Language of document : ECLI:EU:T:2024:291

(Kawża T-757/22)

Puma SE

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tat8 ta’ Mejju 2024

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta żarbun – Disinni Komunitarji preċedenti – Raġunijiet għal invalidità – Karattru individwali – Artikolu 25(1)(b) u Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

1.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Evalwazzjoni globali tal-elementi kollha ppreżentati mid-disinni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi biss protetti mid-disinn ikkontestat

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 6(1) u 25(1 )(b))

(ara l-punti 28 sa 31, 37)

2.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Żvelar lill-pubbliku li jwassal għall-iżvelar tal-elementi kollha tad-disinn – Kundizzjonijiet ta’ protezzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 7(1) u 25(1(b))

(ara l-punt 49)

Sunt

Adita b’rikors, li hija tiċħad, il-Qorti Ġenerali indirizzat, għall-ewwel darba, il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi ta’ rinunzja, jiġifieri, l-elementi li ma humiex is-suġġett ta’ protezzjoni tad-disinn preċedenti li, f’dan il-każ, kienu jidhru fil-forma ta’ linji bit-tikek, waqt paragun imwettaq fil-kuntest ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-assenza ta’ karattru individwali. Hija ddefinixxiet għalhekk ir-ratio legis tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq din ir-raġuni u l-limiti tal-protezzjoni ta’ disinn preċedenti.

Road Star Group talbet, quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), ir-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju li jirrappreżenta żarbuna. Puma SE, ir-rikorrenti, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ibbażata fuq l-assenza ta’ karattru individwali (1) fir-rigward ta’ seba’ disinni preċedenti. Madankollu, din it-talba ġiet miċħuda mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni minħabba li d-disinn ikkontestat kellu dan il-karattru individwali. Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-paragun tal-impressjoni globali prodotta minn disinni kunfliġġenti kellu, minn naħa, jitwettaq fid-dawl tad-dehra kollha ta’ kull wieħed minnhom u, min-naħa l-oħra, kellu jieħu bħala bażi l-karatteristiċi żvelati tad-disinn ikkontestat u jirrigwarda biss dawk li huma protetti minn dan tal-aħħar. Il-fatt li d-disinn preċedenti jiżvela elementi addizzjonali li kienu jidhru li ma kinux preżenti fid-disinn ikkontestat kien irrilevanti għall-paragun tad-disinni inkwistjoni. Għaldaqstant, kellu jiġi ddeterminat liema kienu l-elementi effettivament protetti mid-disinn ikkontestat.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, sabiex jiġu pparagunati d-disinni kunfliġġenti f’dan il-każ, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha effettivament protetti mid-disinn ikkontestat, li jirrappreżenta żarbuna sħiħa komposta kemm minn suletta kif ukoll minn virga ta’ żarbun, u li ma kellhiex sempliċement tqabbel biss id-dehra tas-suletta, li hija l-unika parti protetta mid-disinn preċedenti. Fil-fatt, l-eżami tar-raġuni għal invalidità kkostitwita mill-assenza ta’ karattru individwali ma jagħmilx parti minn loġika ta’ protezzjoni ta’ dritt preċedenti, iżda jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk id-disinn ikkontestat kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni (2). Issa, it-teħid bħala bażi tal-karatteristiċi protetti tad-disinn preċedenti, minflok dawk tad-disinn ikkontestat, wassal sabiex jiġi eskluż mill-paragun tal-elementi tad-disinn ikkontestat li huma protetti u, konsegwentement, li ma jiġix ivverifikat jekk dan id-disinn kienx jissodisfa, fl-intier tiegħu, il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni.

Barra minn hekk, għalkemm ma kienx eskluż li, waqt il-paragun ta’ disinni, l-impressjoni globali prodotta minn kull wieħed minnhom setgħet tkun iddominata minn ċerti karatteristiċi tal-prodotti jew tal-partijiet tal-prodotti kkonċernati, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, ma kienx hemm raġuni li jitqies li, minn perspettiva purament viżiva, is-suletta kienet tikkostitwixxi għall-utent avżat karatteristika li tkun predominanti meta mqabbla mal-bqija taż-żarbun u, għaldaqstant, li l-impressjoni globali bejn id-disinni inkwistjoni tkun iddominata minnu.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk id-dehra tal-virga ta’ żarbun tad-disinni preċedenti setgħetx ukoll tittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti, minkejja l-fatt li dawn ma kinux karatteristiċi li għalihom intalbet protezzjoni. Hija nnotat, f’dan ir-rigward, li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk kinitx teżisti differenza ċara bejn l-impressjoni globali li jipproduċi fuq utent informat u dik prodotta fuqu mill-patrimonju tad-disinni. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq din ir-raġuni, id-disinn preċedenti għandu biss il-funzjoni li jiżvela l-istat tal-arti preċedenti, li kienet tikkorrispondi għall-patrimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkonċernat. Issa, l-appartenenza ta’ disinn preċedenti għall-imsemmi patrimonju tirriżulta biss mill-iżvelar tiegħu. Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk elementi ta’ disinn preċedenti jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, ma kienx hemm lok li wieħed jiffoka fuq l-oġġett tal-protezzjoni ta’ dan id-disinn, iżda biss fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi jkunux ġew żvelati(3). Barra minn hekk, sabiex l-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn iwassal għall-iżvelar tal-elementi kollha tiegħu, huwa indispensabbli li dawn jidhru b’mod ċar u preċiż waqt dan l-iżvelar.

Konsegwentement, peress li, f’dan il-każ, l-elementi mhux mitluba tad-disinni preċedenti kienu ġew żvelati u jidhru b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jipperċepixxu d-dehra ta’ virga ta’ żarbun u tad-diversi partijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dawn l-elementi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.


1      Fis-sens tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27 p. 142).


2      Previsti fl-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002.


3      Fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament 6/2002.