NN 22/10, ex CP 318/09)) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tar-Repubblika Ellenika.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Settembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.